Language of document : ECLI:EU:C:2019:320

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

11 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikoli 2 u 58 – Kamp ta’ applikazzjoni – Utent ta’ servizzi ta’ ħlas – Kunċett – Eżekuzzjoni ta’ ordni għal debitu dirett maħruġa minn terz marbuta ma’ kont li ma huwiex taħt ismu – Assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat – Tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata”

Fil-Kawża C‑295/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2018, fil-proċedura

Mediterranean Shipping Company (Portugal) – Agentes de Navegação SA

vs

Banco Comercial Português SA,

Caixa Geral de Depósitos SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mediterranean Shipping Company (Portugal) – Agentes de Navegação SA, minn P. Neves de Sousa, advogado,

–        għal Banco Comercial Português SA, minn M. Mendes Pereira u N. Carrolo dos Santos, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u T. Larsen kif ukoll minn A. Pimenta u G. Fonseca, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 58 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mediterranean Shipping Company (Portugal) – Agentes de Navegação SA (iktar ’il quddiem “MSC”) u Banco Comercial Português SA (iktar ’il quddiem il-“Bank BCP”) rigward ir-rimbors ta’ ċerti somom iddebitati mill-kont ta’ MSC mingħajr ma hija tat il-kunsens tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2007/64 tħassret u ġiet issostitwita b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018 bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-Direttiva 2007/64.

4        Il-premessi 3, 4, 24, 31 u 35 tad-Direttiva 2007/64 kienu jgħidu:

“(3)      Bosta atti [tal-Unjoni Ewropea] diġà ġew adottati f[...]il-qasam [tas-swieq ta’ servizzi ta’ ħlas tal-Istati Membri], [...]Dawn il-miżuri għadhom mhumiex biżżejjed. Il-ko-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u qafas [tal-Unjoni] mhux komplut twassal għal konfużjoni u nuqqas ta’ ċertezza legali.

(4)      Huwa vitali, għalhekk, li jkun stabbilit fuq livell [tal-Unjoni], qafas legali modern u koerenti għas-servizzi ta’ ħlas [...] li hu newtrali sabiex jiġi żgurat livell ta’ kundizzjonijiet indaqs għas-sistemi kollha tal-ħlas, sabiex tinżamm l-għażla għall-konsumatur, li għandu jfisser pass konsiderevoli ’l quddiem rigward l-ispejjeż, is-sigurtà u l-effiċjenza għall-konsumatur, meta mqabbel mas-sistemi nazzjonali preżenti.

[...]

(24)      Fil-prattika, il-kuntratti qafas u t-transazzjonijiet ta’ ħlas koperti minnhom huma ferm aktar komuni u ekonomikament importanti minn transazzjonjiet ta’ ħlas uniku. Jekk hemm kont tal-ħlas jew strument speċifiku tal-ħlas, huwa meħtieġ kuntratt qafas. [...]

[...]

(31)      Sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas kemm jista’ jkun malajr dwar kwalunkwe kontestazzjoni li tikkonċerna transazzjonijiet ta’ ħlas allegatament mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament dment li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu taħt ta’ din id-Direttiva. [...]

[...]

(35)      Għandu jkun hemm provvediment għall-allokazzjoni ta’ telf fil-każ ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas mhux awtorizzati. [...]”

5        L-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skondhom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu s-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas:

a)      istituzzjonijiet ta’ kreditu [...]”.

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti [fl-Unjoni]. Madankollu, ħlief għall-Artikolu 73, it-Titoli III u IV għandhom japplikaw biss, fejn kemm il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, jew il-fornitur uniku ta’ servizzi tal-ħlas fit-transazzjoni ta’ ħlas, jinsabu [fl-Unjoni].

2.      It-Titoli III u IV ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-servizzi ta’ ħlas li jsiru bl-euro jew f’valuta uffiċjali ta’ Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha, jew ta’ parti mid-dispożizzjonijiet, ta’ din id-Direttiva għal l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, tad-Direttiva 2006/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1),] ħlief għal dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' dak l-Artikolu.”

7        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva kien jelenka tranżazzjonijiet u servizzi li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

8        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 kien jesponi, għall-finijiet ta’ din, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

3)      ‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness;

[...]

5)      ‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;

[...]

7)      ‘min iħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas;

8)      ‘min jitħallas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ transazzjoni ta’ ħlas;

9)      ‘fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser korpi msemmija fl-Artikolu 1(1) [...];

10)      ‘utent ta’ servizzi ta’ ħlas’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn;

[...]

