Language of document : ECLI:EU:C:2019:290

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ affiljazzjoni lil fond ta’ previdenza professjonali responsabbli għall-ġestjoni ta’ kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà professjonali – Konklużjoni li teħtieġ il-kunsens tal-persunal jew tar-rappreżentanza tiegħu – Direttiva 2014/24/UE – Artikoli 49 u 56 TFUE – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ trasparenza”

Fil-Kawża C‑699/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura mressqa minn

Allianz Vorsorgekasse AG,

fil-preżenza ta’:

Bundestheater-Holding GmbH,

Burgtheater GmbH,

Wiener Staatsoper GmbH,

Volksoper Wien GmbH,

ART for ART Theaterservice GmbH,

fair-finance Vorsorgekasse AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Preident tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Allianz Vorsorgekasse AG, minn P. Pallitsch, Rechtsanwalt,

–        għal Bundestheater-Holding GmbH, Burgtheater GmbH, Wiener Staatsoper GmbH, Volksoper Wien GmbH, ART for ART Theaterservice GmbH, minn M. Oder, Rechtsanwalt,

–        għal fair-finance Vorsorgekasse AG, minn S. Heid, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u K. Petersen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendat permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170 tal‑24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll tal-obbligu ta’ trasparenza.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Allianz AG (iktar ’il quddiem “Allianz”) dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni bejn, minn naħa, Bundestheater-Holding GmbH, Burgtheater GmbH, Wiener Staatsoper Volksoper GmbH, Volksoper Wien GmbH, ART for ART Theaterservice GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji inkwistjoni”) u, min-naħa l-oħra, fair-finance Vorsorgekasse AG (iktar ’il quddiem “fair-finance”) ta’ ftehimiet dwar it-tmexxija u l-investiment ta’ kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta’ allowances tat-tluq imħallsa lill-impjegati ta’ dawn il-kumpanniji inkwistjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24 tipprevedi:

“L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.”

4        Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) u (5) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

5.      ‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti [kuntratti] li l-valur stmat tagħhom eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikun mhux inqas mil-limiti minimi li ġejjin:

[...]

(c)      EUR 209 000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u ta’ servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn tali awtoritajiet; dak il-limitu stabbiliti għandu japplika wkoll għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti mogħtija minn awtoritajiet tal-gvern ċentrali li joperaw fil-qasam tad-difiża, fejn dawk il-kuntratti jinvolvu prodotti mhux koperti mill-Anness III;

[...]”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Metodi ta’ kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist”, jipprevedi:

“1.      Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr il-VAT, kif stmat mill-awtorità kontraenti, inkluż kull forma ta’ għażla u kull tiġdid tal-kuntratti kif stipulat b’mod espliċitu fid-dokumenti ta’ akkwist.

Meta l-awtorità kontraenti tipprovdi għal għotji jew pagamenti lil kandidati jew offerenti, għandha tqis dan meta tikkalkula l-valur stmat tal-akkwist.

[...]

13.      Rigward kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, il-valur li jrid jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt, fejn xieraq, għandu jkun kif ġej:

(a)      servizzi ta’ assigurazzjoni: il-primjum pagabbli, u forom oħra ta’ remunerazzjoni;

(b)      servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn: il-miżati, il-kummissjonijiet pagabbli, l-imgħax u forom oħra ta’ remunerazzjoni;

[...]

14.      Rigward kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li ma jindikawx prezz totali, il-valur li jrid jintuża bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun kif ġej:

(a)      fil-każ ta’ kuntratti li għandhom perijodu determinat, sakemm dan huwa ugwali jew inqas minn 48 xahar: il-valur totali għat-terminu sħiħ tagħhom;

(b)      fil-każ ta’ kuntratti mingħajr skont fiss jew bi skont aktar minn 48 xahar: il-valur ta’ kull xahar immultiplikat bi 48.”

7        L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

[...]

