Language of document : ECLI:EU:C:2018:1021

Kawża C619/18 R

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Talba għal miżuri provviżorji – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza tal-imħallfin”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑17 ta’ Diċembru 2018

1.        Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Natura kumulattiva – Ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 160(3))

2.        Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Fumus boni juris – Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali – Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u li jagħtu lill-President tal-Istat Membru s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imsemmija mħallfin – Motivi li jqajmu l-kwistjoni dwar il-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenza tiegħu ta’ organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu – Motivi li juru l-eżistenza ta’ kwistjonijiet legali kumplessi – Motivi mhux infondati prima facie

(Artikolu 19(1) TUE; Artikoli 278 u 279 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

3.        Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli – Kunċett – Riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-istanza ġudizzjarja suprema ta’ Stat Membru – Inklużjoni

(Artikoli 2 u 19(1) TUE; Artikoli 278 u 279 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

4.        Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni – Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u li jagħtu lill-President tal-Istat Membru s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imsemmija mħallfin – Riskju ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-istanza ġudizzjarja suprema ta’ Stat Membru – Interess tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-istanza ġudizzjarja suprema – Supremazija tal-interess ġenerali tal-Unjoni

(Artikolu 19(1) TUE; Artikoli 278 u 279 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

5.        Stati Membri – Obbligi – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern – Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 29)

2.      Il-kundizzjoni relattiva dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, li ma huwiex infondat. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-proċedura dwar il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti.

Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbigu intiż sabiex jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u billi tapplika din il-miżura għall-imħallfin attwali, maħtura f’din il-qorti qabel ċerta data u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tal-Istat Membru s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-motivi invokati mill-Kummissjoni jqajmu l-kwistjoni dwar il-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenza tiegħu ta’ organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, din hija kwistjoni ġuridika kumplessa, li qiegħda tiġi diskussa bejn il-partijiet u li s-soluzzjoni għaliha ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma jistax titwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), il-motivi mressqa mill-Kummissjoni, ma jidhrux, prima facie, infondati.

Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa essenzjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

(ara l-punti 30, 39 sa 42, 44)

3.      Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbigu intiż sabiex jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u billi tapplika din il-miżura għall-imħallfin attwali, maħtura f’din il-qorti qabel ċerta data u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tal-Istat Membru s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-fatt li l-indipendenza tal-Qorti Suprema ma tistax tiġi żgurata qabel ma tingħata s-sentenza finali jista’ joħloq dannu gravi lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, lid-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll lill-valuri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b’mod partikolari, dak tal-istat tad-dritt. Barra minn hekk, il-qrati supremi nazzjonali għandhom rwol essenzjali fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri li jagħmlu parti minnhom, fl-implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali, tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li kwalunkwe preġudizzju għall-indipendenza ta’ qorti suprema nazzjonali aktarx jaffettwa s-sistema ġudizzjarja sħiħa tal-Istat Membru kkonċernat.

Barra minn hekk, id-dannu gravi ċċitat iktar ’il fuq ukoll aktarx ikun irreparabbli.

Fil-fatt, minn naħa, bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, il-Qorti Suprema tagħti deċiżjonijiet, inkluż fil-kawżi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li huma vestiti bl-awtorità ta’ res judicata u li, minħabba f’hekk, aktarx iwasslu għal effetti irreversibbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Min-naħa l-oħra, minħabba l-awtorità tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema fir-rigward tal-qrati nazzjonali inferjuri, il-fatt li, f’każ ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, l-indipendenza ta’ din il-qorti jista’ jkun li ma tkunx żgurata sakemm tingħata s-sentenza finali jista’ jdgħajjef il-fiduċja tal-Istati Membri u tal-qrati tagħhom fis-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru u, konsegwentement, fl-osservanza tal-istat tad-dritt minn dan l-Istat Membru.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm riskju li jiġu kompromessi l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri, li huma ġġustifikati mill-premessa li l-Istati Membri jikkondividu sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħalma huwa l-istat tad-dritt.

It-tqegħid inkwistjoni ta’ dawn il-prinċipji jista’ jipproduċi effetti gravi u irreparabbli fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u kriminali, li huwa bbażat fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-konformità tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fil-fatt, il-fatt li l-indipendenza tal-Qorti Suprema ma tistax tiġi żgurata sakemm tingħata s-sentenza finali jista’ jwassal lill-Istati Membri sabiex jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jeżegwixxu s-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jwassal għal dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 68 sa 71, 73 sa 76)

4.      Huwa ċar li fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli. B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li għandu jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li qiegħda titlob il-miżuri provviżorji li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevalix jew le fuq l-interess li dawn jiġu applikati immedjatament. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-revoka possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors dwar il-mertu, tippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tagħhom u, bil-maqlub, f’liema punt is-sospensjoni tkun tista’ tostakola l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjonijiet f’każ li r-rikors dwar il-mertu jiġi miċħud.

Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbigu intiż sabiex jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u billi tapplika din il-miżura għall-imħallfin attwali, maħtura f’din il-qorti qabel ċerta data u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tal-Istat Membru s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-interess ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tagħha jista’ jiġi ppreġudikat b’mod gravi u irreparabbli, sakemm tingħata s-sentenza finali, jekk ma jiġux ordnati l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni u jekk jintlaqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Min-naħa l-oħra, l-interess tal-Istat Membru relatat mal-funzjonament tajjeb tal-Qorti Suprema ma għandux jiġi ppreġudikat b’dan il-mod fil-każ li jiġu miċħuda l-għoti tal-miżuri provviżorji u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li dan l-għoti kieku jkollu biss l-effett li, għal perijodu limitat, tibqa’ tapplika s-sistema legali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq.

(ara l-punti 91, 115, 116)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 108)