Language of document : ECLI:EU:C:2019:315

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet ta’ impjieg’ – Paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Kumpens inqas imħallas mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-forma ta’ kuntratt ‘għal kompitu okkażjonali’”

Fil-Kawżi magħquda C‑29/18, C‑30/18 u C‑44/18,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Diċembru 2017 (C-29/18), tas-26 ta’ Diċembru 2017 (C-30/18) u tad-29 ta’ Diċembru 2017 (C-44/18), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2018 (C-29/18 u C-30/18) u fl-24 ta’ Jannar 2018 (C-44/18), fil-proċeduri

Cobra Servicios Auxiliares SA

vs

José David Sánchez Iglesias (C-29/18),

José Ramón Fiuza Asorey (C-30/18),

Jesús Valiño Lopez (C-44/18),

FOGASA (C-29/18 u C-44/18),

Incatema SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Levits, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn l-applikazzjonijiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn Cobra Servicios Auxiliares SA (iktar ’il quddiem “Cobra”), minn naħa, u José David Sánchez Iglesias (C‑29/18), José Ramón Fiuza Asorey (C‑30/18) u Jesus Valño Lopez (C‑44/18) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“partijiet interessati”), kif ukoll FOGASA (C‑29/18 u C-44/18) u Incatema SL, min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas ta’ kumpens wara t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal kompitu okkażjonali li jorbot lill-persuni interessati ma’ Cobra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tgħid:

“Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din hija intiża “li [ġ]ġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC [CES], UNICE u CEEP)”.

5        It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas jispeċifika:

“[Il-Ftehim qafas] jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

6        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

7        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

1      ‘ħaddiem għal terminu fiss [ħaddiem għal żmien determinat]’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.”

8        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha li:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Id-dritt Spanjol

9        L-Artikolu 15(1) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (it-Test Irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“1.      Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat.

Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi konkluż fil-każijiet segwenti:

a)      [m]eta l-ħaddiem ikun irreklutat għat-tlestija ta’ kompitu speċifiku, indipendenti u distakkabbli mill-attività kollha tal-impriża, li l-eżekuzzjoni tiegħu, filwaqt li tkunu limitata fiż-żmien, tkun fil-prinċipju, ta’ terminu inċert. Dawn il-kuntratti ma jistgħux idumu iktar minn tliet snin, li jistgħu jiġu estiżi għal tnax-il xahar oħra taħt ftehim kollettiv settorjali nazzjonali jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ ftehim kollettiv settorjali f’livell inferjuri. Fl-aħħar ta’ dawn it-termini ta’ żmien, il-ħaddiema jiksbu l-istatus ta’ ħaddiema permanenti tal-impriża. Il-ftehimiet kollettivi settorjali nazzjonali u ta’ livell inferjuri, inklużi l-ftehimiet tal-impriżi, jistgħu jiddeterminaw ix-xogħlijiet jew il-kompiti li sostanzjalment jifformaw parti mill-attività normali tal-impriża u jistgħu jkunu koperti minn kuntratti ta’ dan it-tip.

[...]

3      Il-kuntratti temporanji konklużi b’evażjoni tal-liġi għandhom jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat.

[...]”

10      L-Artikolu 49(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi:

“1.      Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm:

[...]

b)      minħabba r-raġunijiet indikati b’mod validu fil-kuntratt, sakemm dawn ma jikkostitwixxux abbuż ta’ dritt manifest min-naħa tal-persuna li timpjega;

c)      mal-iskadenza tal-perijodu miftiehem jew mat-twettiq tal-kompitu jew tas-servizz li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Meta jintemm il-kuntratt, ħlief fil-każijiet tal-kuntratti ta’ sostituzzjoni interim u tal-kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat li jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz, jew il-kumpens previst, jekk ikun il-każ, mil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli fil-qasam;

[...]

i)      f’każ ta’ tkeċċija kollettiva bbażata fuq raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, organizzattivi jew ta’ produzzjoni;

[...]

l)      minħabba raġunijiet oġġettivi legalment ammissibbli;

[...]”

11      L-Artikolu 51(1) ta’ dan l-istatut jistabbilixxi:

“Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, tkeċċija kollettiva tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijet ekonomiċi, tekniċi jew relatati mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni meta, matul perijodu ta’ 90 jum, din tkun tolqot lil mill-inqas:

a)      10 ħaddiema fl-impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

b)      10 % tan-numru ta’ ħaddiema fl-impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

c)      30 ħaddiem fl-impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

[...]

