Language of document : ECLI:EU:C:2019:323

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2019 (1)

Kawżi magħquda C663/17 P, C665/17 P u C669/17 P

Il-Bank Ċentrali Ewropew

vs

Trasta Komercbanka AS,

Ivan Fursin et (Kawża C663/17 P)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Trasta Komercbanka AS,

Ivan Fursin et (C665/17 P)

u

Trasta Komercbanka AS,

Ivan Fursin et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (C669/17 P)

“Appell – Rikors għal annullament – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Regolament Nru 1024/2013 – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Revoka ta’ awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-Bank Ċentrali Ewropew – Stralċ awtomatiku ta’ istituzzjoni ta’ kreditu skont id-dritt nazzjonali – Locus standi tal-istituzzjoni ta’ kreditu fi stralċ, irrappreżentata mill-ex bord tad-diretturi tagħha – Locus standi tal-azzjonisti”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-tliet appelli, li jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ rikorsi ppreżentati minn bank Latvjan u l-azzjonisti tiegħu kontra r-revoka tal-liċenzja bankarja (jew “awtorizzazzjoni”) (2) mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u li jaqgħu fil-kuntest sostantiv tad-dritt tas-sorveljanza bankarja, iqajmu mistoqsijiet fundamentali rigward is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea.

2.        Fid-dritt Latvjan, ir-revoka tal-liċenzja bankarja twassal immedjatament u b’mod inkontestabbli għal-likwidazzjoni tal-bank ikkonċernat. Għal din ir-raġuni, ir-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka (iktar ’il quddiem “TKB”) kontra r-revoka tal-liċenzja tagħha ġie miċħud bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ eċċezzjoni f’dan ir-rigward imqajma mill-BĊE. Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li, bħala konsegwenza tal-istralċ skont id-dritt nazzjonali, il-bord tad-diretturi rikorrent ma kienx għadu intitolat li jirrappreżenta lill-bank u li jqabbad għal dan il-għan avukati sabiex tinbeda l-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, bħala eċċezzjoni, rikors ippreżentat mill-azzjonisti sabiex jiddefendu l-interessi tal-bank fir-rigward tar-revoka tal-awtorizzazzjoni kien ammissibbli.

3.        Il-BĊE u l-Kummissjoni qegħdin jikkontestaw din il-parti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali bl-appelli tagħhom, filwaqt li jikkontestaw ukoll il-locus standi tal-azzjonisti. Dan juri l-importanza fundamentali tal-kwistjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja għal din il-kawża. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rotot kollha lejn rimedju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu verament imblukkati? Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu tal-Unjoni li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra atti tal-Unjoni li jikkawżaw ħsara, jista’ jkun ammissibbli li d-dritt nazzjonali jorbot konsegwenzi irriversibbli mar-revoka tal-liċenzja bankarja li effettivament jeskludu stħarriġ effettiv mill-qrati tal-Unjoni?

4.        Fis-sitwazzjoni inkwistjoni, fejn att tal-Unjoni jikkawża l-likwidazzjoni diretta tal-persuna ġuridika li lilha huwa indirizzat, hija partikolarment importanti l-kwistjoni ta’ min jista’ jirrappreżenta lil din il-persuna ġuridika fi proċeduri miġjuba kontra dan l-att quddiem il-qrati tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1024/2013 (3) jinkludi d-dispożizzjoni segwenti:

“1.      Kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jingħata bidu għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ser tiġi stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun ser tiġi stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti.

[…]

5.      Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

[…]”

B.      Id-dritt Latvjan

1.      Kredītiestāžu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu)

6.        L-Artikolu 129 tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (4) jipprovdi d-dispożizzjoni segwenti:

“(1)      Jekk b’mod konformi mal-punti (1), (2), (3), (4) u (8) tal-Artikolu 27(1) ta’ din liġi, il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija [(il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-‘KSFK’)] tirrevoka l-liċenzja (awtorizzazzjoni) maħruġa għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-[KSFK] għandha taħtar fiduċjarju u għandha tissottometti quddiem il-qorti applikazzjoni għall-istralċ ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll għall-ħatra ta’ stralċjarju, filwaqt li tipproponi kandidat għal stralċjarju.

(2)      Wara r-revoka tal-liċenzja, il-laqgħa tal-azzjonisti tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx għadha tista’ tiddeċiedi dwar l-istralċ volontarju u dwar il-ħatra ta’ stralċjarju.

[…]”

7.        L-Artikolu 133(4) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu jistipula:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu XI ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 160 u 166, kif ukoll id-drittijiet, id-dmirijiet u s-setgħat mogħtija lil-likwidatur permezz tal-Artikoli 172 u 1721 ta’ din il-liġi, japplikaw għal stralċjarju tal-istituzzjoni ta’ kreditu maħtur minn qorti.”

8.        L-Artikolu 161(1) tal-imsemmija liġi jaqra kif ġej:

“Wara li istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata insolventi, il-likwidatur għandu jassumi d-dmirijiet, id-drittijiet u s-setgħat kollha tal-korpi amministrattivi u tad-diretturi ta’ dawn il-korpi previsti mil-liġi u mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu.”

2.      Civilprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

9.        L-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (5) jipprovdi:

“Jekk il-kwistjoni ta’ liġi inkwistjoni hija rregolata minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma direttament applikabbli fil-Latvja, għandu japplika d-dritt Latvjan sa fejn huwa ammissibbli skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.”

10.      L-Artikolu 371 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jirregola l-kontenut tal-applikazzjoni għal stralċ li għandha tiġi sottomessa mill-KSFK fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 129 tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 129 tiegħu jipprovdi:

“Id-deċiżjoni tal-[KSFK] li permezz tagħha l-liċenzja maħruġa għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija rrevokata u d-dokumenti li jikkonfermaw iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom il-liċenzja ġiet irrevokata lill-istituzzjoni ta’ kreditu, għandhom ikunu mehmuża mal-applikazzjoni għal stralċ.”

11.      L-Artikolu 377(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Meta tingħata sentenza dwar l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-qorti għandha taħtar stralċjarju għall-istituzzjoni ta’ kreditu. Il-qorti għandha taħtar bħala stralċjarju tal-istituzzjoni ta’ kreditu persuna proposta mill-[KSFK].”

12.      L-Artikolu 387 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi wkoll:

“[…]

(2)      Il-qorti tista’ tneħħi likwidatur jew stralċjarju fuq talba tal-[KSFK]. Id-deċiżjoni tal-[KSFK] għandha tkun mehmuża mat-talba li tesprimi nuqqas ta’ fiduċja fil-likwidatur jew fl-istralċjarju b’rabta ma’ waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1.      il-likwidatur jew l-istralċjarju ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 131(1) jew tal-Artikolu 1311(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu jew tiġi żvelata waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 132 jew 1321;

2.      il-likwidatur jew l-istralċjarju ma jkunux kompetenti;

3.      il-likwidatur jew l-istralċjarju jabbużaw mis-setgħat tagħhom.

(3)      Il-qorti tista’, fuq talba ta’ kreditur jew ta’ grupp ta’ kredituri jew ex officio, teżamina l-kwistjoni tat-tneħħija ta’ likwidatur jew ta’ stralċjarju jekk ikollha provi li l-likwidatur jew l-istralċjarju, fil-qadi ta’ dmirijiethom, kisru d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, atti oħra jew deċiżjonijiet ġudizzjarji, li l-likwidatur jew l-istralċjarju ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 131(1) jew tal-Artikolu 1311(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, li ġiet żvelata waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikoli 132 jew 1321, jew li l-likwidatur jew l-istralċjarju ma humiex kompetenti jew jabbużaw mis-setgħat tagħhom.”

3.      Komerclikums (il-Kodiċi Kummerċjali)

13.      L-Artikolu 322 tal-Kodiċi Kummerċjali (6), li t-titolu uffiċjali tiegħu huwa “Drittijiet u obbligi tal-istralċjarju”, jaqra kif ġej:

“(1)      L-istralċjarju għandu jkollu d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-bord tad-diretturi u tal-bord superviżorju li ma humiex f’kontradizzjoni mal-għanijiet tal-istralċ.

(2)      L-istralċjarju għandu jiġbor id-djun, inklużi ammonti li huma dovuti lill-kumpannija fir-rigward ta’ ishma kapitali mhux imħallsa, ibigħ l-assi tal-kumpannija u jissodisfa t-talbiet tal-kredituri.

(3)      L-istralċjarju jista’ jikkonkludi biss dawk it-tranżazzjonijiet li huma meħtieġa għall-istralċ tal-kumpannija.

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

14.      L-ewwel appellanti fil-Kawża C‑669/17 P, TKB, hija istituzzjoni ta’ kreditu Latvjana. It-tieni sas-seba’ appellanti f’din il-kawża huma azzjonisti ta’ TKB (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti”). Minn Settembru 1991 TKB ipprovdiet servizzi finanzjarji skont l-awtorizzazzjoni għal tali għanijiet mogħtija lilha mill-KSFK.

15.      Fil‑5 ta’ Frar 2016, il-KSFK ipproponiet, b’mod konformi mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, li l-BĊE jirrevoka l-awtorizzazzjoni ta’ TKB.