14)      ‘kont tal-ħlas’ tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ ħlas li jintuża għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas;

[...]

28)      ‘debitu dirett’ tfisser servizzi ta’ ħlas biex jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas, fejn transazzjoni ta’ ħlas tkun mibdija minn min jitħallas abbażi tal-kunsens mogħti minn min iħallas lil min jitħallas, jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min jitħallas, lill-fornitur tas-serivizz tal-ħlas ta’ min iħallas;

[...]”

9        It-Titolu III ta’ din id-direttiva, li kien jinkludi l-Artikoli 30 sa 50 ta’ din, kien intitolat “Trasparenza ta’ Kundizzjonijiet u Rekwiżiti ta’ Informazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħlas”. L-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva, li kien jinsab fil-Kapitolu 3 ta’ dan it-titolu, iddedikat għall-kuntratti qafas, kien jispeċifika l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet li kellhom jiġu pprovduti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas. Fost dawn kienu jinsabu, skont il-punt 5(d) ta’ dan l-artikolu, kif u f’liema perijodu ta’ żmien dan l-utent kellu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti b’mod skorrett, skont l-Artikolu 58 tal-istess direttiva, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, skont l-Artikolu 60 ta’ din. L-Artikolu 37(2) ta’ din tal-aħħar, li kien jinsab fil-Kapitolu 2 ta’ dan l-istess titolu, dwar it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas uniċi, kien jipprevedi obbligu ta’ informazzjoni simili fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas uniċi.

10      It-Titolu IV tad-Direttiva 2007/64, li kien magħmul mill-Artikoli 51 sa 83 ta’ din, kien intitolat “Drittijiet u Obbligi fir-rigward tal-Forniment u l-Użu ta’ Servizzi ta’ Ħlas”. L-Artikolu 54 ta’ din, li kien jinsab fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu, rigward l-awtorizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, kien intitolat “Kunsens u rtirar tal-kunsens” u kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li transazzjoni ta’ ħlas tkun ikkunsidrata bħala awtorizzata biss jekk min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas. [...]

2.      Il-kunsens biex titwettaq transazzjoni ta’ ħlas jew serje ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas għandu jingħata fil-forma miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ kunsens bħal dan, transazzjoni ta’ ħlas għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux awtorizzata.”

11      Skont l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament”:

“L-utent ta’ sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta’ kwalunkwe transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni [...], u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta’ ħlas skond it-Titolu III.”

12      L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, dwar il-prova tal-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, kien jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta’ sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta’ ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta’ ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta’ ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b’mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.”

13      L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, li kien jirrigwarda r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta’ transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa’ jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata.”

14      L-anness tad-Direttiva 2007/64 kien jelenka s-servizzi ta’ ħlas li jirreferi għalihom il-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din. Il-punt 3 ta’ dan l-anness kien jgħid:

“Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, inkluż trasferiment ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor:

–        eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba;

–        [...]”

 Id-dritt Portugiż

15      Id-Direttiva 2007/64 ġiet trasposta fid-dritt Portugiż permezz tad-decreto-lei no317/2009 (id-Digriet-Liġi Nru 317/2009), tat-30 ta’ Ottubru 2009 (Diário da República, serje 1, Nru 211, tat-30 ta’ Ottubru 2009), li tapprova, fl-Anness I tagħha, is-sistema legali li tirregola l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas u għall-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas.

16      Fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, din is-sistema (iktar ’il quddiem ir-“RJSP”) kienet tistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tagħha, definizzjonijiet li kienu jirriproduċu, essenzjalment, dawk li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64. B’mod partikolari, dan l-Artikolu 2(i), (j), u (m), kien jieħu d-definizzjonijiet mogħtija fil-punti 7, 8 u 10 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 69 tar-RJSP kien jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 58 ta’ din.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      MSC għandha taħt isimha kont bankarju ta’ depożitu mal-lejl mal-bank BCP. Wara awditu mwettaq tul is-sena 2014, din il-kumpannija skopriet li dan il-kont kien ġie regolarment iddebitat permezz ta’ debiti diretti eżegwiti minnu favur terz (iktar ’il quddiem il-“prinċipal”) li miegħu hija ma kellha l-ebda relazzjoni u mingħajr ma kienet tat awtorizzazzjoni għal dan il-għan lill-bank BCP.