[...] [I]r-raġunijiet jitqiesu li huma relattivi għall-produzzjoni meta jsir tibdil, b’mod partikolari, fit-talba għal-prodotti jew għas-servizzi li l-impriża jkollha l-ħsieb li tqiegħed fis-suq.

[...]”

12      Skont l-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-kuntratt tax-xogħol jista’ jintemm, b’mod partikolari, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 51(1) ta’ dan l-istatut.

13      Konformement mal-Artikolu 53(1)(b) tal-imsemmi statut, it-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol abbażi tal-Artikolu 52 ta’ dan l-istatut tagħti lok għall-ħlas lill-ħaddiem, fil-mument tan-notifika bil-miktub, ta’ kumpens ekwivalenti għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, ikkalkolat pro rata fuq in-numru ta’ xhur maħduma fir-rigward tal-perijodi ta’ inqas minn sena, iżda mhux iktar minn tnax-il salarju mensili.

14      Skont l-Artikolu 56(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema, fil-każ ta’ terminazzjoni inġusta ta’ kuntratt ta’ xogħol, il-persuna li timpjega għandha jew tintegra mill-ġdid lill-ħaddiem fl-impriża, jew tħallas kumpens ekwivalenti għal 33 ġurnata salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15      Fl-1 ta’ Awwissu 2011, Cobra kkonkludiet ma’ Unión Fenosa, kumpannija tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, kuntratt li permezz tiegħu din ġiet fdata bil-qari tal-arloġġi tal-elettriku, bl-installazzjoni u bis-sostituzzjoni tal-arloġġi, bl-ispezzjonijiet perjodiċi, bil-qtugħ tal-elettriku u d-dekummissjonar, kif ukoll bil-qari ta’ kull xahar tal-arloġġi tal-gass, fit-territorju tal-provinċja ta’ Coruña (Spanja) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt għall-provvista ta’ servizzi”).

16      Cobra impjegat lill-persuni interessati fil-kuntest ta’ kuntratti għal żmien determinat għal kompiti okkażjonali marbuta mat-tul tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari għat-twettiq tal-kompiti relatati tal-qari tal-arloġġi tal-klijenti ta’ Unión Fenosa.

17      Fl-24 ta’ Frar 2015, Unión Fenosa informat lil Cobra li l-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi kien ser jintemm mill-31 ta’ Marzu 2015.

18      Cobra informat lill-partijiet interessati li, bħala riżultat tad-deċiżjoni ta’ Unión Fenosa li tittermina l-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, ir-relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu jorbtuhom ma’ Cobra kienu ser jintemmu minħabba t-tmiem tal-kompitu li kellhom jiġu eżegwiti. Cobra informat ukoll lill-partijiet interessati li, fid-data tat-tmiem tal-imsemmija relazzjonijiet ta’ impjieg, huma kienu ser jibbenefikaw, b’mod partikolari, mill-allowance prevista fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

19      Barra minn hekk, Cobra tat bidu għal proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, abbażi ta’ raġunijiet relattivi għall-produzzjoni, ta’ 72 ħaddiem għal żmien indeterminat, li wkoll kienu jwettqu kompiti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi.

20      Il-persuni interessati ressqu proċeduri kontra t-tkeċċija tagħhom, b’mod partikolari kontra Cobra, quddiem il-Juzgado de lo Social nº 3 de Santiago de Compostela (il-Qorti tax-Xogħol Nru 3 ta’ Santiago de Compostela, Spanja).

21      B’sentenzi mogħtija f’Marzu 2017, dik il-qorti qieset li l-kuntratti ta’ xogħol tal-persuni interessati kienu frawdolenti u li t-terminazzjoni tagħhom kienet, għalhekk, mingħajr bażi legali u kienet tikkostitwixxi tkeċċija inġusta. Il-qorti msemmija kkundannat lil Cobra jew biex tintegra mill-ġdid lill-ħaddiema kkonċernati, jew biex ittemm ir-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom u tħallashom il-kumpens għal tkeċċija inġusta stabbilit fl-Artikolu 56(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

22      Cobra appellat minn dawn is-sentenzi quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri ta’ Galicia, Spanja) billi invokat li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu validi.