16.      Fit‑3 ta’ Marzu 2016, wara li eżamina, flimkien mal-KSFK, jekk il-kriterji għar-revoka tal-awtorizzazzjoni ġewx issodisfatti, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/2016 – 529900WIP0INFDAWTJ81/1 WOANCA-2016-0005, li permezz tagħha rrevoka l-liċenzja bankarja ta’ TKB. Fl-istess ħin, il-BĊE ċaħad it-talba ta’ TKB għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni għal xahar.

17.      Fl‑14 ta’ Marzu 2016, fuq talba tal-KSFK, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) bdiet proċedura ta’ stralċ fir-rigward tal-assi tal-kumpannija ta’ TKB u ħatret stralċjarju propost mill-KSFK. Qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tal-ftuħ, TKB talbet sabiex iżżomm is-setgħat ta’ rappreżentanza tal-bord tad-diretturi bil-għan li tressaq oġġezzjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE u bil-għan li tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn it-talbiet ġew miċħuda mir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme). Kontra din id-deċiżjoni ma jista’ jiġi ppreżentat ebda appell.

18.      Fis‑17 ta’ Marzu 2016, ġew ippubblikati l-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ u l-ħatra tal-istralċjarju fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja. Fl-istess jum, il-prokuri kollha mogħtija qabel minn TKB ġew irrevokati b’deċiżjoni tal-istralċjarju. L-avviż tar-revoka ġie ppubblikat minn nutar fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Latvja fil‑21 ta’ Marzu 2016.

19.      Fit‑3 ta’ April 2016, TKB, irrappreżentata mill-avukati awtorizzati permezz ta’ prokura mill-ex bord tad-diretturi qabel is‑17 ta’ Marzu 2016, ressqet oġġezzjoni quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni. Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑30 ta’ Mejju 2016, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ddeċieda li l-ilmenti formali u sostantivi ta’ TKB ma kinux fondati u li d-deċiżjoni tal-BĊE li tirrevoka l-awtorizzazzjoni kienet fondata biżżejjed u proporzjonata fl-intier tagħha. Madankollu, huwa ta istruzzjonijiet lill-BĊE sabiex jiċċara ċerti punti tad-deċiżjoni. Sussegwentement, fil‑11 ta’ Lulju 2016, il-BĊE adotta deċiżjoni ġdida li tirrevoka l-awtorizzazzjoni ta’ TKB (7), li ssostitwixxiet id-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2016.

20.      Fit‑13 ta’ Mejju 2016, TKB, minn naħa, u l-azzjonisti, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-BĊE li tirrevoka l-liċenzja bankarja. TKB għal darba oħra kienet irrappreżentata mill-avukati awtorizzati permezz ta’ prokura mill-ex bord tad-diretturi tal-bank qabel is‑17 ta’ Marzu 2016.

21.      Konsegwentement, fid‑29 ta’ Settembru 2016, il-BĊE ppreżenta eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod konformi mal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kemm fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn TKB kif ukoll fir-rigward tar-rikors tal-azzjonisti.

22.      B’digriet separat tat‑12 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”) (8), il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE. Hija qablet mar-raġunament tal-BĊE li l-avukati awtorizzati sabiex jaġixxu bħala rappreżentanti mill-ex bord tad-diretturi ma kellhomx prokura valida għaliex kienu nħatru minn persuna li ma kinitx għadha awtorizzata taġixxi bħala rappreżentant. Il-likwidatur, issa bħala l-persuna awtorizzata taġixxi f’isem il-kumpannija, kellu l-kapaċità li jirrevoka l-prokuri għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Għal din ir-raġuni, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn TKB.

23.      Madankollu, fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE. Hija kkonstatat li kellu jiġi eċċezzjonalment aċċettat li l-azzjonisti kellhom interess ġuridiku li jressqu proċeduri fl-interess ta’ TKB kontra r-revoka tal-liċenzja bankarja fis-sitwazzjoni inkwistjoni. Dan peress li f’din is-sitwazzjoni l-azzjonisti ġew miċħuda minn kwalunkwe possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-azzjonisti f’dan il-każ kellhom jiġu kkunsidrati bħala individwalment u direttament affettwati mir-revoka tal-liċenzja bankarja.

24.      TKB u l-azzjonisti, minn naħa, u l-BĊE u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, appellaw mid-digriet tal-Qorti Ġenerali.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

25.      Permezz tal-appell tiegħu tal‑24 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża C‑663/17 P, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, ħlief għal TKB, għandhom interess ġuridiku u locus standi sabiex jippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat);

–        tiddeċiedi fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors [ippreżentat mill-azzjonisti] bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna [lill-azzjonisti] għall-ispejjeż.

26.      Permezz tal-appell tagħha tas‑27 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża C‑665/17 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat sa fejn ċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti;

–        tiċħad ir-rikors [ippreżentat mill-azzjonisti] bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna [lill-azzjonisti] għall-ispejjeż.

27.      Permezz tal-appell tagħhom tal‑25 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża C‑669/17 P, TKB u l-azzjonisti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ta’ TKB;

–        tiddikjara li r-rikors ta’ TKB ma huwiex mingħajr skop;

–        tiddikjara li r-rikors ippreżentat minn TKB huwa ammissibbli;

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina t-talba għal annullament, u

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-appell.

28.      Fir-risposta għall-appell tagħhom fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P, TKB u l-azzjonisti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tiddikjara li r-rikors għal annullament [ippreżentat mill-azzjonisti] huwa ammissibbli u li r-rikors ma huwiex mingħajr skop, u

–        tikkundanna lill-BĊE u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29.      Fir-risposta għall-appell tiegħu fil-Kawża C‑669/17 P, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil [TKB u lill-azzjonisti] għall-ispejjeż.

30.      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Marzu 2018, il-Kawżi C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P ġew magħquda għall-finijiet tas-seduta kif ukoll tas-sentenza.

31.      Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal‑11 ta’ Frar 2019.

V.      Analiżi ġuridika

32.      Il-BĊE rnexxa fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali parzjalment biss, jiġifieri fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn TKB. Għal din ir-raġuni, id-digriet tal-Qorti Ġenerali qiegħed jiġi kkontestat miż-żewġ naħat fil-proċedura ta’ appell, filwaqt li l-Kummissjoni ssostni, b’appell proprju, il-pożizzjoni tal-BĊE.

33.      Permezz tal-appell fil-Kawża C‑669/17 P, l-ewwel nett, TKB u l-azzjonisti jikkontestaw il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li bih il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn TKB (ara l-parti A, iktar ’il quddiem).

34.      It-tieni nett, l-appelli ppreżentati mill-BĊE fil-Kawża C‑663/17 P u mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑665/17 P huma, min-naħa tagħhom, diretti kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti. Bħala bażi għall-appelli tagħhom, iż-żewġ appellanti jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-interess ġuridiku kif ukoll dwar l-inċidenza diretta u individwali tal-azzjonisti. Għaldaqstant, l-eżami tal-fondatezza ta’ dawn l-appelli jista’ jsir flimkien (ara l-parti B, iktar ’il quddiem).

A.      Fuq l-appell fil-Kawża C669/17 P

35.      Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑669/17 P, TKB u l-azzjonisti jikkontestaw il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn TKB. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għaliex fis‑17 ta’ Marzu 2016 l-istralċjarju rrevoka l-prokuri kollha mogħtija minn TKB u mill-ex bord tad-diretturi tagħha, u għalhekk l-appellanti ma kinitx għadha rrappreżentata b’mod effettiv quddiem il-Qorti Ġenerali.

36.      Insostenn tal-appell tagħhom, TKB u l-azzjonisti jinvokaw, essenzjalment (9), żewġ aggravji, jiġifieri, l-ewwel wieħed, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, it-tieni wieħed, sussidjarjament, li l-prokura tal-avukati għall-finijiet tal-kawża ma ġietx irrevokata b’mod effettiv.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

37.      L-appell huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat mill-azzjonisti u sa fejn huwa indirizzat biss kontra l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat biss minn kwalunkwe parti telliefa parzjalment jew kompletament fit-talbiet tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talbiet tal-azzjonisti fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom.

38.      Sa fejn l-appell ġie ppreżentat minn TKB, l-ammissibbiltà tiegħu tiddependi preċiżament fuq il-fondatezza tal-ilmenti li fuqhom TKB tibbaża l-appell tagħha. Il-fondatezza u l-ammissibbiltà għandhom għalhekk jiġu eżaminati flimkien.

2.      Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

39.      Bl-ewwel aggravju tagħha, TKB essenzjalment issostni li huwa inkompatibbli mal-obbligu li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jiġi aċċettat li, bħala konsegwenza tal-istralċ, l-istralċjarju għandu setgħa esklużiva ta’ rappreżentanza fil-kwistjonijiet kollha relatati mar-revoka tal-liċenzja u, flimkien ma’ dan, is-setgħa li jirrevoka l-prokuri mogħtija mill-bord tad-diretturi lill-avukati għall-finijiet tal-kawża. Dan peress li jkun qiegħed iċaħħad lil TKB, fil-liġi jew għall-inqas fil-fatt, minn protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-revoka tal-liċenzja bankarja tagħha.

