Language of document : ECLI:EU:C:2019:310

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Kompetenza ġudizzjarja, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol”

Fil-Kawża C-603/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2017, fil-kawża

Peter Bosworth

Colin Hurley

vs

Arcadia Petroleum Limited et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur ewlieni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Bosworth u C. Hurley, minn A. Briggs u D. Foxton, QC, R. Eschwege, barristers, kif ukoll minn T. Greeno u A. Forster, solicitors,

–        għal Arcadia Petroleum Limited et, minn M. Howard, QC, F. Pilbrow u N. Venkatesan, barristers, S. Trevan kif ukoll minn J. Kelly u T Snelling, solicitor,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Lugano II”).

2        It-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Peter Bosworth u Colin Hurley u Arcadia Petroleum Limited u kumpanniji oħra dwar talba għad-danni mġarrba minn dawn il-kumpanniji minħabba aġir allegatament frawdolenti ta’ P. Bosworth u C. Hurley.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni tista’, fi Stat ieħor marbut b’din il-Konvenzjoni, tiġi mħarrka:

1.       (a)       f’materji relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq ta’ l-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)       għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ merċi [merkanzija], il-post fi Stat marbut b’din il-Konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, ikunu ntbagħtu l-merċi jew fejn kellhom jintbagħtu,

–        fil-każ tal-provvista ta’ servizzi, il-post fi Stat marbut b’din il-konvenzjoni fejn, skond il-kuntratt, is-servizzi ġew provduti jew kellhom jiġu pprovduti;

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[...]

3.       F’materji relatati ma’ responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista’ jseħħ;

[...] ”

4        Skont l-Artikolu 18(1) ta’ din il-konvenzjoni:

“F’materji relatati ma’ kuntratti individwali ta’ l-impjieg, il‑ġurisdizzjoni għandha tkun determinata minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5).”

5        L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija konvenzjoni jgħid:

“Persuna li timpjega tista’ tressaq proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat l-impjegat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Arcadia London, Arcadia Singapore u Arcadia Switzerland huma kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet fil-kummerċ taż-żejt mhux maħdum u prodotti derivati taż-żejt. Dawn il-kumpanniji huma proprjetà tal‑Grupp Arcadia, li huwa miżmum 100 % minn Farahead Holdings Ltd.

7        P. Bosworth u C. Hurley huma ċittadini Brittaniċi residenti fl-Isvizzera, li, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu, rispettivament, chief executive officer u chief financial officer tal-grupp Arcadia. Barra minn hekk, huma kienu l-amministraturi ta’ Arcadia London, Arcadia Singapore u Arcadia Switzerland u kienu konnessi ma’ waħda minn dawn il-kumpanniji permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol stabbilit minnhom infushom jew taħt l-istruzzjonijiet tagħhom stess.

8        Permezz ta’ rikors imressaq fit-12 ta’ Frar 2015, Arcadia London, Arcadia Singapore, Arcadia Switzerland u Farahead Holdings (iktar ‘il quddiem, kollha flimkien, “Arcadia”) ressqu talbiet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)), ir-Renju Unit), kontra diversi persuni, fosthom P. Bosworth u C. Hurley. Dawn it-talbiet fittxew li jiksbu kumpens għad-danni li l-grupp Arcadia kien ġarrab bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti li jinvolvu l‑kumpanniji ta’ dan il-grupp.

9        Ir-rikors ta’ Arcadia kien ibbażat fuq ilmenti ta’ kollużjoni permezz ta’ mezzi illeċiti (unlawful means conspiracy), ksur ta’ obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ksur ta’ bona fide (breach of fiduciary duty), u ksur ta’ obbligi kuntrattwali espliċiti jew impliċiti (breach of express and/or implied contractual duties) li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol tagħhom.

10      Permezz ta’ att tad-9 ta’ Marzu 2015, P. Bosworth u C. Hurley ikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit biex jisimgħu t‑talbiet għad-danni ta’ Arcadia li jikkonċernawhom, għar-raġuni li huma kienu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol u li, b’applikazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar, dawn it-talbiet kellhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat li fih huma kienu ddomiċiljati, jiġifieri l-qrati Svizzeri.

11      Wara din il-kontestazzjoni, Arcadia biddlet ir-rikors tagħha. Hija rrinunzjat għall-allegazzjonijiet tagħha ta’ ksur tal-obbligi kuntrattwali kif ukoll għall-ksur ta’ dawn l-obbligi bħala mezz illegali użat fil‑kuntest ta’ reat ta’ kollużjoni.

