Language of document : ECLI:EU:C:2019:321

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-11 ta’ April 2019(1)

Kawża C482/17

Ir-Repubblika Ċeka

vs

Il-Parlament Ewropew

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi — Ksur tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, proporzjonalità, ċertezza legali u nondiskriminazzjoni — Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet — Valutazzjonijiet tal-impatt”






1.        Wara sensiela ta’ avvenimenti traġiċi inklużi l-attakki li seħħew f’Pariġi u f’Kopenħagen (2), il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta (3) sabiex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontroll, l-akkwist u l-pussess tal-armi (4). Permezz ta’ rikors tad-9 ta’ Awwissu 2017 (5), magħmul fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Ċeka qed titlob l-annullament tad-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, li fiha r-regoli rilevanti tal-Unjoni li jirregolaw din il-kwistjoni (6).

2.        Ir-Repubblika Ċeka tqajjem erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. Hija ssostni li fl-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853 il-Parlament u l-Kunsill (iktar ’il quddiem “il-leġiżlatura tal-Unjoni”) kisru l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li ġejjin: attribuzzjoni ta’ kompetenzi, sa fejn intuża l-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali għal miżura li fil-verità tipprova tikseb l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-kriminalità, b’mod partikolari t-terroriżmu (l-ewwel motiv); proporzjonalità (it-tieni motiv); ċertezza legali u aspettattivi leġittimi (it-tielet motiv); u nondiskriminazzjoni (ir-raba’ motiv).

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3.        Konformement mal-Artikolu 4(2) TUE l-Unjoni Ewropea tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri fil-konfront tat-Trattati. Hija tirrispetta wkoll il-“funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom” inklużi dawk li jiżguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari din tal-aħħar tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.

4.        L-Artikolu 5(2) TUE jiddikjara li skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex tilħaq l-għanijiet stabbiliti f’dawn it-Trattati.

5.        Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif sanċit fl-Artikolu 5(4) TUE, l-azzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu dawn l-għanijiet tat-Trattati.

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

6.        L-Artikolu 18 TFUE jipprojbixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, id-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza.

7.        Huwa magħruf sew li l-Unjoni Ewropea tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern (li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni) konformement mat-Trattati bis-saħħa tal-Artikolu 26 TFUE.

8.        L-Artikolu 84 TFUE jipprovdi li filwaqt li l-leġiżlatura tal-Unjoni tista’ tistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kriminalità, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f’dak il-qasam hija espressament eskluża mill-portata tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea.

9.        L-Artikolu 114(1) tat-TFUE jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet iddettaljati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 TFUE. Il-leġiżlatura tal-Unjoni b’hekk għandha s-setgħa li tadotta miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. L-Artikolu 114(3) TFUE jiddikjara li l-Kummissjoni fil-proposti tagħha dwar is-saħħa, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur u l-Parlament u l-Kunsill fl-eżerċizzju tas-setgħat rispettivi tagħhom għandhom jieħdu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li jqisu b’mod partikolari kwalunkwe żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

10.      L-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7) jiddikjara li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. Dan id-dritt huwa kkwalifikat billi individwi jistgħu jiġu miċħuda mill-proprjetà tagħhom fl-interess pubbliku u f’każijiet u skont il-kundizzjonijiet li tipprovdi l-liġi. Barra minn hekk, l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

 Id-Direttiva 91/477

11.      Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin isiru fil-premessi tad-Direttiva 91/477 (8). Is-suq intern huwa magħmul minn żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’, inter alia, oġġetti, huwa żgurat skont it-Trattati. L-abolizzjoni totali tal-kontrolli fuq il-pussess ta’ armi fil-fruntieri tal-Istati Membri tinvolvi ċerti kundizzjonijiet fundamentali, inkluża l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-armi (9). Il-kunfidenza reċiproka fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni bejn l-Istati Membri tiżdied b’riżultat tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati jkunu pprojbiti, jew suġġetti għal awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni (10).