23      Il-partijiet interessati jsostnu li, jekk jitqies li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom huma validi, huma għandhom, abbażi tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas u tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683), jirċievu l-kumpens għat-tkeċċija kollettiva previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

24      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’konformità mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat għal kompitu okkażjonali relatat mal-eżerċizzju ta’ attività li hija s-suġġett ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-klijent tiegħu, ma timplikax li l-kuntratt ta’ xogħol imsemmi għandu jitqies bħala frawdolenti u li r-relazzjoni ta’ xogħol għandha tiġi kkwalifikata mill-ġdid, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) ta’ dak l-istatut, bħala relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat.

25      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li t-terminazzjoni, mill-klijent imsemmi, tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizz, timmarka t-tlestija tal-kompitu li kien is-suġġett tal-kuntratt ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali, fis-sens tal-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema, u konsegwentement, jinvolvi t-terminazzjoni ta’ dan l-aħħar kuntratt.

26      Barra minn hekk, minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li t-tul tal-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat għal kompitu okkażjonali huwa marbut mal-eżistenza tal-ħtieġa li jissodisfa dak il-kuntratt u, ġeneralment, huwa diffiċli li, mal-konklużjoni tal-kuntratt, tiġi ddeterminata d-data eżatta tat-terminazzjoni tiegħu. B’hekk, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) sostniet li, sakemm din il-ħtieġa tippersisti, jiġifieri sakemm il-persuna li timpjega jkollha l-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, il-kuntratt ta’ xogħol għal kompitu okkażjonali jibqa’ validu, minħabba li t-tul ta’ żmien tiegħu jikkoinċidi mal-ħtieġa li dan jirrispondi għaliha.

27      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kunċett ta’ kuntratt “għal kompitu okkażjonali”, kif interpretat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

28      Madankollu, f’dan il-każ, it-terminazzjoni tal-kuntratt għal provvista ta’ servizzi, li wasslet għat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn Cobra u diversi impjegati tagħha, twassal, f’dak li jikkonċerna lill-ħaddiema għal żmien determinat, għall-ħlas tal-kumpens li jikkorrispondi għal 12-il jum għal kull sena ta’ servizz, previst fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema, u, f’dak li jikkonċerna lill-ħaddiema għal żmien indeterminat li jwettqu l-istess xogħol, għall-ħlas tal-kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum għal kull sena ta’ servizz, previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

29      Għalhekk, teżisti differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, f’dak li jikkonċerna kundizzjoni ta’ impjieg, li tirriżulta mid-disparità fis-sistema legali previst mil-liġi nazzjonali għall-benefiċċju tal-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

30      Filwaqt li jiġi rrilevat li din id-disparità hija dovuta għall-fatt li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u għal żmien indeterminat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm għandha bħala l-oriġini tagħha t-terminazzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, isseħħ, f’dak li jikkonċerna l-ewwel kuntratti, mal-iskadenza tat-terminu li għalih dawn ikunu ġew konklużi u, f’dak li jikkonċerna lit-tieni kuntratti, minħabba tkeċċija kollettiva, abbażi ta’ raġuni barranija għat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament esposta fil-paragrafu preċedenti ta’ din is-sentenza.