40.      Fil-punti 36 sa 38 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-oġġezzjoni. Bħala motivazzjoni, hija ddikjarat li, bħala persuna ġuridika, TKB kien għad għandha locus standi b’mod konformi mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li kien f’idejn l-istralċjarju li jippreżenta rikors għal annullament f’isem TKB. Bħala riżultat tal-istralċ u tal-ħatra tal-istralċjarju, l-ex bord tad-diretturi ma setax jibqa’ jirrappreżenta b’mod effettiv lil TKB u għalhekk ma setax jawtorizza rappreżentanti legali. Pjuttost, din id-deċiżjoni issa kienet f’idejn l-istralċjarju, li b’hekk seta’ wkoll jirrevoka l-prokuri tal-avukati li ppreżentaw ir-rikors għal annullament f’isem TKB.

41.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tiddeċiedi fil-punt 36 tad-digriet appellat li l-għan tal-protezzjoni ġudizzjarja mfittex mill-bank, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni ta’ revoka tal-liċenzja tiegħu, jistax effettivament jinkiseb bl-għoti lill-istralċjarju tar-responsabbiltà sabiex jippreżenta rikors. TKB tqajjem dubju dwar dan għal żewġ raġunijiet.

42.      Minn naħa, hija tafferma li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-mandat tal-istralċjarju kien jinkludi s-setgħa legali li jikkontesta r-revoka tal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward l-appellanti essenzjalment tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ara l-punt (b) iktar ’il quddiem).

43.      Min-naħa l-oħra, huwa żball ta’ liġi li l-eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja permezz tal-istralċjarju titqies bħala effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). L-ewwel nett, l-istralċjarju nħatar mill-KSFK, li fuq proposta tagħha l-BĊE rrevoka l-awtorizzazzjoni tal-appellanti. Għalhekk, huwa ma setax jirrappreżenta b’mod effettiv l-interessi ta’ TKB fil-konfront ta’ dawn l-istituzzjonijiet. It-tieni nett, il-bord tad-diretturi biss kien involut sostanzjalment mill-bidu fil-proċess li jikkonċerna r-revoka tal-liċenzja, bir-riżultat li l-istralċjarju ma setax jissostitwixxih fl-istadju tal-proċeduri legali. It-tielet nett, l-istralċjarju jkun qiegħed jikkommetti nuqqas jekk jipprova jirkupra l-liċenzja u għaldaqstant l-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpannija, li n-negozju tagħha proprjament huwa għandu jillikwida (it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ara l-punt (c) iktar ’il quddiem).

44.      Madankollu, l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi ċċarat il-punt preliminari jekk, kuntrarjament għar-regoli nazzjonali dwar is-setgħat tal-istralċjarju u r-rappreżentanza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fi stralċ, id-dritt tal-Unjoni jistax fil-fatt jagħti lok għaż-żamma tas-setgħa ta’ rappreżentanza tal-ex bord tad-diretturi għall-iskopijiet li jiġi ppreżentat rikors għal annullament (ara l-punt (a) iktar ’il quddiem).

a)      Fuq l-interazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali fl-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuna ġuridika

45.      Il-kwistjoni dwar jekk persuna ġuridika tistax tippreżenta rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni b’mod konformi mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni biss (10). Madankollu, minħabba li persuna ġuridika ma tistax twettaq atti proċedurali hija stess, il-prospett tagħha li tikseb protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa direttament marbut mal-kwistjoni tad-determinazzjoni tar-rappreżentant awtorizzat. Għalhekk, din il-mistoqsija hija wkoll kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

46.      Fl-assenza ta’ regoli rilevanti dwar ir-rappreżentanza ta’ persuni ġuridiċi fil-livell tal-Unjoni, għandu bħala prinċipju jiġi kkunsidrat id-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat ir-rappreżentant awtorizzat (11). Fl-istess ħin, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tostakola d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk u sakemm isir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għal ċerti rekwiżiti proċedurali (12).

47.      Min-naħa l-oħra, fil-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li d-deċiżjoni finali tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) fi kwalunkwe każ kienet tipprekludi rikors għal annullament ippreżentat mill-bank, irrappreżentat mill-ex bord tad-diretturi. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, minkejja sottomissjoni għall-kuntrarju magħmula mill-avukati, l-ex bord tad-diretturi ta’ TKB ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jippreżenta rikors għal annullament f’isem TKB kontra d-deċiżjoni tal-BĊE. Fil-punt 35 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li din id-deċiżjoni hija vinkolanti anki jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess u anki jekk l-istralċjarju ma għandux is-setgħa li jippreżenta rikors għal annullament f’isem l-appellanti.

48.      Jekk din il-preżunzjoni kellha tkun korretta, il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni tal-BĊE, jiġifieri ta’ att tal-Unjoni, tkun effettivament tiddependi mid-dritt nazzjonali. Din il-possibbiltà tista’ anki tkun kompletament eskluża, bħal fil-każ li kieku l-istralċjarju ma jkollux is-setgħa, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, li jippreżenta rikors għal annullament. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar jekk att tal-Unjoni jistax jiġi (effettivament) mistħarreġ f’każ individwali ma tistax tkun f’idejn id-dritt nazzjonali.

49.      Din l-idea tista’ tintwera bl-użu ta’ eżempji varji meħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Għalhekk, fis-sentenza Groupement des Agences de voyages, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn kumpannija waqt li kienet qiegħda tiġi inkorporata li ma kellhiex personalità ġuridika taħt id-dritt nazzjonali, u dan għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita u mhux ikkontestata, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, bħala prinċipju għandu jsir riferiment biss għad-dritt nazzjonali tal-kumpanniji (13). Madankollu, il-fattur kruċjali mill-perspettiva ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kien li assoċjazzjoni li lilha huwa indirizzat att tal-Unjoni għandha tkun tista’ tippreżenta wkoll rikors kontra dan l-att (14).

51.      Bl-istess mod, fil-kawża PKK il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li organizzazzjoni xorta għandha titqies li għandha locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, irrispettivament mil-likwidazzjoni tagħha u mit-telf tal-personalità ġuridika tagħha, jekk il-protezzjoni ġudizzjarja ma tistax tkun effettivament żgurata b’mod ieħor (15). Fid-digriet annullat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fl-assenza ta’ personalità ġuridika tali organizzazzjoni ma setgħet tawtorizza l-ebda rappreżentant (16). Hija qieset li ma setgħetx tinjora din iċ-ċirkustanza, għalkemm kienet irrikonoxxiet il-problema tal-protezzjoni ġudizzjarja (17).

52.      Kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet tikkonċerna ż-żamma ta’ personalità ġuridika ta’ persuna ġuridika għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni u mhux iż-żamma tas-setgħa ta’ rappreżentanza ta’ persuna li taġixxi għaliha. Madankollu, dawn huma bbażati fuq l-idea li l-qrati tal-Unjoni ċertament ma “għandhomx idejhom marbutin” f’każijiet fejn l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tkun tfisser li ma jistax jingħata rimedju ġudizzjarju effettiv (18). Pjuttost, huma wkoll obbligati jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’tali każijiet.

53.      Tali idea lanqas ma hija kontradetta mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna li titlob protezzjoni ġudizzjarja f’ċirkustanzi oħra hija fl-aħħar mill-aħħar intitolata biss għal talbiet għal kumpens, fejn id-dritt nazzjonali jċaħħadha mill-possibbiltà ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ebda waħda mill-kawżi li ġew diskussi f’dan ir-rigward waqt is-seduta ma kienet tikkonċerna rikorsi ppreżentati minn destinatarju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra att tal-Unjoni indirizzat lilu, iżda rikorsi ppreżentati minn persuni li ma humiex destinatarji kontra atti tal-Unjoni b’effett ġenerali u li jeħtieġu traspożizzjoni jew jinvolvu atti ta’ implimentazzjoni nazzjonali (19). Jekk f’tali każijiet id-dritt nazzjonali ma jipprevedix rimedju ġudizzjarju (effettiv), rikors għal annullament li ma huwiex previst fl-iskema taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax “minflok” jiġi ppreżentat direttament kontra l-att sottostanti tal-Unjoni.

54.      Madankollu, ir-rikors ippreżentat f’din il-kawża mid-destinatarju – TKB – kontra l-att tal-Unjoni li qiegħed jikkawżalu ħsara – id-deċiżjoni tal-BĊE – huwa previst ipso jure fl-iskema taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u b’mod partikolari ma jistax jiġi ssostitwit b’talba għal kumpens. Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni lanqas biss hemm possibbiltà teoretika li r-revoka tal-liċenzja mill-BĊE tiġi eżaminata quddiem il-qrati nazzjonali (20).

55.      Bl-istess mod, talba għal miżuri provviżorji ma setgħetx tipprevjeni s-sitwazzjoni inkwistjoni peress li, għal dan il-għan, bħal rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà għandhom jiġu ssodisfatti fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala konsegwenza tar-revoka tal-liċenzja, 11‑il jum biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE nħatar stralċjarju, b’tali mod li fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar miżuri provviżorji, il-prokuri tal-avukat kienu jkunu diġà ġew irrevokati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 278 TFUE huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, f’dan il-każ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tirrevoka l-liċenzja, iżda mhux l-istralċ skont id-dritt nazzjonali.