18      B’ittra tas-17 ta’ Novembru 2014, MSC talbet lill-bank BCP jannulla dawn id-debiti diretti, iħallasha lura l-ammonti ddebitati u jibgħatilha kopja tad-dokumenti li kienu awtorizzaw l-imsemmija debiti diretti. Wara skambji bejn dawn iż-żewġ entitajiet, dan il-bank wettaq l-annullament mitlub u ħallas lura s-somma ta’ EUR 683.48, li tikkorrispondi għad-debiti diretti magħmula fix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2014.

19      Matul dawn l-iskambji, kopja tal-awtorizzazzjoni ta’ ħlas relatata mad-debiti diretti inkwistjoni nkisbet mingħand Caixa Geral de Depósitos SA, il-bank li fih huwa miżmum il-kont li favurih kienu ġew eżegwiti dawn id-debiti diretti (iktar ’il quddiem il-“bank tal-prinċipal”). Il-bank BCP seta’ għalhekk jikkonstata li din l-awtorizzazzjoni kienet inħarġet mhux mill-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat, MSC, iżda minn dan il-prinċipal, kumpannija terza, għal ħlas favur dan tal-aħħar permezz ta’ debiti diretti minn kont, b’dan il-fatt li l-imsemmija awtorizzazzjoni ġabet fid-dawl l-eżistenza ta’ diverġenza bejn in-numru tal-kont indikat u n-numru ta’ identifikazzjoni bankarja, li kien dak ta’ MSC mal-bank BCP.

20      Fl-10 ta’ Diċembru 2014, MSC indirizzat ruħha mill-ġdid lill-bank BCP, filwaqt li rrepetiet li l-kont tagħha kien is-suġġett ta’ debiti diretti indebiti. B’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2014, dan il-bank ikkonferma l-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni min-naħa ta’ MSC, jew mill-inqas l-irregolarità tagħha, u l-fatt li MSC kienet, għaldaqstant, intitolata li tikseb il-ħlas lura tad-debiti diretti eżegwiti sal-limitu legali ta’ tlettax-il xahar previst fl-Artikolu 69 tar-RJSP, jiġifieri l-ammont li jikkorrispondi għad-debiti diretti magħmula mix-xahar ta’ Ottubru 2013 sax-xahar ta’ Diċembru 2014. L-imsemmi bank għaldaqstant ordna l-ħlas lura tiegħu.

21      Sussegwentement, MSC ikkonstatat li, bejn ix-xahar ta’ Mejju 2010 u x-xahar ta’ Settembru 2013, kienu saru debiti diretti mill-kont tagħha abbażi tal-istess awtorizzazzjoni kontenzjuża għal ammont totali ta’ EUR 8 226.03 (iktar ’il quddiem id-“debiti diretti kontenzjużi”). B’ittra tat-3 ta’ Awwissu 2016, hija talbet lill-bank BCP iħallasha lura wkoll din is-somma, u dan tal-aħħar irrifjuta li jagħmel dan.

22      MSC għalhekk adixxiet lit-Tribunal Judicial da Comarca do Porto (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto, il-Portugall) b’rikors intiż sabiex il-bank BCP jiġi kkundannat iħallasha lura l-ammont li jikkorrispondi għal dawn id-debiti diretti. Peress li dan ir-rikors – fil-kuntest ta’ liema l-bank BCP ressaq proċeduri kontra l-prinċipal sabiex jiżgura ruħu l-possibbiltà li jressaq azzjoni ta’ rkupru – ġie miċħud bħala infondat, MSC appella quddiem it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto), il-qorti tar-rinviju.

23      Quddiem din tal-aħħar, MSC issostni b’mod partikolari li t-Tribunal Judicial da Comarca do Porto (il-Qorti Distrettwali ta’ Porto) għamlet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 2(i), (j) u (m), u tal-Artikolu 69 tar-RJSP, peress li hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala “utent ta’ servizz ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas ma tista’ titqies bħala tali. Imbagħad, il-limitu ta’ żmien previst f’dan l-Artikolu 69 ma japplikax. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li qatt ma kkonkludiet kwalunkwe kuntratt mal-bank BCP, jew tatu xi tip ta’ ordni, intiża sabiex jiġi awtorizzat debitu dirett awtomatiku mill-kont tagħha ta’ ammonti li jikkorrispondu għall-fatturi maħruġa mill-prinċipal. Il-bank BCP talab li l-appell jiġi miċħud.