12.      Il-Kapitolu I jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) jiddefinixxi arma tan-nar bħala “kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża […] minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-Taqsima III tal-Anness I”. L-armi tan-nar huma elenkati fit-Taqsima II tal-Anness I: armi tan-nar ipprojbiti (kategorija A); armi tan-nar suġġetti għal awtorizzazzjoni (kategorija B); armi tan-nar suġġetti għal dikjarazzjoni (kategorija C); u armi tan-nar oħrajn (kategorija D).

13.      Skont l-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 91/477.

14.      Il-Kapitolu 2 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-armi tan-nar inklużi regoli dwar l-akkwist, il-pussess, il-moviment u t-trasferiment ta’ kategoriji differenti ta’ armi tan-nar għall-użu ċivili fl-Unjoni Ewropea (11), filwaqt li jipprovdi regoli iktar flessibbli għall-armi użati għall-kaċċa u l-isparar fuq bersall (12). Id-Direttiva 91/477 ma tapplikax għall-akkwist jew il-pussess ta’ armi u munizzjon mill-forzi armati, il-pulizija, l-awtoritajiet pubbliċi, il-kollezzjonisti u korpi kkonċernati mal-aspetti kulturali u storiċi tal-armi, u lanqas ma tirrigwarda trasferimenti kummerċjali ta’ armi u munizzjon tal-gwerra (13).

15.      Il-Kapitolu 3 jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-formalitajiet għall-moviment tal-armi fit-territorju tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 11, l-armi tan-nar jistgħu jiġu ttrasferiti minn Stat Membru għal ieħor bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti hemmhekk. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni, bħall-ismijiet u l-indirizzi tal-bejjiegħ u x-xerrej tal-armi tan-nar u l-ħruġ ta’ liċenzja li tinkorpora l-informazzjoni meħtieġa mill-Istat Membru li jawtorizza t-trasferiment. Skont l-Artikolu 12, fejn il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 11 ma tintużax il-pussess ta’ arma tan-nar waqt vjaġġ f’żewġ Stati Membri jew iktar huwa pprojbit sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx kisbet awtorizzazzjoni mill-Istati Membri rilevanti. L-awtorizzazzjoni għandha tiddaħħal fil-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar li l-vjaġġatur għandu jipproduċi jekk ikun hekk meħtieġ.

16.      Skont l-Artikolu 17 (parti mill-Kapitolu 4), il-Kummissjoni kellha tissottometti rapporti u/jew studji lill-Parlament u lill-Kunsill: (i) sat-28 ta’ Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva 91/477; (ii) sat-28 ta’ Lulju 2012, dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-tnaqqis tal-kategoriji ta’ armi tan-nar ipprojbiti jew awtorizzati (rispettivament armi tal-kategorija A u B) bil-għan li s-suq intern jiffunzjona aħjar; u (iii) sat-28 ta’ Lulju 2010, dwar il-kwistjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ repliki ta’ armi tan-nar fis-suq sabiex jiġi ddeterminat jekk l-inklużjoni ta’ tali prodotti fil-kuntest tad-Direttiva 91/477 kinitx possibbli u mixtieqa.

 Id-Direttiva 2017/853

17.      Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin isiru fil-premessi tad-Direttiva 2017/853:

–        Id-Direttiva 91/477/KEE stabbilixxiet miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern. Hija ħolqot bilanċ bejn, minn naħa, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata permezz ta’ ċerti garanziji ta’ sigurtà, adattati għal dawn il-prodotti (14).

–        Jeħtieġ li ċerti aspetti ta’ din id-direttiva jiġu mtejba iktar b’mod proporzjonat, sabiex jiġi indirizzat l-użu ħażin ta’ armi tan-nar għal finijiet kriminali, u fid-dawl tal-atti terroristiċi li seħħew dan l-aħħar (15).

–        Sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali kollha u sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom, l-armi tan-nar kollha jew il-komponenti essenzjali tagħhom huwa meħtieġ li dawn jiġu mmarkati b’mod ċar, permanenti u b’immarkar uniku u rreġistrati fis-sistemi ta’ arkivjar tar-rekords tal-Istati Membri (16).