56.      Il-konklużjoni li ma jistax jiġi kkunsidrat id-dritt nazzjonali f’dan il-każ sabiex jiġi ddeterminat ir-rappreżentant awtorizzat għal TKB hija kkonfermata, barra minn hekk, meta wieħed jirreferi għal proċeduri paralleli. Fi proċedura simili quddiem il-Qorti Ġenerali, pereżempju, il-qorti Maltija responsabbli għall-likwidazzjonijiet kkonfermat espressament, fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ stralċ tal-bank ikkonċernat, is-setgħa ta’ rappreżentanza tal-bord tad-diretturi sabiex jippreżenta rikors għal annullament kontra r-revoka tal-liċenzja bankarja quddiem il-Qorti Ġenerali (21). Kien hemm ukoll każijiet fil-Latvja fejn il-bord tad-diretturi kien ikkunsidrat li għad għandu s-setgħa ta’ rappreżentanza għall-proċedura miġjuba kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni (22). Jekk tiġi segwita l-opinjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà ta’ stħarriġ ta’ att tal-Unjoni tkun għalhekk tiddependi fuq il-kundizzjonijiet tal-qafas legali fl-Istat Membru rispettiv.

57.      Billi fil-punt 35 tad-digriet appellat ikkunsidrat li s-setgħa ta’ rappreżentanza u għalhekk is-setgħa ta’ revoka tal-prokuri, fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali biss, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

58.      Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi jista’ jirriżulta fl-annullament tad-digriet appellat biss jekk ir-revoka tal-prokura mill-istralċjarju fil-fatt tista’ tipprevjeni lill-bank milli jikseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu. Dan ma jkunx il-każ jekk il-protezzjoni ġuridika mitluba mill-bank tkun tista’ tinkiseb b’mod daqstant ieħor effettiv mill-istralċjarju.

b)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

59.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiddeskrivi l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva bħala d-dritt universali għal rimedju effettiv quddiem qorti. Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jirriżulta wkoll li l-aċċess għall-ġustizzja għandu jkun żgurat. Il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rimedju li jeżisti biss formalment jew teoretikament, iżda li huwa eskluż fil-prattika, ma tistax titqies li hija suffiċjenti (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma tqisx li possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju hija effettiva jekk l-unika possibbiltà ta’ aċċess għal qorti tkun disponibbli għal partijiet li huma mġiegħla jaġixxu illegalment sabiex imbagħad ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra s-sanzjoni rilevanti (24).

60.      Kieku l-istralċjarju ma kienx diġà awtorizzat de jure skont id-dritt Latvjan sabiex jikkontesta r-revoka tal-awtorizzazzjoni, l-ebda rimedju ġudizzjarju ma jkun disponibbli għall-bank, peress li naturalment persuna ġuridika ma tistax twettaq atti proċedurali hija stess, iżda għandha tkun irrappreżentata minn persuna fiżika. Madankollu, dan, fi kwalunkwe każ, ma jissodisfax ir-rekwiżiti marbuta mal-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.

61.      Fl-ewwel istanza TKB argumentat li tali restrizzjoni tas-setgħa tar-rappreżentanza tal-istralċjarju tirriżulta mill-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi Kummerċjali, li jirrestrinġi s-setgħat tiegħu li jaġixxi fi tranżazzjonijiet li ma humiex f’kontradizzjoni mal-għan tal-istralċ tal-kumpannija. Il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, ikkonstatat fil-punt 36 tad-digriet appellat li d-dritt Latvjan jagħti lill-istralċjarju l-kompitu li jippreżenta rikors għal annullament f’isem il-bank.

62.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li evalwazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali tista’ tkun is-suġġett ta’ lment fil-proċedura ta’ appell jekk il-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali (25).

63.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha, żnaturatx il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew tal-ġurisprudenza nazzjonali dwarhom jew anki letteratura ġuridika li tikkonċernahom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fir-rigward ta’ dawn l-elementi, waslitx għal konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fl-eżami ta’ dawn l-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma għandux ikollu meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess (26).

64.      Għaldaqstant, l-appellant għandu jsostni li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet li manifestament imorru kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni jew li, fid-dawl tal-atti tal-proċess, hija tat lil dawn id-dispożizzjonijiet portata li manifestament ma għandhomx (27).

65.      Mill-proċess jirriżulta li TKB hija tal-fehma li l-abbiltà tal-istralċjarju li jaġixxi hija limitata, skont l-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi Kummerċjali, għal miżuri li ma jmorrux kontra l-għan tal-istralċ, filwaqt li l-BĊE jiċċita l-Artikoli 133(4) u 161(1) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu sabiex juri li l-istralċjarju jgawdi mis-setgħat kollha li jgawdi wkoll minnhom bord tad-diretturi ta’ bank.

66.      Is-sitwazzjoni legali Latvjana għalhekk ma tistax titqies bħala ċara biżżejjed sabiex l-ipoteżi tal-Qorti Ġenerali li skont id-dritt Latvjan l-istralċjarju jgawdi mill-inqas de jure mill-possibbiltà li jikkontesta r-revoka tal-awtorizzazzjoni mill-BĊE quddiem il-qrati tal-Unjoni titqies bħala żnaturament tal-fatti fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

67.      Minn dan jirriżulta li din il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali hija vinkolanti.

c)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

68.      Għaldaqstant, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li din il-protezzjoni ġudizzjarja hija effettiva. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rimedju ġudizzjarju ma jistax ikun ineffettiv de facto.

69.      F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Bobek diġà ddikjara fi bnadi oħra li l-kwistjoni dwar jekk rimedju ġudizzjarju huwiex effettiv għandha tiġi mwieġba b’riferiment għal kunsiderazzjonijiet strutturali (28). Fid-dawl ta’ dan, l-eżistenza ta’ possibbiltà purament formali ta’ rimedju ma tistax tkun biżżejjed jekk il-kundizzjonijiet tal-qafas legali huma mfassla b’tali mod li dik il-possibbiltà de facto ma tistax tintuża. Inkella l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jitlef is-sens tiegħu.

1)      Il-possibbiltà ta’ preżentata ta’ rikors mill-istralċjarju tista’ titqies effettiva?

70.      Fir-rigward tal-possibbiltà li l-istralċjarju jippreżenta rikors wara li tkun inbdiet proċedura ta’ stralċ, TKB issostni, l-ewwel nett, li fir-rigward tal-Artikolu 322(1) tal-Kodiċi Kummerċjali, il-fatt li l-istralċjarju jikkontesta r-revoka tal-awtorizzazzjoni jikkostitwixxi, minn tal-inqas, nuqqas li jwettaq id-dmirijiet tiegħu. Għal din ir-raġuni, skont TKB, rikors ippreżentat mill-istralċjarju huwa biss possibbiltà teoretika. F’dan ir-rigward, il-BĊE joġġezzjona li l-istralċjarju għandu l-obbligu fil-konfront tal-kredituri li jiġġenera l-ikbar ammont possibbli ta’ distribuzzjoni u għalhekk jista’ jkun fl-interess sħiħ tiegħu li jikkontesta r-revoka tal-awtorizzazzjoni.

71.      Huwa minnu li, bħala prinċipju, kontinwazzjoni temporanja tal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpannija kkonċernata tista’ possibbilment tkun permessa fid-dawl tal-obbligu tal-istralċjarju fil-konfront tal-kredituri tal-kumpannija. Madankollu, b’differenza minn proċedura ta’ insolvenza l-għan tal-istralċ huwa proprju l-likwidazzjoni tal-assi tal-kumpannija u t-tmiem komplut tal-kumpannija. Li kieku l-istralċjarju jingħata l-kompitu li jikkontesta r-revoka tal-liċenzja quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-istralċjarju jkun qiegħed jintalab jelimina l-bażi legali għall-istralċ tal-kumpannija. Dan ma huwiex parti mill-kompitu tiegħu.

72.      Is-sitwazzjoni ta’ stralċjarju ma tistax titqabbel mas-sitwazzjoni ta’ likwidatur li jamministra l-assi ta’ kumpannija li kellha tagħmel dikjarazzjoni ta’ insolvenza bħala riżultat ta’ att tal-Unjoni adottat fil-konfront tagħha, bħal pereżempju multa fil-qasam tal-kompetizzjoni. F’din is-sitwazzjoni ma hemm l-ebda problema sabiex ir-rappreżentanza tal-kumpannija kkonċernata tgħaddi biss lil-likwidatur għall-finijiet ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni (29). Huwa fl-interess tiegħu li jikkontesta l-multa fil-qasam tal-kompetizzjoni jekk b’dan il-mod l-insolvenza tkun għadha tista’ tiġi evitata. Eżempju ċar f’dan ir-rigward huwa pprovdut minn kawża li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi: f’dik il-kawża, il-likwidatur maħtur temporanjament wara l-impożizzjoni tal-multa fil-qasam tal-kompetizzjoni kien saħansitra obbligat, skont id-dritt nazzjonali, li jiżgura li l-kumpannija tibqa’ operattiva (30). Madankollu, fil-każ preżenti, is-sitwazzjoni hija preċiżament l-oppost f’termini ta’ interessi u dmirijiet tal-istralċjarju.

73.      It-tieni nett, TKB issostni li l-interessi tal-bank jistgħu jiġu effettivament rappreżentati biss mill-bord tad-diretturi, li kien involut mill-bidu fil-proċedura kumplessa li tikkonċerna r-revoka tal-liċenzja. Il-kontinwità għandha għalhekk tkun żgurata fil-persuni li jaġixxu f’ismu fl-istadju tal-proċedimenti legali.