12      B’sentenza tal-1 ta’ April 2015, il-High Court of Justice England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court), (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)), iddikjarat li hija kellha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-ilmenti ta’ kollużjoni permezz ta’ mezzi illeċiti (unlawful means conspiracy) u ta’ ksur ta’ obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ksur ta’ bona fide (breach of fiduciary duty), bl-eċċezzjoni, fir-rigward ta’ dan l-aħħar ilment, tal-fatti li kienu seħħu fiż-żmien meta P. Bosworth u C. Hurley kienu marbutin b’kuntratt ta’ xogħol ma’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Arcadia, peress li, skont din il-qorti, dawn il-fatti jirrigwardaw il-kwistjoni ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol u jaqgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Svizzeri.

13      P. Bosworth u C. Hurley appellaw minn din is-sentenza quddiem il‑Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal‑Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit).

14      Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Awwissu 2016, din il-qorti ċaħdet dan l-appell. P. Bosworth u C. Hurley appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem jew ex ħaddiem (iktar ’il quddiem ‘ħaddiem’) hijiex ‘kwistjoni li tirrigwarda’ kuntratt individwali tax-xogħol fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat‑Taqsima 5 tat-Titolu II (Artikoli 18 sa 21), tal-Konvenzjoni ta’ Lugano [II]?

a)       Sabiex azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem tkun taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II], huwa biżżejjed li l‑aġir li l-imsemmi ħaddiem ġie kkritikat bih seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ azzjoni tal-persuna li timpjega bbażata fuq il-ksur, mill-ħaddiem, tal-obbligi li jirriżultaw mill‑kuntratt individwali tax-xogħol tiegħu – anki jekk l‑azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma hijiex ibbażata fuq, ma tikkritikax u ma tinvokax ksur ta’ tali kuntratt iżda hija bbażata (pereżempju) fuq wieħed jew iktar mill-ilmenti msemmija fil-punti 26 u 27 tal-Espożizzjoni tal‑Fatti u tal-Kwistjonijiet?

b)       Sussidjarjament, il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt id‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata l-azzjoni huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax‑xogħol? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu tnissel indipendentement mill-kuntratt tax-xogħol (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu ‘ikkonsentit b’mod liberu’ mill-ħaddiem) ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima 5?

c)       Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

2)       Jekk kumpannija u persuna fiżika jikkonkludu ‘kuntratt’ (fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II), sa fejn għandha tkun teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn din il-kumpannija u din il-persuna fiżika sabiex l-imsemmi kuntratt ikun ‘kuntratt individwali tax-xogħol’ għall-finijiet tat-Taqsima 5 [tal‑imsemmija konvenzjoni]? Tali relazzjoni tista’ teżisti meta din il-persuna fiżika tkun f’pożizzoni li tiddeċiedi (u effettivament tiddeċiedi) il-klawżoli tal-kuntratt tagħha ma’ din il-kumpannija, u jkollha kontroll u awtonomija fuq l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija u fuq l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha stess iżda l-azzjonist/i ta’ din il-kumpannija jkollhom is-setgħa li jtemmu din ir-relazzjoni?

3)       Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano [II] huma applikabbli biss għall‑azzjonijiet li, li kieku ma teżistix it-Taqsima 5, ikunu jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni, liema huma l-kriterji t‑tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt l-imsemmi Artikolu 5(1)?

a)       Il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 5(1) jekk l-aġir kontenzjuż jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ obbligu kuntrattwali, anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma tinvokax, ma tikkritikax u ma tallegax ksur tal-obbligi kuntrattwali?

b)       Il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 5(1) jekk l-aġir kontenzjuż jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ obbligu kuntrattwali, anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma tinvokax, ma tikkritikax u ma tallegax ksur tal-obbligi kuntrattwali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu li tnissel indipendentement mill-kuntratt (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu ‘kkonsentit b’mod liberu’ mill-konvenut) ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)?

c)       Jekk l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

4)      F’ċirkustanzi fejn:

–        il-kumpanniji A u B jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji;