(g)      kuntratti ta’ impieg;

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

8        L-Artikolu 1 tal-Bundesvergabegesetz 2006 (il-Liġi Federali tal-2006 dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) (BGBl. I, 17/2006, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 7/2016 (iktar ’il quddiem il-“BVergG 2006”), jipprevedi:

“1.      Din il-liġi federali tirregola b’mod partikolari

il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti fis-settur pubbliku (proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi), jiġifieri l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi kif ukoll l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi minn awtoritajiet kontraenti, il-kompetizzjonijiet organizzati mill-awtoritajiet kontraenti, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet ma’ terzi mill-konċessjonarji ta’ xogħlijiet li ma humiex awtoritajiet kontraenti u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet u [...] ta’ servizzi li ma humiex mogħtija minn awtoritajiet kontraenti, iżda li huma ssussidjati minn dawn (parti 2),

[...]”

9        L-Artikolu 10 BVergG 2006, dwar il-proċeduri tal-għoti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, jistipula li:

“Din il-liġi federali ma tapplikax:

[...]

12.      għall-kuntratti ta’ impjieg;

[...]”

10      L-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi, dwar il-valuri limiti, jipprevedi:

“(1).      Fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-proċeduri għal kuntratturi jsiru 'il fuq mil-limitu meta l-valur stmat tal-kuntratt

[...]

2.      jitla’ għal EUR 209 000 għall-kuntratti l-oħra kollha ta’ provvisti u ta’ servizzi;

[...]”

11      Il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt f’kuntratti ta’ servizzi huwa ppreċiżat fl-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi kif ġej:

“1.      Fil-kuntratti dwar is-servizzi li ġejjin, inklużi:

1.      servizzi ta’ assigurazzjoni: il-primjum pagabbli u l-forom l-oħra ta’ remunerazzjoni;

2.      servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn: il-miżati, il-kummissjonijiet pagabbli, l-interessi u forom oħra ta’ remunerazzjoni analogi;

[...]

2.      Fil-kuntratti ta’ servizzi li ma jindikaw l-ebda prezz globali, bħala valur stmat tal-kuntratt jitqies:

[...]

2.      Kuntratti għal tul indeterminat jew iktar minn tmienja u erbgħin xahar, 48 darba r-remunerazzjoni mensili pagabbli.

[...]”

12      L-Artikolu 3 tal-betriebliches Mitarbeiter- und Selbstständigenvorsorgegesetz (il-Liġi dwar l-Iskema ta’ Previdenza Applikabbli għall-Impjegati u Għal Dawk li Jaħdmu għal Rashom) (BGBl. I, 100/2002), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 34/2005 (iktar ’il quddiem il-“BMSVG”), jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-Liġi Federali, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3.      Id-drittijiet akkwistati għall-allowance tat-tluq: id-drittijiet ta’ benefiċjarju mmexxi minn fond; dawn huma magħmulin minn

–        kontribuzzjonijiet ta’ allowances tat-tluq imħallsa lil dan il-fond wara li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi jew għall-inqas id-drittijiet akkwistati għall-allowance tat-tluq għax-xjuħija ttrasferiti lil dan il-fond wara li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi miżmuma, li għandhom jiżdiedu;

–        interessi moratorji li eventwalment tħallsu lill-fond għal kontribuzzjonijiet ta’ allowance tat-tluq jew għal drittijiet għal allowance tat-tluq għax-xjuħija; li għandhom jiżdiedu;

–        għall-inqas drittijiet akkwistati għal allowance tat-tluq eventwalment ittrasferiti lil dan il-fond minn fond ieħor, li għandhom jiżdiedu;

–        dħul ta’ investiment miksub.

[...]”

13      L-Artikolu 9(1) u (2) tal-BMSVG:

“1.      L-għażla tal-fond għandha ssir fit-terminu minn ftehim ta’ impriża skont il-punt 1b tal-Artikolu 97(1) tal-Arbeitsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Impjieg) [...]

2.      Għall-ħaddiema li ma humiex irrappreżentati minn kumitat ta’ impriża, il-persuna li timpjega għandha tagħżel, fi żmien utli, il-fond ta’ previdenza professjonali, sakemm il-persuna li timpjega ma tkunx diġà ġiet obbligata tagħżel fond ta’ previdenza professjonali konformement mal-Artikolu 53(1) jew ma tkunx diġà għażlet fond ta’ previdenza professjonali konformement mal-Artikolu 65(1) u kkonkludiet ftehim ta’ affiljazzjoni. L-impjegati kollha għandhom ikunu informati bil-miktub fi żmien ġimgħa bl-għażla prevista mill-fond ta’ previdenza professjonali. Jekk mill-inqas terz tal-impjegati jopponu bil-miktub l-għażla prevista f’terminu ta’ ġimagħtejn, il-persuna li timpjega għandha tipproponi fond ieħor ta’ previdenza professjonali. [...]”