–        Fid-dawl tan-natura perikoluża u d-durabbiltà tal-armi tan-nar (u komponenti essenzjali) u sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirrintraċċaw prodotti bħal dawn għall-finijiet ta’ proċedimenti amministrattivi u kriminali, jeħtieġ li jinżammu reġistri f’sistemi ta’ arkivjar tad-data (17).

–        Għall-armi l-iktar perikolużi, huwa meħtieġ li jiġu introdotti regoli iktar stretti fid-Direttiva 91/477 sabiex jiġi żgurat li tali armi tan-nar, b’xi eċċezzjonijiet raġonevoli limitati u debitament immotivati, ma jitħallewx jiġu akkwistati, ikunu fil-pussess ta’ xi ħadd jew jiġu kkummerċjalizzati (18).

–        Peress li r-riskju ta’ konverżjoni ta’ armi akustiċi u tipi oħra ta’ armi li jisparaw l-iskrataċ mingħajr balla f’armi tan-nar reali kien ikkunsidrat għoli, dawn l-armi tqiegħdu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 (19).

–        Minħabba r-riskju għoli li jiġu attivati mill-ġdid l-armi tan-nar iddiżattivati b’mod indebitu u sabiex tiżdied is-sigurtà madwar l-Unjoni, jeħtieġ li tali armi tan-nar ikunu koperti mid-Direttiva 91/477/(20).

–        Ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f’armi tan-nar awtomatiċi, b’mod li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà. Anki fl-assenza ta’ tali konverżjoni, ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom, f’termini ta’ għadd ta’ kapaċità ta’ skrataċ, tkun għolja. Għalhekk, armi bħal armi tan-nar semiawtomatiċi b’apparat fiss għall-ikkargar li jippermetti li numru kbir ta’ skrataċ jiġu sparati għandhom ikunu pprojbiti għall-użu ċivili (21).

–        Id-Direttiva 2017/853 tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (22).

–        Fir-rigward tal-Isvizzera, id-Direttiva 2017/853 u d-Direttiva 91/477 jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (23).

18.      L-Artikolu 1(3) jiddikjara li fir-rigward ta’ armi tan-nar immanifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta’ Settembru 2018 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti bħal dawn ikollhom marka ċara, permanenti u unika u li jkunu rreġistrati konformement mad-Direttiva 91/477. Jiddaħħal il-paragrafu 2a ġdid fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni l-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/477 jirregola l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ sistema kkompjuterizzata għall-arkivjar tad-data. It-test emendat jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekord tal-armi tan-nar li huwa meħtieġ sabiex jiġu rrintraċċati u identifikati dawn il-prodotti jinżamm mill-awtoritajiet kompetenti għal perjodu ta’ 30 sena wara l-qerda tagħhom.

19.      L-Artikolu 1(6) jissostitwixxi t-test preċedenti tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 91/477. Sa fejn huwa rilevanti għal din il-proċedura, it-test irrivedut tal-Artikolu 5(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li għandhom mill-inqas 18‑il sena. Persuni taħt it‑18‑il sena jistgħu jakkwistaw armi tan-nar għall-kaċċa u l-isparar fuq bersall f’ċerti ċirkustanzi, bħal meta jkollhom permess tal-ġenituri, jew ikunu taħt il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta’ adult b’liċenzja valida tal-armi jew tal-kaċċa. Skont l-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom ikollhom sistema ta’ monitoraġġ fis-seħħ sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti mil-liġi nazzjonali jiġu ssodisfatti tul kemm iddum l-awtorizzazzjoni u, inter alia, tiġi evalwata l-informazzjoni medika u psikoloġika rilevanti. L-Artikolu 5(3) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni ta’ akkwist u awtorizzazzjoni ta’ pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B għandha tiġi rtirata jekk il-persuna li tkun ingħatat dik l-awtorizzazzjoni tinstab li tkun fil-pussess ta’ apparat għat-tagħbija, adattat biex jitwaħħal fuq armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire jew armi tan-nar b’ripetitur, li:

(a)      jistgħu jieħdu aktar minn 20 dawra; jew

(b)      f’każ ta’ armi tan-nar twal, jistgħu jieħdu aktar minn 10 dawriet,

sakemm dik il-persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).”