31      F’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sa fejn it-tilwimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw lil individwi u sa fejn ma jkunx possibbli li jiġi interpretat l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema b’mod konsistenti mad-Direttiva 1999/70 u mal-Ftehim qafas, ikunx possibbli li jitqies, b’analoġija mas-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709), tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21), tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573), kif ukoll tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278), li jikkonċernaw il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li din id-dispożizzjoni tad-dritt Spanjol għandha titħalla mhux applikata, minħabba li hija kuntrarja għall-prinċipji tal-ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bis-saħħa tal-istess ċirkustanzi fattwali (it-terminazzjoni tal-kuntratt bejn il-persuna li timpjega u impriża terza fuq rieda ta’ din tal-aħħar), tipprevedi allowance minuri minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat għat-twettiq ta’ xogħlijiet jew servizz relatata mat-tul tat-terminu tal-kuntratt, bħal dik għat-terminazzjoni tal-kuntratti indefiniti ta’ ħaddiema paragunabbli, minħabba tkeċċija kollettiva ġġustifikata għal raġunijiet produttivi tal-impriża li jirriżultaw minn tmiem l-imsemmi kuntratt?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, in-nuqqas ta’ trattament ugwali tal-allowance minħabba terminazzjoni kuntrattwali ġġustifikata għal ċirkustanzi fattwali identiċi anki jekk abbażi ta’ raġunijiet ġuridiċi differenti, bejn ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat u ħaddiema b’kuntratt għal żmien indeterminat paragunabbli, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita fl-Artikolu 21 tal-Karta li tirriżulta kuntrarja għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jiffurmaw parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizz konkluż mill-persuna li timpjega u wieħed mill-klijenti tagħha, minn naħa, tirriżulta fit-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali li jorbtu lil dik il-persuna li timpjega ma’ ċerti ħaddiema, u, min-naħa l-oħra, twassal għal tkeċċija kollettiva, abbażi ta’ raġuni oġġettiva, ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat impjegati mill-imsemmija persuna li timpjega, il-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol imħallas lill-ewwel minn dawn il-ħaddiema għandu jkun inferjuri għal dak allokat għall-ħaddiema għal żmien indeterminat.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jippreċiża li dan tal-aħħar “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika, f’dan ir-rigward, li l-għan tal-Ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni tax-xogħol ta’ dan it-tip tintuża mill-persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti, il-klawżola 4 tiegħu għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għandu jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tistabbilixxi projbizzjoni, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, għall-motiv biss li dawn jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

38      F’dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li, peress li l-kuntratti ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali tal-persuni kkonċernati ġew konklużi, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema, bil-ħsieb tat-tlestija ta’ kompitu determinat, jiġifieri li jitwettaq, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari l-qari tal-arloġġi tal-elettriku ta’ Unión Fenosa, il-persuni interessati huma “ħaddiema għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 4(1), moqrija flimkien mal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas.

39      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li kumpens, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħti lill-ħaddiem minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-klawżola 3(2) u mal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl tal-fatturi kollha, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-ħaddiema għal żmien determinat impjegati minn Cobra, fil-kuntest ta’ kuntratti għal kompiti okkażjonali, jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’hekk, mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni kkonċernati, meta kienu impjegati minn Cobra fil-kuntest ta’ dawk il-kuntratti, kienu jwettqu l-istess kompiti bħal dawk li kienu fdati lill-ħaddiema għal żmien indeterminat li kienu s-suġġett ta’ tkeċċija kollettiva.

44      Għaldaqstant, suġġett għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju tal-provi rilevanti kollha, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat bħall-persuni interessati kienet paragunabbli għal dik tal-ħaddiem għal żmien indeterminat irreklutati minn Cobra sabiex iwettqu l-istess kompiti bħal dawk li kienu fdati lill-ewwel minn dawn il-ħaddiema.