14      L-Artikolu 11 tal-BMSVG jipprevedi li l-ftehim ta’ affiljazzjoni għandu jiġi konkluż bejn il-fond ta’ previdenza professjonali u l-persuna li timpjega li taffilja ruħha miegħu.

15      L-Artikolu 18 tal-BMSVG jiddefinixxi l-fond ta’ previdenza professjonali bħala dak li għandu s-setgħa li jiġbor il-kontribuzzjonijiet ta’ allowance tat-tluq u kontribuzzjonijiet ta’ previdenza ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li l-kontribuzzjonijiet ta’ allowances tat-tluq imħallsa lil dan il-fond għandhom ikunu l-proprjetà ta’ dan tal-aħħar li jżommhom u jmexxihom fuq bażi fiduċjarja għall-benefiċjarji.

16      L-Artikolu 26 tal-BMSVG, intitolat “Spejjeż amministrattivi”, jipprevedi:

“1.      Il-fondi huma awtorizzati li jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-kontribuzzjonijiet ta’ allowances għat-tluq miġbura. Dawn l-ispejjeż amministrattivi għandhom ikunu ffissati għall-dawk kollha li jagħmlu kontribuzzjonijiet lil fond b’rata ta’ bejn 1 u 3.5 % tal-kontribuzzjonijiet ta’ allowance tat-tluq.

[...]

3.      Għall-investiment ta’ assi kkostitwiti rigward l-allowance tat-tluq, il-fondi huma awtorizzati

[...]

2.      li jżommu fuq ir-redditi mill-investimenti kumpens għat-tmexxija tal-assi li ma jistax jaqbeż għal sena finanzjarja 1 % u mill‑1 ta’ Jannar 2005 0.8 % għal kull sena finanzjarja tal-assi kkostitwiti rigward l-allowance tat-tluq [...]”

17      L-Artikolu 27 tal-BMSVG jorganizza proċedura ta’ ħatra ta’ fond meta l-persuna li timpjega ma tkunx għandha kkonkludiet ftehim ta’ affiljazzjoni ma’ fond, f’terminu ta’ mhux iktar minn sitt xhur li jibda jgħodd mill-bidu tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-ħaddiem li għalih il-persuna li timpjega għandha tħallas għall-ewwel darba kontribuzzjonijiet. Huwa f’idejn il-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard kompetenti li jobbliga lill-persuna li timpjega jagħżel fond f’terminu ta’ tliet xhur, u fin-nuqqas ta’ dan il-persuna li timpjega ser jinħatar għaliha fond.

18      L-Artikolu 29 tal-Arbeitsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tal-Impjieg) (BGBl. 22/1974), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 71/2013, jiddefinixxi l-ftehim ta’ impriża kif ġej:

“Il-ftehimiet ta’ impriża huma ftehimiet bil-miktub konklużi mis-sid tal-impriża, minn naħa, u l-kumitat ta’ impriża, min-naħa l-oħra, f’materji fejn liġi jew ftehim kollettiv irriżerva l l-mod kif jiġu rregolati għal ftehim ta’ impriża.”

19      L-Artikolu 97 tal-Liġi dwar ir-Relazzjonijiet tal-Impjieg, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 71/2013, jipprevedi li l-ftehimiet ta’ impriża msemmija fl-Artikolu 29 ta’ din il-liġi jistgħu jiġu konklużi għall-għażla tal-fond ta’ previdenza tal-persunal.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20      Bħala persuni li jimpjegaw, il-kumpanniji inkwistjoni huma obbligati jittrasferixxu bis-saħħa tal-BMSVG, għall-persunal tagħhom, kontribuzzjoni ekwivalenti għal 1.53 % tar-remunerazzjoni fix-xahar lil fond ta’ previdenza ta’ impriża (iktar ’il quddiem il-“fond ta’ previdenza”) li jmexxi u jistabbilixxi l-ammonti hekk imħallsa. Għal dan il-għan, l-Artikolu 11 tal-BMSVG jirrikjedi li l-fond ta’ previdenza u l-persuna li timpjega li jaffilja għalih jiffirmaw ftehim ta’ affiljazzjoni. B’hekk fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu l-ħaddiem għandu jkun allokat minn għal dan il-fond allowance tat-tluq li jirrappreżenta essenzjalment il-kontribuzzjonijiet imħallsa flimkien mad-dħul mill-investimenti mwettqa u imnaqqsa mill-ispejjeż amministrattivi mħallsa mill-imsemmi fond.