–        il-konvenut X jeżerċita de facto l-funzjonijiet ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ dan il-grupp ta’ kumpanniji (kif kien jagħmel P. Bosworth għall-grupp Arcadia: punt 14); X huwa impjegat minn kumpannija tal-grupp, il-kumpannija A (u għaldaqstant huwa ħaddiem tal-kumpannija A) (kif kien P. Boswarth minn żmien għall-ieħor fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Espożizzjonijiet tal-Fatti, punt 15), u ma huwiex, mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, impjegat tal‑kumpannija B;

–        il-kumpannija A tibda azzjoni kontra X, u dik l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano]; u

–        il-kumpannija l-oħra tal-istess grupp, il-kumpannija B, ukoll tibda azzjoni kontra X għall-istess ilmenti bħal dawk li jservu ta’ bażi għall-azzjoni mibdija mill-kumpannija A;

liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqax taħt it-Taqsima 5 [tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano]? B’mod partikolari:

a)       ir-risposta għad-domanda tiddependi fuq l-eżistenza ta’ ‘kuntratt individwali tax-xogħol’ fis-sens tat-Taqsima 5 [tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano] bejn X u l-kumpannija B u, fil‑każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kriterji t‑tajba li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali kuntratt tax-xogħol?

b)       il-kumpannija B għandha titqies li hija l-’persuna li timpjega’ lil X għall-finijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano, u/jew l-azzjoni li hija bdiet kontra X (ara l-punt 4(4) hawn fuq) taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] bl-istess mod bħalma dik mibdija mill-kumpannija A kontra X taqa’ taħt dawn l‑istess dispożizzjonijiet? B’mod partikolari:

i) L-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqa’ taħt l‑Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn il-kumpannija B u X?

ii) Sussidjarjament, din l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] jekk l-ilmenti allegati fl-azzjoni kienu jikkostitwixxu ksur ta’ obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol bejn il-kumpannija A u X?

(c)       Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

16      Wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, P. Bosworth u C. Hurley, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal‑proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali, fil-punt 45 tal‑konklużjonijiet tiegħu, kienet ibbażata fuq fatti żbaljati, li ma jikkorrispondux ma’ dawk stabbiliti mill-qorti tar-rinviju.

17      Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill‑partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tinqata’ fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea.

18      Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha.

19      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

20      Peress li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda jistrieħu fuq is‑suppożizzjoni li l-kuntratti li jorbtu lil P. Bosworth u C. Hurley ma’ ċerti kumpanniji tal-grupp Arcadia kienu jikkostitwixxu “kuntratti ta’ xogħol individwali”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-Qorti tal‑Ġustizzja tqis li għandha fl-ewwel lok tiġi eżaminata t-tieni domanda.

 Fuq it-tieni domanda

21      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kuntratt li jorbot kumpannija ma’ persuna fiżika jista’ jiġi kklasifikat bħala “kuntratt ta’ xogħol individwali”, fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, meta din il-persuna tkun tista’ tiddeċiedi jew tiddeċiedi b’mod effettiv il-kundizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt u jkollha s-setgħa ta’ kontroll awtonomu fuq il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dik il‑kumpannija kif ukoll l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha stess, iżda li l-azzjonist jew l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija jkollhom is‑setgħa li jtemmu dak il-kuntratt.

22      Fid-dawl tal-identiċità tal-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal‑Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu trasposti għal dawk tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Titolu II tat-Taqsima 5 tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano II (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2014, H, C-295/13, EU:C:2014:2410, punti 31 u 32).

23      Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Titolu II tat-Taqsima 5 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II humiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk P. Bosworth u C. Hurley jistgħux jitqiesu li huma marbuta b’“kuntratt ta’ xogħol individwali”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din il-konvenzjoni, ma’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Arcadia, u jekk jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema”, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 34).

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali klassifikazzjoni ma għandhiex tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 36) u li, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano II, u b’mod partikolari tal-Artikolu 18 tagħha, il-kunċetti ġuridiċi li hemm fiha għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu li jkun komuni għall-partijiet kontraenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C-154/11, EU:C:2012:491, punt 42, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 37).

25      F’dan il-kuntest, hemm lok jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fil-kuntest tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jiddistingwu r‑relazzjoni ta’ impjieg mid-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Issa, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2007, Union syndicale Solidaires Isère, C-428/06, EU:C:2010:536, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għaldaqstant, relazzjoni ta’ impjieg tippreżupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah u li l-eżistenza ta’ tali rabta trid tiġi evalwata f’kull każ partikolari, abbażi tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-partijiet (sentenzi tat-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 46, u tat-20 ta’ Novembru 2018, Sindictul Familia Constanta et, C-147/17, EU:C:2018:926, punt 42).