74.      Għandu jiġi nnotat li l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE ma kkunsidrax l-oġġezzjoni ppreżentata mill-bord tad-diretturi kontra r-revoka tal-liċenzja bħala inammissibbli u ddeċieda fuq il-mertu minkejja li l-prokuri kienu diġà ġew irrevokati mill-istralċjarju u digriet kuntrarju kien inħareġ mir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme). Dan jissuġġerixxi li dawn il-persuni għandhom jitħallew jaġixxu għall-bank anki fl-istadju tal-proċeduri legali. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tal-personalità ġuridika tal-persuni ġuridiċi għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni jirriżulta li d-destinatarju ta’ att tal-Unjoni, fil-kapaċità li huwa kellu fil-mument meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħadu azzjoni fil-konfront tiegħu, għandu jkun kapaċi wkoll jaġixxi kontra l-att li jikkawżalu preġudizzju (31).

75.      It-tielet nett, barra minn hekk, l-istralċjarju ta’ bank li l-awtorizzazzjoni tiegħu ġiet irrevokata huwa maħtur, skont l-Artikolu 377(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fuq proposta tal-KSFK. Skont l-Artikolu 387(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fi kwalunkwe ħin il-KSFK tista’ wkoll titlob is-sostituzzjoni tal-istralċjarju jekk ma jibqax ikollha fiduċja fih. Jekk fl-istess ħin wieħed iqis li l-awtorizzazzjoni ta’ TKB ġiet irrevokata mill-BĊE proprju fuq proposta mill-KSFK, il-kunflitt ta’ interess huwa manifest. Kieku l-istralċjarju ried jaġixxi kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni mill-BĊE, huwa seta’ għalhekk jiġi ssostitwit fi kwalunkwe ħin fuq talba tal-KSFK, li hija fuq in-naħa tal-BĊE f’dan ir-rigward.

76.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet f’każ simili li l-fatt li talba għal stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità tar-revoka tal-liċenzja bankarja, li rriżultat fl-istralċ tal-bank ikkonċernat, setgħet titressaq biss mill-istralċjarju, iżda mhux iktar mill-ex bord tad-diretturi, ikkostitwixxa ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiffoka b’mod partikolari fuq il-fatt li l-istralċjarju kien ikkontrollat de facto mill-awtorità superviżorja, li fi kwalunkwe ħin setgħet tressaq talba għas-sostituzzjoni tiegħu lill-qorti tal-insolvenza (32). B’differenza minn dak il-każ, f’dan il-każ il-KSFK innfisha ma tistax taħtar lill-istralċjarju, għalkemm l-Artikolu 377(2) u l-Artikolu 387(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdu li l-qorti tal-insolvenza għandha taħtar il-persuna proposta mill-KSFK u tneħħih jekk l-istess KSFK titlef il-fiduċja fih.

77.      Id-deċiżjoni tal-istralċjarju li ma jikkontestax ir-revoka tal-awtorizzazzjoni hija għalhekk iddeterminata strutturalment u mhux minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi jew legali marbuta ma’ każ speċifiku. Għal din ir-raġuni, ma jista’ jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-fatt li TKB ma pprovatx tikseb, quddiem il-qrati Latvjani, is-sostituzzjoni tal-istralċjarju maħtur bi stralċjarju ieħor. Taħt is-sitwazzjoni legali Latvjana, kif jirriżulta mill-kontenut tal-proċess, stralċjarju jastjeni sistematikament milli jaġixxi kontra r-revoka tal-liċenzja bankarja f’każ bħal dan. Għalhekk ma hijiex sitwazzjoni fejn il-bord tad-diretturi sempliċement ma huwiex issodisfatt bil-fehma differenti tal-istralċjarju dwar l-adegwatezza tal-azzjoni legali f’dan il-każ individwali (33).

78.      Ir-raba’ nett, tali ċirkustanza ma tista’ tiġi ġġustifikata bl-ebda mod ieħor peress li, minħabba li l-istralċ ta’ TKB huwa irriversibbli skont id-dritt Latvjan, l-unika għażla li tibqa’ de facto hija talbiet għal kumpens li t-tressiq tagħhom jista’ jkun ukoll fl-interess tal-istralċjarju. Taħt is-sitwazzjoni legali Latvjana, l-istralċjarju huwa wkoll suġġett għall-kunflitt ta’ interess imsemmi iktar ’il fuq fir-rigward tal-kontestazzjoni tar-revoka tal-awtorizzazzjoni billi sussegwentement iressaq talbiet għal kumpens. Barra minn hekk, huwa madankollu jkollu formalment jikkontesta l-bażi legali għall-istralċ. Dan ir-raġunament iwassal ukoll għal ċaħda ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva bl-argument li s-sitwazzjoni legali Latvjana tipprekludi protezzjoni ġudizzjarja (primarja) effettiva a priori kontra r-revoka tal-liċenzja.

79.      Taħt dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jitqies li l-protezzjoni ġudizzjarja mitluba minn TKB tista’ tintlaħaq effettivament bir-riferiment għal rikors li għandu jitressaq mill-istralċjarju.

2)      Rikors ippreżentat mill-azzjonisti huwa protezzjoni ġudizzjarja alternattiva effettiva?

80.      Il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tad-digriet appellat, fis-sens li d-dritt ta’ TKB għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex ristrett minħabba r-revoka tal-prokuri u li b’riżultat ta’ dan ma hemmx lok għal rikors, tista’, madankollu, tiġi pprovata bħala korretta għal raġunijiet oħra.

81.      Dan ikun il-każ b’mod partikolari kieku r-rikors ippreżentat mill-azzjonisti, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala ammissibbli fil-punt 72 tad-digriet appellat, huwa adegwat sabiex jikseb b’mod daqstant ieħor effettiv il-protezzjoni ġudizzjarja mitluba mill-bank.

82.      Fil-każ preżenti, huma konċepibbli żewġ forom ta’ rikorsi mill-azzjonisti: rikors ippreżentat mill-azzjonisti f’isimhom stess sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u rikors ippreżentat minn azzjonisti f’isimhom stess sabiex jiddefendu d-drittijiet tal-kumpannija (fil-forma ta’ azzjoni rappreżentattiva) (34).

83.      L-ewwel varjant imsemmi, rikors ippreżentat mill-azzjonisti kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni f’isimhom stess, b’mod partikolari sabiex jiddefendu d-drittijiet għall-proprjetà tagħhom (35) jikkostitwixxi a priori tip ta’ rikors different minn dak ippreżentat mill-bank – bħala detentur tal-awtorizzazzjoni – sabiex jiddefendi l-interessi tiegħu u jżomm l-awtorizzazzjoni, u għalhekk ma jistax jitqies li huwa effettiv bl-istess mod.

84.      Madankollu, fil-punt 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni l-azzjonisti għandhom igawdu d-dritt li jiddefendu l-interessi tal-bank. Irrispettivament minn jekk tali rikors huwiex attwalment ammissibbli (36), dan ir-rikors, fi kwalunkwe każ, lanqas ma jista’ jitqies li huwa effettiv daqs rikors ippreżentat mill-bank innifsu.

85.      L-ewwel nett, rikors li jkollu jiġi ppreżentat minn persuna oħra għandu dejjem jiġi kkunsidrat bħala inqas effettiv peress li l-protezzjoni ġudizzjarja tiddependi fl-aħħar mill-aħħar mir-rieda ta’ terz. F’dan ir-rigward, TKB argumentat, fil-proċedura ta’ appell, li rikors mill-azzjonisti ma jistax jissostitwixxi rikors ippreżentat mill-bank innifsu.

86.      It-tieni nett, l-azzjonisti ma jkollhomx l-informazzjoni jew aċċess għall-iżvolġiment tal-proċedura li huma meħtieġa sabiex jirrappreżentaw il-pożizzjoni tal-bank b’mod effettiv.

87.      It-tielet nett, ir-rimedji disponibbli quddiem il-qrati tal-Unjoni huma mfassla għall-protezzjoni ġudizzjarja diretta tad-destinatarju ta’ att tal-Unjoni li jikkawżalu preġudizzju. Dan jidher mill-fatt li rikorsi ppreżentati minn dawk li ma humiex destinatarji huma ammissibbli biss taħt kundizzjonijiet partikolari; għalihom is-sistema tal-Unjoni ta’ rimedji legali hija kkumplimentata mill-qrati nazzjonali (37). Għaldaqstant, id-destinatarju ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiġi rriferut għal rimedju legali li huwa subordinat f’dan is-sens u li għandu jiġi eżerċitat minn persuna oħra li ma hijiex id-destinatarju nnifsu tal-att inkwistjoni. Fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, għandha tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bħala kwistjoni ta’ prijorità, għad-destinatarju dirett ta’ att tal-Unjoni.

3)      Konklużjoni intermedjarja

88.      Għaldaqstant, il-protezzjoni legali mitluba mill-bank ma tistax tinkiseb b’mod effettiv la permezz ta’ riferiment għar-responsabbiltà tal-istralċjarju li jippreżenta rikors u lanqas b’riferiment għal rikors ippreżentat mill-azzjonisti. Billi, fil-punt 36 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi.

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

3.      Fuq l-effetti tal-fondatezza tal-appell fil-Kawża C699/17 P

90.      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali, sa fejn iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors ta’ TKB, huwa bbażat fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, li jispeċifikaw li lanqas in-nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva wara r-revoka tal-prokuri ma seta’ jwassal sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tiġix applikata u sabiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi żgurata fi kwalunkwe każ mill-istralċjarju. Madankollu, intwera li dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet jikkostitwixxu żball ta’ liġi (38).