21      Fil-fatt, bħala korrispettiv tal-attività tiegħu ta’ tmexxija u ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet miġbura, il-fond ta’ previdenza huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 26 tal-BMSVG, minn naħa, li jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi mill-imsemmija kontribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġbor kumpens ta’ tmexxija fuq id-dħul ta’ investiment miksub.

22      Sal‑2016, ftehim ta’ affiljazzjoni kien għaqqad lil kull waħda mill-kumpanniji inkwistjoni lil Allianz. Fi Frar 2016, dawn tal-aħħar kienu ppubblikaw opinjoni, fil-livell nazzjonali, waqt li ħabbru l-bidu ta’ proċedura ta’ selezzjoni bil-għan ta’ tibdil eventwali ta’ fond ta’ previdenza. Il-kuntratt, li semma’ lill-kumpanniji inkwistjoni, kien jirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni kif ukoll it-trasferiment tad-drittijiet akkwistati għal allowance tat-tluq lill-fond il-ġdid.

23      Allianz u fair-finance ippreżentaw offerta.

24      Fis‑17 ta’ Ġunju 2016, il-kumpanniji inkwistjoni ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħtu dan il-kuntratt lil fair-finance.

25      Wara t-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-imsemmi kuntratt, imressqa minn Allianz fl‑24 ta’ Ġunju 2016, il-kumpanniji inkwistjoni rtiraw din id-deċiżjoni fid‑29 ta’ Ġunju 2016 u, fit‑8 ta’ Lulju 2016, irtiraw mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku miftuħa fi Frar 2016.

26      Fl-istess ħin, kull waħda mill-kumpanniji inkwistjoni fid‑29 ta’ Ġunju 2016 ikkonkludiet ftehim ta’ affiljazzjoni ma’ fair-finance qabel ma xoljew, fit‑30 ta’ Ġunju 2016, b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2016, kull waħda mill-ftehimiet ta’ affiljazzjoni ma’ Allianz.

27      Fif‑29 ta’ Lulju 2016, Allianz ippreżentat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) rikors intiż li jikkonstata l-illegalità tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ affiljazzjoni ma’ fair-finance mill-kumpanniji inkwistjoni, mingħajr pubbliċità minn qabel u mingħajr l-iżvelar tad-deċiżjoni ta’ għoti. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Allianz sostniet li l-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni kienet suġġetta għall-BVergG 2006.

28      Fl‑14 ta’ Settembru 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ċaħdet l-imsemmi rikors.

29      Allianz ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-istess rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

30      Din il-qorti tal-aħħar tistaqsi, minn diversi aspetti, dwar l-applikabbiltà, għall-konklużjoni tal-konvenzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, jiġifieri d-Direttiva 2014/24 u r-regoli fundamentali tat-Trattat FUE.

31      Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti għandha dubji fir-rigward tal-fatt li ftehim ta’ affiljazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt id-deroga li tirrigwarda “kuntratti ta’ impjieg”, prevista fl-Artikolu 10(g) tad-Direttiva 2014/24, peress li, sabiex iwettaq is-servizz tiegħu ta’ tmexxija u ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet, il-fond ta’ previdenza ma huwiex marbut mal-persuna li tħaddem l-impjegati kkonċernati b’rabta ta’ subordinazzjoni. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li ftehim konkluż bejn persuna li timpjega u impriża ta’ assigurazzjoni, fir-rigward ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija ta’ impriża, ma jistax jiġi kopert minn din id-deroga.