27      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont il-kliem tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-konklużjoni ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod li, kif indika, fis-sustanza, l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 sa 36 tal‑konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ kuntratt formali ma tipprekludix l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ xogħol individwali” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

28      Madankollu, tali relazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “kuntratt ta’ xogħol individwali”, fis-sens tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat‑Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, biss jekk ikun hemm relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn il-kumpannija u l-amministratur ikkonċernati.

29      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, P. Bosworth u C. Hurley kienu, rispettivament, chief executive officer u chief financial officer tal-grupp Arcadia, l‑amministraturi ta’ Arcadia London, Arcadia Singapor u Arcadia Switzerland, li kienu marbuta ma’ waħda minn dawn il-kumpanniji permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol stabbilit minnhom infushom jew skont l‑istruzzjonijiet tagħhom, u dejjem aġixxew f’isem u għan-nom tal‑kumpanniji kollha tal-grupp Arcadia.

30      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta wkoll li P. Bosworth u C. Hurley kienu jeżerċitaw kontroll fuq il-persuna li timpjegahom kif ukoll fil-post fejn kienu impjegati u fuq il-kundizzjonijiet li fihom kienu jinsabu.

31      F’dawn iċ-ċikustanzi, jidher li P. Bosworth u C. Hurley kienu jiddisponu minn kapaċità ta’ influwenza sinjifikattiva fil-konfront ta’ Arcadia u li, konsegwentement, għandu jiġi konkluż li hemm assenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C-47/14, EU:C:2015:574, punt 47), u dan indipendentement mill-fatt li huma kellhom jew le parti mill-kapital azzjonarju ta’ Arcadia.

32      F’dan ir-rigward ma għandu ebda rilevanza l-fatt li P. Bosworth u C. Hurley kienu responsabbli lejn l-azzjonisti tal-grupp Arcadia, li kellhom, permezz ta’ Farahead Holdings, is-setgħa li jingaġġawhom jew li jkeċċuhom.

33      Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, iktar mid-direttivi ġenerali li jirċievi amministratur mill‑azzjonisti tal-kumpannija li jmexxi fir-rigward tal-orjentament tan‑negozju ta’ din il-kumpannija, il-mekkaniżmi legali ta’ kontroll mill-azzjonisti ma jikkaratterizzawx, fihom infushom, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, b’mod li s-sempliċi fatt li l-azzjonisti jkollhom is-setgħa li jkeċċu amministratur ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jgħid li teżisti tali rabta.

34      Minn dan isegwi li kuntratt konkluż bejn kumpannija u l-amministratur tagħha ma jikkostitwixxix, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, “kuntratt ta’ xogħol individwali” fis-sens tal‑Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat‑Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati fis-sens li kuntratt li jorbot lil kumpannija ma’ persuna fiżika li teżerċita l-funzjonijiet ta’ amministratur tagħha ma joħloqx rabta ta’ subordinazzjoni bejniethom u għaldaqstant ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ xogħol individwali” fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, meta, anki jekk l-azzjonist jew l-azzjonisti ta’ din il-kumpannija jkollhom is-setgħa li jtemmu dak il-kuntratt, dik il‑persuna tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi jew tiddeċiedi effettivament dwar il-kundizzjonijiet ta’ dak il-kuntratt u jkollha s-setgħa ta’ kontroll awtonomu fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-imsemmija kumpannija kif ukoll fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha stess.

 Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda

36      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u leżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas-27 ta’ Novembru 2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kuntratt li jorbot lil kumpannija ma’ persuna fiżika li teżerċita l-funzjonijiet ta’ amministratur tagħha ma joħloqx rabta ta’ subordinazzjoni bejniethom u għaldaqstant ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ xogħol individwali” fis-sens ta’ dawn iddispożizzjonijiet, meta, anki jekk l-azzjonist jew l-azzjonisti ta’ din il-kumpannija jkollhom is-setgħa li jtemmu dak il-kuntratt, dik il-persuna tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi jew tiddeċiedi effettivament dwar il-kundizzjonijiet ta’ dak il-kuntratt u jkollha ssetgħa ta’ kontroll awtonomu fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tannegozju tal-imsemmija kumpannija kif ukoll fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.