91.      Għaldaqstant, il-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat għandu jiġi annullat, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni aggravju li bih TKB issostni sussidjarjament li r-revoka tal-prokuri ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti formali essenzjali nazzjonali.

4.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ TKB quddiem il-Qorti Ġenerali

92.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi hija stess dwar it-tilwima, meta din tkun fi stadju li tiġi deċiża.

93.      Dan huwa l-każ inkwistjoni. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandha tiġi miċħuda mingħajr il-bżonn ta’ konstatazzjoni ulterjuri tal-fatti.

94.      Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fis‑17 ta’ Marzu 2016 l-istralċjarju rrevoka l-prokuri kollha mogħtija minn TKB u mill-ex bord tad-diretturi.

95.      Peress li pprekluda de facto l-aċċess ta’ TKB għall-qrati tal-Unjoni, dan il-fatt ma jistax ikun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha. Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma tistax tirriżulta fl-erożjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra atti tal-Unjoni li hija ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (39).

96.      Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, TKB tista’, madankollu, tikseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra r-revoka tal-liċenzja bankarja tagħha biss permezz tar-rikors ippreżentat f’isimha, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-ex bord tad-diretturi.

97.      F’dan ir-rigward, mill-punti 70 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta qabelxejn, b’mod partikolari, li l-possibbiltà li l-istralċjarju jippreżenta rikors f’isem il-bank, possibbiltà li għadha teżisti formalment wara r-revoka tal-prokuri, ma tistax titqies li hija effettiva.

98.      TKB lanqas ma tista’ tiġi rreferuta għal rikors li għandu jiġi ppreżentat mill-azzjonisti tal-bank, peress li dan ma huwiex effettiv daqs rikors ippreżentat mill-bank innifsu (40).

99.      Konsegwentement, is-setgħa tal-istralċjarju skont id-dritt nazzjonali li jirrevoka l-prokuri kollha sa fejn jikkonċernaw il-mandat għal preżentata ta’ rikors b’mod konformi mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li twassal sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tistax tibqa’ tinkiseb, hija irrilevanti mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prokura oriġinali tal-avukati, li l-validità tagħha fiż-żmien meta ngħatat ma hijiex ikkontestata, xorta għandha titqies bħala effettiva.

100. Barra minn hekk, iż-żamma tas-setgħa ta’ rappreżentanza tal-bord tad-diretturi għall-finijiet tar-rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni ma hijiex affettwata mis-sitwazzjoni legali Latvjana (41). Bl-istess mod bħalma r-rikonoxximent tad-dritt għal azzjoni tal-aġenzija tal-ivvjaġġar ikkonċernata fil-kawża msemmija fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tax personalità ġuridika lil din l-aġenzija skont id-dritt nazzjonali, ir-rikonoxximent tas-setgħa ta’ rappreżentanza tal-ex bord tad-diretturi fil-qafas tar-rikors ippreżentat b’mod konformi mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jirrestawrax fid-dritt nazzjonali l-istatus tiegħu taħt id-dritt tal-kumpanniji li huwa kellu qabel l-istralċ.

101. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tiġi miċħuda sa fejn tikkonċerna r-rikors ippreżentat minn TKB.

B.      Fuq l-appelli fil-Kawżi C663/17 P u C665/17 P

102. Permezz tal-appelli fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P, il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw il-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE rigward ir-rikors ippreżentat mill-azzjonisti.

103. Il-BĊE jibbaża l-appell tiegħu formalment fuq tliet aggravji u l-Kummissjoni formalment fuq tnejn. Mil-lat sostantiv, it-tnejn jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-interess ġuridiku (ara l-parti 1 iktar ’il quddiem) u fid-determinazzjoni tal-locus standi tal-azzjonisti (ara l-parti 2 iktar ’il quddiem).

1.      L-ewwel aggravju: interess ġuridiku tal-azzjonisti

104. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interess ġuridiku tar-rikorrent jeħtieġ li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu (42).

105. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 tad-digriet appellat, rikors għal annullament ippreżentat minn azzjonist ta’ kumpannija huwa bħala prinċipju ammissibbli biss jekk ikun jista’ jinvoka interess ġuridiku proprju, li jkun distint minn dak tal-kumpannija bħala d-destinatarja tal-att tal-Unjoni, fir-revoka ta’ dan l-att. Inkella hu jkun jista’ jiddefendi l-interess tiegħu fir-rigward ta’ dan l-att tal-Unjoni biss billi jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala azzjonist tal-kumpannija (43).

106. Ir-raġuni għal dan hija li f’dan ir-rigward il-kumpannija nnifisha għandha d-dritt għal azzjoni kontra l-att tal-Unjoni. Għalhekk, rikors ippreżentat minn azzjonist ma huwiex neċessarju u għandu jitqies bħala subordinat għall-protezzjoni ġuridika diretta tal-kumpannija bħala d-destinatarja tal-att inkwistjoni (44).

107. Madankollu, fil-punt 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-azzjonisti f’din il-kawża jistgħu, eċċezzjonalment, iressqu proċeduri sabiex jiddefendu l-interessi tal-bank minħabba li huma preklużi, minħabba l-istralċ ta’ TKB, milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-kumpanniji internament fil-konfront tal-bord tad-diretturi.

108. Il-punt kruċjali hawnhekk huwa t-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk jistax jiġi aċċettat li l-azzjonisti għandhom interess ġuridiku proprju jew li jistgħu jippreżentaw rikors sabiex jiddefendu l-interessi tal-bank. Dan il-punt jiddetermina r-rekwiżiti li għandhom jiġu applikati fil-pass li jmiss fl-eżami tal-locus standi. Jekk l-azzjonisti jistgħu jippreżentaw rikors partikolarment sabiex jiddefendu l-interessi tal-bank, fir-rigward tal-locus standi jista’ jkun rilevanti biss jekk il-bank huwiex direttament u individwalment affettwat mir-revoka tal-awtorizzazzjoni u mhux l-azzjonisti nnifishom.

109. Dan jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal azzjoni ta’ assoċjazzjonijiet fid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan il-qasam hemm ripetutament sitwazzjonijiet fejn assoċjazzjoni tippreżenta rikors għal annullament f’isimha stess sabiex tiddefendi l-interessi ta’ persuna ġuridika oħra, ġeneralment membru tagħha.

110. Skont din il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni li fiha huma organizzati impriżi affettwati minn deċiżjoni ta’ għajnuna mill-Istat tista’, bħala prinċipju, tippreżenta rikors kontra tali deċiżjoni biss jekk tkun tista’ tinvoka interess ġuridiku proprju sabiex tressaq proċeduri. Interess ġuridiku proprju tal-assoċjazzjoni jista’ jkun ibbażat, pereżempju, fuq il-preservazzjoni tal-pożizzjoni tan-negozjar tagħha. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement teħtieġ bħala l-pass li jmiss li l-pożizzjoni ta’ negozjar tal-assoċjazzjoni tkun affettwata individwalment u direttament mid-deċiżjoni kkontestata (45).

111. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li assoċjazzjoni jista’ jkollha d-dritt li tippreżenta rikors f’isimha stess sabiex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni. F’dan il-każ il-locus standi jiddependi fuq jekk il-membri humiex individwalment u direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (46).

112. Dan huwa biss loġiku. Dan għalhiex huwa evidenti li l-assoċjazzjoni ma tkunx individwalment u direttament affettwata fil-pożizzjonijiet ġuridiċi tagħha stess meta tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha. Konsegwentement, jekk persuna għandha titħalla tiddefendi l-interessi ta’ persuna oħra, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors ma tistax tkun suġġetta għar-rekwiżit li r-rikorrent innifsu huwa affettwat. Dan għandu japplika kemm għal rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet kif ukoll għal rikorsi ppreżentati minn azzjonisti. Il-Qorti Ġenerali tqis ukoll fil-ġurisprudenza tagħha li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-ġurisprudenza rigward id-dritt għal azzjoni ta’ assoċjazzjonijiet jistgħu jiġu applikati għad-dritt għal azzjoni tal-azzjonisti (47).

113. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-azzjonisti f’dan il-każ – kif qieset il-Qorti Ġenerali – jistgħux, eċċezzjonalment, jinvokaw l-interess li għandu wkoll il-bank fl-annullament tad-deċiżjoni. Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk l-azzjonisti għandhomx interess ġuridiku proprju u jekk, għal din ir-raġuni, id-digriet appellat jistax ikun fondat.

a)      L-azzjonisti għandhom interess ġuridiku proprju?

114. L-interess ekonomiku li tinżamm il-liċenzja, li l-uniku detentur tagħha huwa l-bank, ma jistax bħala prinċipju jiġġustifika interess ġuridiku proprju tal-azzjonisti. Dan peress li l-interess tal-azzjonisti f’dan ir-rigward jikkoinċidi ma’ dak tal-bank (48).

115. Jekk rikorrent mhux ipprivileġġat jippreżenta rikors għal annullament kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu (interess ġuridiku), jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (b’mod partikolari l-inċidenza diretta) (49).