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ investiment ta’ kontribuzzjonijiet relatati mal-allowances tat-tluq għandhom, għat-tliet raġunijiet segwenti, jiġu kklassifikati bħala tranżazzjonijiet bankarji u mhux bħala attivitajiet ta’ assigurazzjoni. L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi liċenzja bankarja għall-eżerċizzju ta’ attività fil-qasam tal-previdenza professjonali. It-tieni nett, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, għall-kuntrarju ta’ impriża ta’ assigurazzjoni, il-fond ta’ previdenza ma jassumi ebda riskju. It-tielet nett, is-sempliċi korrispettiv tal-persuna li timpjega jimmaterjalizzaw mill-ġbir, minn dan il-fond, tal-ispejjeż amministrattivi, il-kontribuzzjonijiet imħallsa kull xahar lil dan tal-aħħar mill-persuna li timpjega ma humiex korrispettiv, iżda kapital li għandu jitmexxa. Għaldaqstant, meta tittieħed bħala bażi ta’ kalkolu l-ispejjeż amministrattivi kkunsidrati mill-fond ta’ previdenza bħala remunerazzjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-valur tas-suq jammonta għal EUR 174 000 u li huwa ma jilħaqx, konsegwentement, il-limitu stabbilit għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24.

33      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, fuq il-punt dwar jekk, f’dan il-każ, hemmx lok li jiġi interpretati d-Direttiva 2014/24 jew inkella r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-Trattat. F’dan ir-rigward, billi tirreferi għas-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta (C‑298/15, EU:C:2017:266), hija tqis li jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati fil-futur diverġenzi ta’ interpretazzjoni, din id-direttiva tkun suġġetta għal interpretazzjoni uniformi. Fil-fatt, hija tirrileva li d-deskrizzjoni ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi li tinsab fil-BVergG 2006 hija uniformi għall-kuntratti kollha, kemm jekk jilħqu jew le l-limitu stabbilit, u li hija ispirata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-motivi li tinsab fl-abbozz ta’ liġi ppreżentat bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-BVergG 2006.

34      Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-limiti preskritti mid-Direttiva 2014/24 ma jintlaħqux, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jsir riferiment għall-Artikoli 49 u 56 TFUE, għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza. F’dan ir-rigward, meta tirreferi għall-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li hemm, f’dan il-każ, interess transkonfinali ċert, fid-dawl tal-ammont tal-kuntratt, tan-natura tiegħu u dak tal-attività ta’ tmexxija u ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jeħtieġx preżenza fiżika ta’ persunal.

35      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni ma’ fond ta’ previdenza tistax tiġi kklassifikata bħala “akkwist [għoti ta’ kuntratt]” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24. Sa fejn l-għażla ta’ dan il-fond għandha ssir permezz ta’ ftehim ta’ impriża konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-persunal irrappreżentat mill-kumitat tax-xogħol, dan tal-aħħar jista’ jirrifjuta li jikkonkludi l-ftehim previst mill-persuna li timpjega fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità kontraenti. Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-persuna li timpjega u l-kumitat tal-impriża, l-għażla tal-fond ta’ previdenza fl-aħħar mill-aħħar issir minn korp ta’ konċiljazzjoni ad hoc, konformement mal-Artikolu 27a tal-BMSVG.

36      Għaldaqstant, meta tirreferi għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426), il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk id-dritt tal-kuntratti pubbliċi huwiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok kemm li tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ awtorità kontraenti lill-kumitat ta’ impriża, li ma hijiex prevista la mid-dritt nazzjonali u lanqas mid-dritt tal-Unjoni, kif ukoll li jiġi aċċettat li l-persuna li timpjega hija marbuta bl-għażla tal-fond ta’ previdenza fit-tmiem il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, li jkollha bħala konsegwenza li tostakola l-istabbiliment ta’ djalogu soċjali bejn il-persuna li timpjega u l-kumitat ta’ impriża.

38      Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 [...] kif ukoll l-Artikoli 49 u 56 TFUE, u l-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza li jirriżultaw minnhom fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi, japplikaw għall-konklużjoni, bejn awtoritajiet kontraenti u fondi ta’ previdenza professjonali, ta’ ftehim dwar it-tmexxija u l-investiment ta’ kontribuzzjonijiet ta’ natura remuneratorja, meta l-konklużjoni tal-ftehim u, għalhekk, l-għażla tal-fond ta’ previdenza, teħtieġ il-kunsens tal-persunal jew tar-rappreżentanza tiegħu, u b’hekk ma tistax titwettaq mill-awtorità kontraenti waħedha?”