24      Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa stabbilit li l-bank BCP bagħat kull tant żmien lil MSC l-estratti tal-kont tagħha. Din il-qorti tosserva, barra minn hekk, li, peress li MSC hija l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont bankarju mal-bank BCP, relazzjoni kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ partijiet, li għandha titqies bħala l-kuntratt qafas bankarju, ġiet stabbilita bil-ftuħ ta’ dan il-kont. Hija żżid li MSC madankollu ma kkonkludiet l-ebda kuntratt ma’ dan il-bank sabiex tawtorizza debitu dirett awtomatiku mill-kont tagħha ta’ ammonti relatati ma’ fatturi maħruġa mill-prinċipal.

25      Filwaqt li tirreferi għad-diversi definizzjonijiet li jinsabu fir-RJSP, il-qorti tar-rinviju tqis li l-użu ta’ servizz ta’ ħlas permezz ta’ kont ta’ ħlas jippreżupponi l-konklużjoni minn qabel ta’ kuntratt qafas jew, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas unika, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz ta’ ħlas uniku. Hija tqis, f’dan il-każ, li, fid-dawl tat-tranżazzjonijiet suċċessivi li saru, it-twettiq tagħhom kien jiddependi neċessarjament fuq il-konklużjoni ta’ kuntratt qafas bejn MSC u l-bank BCP u li, sabiex il-bank BCP ikun jista’ jinvoka r-RJSP, huwa kellu jġib il-prova tal-konklużjoni ta’ dan, li huwa ma għamilx. Din il-qorti tosserva madankollu li r-RJSP tirregola wkoll l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, billi toffri lill-utent tas-servizz ta’ ħlas protezzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 69 ta’ din.

26      Filwaqt li tosserva li t-tilwima mressqa quddiemha tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti minn istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2007/64, hija tqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din jinkludix ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni quddiemha u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk MSC tistax titqies bħala “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Relação do Porto (il-Qorti tal-Appell ta’ Porto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2007/64] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva ddefinit f’dan l-artikolu hija inkluża l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas ta’ debitu dirett maħruġa minn terza persuna fir-rigward ta’ kont li ma huwiex f’isimha u fejn il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont ma kkonkludietx mal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kuntratt ta’ servizz ta’ ħlas kwalunkwe permezz ta’ att iżolat jew kuntratt qafas ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv u fl-istess kuntest, l-imsemmija persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont għandha titqies li hija utent tas-servizzi ta’ ħlas għall-finijiet tal-Artikolu 58 tal-istess direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, li hija wkoll rilevanti għall-analiżi tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal sitwazzjoni li fiha ordni ta’ debitu dirett maħruġa minn terz ġiet eżegwita minn kont “fejn il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont ma kkonkludietx mal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata kuntratt ta’ servizz ta’ ħlas kwalunkwe [għal] att iżolat jew kuntratt qafas ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas”.

29      Madankollu, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jirriżulta li MSC, il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont ikkonċernata fil-kawża prinċipali, għandha kont bankarju ta’ depożitu mal-lejl, u, għaldaqstant, kont ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, mal-bank BCP. Kif tosserva l-qorti tar-rinviju u kif jirriżulta mill-premessa 24 ta’ din id-direttiva, l-eżistenza ta’ tali kont timplika li kuntratt qafas, bħal dawk li hemm riferiment għalihom fit-Titolu III, Kapitolu 3, tal-imsemmija direttiva, ġie konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet. Min-naħa l-oħra, din il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont tikkontesta l-possibbiltà li tiġi invokata kontriha d-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva għar-raġuni mhux tal-assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali bejnha u dan il-bank, iżda minħabba n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tad-debiti diretti kontenzjużi, kemm jekk dan huwa skont tali kuntratt qafas jew fil-kwalità ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas uniċi, bħal dawk imsemmija fit-Titolu III, Kapitolu 2, tal-imsemmija direttiva.

30      Meta tirreferi għall-assenza ta’ kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali bejn MSC u l-bank BCP, il-qorti tar-rinviju għandha biss l-intenzjoni li tindika li d-debiti diretti kontenzjużi ma ġewx awtorizzati minn MSC ma’ dan il-bank.

31      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li MSC lanqas ma awtorizzat dawn id-debiti diretti b’wieħed mill-modi l-oħra previsti mill-punt 28 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 u li l-prinċipal kien ukoll il-benefiċjarju ta’ dawn id-debiti diretti, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

32      Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali huma inkwistjoni debiti diretti mibdija minn min jitħallas, li ġew eżegwiti mill-kont ta’ ħlas li ma huwiex taħt l-isem ta’ din il-persuna li titħallas u mingħajr ma l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat dan il-kont tat il-kunsens tagħha għalih bi kwalunkwe mod.