116. Għal din ir-raġuni, ir-rwol tal-azzjonisti fil-proċedura amministrattiva qabel ir-revoka tal-liċenzja, li ġie enfasizzat waqt is-seduta, ma jistax fih innifsu jiġġustifika interess ġuridiku proprju tal-azzjonisti. Dan peress li l-parteċipazzjoni fil-proċedura ma hijiex suffiċjenti, bħala tali, sabiex il-parti kkonċernata b’dan il-mod tkun affettwata mill-att adottat fi tmiem il-proċedura (50).

117. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, l-azzjonisti ta’ bank jistgħu jinvokaw, b’mod partikolari, id-difiża tad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom bħala interess ġuridiku proprju (51). F’każijiet bħal dawn il-Qorti Ġenerali teżamina jekk l-istatus tal-azzjonist bħala l-proprjetarju tal-ishma fil-kumpannija huwiex affettwat individwalment u direttament mill-att tal-Unjoni indirizzat lill-kumpannija (52).

118. Skont ġurisprudenza stabbilita, persuna li ma hijiex destinatarja ta’ att tal-Unjoni hija affettwata individwalment minnu, skont it-tifsira tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-każ biss li l-att ikkonċernat jaffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju (53). Il-kriterju ta’ inċidenza diretta jeħtieġ ukoll f’dan ir-rigward li l-att tal-Unjoni inkwistjoni għandu jinċidi direttament fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-imsemmi att, liema implimentazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mid-dritt tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (54).

119. Madankollu, l-istatus ta’ azzjonisti taħt id-dritt tal-kumpanniji jew id-drittijiet għall-proprjetà tagħhom ma humiex – kif argumentaw il-BĊE u l-Kummissjoni – affettwati, għall-inqas mhux direttament, mir-revoka tal-awtorizzazzjoni, peress li r-revoka tal-liċenzja bankarja nnifisha ma għandha l-ebda effetti diretti fuq l-istatus tal-azzjonisti u l-proprjetà tagħhom fl-ishma ta’ TKB. Ċerti effetti legali jseħħu fil-kuntest tal-istralċ tal-kumpannija skont id-dritt nazzjonali, billi l-likwidazzjoni tal-kumpannija tinvolvi t-telf definittiv tad-drittijiet għall-proprjetà u tas-sħubija. Madankollu, l-istralċ iseħħ wara r-revoka tal-liċenzja bankarja u bl-ebda mod ma huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. L-effetti legali tal-istralċ għalhekk ma jseħħux direttament fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata.

120. Is-sempliċi fatt li r-revoka tal-awtorizzazzjoni tipperikola l-għan tal-kumpannija u għalhekk tista’ tkun riflessa f’telf fil-valur tal-ishma ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita inċidenza diretta. Barra minn hekk, ikun inkompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-azzjonisti jingħataw id-dritt li jikkontestaw kwalunkwe att tal-Unjoni li jista’ jkollu effetti detrimentali fuq il-valur tal-ishma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

121. Barra minn hekk, l-interess li l-azzjonisti f’dan il-każ għandhom sabiex jiżguraw il-futur tal-kumpannija ma huwiex differenti biżżejjed mill-interess tal-bank li jżomm il-liċenzja tiegħu (55).

122. Għaldaqstant, interess ġuridiku proprju tal-azzjonisti għandu jiġi miċħud.

b)      L-azzjonisti jistgħu jippreżentaw rikors fl-interess tal-bank?

123. Fi kwalunkwe każ, fil-punt 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li f’dan il-każ għandha ssir deroga mill-prinċipji stabbiliti fil-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li l-interess ġuridiku tal-azzjonisti għandu jiġi affermat, għalkemm ma humiex qegħdin ifittxu li jiddefendu interess tagħhom stess, iżda l-interess tal-bank.

124. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 54 sa 56, li l-azzjonisti f’din il-kawża ma kellhomx il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza li permezz tagħha setgħu jitolbu li jippreżentaw rikors f’isem il-bank. Għalhekk kellu jiġi aċċettat li l-azzjonisti kellhom interess ġuridiku sabiex jiddefendu l-interessi tal-bank.

125. Kif diġà ġie spjegat fil-punt 106 iktar ’il fuq, ir-raġuni għar-restrizzjoni tad-dritt tal-azzjonisti għal azzjoni hija li l-kumpannija nnifisha għandha d-dritt għal azzjoni kontra l-att tal-Unjoni u mhux li l-azzjonisti jistgħu normalment jeżerċitaw influwenza fuq il-kumpannija jew fuq il-bord tad-diretturi tagħha u għalhekk jinsistu sabiex jiġi ppreżentat rikors. L-ebda ordinament ġuridiku ma jirrikonoxxi tali setgħa għal-laqgħa tal-azzjonisti. Kieku d-dritt tal-azzjonisti għal azzjoni dejjem kellu jkun irrikonoxxut fejn il-possibbiltajiet ta’ influwenza taħt id-dritt tal-kumpanniji jkunu ristretti, tali dritt ikollu jkun permess fi kwalunkwe proċedura ta’ stralċ u ta’ insolvenza.

126. Huwa minnu li f’każijiet fejn l-azzjonisti ma jistgħux jinvokaw interess separat mill-interess li l-kumpannija għandha fl-annullament tal-att tal-Unjoni, huma ma jistgħux jippreżentaw rikors għas-sempliċi raġuni li l-kumpannija nnifisha għandha locus standi f’dan ir-rigward (56). Peress li l-kumpannija għandha dan id-dritt għal azzjoni, huwa ġġustifikat f’dan ir-rigward li l-azzjonisti jiġu rreferuti għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ sħubija tagħhom taħt id-dritt tal-kumpanniji (57). Dan huwa konsistenti ma’ struttura normali skont id-dritt tal-kumpanniji, fejn il-kumpannija hija rrappreżentata esternament mill-bord tad-diretturi u mhux mill-azzjonisti.

127. Għalhekk ma tistax issir eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, skont is-sens u l-iskop tiegħu, f’każijiet fejn id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-azzjonisti huma ristretti, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 54 sa 56 tad-digriet appellat, iżda, jekk xejn, din l-eċċezzjoni għandha ssir f’każijiet fejn il-kumpannija nnifisha ma tistax (effettivament) tippreżenta rikors kontra l-att tal-Unjoni inkwistjoni.

128. Madankollu, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tiegħi fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑669/17 P, ma teżisti l-ebda sitwazzjoni bħal din hawnhekk. Pjuttost, wieħed għandu jqis li rikors ippreżentat minn TKB, irrappreżentata mill-ex bord tad-diretturi, xorta huwa possibbli. Konsegwentement, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jitbiegħed mill-prinċipju mtenni mill-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tad-digriet appellat, fis-sens li rikors għal annullament ippreżentat minn azzjonist ta’ kumpannija huwa bħala prinċipju ammissibbli biss jekk dan l-azzjonist ikun jista’ juri interess ġuridiku proprju, separat mill-interess tal-kumpannija bħala d-destinatarja tal-att tal-Unjoni.

129. Bid-deċiżjoni tagħha fil-punt 57 tad-digriet appellat li, b’deroga minn dan il-prinċipju, l-azzjonisti jistgħu jiġu kkunsidrati li għandhom interess ġuridiku fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

130. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju invokat, essenzjalment, mill-BĊE u mill-Kummissjoni fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P għandu jintlaqa’.

2.      It-tieni aggravju: locus standi tal-azzjonisti?

131. Peress li l-interess ġuridiku tal-azzjonisti f’dan il-każ għandu jiġi miċħud, ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti fl-istadju li jmiss kontra l-locus standi tal-azzjonisti, b’mod partikolari fir-rigward tal-inċidenza individwali u diretta tagħhom.

132. Skont id-dikjarazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq (58), l-inċidenza individwali u diretta tal-azzjonisti fil-pożizzjoni legali tagħhom hija fi kwalunkwe każ irrilevanti f’rikors li jiddefendi l-interessi tal-bank. Kien ikun neċessarju li jiġi eżaminat dan il-punt biss kieku l-Qorti Ġenerali kienet aċċettat li l-azzjonisti għandhom interess ġuridiku proprju (59).

133. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 53 sa 57 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali xtaqet titbiegħed minn dan l-approċċ. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi ma kellhiex teżamina bħala l-pass li jmiss jekk kinux l-azzjonisti jew jekk kinitx TKB li kienu direttament u individwalment affettwati mir-revoka tal-awtorizzazzjoni fil-pożizzjonijiet legali proprji tagħhom. Minħabba l-kapaċità tagħha bħala d-destinatarju tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, dan għandu jkun affermat.

134. Għaldaqstant, rikors ippreżentat mill-azzjonisti sabiex jiddefendu l-interessi ta’ TKB fiż-żamma tal-awtorizzazzjoni huwa fi kwalunkwe każ eskluż peress li TKB, irrappreżentata mill-bord tad-diretturi, tista’ taġixxi hija stess kontra r-revoka tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-BĊE (60).

3.      Konklużjoni

135. Mill-fondatezza tal-ewwel aggravju li permezz tiegħu, fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P, il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-azzjonisti għandhom interess ġuridiku f’din il-kawża jirriżulta li d-digriet appellat għandu jiġi annullat fil-punt 2 tad-dispożittiv tiegħu. Dan peress li fl-assenza ta’ interess ġuridiku tal-azzjonisti, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx taċċetta l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti u tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE f’dan ir-rigward.

136. Fl-istess ħin, jirriżulta li l-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-assenza ta’ interess ġuridiku, ir-rikors tal-azzjonisti huwa inammissibbli.