 Fuq id-domanda preliminari

39      Peress li d-domanda magħmula tirreferi kemm għad-Direttiva 2014/24 kif ukoll għar-regoli fundamentali li joħorġu mit-Trattat, u sabiex tingħata risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, ir-regoli applikabbli għal ftehim ta’ affiljazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu valur stmat ta’ EUR 174 000, li huma inqas mil-limitu ta’ EUR 209 000, stabbilit fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24. Konsegwentement, din id-direttiva ma hijiex applikabbli għal dan il-kuntratt (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra madankollu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula u li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva hija ġġustifikata minħabba li, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi ppreżentat għall-adozzjoni tal-BVergG 2006, din il-liġi tiddeskrivi b’mod uniformi l-kuntratti kollha, li l-valur tagħhom ikun inqas jew ogħla mil-limiti, u hija ispirata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24.

42      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk adottati minn dan l-att, huwa ċertament fl-interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet riprodotti ta’ dan l-att għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’hekk, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dan madankollu ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

45      Fil-fatt, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dispożizzjoni tal-BVergG 2006 tirrendi lid-Direttiva 2014/24 applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat għall-kuntratti pubbliċi li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limitu rilevanti previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

46      Għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi ippreżentat għall-adozzjoni tal-BVergG 2006 tirreferi għall-imsemmija direttiva, dan l-uniku riferiment ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita u kkaratterizzata r-rabta diretta u mingħajr kundizzjoni rikjesta.

47      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju ma kkomunikatx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jippermettu li tikkunsidra li l-leġiżlatur nazzjonali għamel riferiment dirett u inkundizzjonat għad-Direttiva 2014/24.

48      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-valur tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula fir-rigward tad-Direttiva 2014/24.

49      Madankollu, fir-rigward ta’ kuntratt li, fid-dawl tal-valur tiegħu, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, għadhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li joħroġ minnhom, sa fejn il-kuntratt inkwistjoni jkollu interess transkonfinali ċert (sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punt 36).

50      F’dan ir-rigward, kuntratt jista’ jkollu tali interess fid-dawl b’mod partikolari tal-valur tiegħu, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi, jew ukoll mal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions, C‑278/14, EU:C:2015:228, punt 20, u tad‑19 ta’ April 2018, Oftalma Hospital, C‑65/17, EU:C:2018:263, punt 40). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali interess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 25).

51      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha tiġi stabbilita, billi rreferiet, minn naħa, għall-valur sinjifikattiv tal-kuntratt, li huwa qrib il-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24, u, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ servizzi ta’ tmexxija u ta’ investiment tal-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jirrikjedu l-ebda preżenza fiżika tal-persunal jew ta’ għodod fl-Awstrija, peress li dawn is-servizzi jistgħu jitwettqu mill-bogħod.

52      Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula fid-dawl tar-regoli fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tat-Trattat, b’mod partikolari tal-Artikoli 49 u 56 tiegħu.

53      Għaldaqstant, hemm lok li wieħed jifhem id-domanda magħmula bħala li tirrigwarda, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni bejn il-persuna li timpjega, korp ta’ dritt pubbliku, u fond professjonali ta’ previdenza, għat-tmexxija u l-investiment ta’ kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta’ allowances tat-tluq imħallsa lill-impjegati minn din il-persuna li timpjega, minkejja li l-konklużjoni ta’ tali ftehim ma hijiex ibbażata biss fuq ir-rieda tal-persuna li timpjega, iżda tirrikjedi l-kunsens jew tal-persunal jew tal-kumitat ta’ impriża.

54      B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dan il-każ, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ kodeċiżjoni minn kumitat ta’ impriża, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-BMSVG jew jekk ta’ dritt ta’ oppożizzjoni minn terz tal-persunal fl-ipoteżi fejn ma hemmx kumitat ta’ impriża, konformement mal-Artikolu 9(2) ta’ din il-liġi, jistax jeskludi l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mir-regoli fundamentali li joħorġu mit-Trattat u applikabbli għall-kuntratti pubbliċi.

55      Hemm lok li jiġi rrilevat li d-dritt ta’ kodeċiżjoni li għandu l-kumitat ta’ impriża waqt l-għażla tal-fond ta’ previdenza, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-BMSVG kif ukoll id-dritt ta’ oppożizzjoni minn terz tal-persunal waqt din l-għażla, konformement mal-Artikolu 9(2) ta’ din il-liġi, jikkostitwixxu żewġ espressjonijiet tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv.