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula.

 Fuq l-ewwel domanda

34      Minkejja li, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2007/64, rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jirriżulta madankollu mid-deċiżjoni tar-rinviju li waħda biss mill-kundizzjonijiet li jiddeterminaw dan il-kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri dik li tinsab fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li tgħid li l-imsemmija direttiva hija applikabbli għas-“servizzi ta’ ħlas” ipprovduti fi ħdan l-Unjoni, hija kontenzjuża fil-kawża prinċipali.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari esposti fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont ta’ ħlas li ma huwiex irreġistrat taħt ismu u għal liema l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat b’dan il-mod ma tatx il-kunsens tagħha.

36      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, ING‑DiBa Direktbank Austria, C‑191/17, EU:C:2018:809, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għall-finijiet tad-Direttiva 2007/64, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas” huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din bħala “kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness”. Dan l-anness jispeċifika, fil-punt 3 tiegħu, li taqa’ taħt dan il-kunċett l-eżekuzzjoni ta’ “tranżazzjonijiet ta’ ħlas”, li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, huma atti, mibdija minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas. Dawn it-tranżazzjonijiet jinkludu, skont l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-imsemmi anness, l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inklużi debiti diretti awtorizzati ta’ darba. Id-“debitu dirett” huwa ddefinit fil-punt 28 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva bħala li jikkonsisti, essenzjalment, f’“servizzi ta’ ħlas biex jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas, fejn transazzjoni ta’ ħlas tkun mibdija minn min jitħallas abbażi tal-kunsens mogħti minn min iħallas” u l-kunċett ta’ “min iħallas” huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 bħala li jirreferi, b’mod partikolari, għall-“persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas”.

38      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont li ma huwiex irreġistrat taħt ismu taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas” li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe obbligu sottostanti bejn min iħallas u min jitħallas, meta min iħallas, li taħt ismu huwa rreġistrat il-kont ta’ ħlas iddebitat b’dan il-mod, ikun ta l-kunsens tiegħu għal dawn id-debiti diretti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux, minnhom infushom, fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan is-sens, li jiġi stabbilit b’mod inekwivoku jekk l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont li ma huwiex irreġistrat taħt ismu taqax ukoll taħt dan il-kunċett meta l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal dawn id-debiti diretti.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jsir riferiment għall-kuntest li fih jinsab dan il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas” kif ukoll għall-għanijiet li l-imsemmija direttiva ssegwi.

40      Fir-rigward tal-kuntest, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti minn kont ta’ ħlas fl-assenza ta’ kunsens tal-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat dan il-kont ma tinsabx fost it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64 huma intiżi sabiex jirregolaw “tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati” li, skont l-Artikolu 54(1) u (2) ta’ din, tirreferi għal tranżazzjonijiet eżegwiti fl-assenza ta’ kunsens ta’ min iħallas. Dan jgħodd għall-Artikolu 42(5)(d) ta’ din id-direttiva, li jispeċifika li fost l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas fil-konklużjoni ta’ kuntratt qafas jinsabu kif u f’liema perijodu ta’ żmien dan l-utent għandu jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti b’mod skorrett, kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-qasam ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, u obbligu ta’ informazzjoni simili huwa, barra minn hekk, impost permezz tal-Artikolu 37(2) tal-imsemmija direttiva għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas uniċi.

42      Bl-istess mod, qabel kollox, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 jirrigwarda n-notifika tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti b’mod skorrett. Sussegwentement, l-Artikolu 59 ta’ din jirrigwarda, essenzjalment, it-tqassim tal-oneru tal-prova meta utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiċħad li jkun awtorizza tranżazzjoni ta’ ħlas li ġiet eżegwita. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 60 u 61 ta’ din id-direttiva jirrigwardaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll ta’ min iħallas fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.

43      Jekk l-assenza ta’ kunsens tal-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont ta’ ħlas iddebitat għall-eżekuzzjoni ta’ debitu dirett minn dan il-kont kienet tippermetti li tali tranżazzjoni ta’ ħlas tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas”, li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64, u, konsegwentement, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din, dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn huma jirrigwardaw tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, jisfaw mingħajr sens u mingħajr effettività.