VI.    Fuq l-ispejjeż

137. Peress li, fil-fehma tiegħi, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-kontinwazzjoni tal-proċedura, sa fejn tikkonċerna r-rikors ippreżentat minn TKB, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż f’dan ir-rigward għandha tkun irriżervata mal-mertu.

VII. Konklużjonijiet ġenerali

138. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti:

1)      Tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, EU:T:2017:623).

2)      Tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fl-ewwel istanza mill-Bank Ċentrali Ewropew sa fejn tikkonċerna r-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka AS.

3)      Tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza mit-tieni sas-seba’ appellanti fil-Kawża C‑669/17 P bħala inammissibbli.

4)      Tikkundanna lit-tieni sas-seba’ appellanti fil-Kawża C‑669/17 P għall-ispejjeż tar-rikors u tal-appell ippreżentati minnhom.

5)      Tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-kumplament.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      “Awtorizzazzjoni” huwa t-terminu użat fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li huwa rilevanti f’dan ir-rigward.


3      Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4      Latvijas Vēstnesis (il-Ġurnal Uffiċjali Latvjan), 163 (446) tal‑24 ta’ Ottubru 1995.


5      Latvjan Latvijas Vēstnesis (il-Ġurnal Uffiċjali Latvjan), 326/330 (1387/1391) tat‑3 ta’ Novembru 1998.


6      Latvijas Vēstnesis (il-Ġurnal Uffiċjali Latvjan), 158/160 (2069/2071) tal‑4 ta’ Mejju 2000.


7      ECB/SSM/2016 – 5299WIP0INFDAWTJ81/2 WOANCA-2016-0005.


8      Digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, EU:T:2017:623).


9      L-argument legali fl-appell ma huwiex formalment maqsum f’aggravji jew f’partijiet differenti ta’ dawn l-aggravji.


10      Speċifikament fir-rigward tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha kemm ikkonfermat li huma l-qrati tal-Unjoni biss li għandhom jistħarrġu l-atti adottati mill-BĊE, anki fejn l-Istati Membri jkunu involuti fl-adozzjoni ta’ tali att; ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 43 u 44).


11      Kif muri bid-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2009, New Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑383/08, EU:T:2009:114, punti 19 sa 23). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Commune de Millau u SEMEA vs Il‑Kummissjoni (C‑531/12 P, EU:C:2014:1946, punti 33 sa 41).


12      Ara, fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1991, Verholen et (C‑87/90 sa C‑89/90, EU:C:1991:314, punt 24), tal‑11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, EU:C:2003:447, punt 50), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 42). Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).


13      Ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il‑Kummissjoni (50/84, EU:C:1984:365, punt 7). Ara wkoll is-sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il‑Kunsill (T‑161/94, EU:T:1996:101, punt 31), u tal‑25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il‑Kunsill (T‑170/94, EU:T:1997:134, punt 26).


14      Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni (135/81, EU:C:1982:371, punti 10 sa 12).


15      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 110 sa 112).


16      Digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2005, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (T‑229/02, EU:T:2005:48, punti 37 u 38)


17      Digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2005, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (T‑229/02, EU:T:2005:48, punti 28 u 39 sa 41).


18      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, EU: T: 2018: 210, punt 59).


19      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 43), u tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punti 33 sa 35).


20      B’mod partikolari, kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ stralċ – li fil-fatt ma tistax tiġi kkontestata skont id-dritt Latvjan – qatt ma tista’ twassal għal eżami mill-ġdid sostantiv tar-revoka tal-liċenzja mill-BĊE, u lanqas permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura ta’ stralċ, il-qorti Latvjana ma teżaminax jekk ir-revoka tal-liċenzja kinitx legali; hija barra minn hekk ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel hekk; ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 57). Barra minn hekk, huwa dubjuż jekk fit-teħid ta’ dik id-deċiżjoni l-qorti Latvjana inkwistjoni kinitx fil-fatt intitolata li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Amtsgericht (Qorti Distrettwali, il-Ġermanja) ma setgħetx tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fi proċedura dwar il-ħatra ta’ stralċjarju, ara d-digriet tat‑12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C‑497/08, EU:C:2010:5, punti 16 sa 22).


21      Kawża pendenti T‑321/17, Niemelä et vs BĊE, b’riferiment għad-digriet tat-Tribunal għal Servizzi Finanzjarji (Malta) tas‑16 ta’ Jannar 2017 (Anness 4 tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali), p. 7 et seq.


22      Dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienu relatati mas-sitwazzjoni legali preċedenti li taħtha r-revoka tal-awtorizzazzjoni ma kinitx għadha att tal-Unjoni minħabba li l-awtorizzazzjoni ġiet irrevokata mill-FKMK; ara administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2009, Ogres Komercbanka vs FKMK, Nru A42388907; u Rīga Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Riga, il-Latvja), deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2010, Ogres Komercbanka vs FKMK, Nru A42388907; u Rīga Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Riga), deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2011, VEF Banka vs FKMK, Nru A43005010.


23      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-Qorti EDB), dritt għal rimedju ġudizzjarju jista’ ma jkunx sempliċement “teoretiku jew illużorju”; ara pereżempju il-Qorti EDB, 26 ta’ Frar 2002, Del Sol vs Franza, (CE:ECHR:2002:0226JUD004680099, punt 21).


24      Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 64), u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).


25      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 63), u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il‑Kummissjoni (C‑318/09 P, EU:C:2011:856, punt 125).


26      Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53), u tal‑5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner (C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 56).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni (C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 49).


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:659, punt 63).


29      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673, punti 6 u 7).


30      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673, punt 184).


31      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 112), kif ukoll il-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Sentenza tal-Qorti EDB, 24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punti 91, 117 u 118). B’mod simili, ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2003, Credit and Industrial Bank vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2003:1021JUD002901095, punti 71 sa 73).


33      Barra minn hekk, anki f’każ bħal dan, is-sitwazzjoni ma tkunx komparabbli ma’ sitwazzjoni fejn l-azzjonisti ta’ kumpannija ma jaqblux f’każ speċifiku mad-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi li ma jiħdux azzjoni kontra att tal-Unjoni. Fil-każ tal-aħħar, sempliċi differenza ta’ opinjoni bejn l-azzjonisti u l-bord naturalment ma tistax tagħti lill-azzjonisti d-dritt għal azzjoni. Madankollu, hemm ukoll rabta ta’ leġittimazzjoni fid-dritt tal-kumpanniji bejn l-azzjonisti u l-bord, u hemm ukoll diversi mezzi sabiex jeżerċitaw influwenza. Dan jiġġustifika li l-azzjonisti jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi. Madankollu, ma hemmx tali rabta reċiproka fir-relazzjoni bejn l-istralċjarju u l-organi tal-kumpannija fil-każ preżenti. L-istralċjarju jinħatar pjuttost esternament mill-istituzzjoni li fuq proposta tagħha ġie adottat l-att tal-Unjoni. Rikors sussegwenti għad-danni f’dan ir-rigward ippreżentat mill-azzjonisti ma jikkostitwixxix mezz adegwat ta’ influwenza, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tad-digriet appellat.


34      Dan ir-rikors jista’ jiġi deskritt f’sens iktar wiesa’ bħala actio pro socio. It-tielet varjant konċepibbli, jiġifieri rikors ippreżentat mill-azzjonisti f’isem il-bank sabiex jiddefendu l-interessi tiegħu huwa eskluż fil-każ preżenti, billi l-azzjonisti ma jaġixxux bħala rappreżentanti mandati tal-bank.


35      F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punti 112 u 116), u tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punti 31 u 57).


36      Din il-kwistjoni hija s-suġġett tal-appell fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P; ara l-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 39 sa 42), u tal‑1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 29 sa 32).


38      Ara l-punti 57 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara l-punti 48 sa 56 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-punti 80 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Barra minn hekk, wara li l-prokuri ġew irrevokati mill-istralċjarju u minkejja d-digriet kuntrarju maħruġ mir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), il-bord tad-diretturi baqa’ jirrappreżenta lill-appellanti fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE mingħajr ma tqajmu ostakoli prattiċi f’dan ir-rigward.


42      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37).


43      Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il‑Kunsill (T‑597/97, EU:T:2000:157, punt 50), tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 112), u tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 31).


44      Dwar dan, ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 22), tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 29 u 30), u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56), ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, pereżempju d-digriet tat‑23 ta’ Jannar 2014, Confederación de Cooperativas Agrarias de España u CEPES vs Il‑Kummissjoni (T‑156/10, EU:T:2014:41, punti 33 u 37 sa 39).


46      Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il‑Kummissjoni (C‑6/92, EU:C:1993:913, punti 17 u 18), u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 64).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 33).


48      Ara, dwar dan, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punti 40 sa 44).


49      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38).


50      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 45).


51      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punti 112 u 116), u tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punti 31 u 57),


52      Dwar dan ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punti 111 u 120).


53      Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni tal-KEE (25/62, EU:C:1963:17, 238), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 15).


54      Sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il‑Kummissjoni (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41), tad‑29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament (C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 68).


55      Ara, f’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni (T‑499/12, EU:T:2015:840, punti 42 u 44).


56      F’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni (T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 117). Ara wkoll, iktar ’il fuq, il-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Ara l-punti 108 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Id-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti fi kwalunkwe każ ma humiex affettwati direttament mir-revoka tal-liċenzja; ara, dwar dan, il-punti 119 u 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.