45      Għalhekk, fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika li t-terminazzjoni tal-kuntratti għal kompiti okkażjonali, li tirriżulta direttament mit-terminazzjoni tal-kuntratt għal provvista ta’ servizzi, twassal għall-ħlas lill-ħaddiema għal żmien determinat ikkonċernati ta’ kumpens li huwa iktar baxx minn dak li jirċievu l-ħaddiema għal żmien indeterminat meta dawn tal-aħħar jitkeċċew b’riżultat tat-terminazzjoni ta’ dan l-istess kuntratt għal provvista ta’ servizzi, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “[ġustifikazzjoni] fuq bażi oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn reali, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jinvoka d-differenza li teżisti bejn il-kuntest li fih iseħħ il-ħlas tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema u dak li fih isir il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 53(1)(b) ta’ dan l-istatut. L-ewwel kumpens huwa pagabbli meta jitlesta l-kompitu li huwa s-suġġett ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, bħall-kuntratti għal kompitu okkażjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li t-tieni kumpens, ta’ rata ogħla, jitħallas f’każ ta’ tkeċċija għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut, bħal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew relatati mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni li jkunu speċifiċi għall-persuna li timpjega. Il-Gvern imsemmi jenfasizza, essenzjalment, li l-ħlas tal-ewwel minn dawn il-kumpensi jsir fl-okkażjoni ta’ avveniment li seta’ jiġi antiċipat mill-ħaddiem fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu. Min-naħa l-oħra, it-tieni minn dawn il-kumpensi għandu l-għan li jikkumpensa d-diżappunt ta’ ħaddiem b’rabta mal-aspettattivi leġittimi li seta’ kellu fir-rigward tal-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, fejn dan id-diżappunt ikun ġie kkawżat mit-tkeċċija tiegħu għal waħda mir-raġunijiet elenkati fl-imsemmi Artikolu 52. Din id-differenza fil-kuntest tiġġustifika li l-livell tal-kumpens mogħti lill-ħaddiem meta jintemm il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma jkunx identiku f’dawn iż-żewġ każijiet.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħlas ta’ kumpens bħal dak dovut minn Cobra fl-okkażjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal kompitu okkażjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-mument tal-konklużi tagħhom kien ġie previst li dawn kellhom jiġu tterminati fil-mument tat-tlestija tal-kompitu li għalih kienu konklużi, jidħol f’kuntest li jvarja b’mod sinjifikanti, mill-perspettiva legali, minn dak li fih il-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli jkun ġie tterminat għal raġunijiet relatati mal-produzzjoni, fis-sens tal-Artikoli 51 u 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, minkejja li dawn iż-żewġ avvenimenti joriġinaw mill-istess ċirkustanza, jiġifieri, f’dan il-każ, it-terminazzjoni tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi.

49      Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss” li jinsab fil-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas, jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jasal it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jikkonsisti mill-fatt li tintlaħaq data speċifika, li jseħħ avveniment partikolari, jew, bħal f’dan il-każ, li jitlesta xogħol speċifiku. Għalhekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Min-naħa l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, imfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, id-diżappunt tal-ħaddiem fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi li seta’ jkollu f’din id-data fir-rigward tal-istabbiltà tar-relazzjoni msemmija, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ, f’tali każ, il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena anzjanità.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta l-kuntratti ta’ xogħol jintemmu għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, il-liġi Spanjola ma twettaq ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, peress li l-Artikolu 53(1)(b) ta’ dan l-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi għal kumpens bil-liġi ekwivalenti għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament mill-karattru determinat jew indeterminat taż-żmien tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

52      F’dan ir-rigward, hekk kif indikat il-Kummissjoni Ewropea, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-fatt li l-kuntratti ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu marbuta mat-tul tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi u li dan ġie tterminat kmieni, għandu jitqies li dawn il-kuntratti ta’ xogħol ġew itterminati, qabel l-iskadenza tat-terminu li kien ġie assenjat lilhom, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema u, konsegwentement, jekk il-kunsens previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-imsemmi statut għandux jingħata lill-partijiet interessati.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-għan speċifiku tal-kumpens għat-terminazzjoni previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, kif ukoll il-kuntest partikolari li fih jitħallas dan il-kumpens, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 63; tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 60, u tal-21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras, C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 74).

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizz konkluż mill-persuna li timpjega u wieħed mill-klijenti tagħha, minn naħa, tirriżulta fit-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali li jorbtu lil dik il-persuna li timpjega ma’ ċerti ħaddiema, u, min-naħa l-oħra, twassal għal tkeċċija kollettiva, abbażi ta’ raġuni oġġettiva, ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat impjegati mill-imsemmija persuna li timpjega, il-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol imħallas lill-ewwel minn dawn il-ħaddiema għandu jkun inferjuri għal dak allokat għall-ħaddiema għal żmien indeterminat.

 Fuq it-tieni domanda

55      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta, essenzjalment, li t-tielet domanda qiegħda ssir biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizz konkluż mill-persuna li timpjega u wieħed mill-klijenti tagħha, minn naħa, tirriżulta fit-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol għal kompiti okkażjonali li jorbtu lil dik il-persuna li timpjega ma’ ċerti ħaddiema, u, min-naħa l-oħra, twassal għal tkeċċija kollettiva, abbażi ta’ raġuni oġġettiva, ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat impjegati mill-imsemmija persuna li timpjega, il-kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol imħallas lill-ewwel minn dawn il-ħaddiema għandu jkun inferjuri għal dak allokat għall-ħaddiema għal żmien indeterminat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.