44      Għalhekk mill-kuntest li fih jinsab dan il-kunċett jirriżulta li huwa għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont li ma huwiex irreġistat taħt ismu, anki meta l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat b’dan il-mod ma tkunx tat il-kunsens tagħha.

45      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2007/64. B’dan il-mod, il-premessi 3 u 4 ta’ din jgħidu, essenzjalment, li l-koeżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u n-natura inkompleta tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tas-swieq ta’ servizzi ta’ ħlas tal-Istati Membri huma sors ta’ konfużjoni u ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali, raġunijiet għalfejn huwa importanti li jiġi stabbilit, fuq il-livell tal-Unjoni, kuntest ġuridiku modern u koerenti għas-servizzi ta’ ħlas, li jkun newtrali b’mod li jiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għas-sistemi kollha ta’ ħlas, sabiex tinżamm l-għażla offruta lill-konsumatur, li għandu jirrappreżenta progress sinjifikattiv f’termini ta’ sigurtà u ta’ effikaċja meta mqabbla mas-sistemi eżistenti fuq il-livell nazzjonali.

46      F’dan is-sens, il-premessa 31 ta’ din id-direttiva tindika, essenzjalment, li, sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti b’mod skorrett, l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinnotifika mill-iktar fis possibbli lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bi kwalunkwe kontestazzjoni li tirrigwarda tali tranżazzjonijiet u l-premessa 35 ta’ din tispeċifika wkoll li għandu jiġi previst it-tqassim tar-riskji fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.

47      Kieku t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, bħad-debiti diretti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64, mhux biss parti minn dawn il-premessi jisfaw mingħajr sens, iżda jiġi wkoll ippreġudikat l-ilħuq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva, u li jinsabu fl-imsemmija premessi. Fil-fatt, tali esklużjoni ċċaħħad lill-atturi tas-suq mill-protezzjoni li l-imsemmija direttiva, bl-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw b’mod uniformi fuq il-livell tal-Unjoni ċerti konsegwenzi tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, hija intiża preċiżament li toffrilhom meta jkunu inkwistjoni tali tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

48      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sevizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont ta’ ħlas li ma huwiex irreġistrat taħt ismu u li għaliha l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat b’dan il-mod ma tatx il-kunsens tagħha.

 Fuq it-tieni domanda

49      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dan, il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont ta’ ħlas li minnu saru debiti diretti mingħajr il-kunsens tagħha.

50      Dan l-Artikolu 58 jipprevedi, essenzjalment, li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jikseb mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ir-rettifika ta’ tranżazzjoni biss jekk jindika mingħajr dewmien lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu li huwa kkonstata tranżazzjoni ta’ ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita b’mod skorrett li tagħti lok għal invokazzjoni, u mhux iktar tard mit-tlettax-il xahar wara d-data ta’ debitu, bil-kundizzjoni, li ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun issodisfa ċerti obbligi ta’ informazzjoni.

51      Għall-finijiet tad-Direttiva 2007/64, il-punt 10 tal-Artikolu 4 ta’ din jiddefinixxi l-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn”.

52      B’dan il-mod, huwa minnu, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni waħedha, moqrija flimkien mal-punti 7 u 8 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, rigward il-kunċett ta’ “min iħallas” u ta’ “min jitħallas”, il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont ta’ ħlas li ġie ddebitat mingħajr il-kunsens tagħha ma tidhirx li taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas”. Madankollu, minn naħa, kif ġie kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti minn kont ta’ ħlas, li għaliha l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat ma tatx il-kunsens tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas” li jinsab fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni nnifisha tal-imsemmi Artikolu 58 kif ukoll mit-titolu ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li huwa preċiżament intiż sabiex jiġi applikat, b’mod partikolari, għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont ta’ ħlas li minnu ġew eżegwiti debiti diretti mingħajr il-kunsens tagħha. Mill-bqija, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, tali interpretazzjoni hija koerenti mal-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2007/64, kif tfakkru fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dan, il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont li minnu ġew eżegwiti debiti diretti mingħajr il-kunsens tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sevizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti mibdija minn min jitħallas minn kont ta’ ħlas li ma huwiex irreġistrat taħt ismu u li għaliha l-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat il-kont iddebitat b’dan il-mod ma tatx il-kunsens tagħha.

2)      L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dan, il-persuna li taħt isimha huwa rreġistrat kont li minnu ġew eżegwiti debiti diretti mingħajr il-kunsens tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.