56      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura fundamentali tad-dritt ta’ negozjar kollettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma tistax, bħala tali, timplika li persuna li timpjega tevita b’mod awtomatiku l-osservanza tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi li joħorġu mit-Trattat. Fil-fatt, ma jistax jitqies bħala li huwa inerenti fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar kollettiv li jiġu ppreġudikati r-regoli fundamentali li joħorġu mit-Trattat u relatati mal-qasam tal-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑271/08, EU:C:2010:426, punti 41 u 47).

57      Minn dan isegwi li l-fatt li l-għoti ta’ kuntratt jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ma jwassalx, fih innifsu, għall-esklużjoni tiegħu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑271/08, EU:C:2010:426, punt 50).

58      Hemm lok li jiġu applikati dawn il-prinċipji fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-argument li l-kumpaniji inkwistjoni ma setgħux jieħdu d-deċiżjoni tagħhom b’mod awtonomu, peress li l-kumitati ta’ impriża għandhom dritt ta’ kodeċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tal-BMSVG u li l-persunal għandu dritt ta’ oppożizzjoni, konformement mal-Artikolu 9(2) ta’ din il-liġi, ma jistax jiddistingwi l-kawża prinċipali minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C‑271/08, EU:C:2010:426), li fiha kienet inkwistjoni skema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija. F’din l-aħħar kawża, l-awtonomija deċiżjonali tal-awtoritajiet kontraenti kienet ikkontestata peress li dawn tal-aħħar, skont il-ftehim kollettiv applikabbli, ma setgħux volontarjament jagħtu preferenza lil offerent partikolari. B’risposta għal dan l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien madankollu biżżejjed li l-persuni li jimpjegaw ikkonċernati setgħu jkollhom influwenza fuq l-għażla tal-kontraent tagħhom, għall-inqas indirettament, permezz ta’ ftehim kollettiv.

59      Issa, f’dan il-każ, mill-Artikoli 9 u 11 tal-BMSVG jirriżulta li l-ftehim ta’ affiljazzjoni huwa konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-fond ta’ previdenza, li jimplika li l-persuna li timpjega għandha tali influwenza għall-għażla ta’ dan tal-aħħar.

60      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet ta’ negozjar kollettiv stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-BMSVG ma jistax jevita lil awtorità kontraenti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-obbligu tagħha li tosservaw r-regoli fundamentali tat-Trattat jirriżultaw, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

61      Issa, l-obbligu tat-trasparenza jirrikjedi mill-awtorità kontraenti grad ta’ pubbliċità xieraq, li jippermetti, minn naħa, ftuħ għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura għall-għoti (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, UNIS u Beaudout Père et Fils, C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 39).

62      Huwa importanti b’hekk li r-regoli dwar il-proċedura ta’ għoti jkunu applikati b’mod trasparenti għall-offerenti kollha. Fil-fatt, l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa korollarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerti, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti u li tqegħidha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑36/14, EU:C:2016:72, punt 87, u tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Unibet International, C‑49/16, EU:C:2017:491, punt 46).

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 49 u 56, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni konkluż bejn persuna li timpjega, korp ta’ dritt pubbliku, u fond ta’ previdenza professjonali, għat-tmexxija u l-investiment ta’ kontribuzzjonijiet iddestinati għall-finanzjament ta’ allowances tat-tluq imħallsa lill-impjegati ta’ din il-persuna li timpjega, minkejja li l-konklużjoni ta’ tali ftehim ma tirriżultax biss mir-rieda tal-imsemmija persuna li timpjega, iżda tirrikjedi l-kunsens jew tal-persunal jew tal-kumitat ta’ impriża.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 49 u  56, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni konkluż bejn persuna li timpjega, korp ta’ dritt pubbliku, u fond ta’ previdenza professjonali, għat-tmexxija u l-investiment ta’ kontribuzzjonijiet iddestinati għall-finanzjament ta’ allowances tat-tluq imħallsa lill-impjegati ta’ din il-persuna li timpjega, minkejja li l-konklużjoni ta’ tali ftehim ma tirriżultax biss mir-rieda tal-imsemmija persuna li timpjega, iżda tirrikjedi l-kunsens jew tal-persunal jew tal-kumitat ta’ impriża.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.