20.      L-emendi li saru lill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477 li huma partikolarment rilevanti għall-kawża preżenti huma kif ġej:

“(1)      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon essenzjali miżmuma illegalment bi ksur ta’ dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati.

(2)      Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, ta’ edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu f’każijiet individwali, eċċezzjonali u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku.

[…]

(6)      L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin: […]

Fir-rigward ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A, l-Istati Membri li japplikaw sistema militari msejsa fuq lieva ġenerali u li matul dawn l-aħħar 50 sena kellhom fis-seħħ sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar lil persuni li jitilqu mill-armata wara li jaqdu d-dmirijiet militari tagħhom jistgħu jagħtu lil dawk il-persuni, bħala dilettanti tal-isparar, awtorizzazzjoni biex iżommu arma waħda tan-nar użata waqt il-perijodu militari obbligatorju. L-awtorità pubblika rilevanti għandha tittrasforma dawk l-armi tan-nar f’armi tan-nar semiawtomatiċi u għandha tivverifika perjodikament li l-persuni li jużaw dawn l-armi tan-nar ma jirrappreżentawx riskju lis-sigurtà pubblika. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu (24).

[…]”

21.      L-Artikolu 1(7) idaħħal il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/477 “[…] 4a. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu [jestendu] awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta’ arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it-13 ta’ Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali armi tan-nar jiġu akkwistati minn persuni awtorizzati oħra mill-Istati Membri skont din id-Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva (UE) 2017/853 […]”.

22.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/477 qabel l-emenda pprojbixxa l-pussess ta’ arma tan-nar tal-kategorija C sakemm il-persuna kkonċernata tkun iddikjarat l-arma lill-awtoritajiet kompetenti (25). L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2017/853 issa jemenda l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/477 billi jdaħħal Artikolu 8(3) ġdid li jipprovdi li jekk Stat Membru jipprojbixxi jew jissuġġetta għall-awtorizzazzjoni l-akkwist u l-pussess fit-territorju tiegħu ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B jew C, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom jinkludu dikjarazzjoni espressa għal dak l-iskop fuq kwalunkwe pass Ewropew tal-armi tan-nar li joħorġu għal tali arma tan-nar. L-Artikolu 1(12) idaħħal emendi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 91/477. Huwa jipprovdi proċeduri sabiex l-armi tan-nar jiġu ttrasferiti minn Stat Membru għal ieħor. L-Artikolu 1(13) jimmodifika l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva billi jistabbilixxi arranġamenti ġodda għall-kaċċaturi u re-enactors storiċi sabiex jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’ċerti armi tan-nar. L-Artikolu 1(14) jemenda l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/477 u jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni b’mezzi elettroniċi dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferiment ta’ armi tan-nar bejn l-Istati Membri.

23.      Skont l-Artikolu 1(18) (li jissostitwixxi l-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/477) il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sal‑14 ta’ Settembru 2020 u wara kull ħames snin dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 kif emendata bid-Direttiva 2017/853, b’mod partikolari dwar id-diversi kategoriji ta’ armi tan-nar, il-pass Ewropew tal-armi tan-nar, l-immarkar tal-prodotti u l-impatt ta’ teknoloġija ġdida, bħall-istampar 3D (26).

24.      L-Artikolu 1(19) jemenda l-Anness I tad-Direttiva 91/477. Bħala riżultat tal-bidliet introdotti, l-erba’ kategoriji ta’ armi tan-nar (A sa D) huma mnaqqsa għal tlieta. Il-bidliet li ġejjin li saru fil-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 konformement mal-Artikolu 1(19) huma partikolarment rilevanti fil-proċeduri preżenti, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni huwa estiż sabiex jinkludi numru ta’ armi:

–        Il-punti l-ġodda 6, 7 u 8 jiddaħħlu fil-kategorija A (armi tan-nar ipprojbiti). Għaldaqstant, l-armi li ġejjin issa huma f’dik il-kategorija: armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f’armi semiawtomatiċi; ċerti armi tan-nar qosra u twal mingħajr apparat li jikkarga mill-ġdid u jista’ jitneħħa b’kapaċita li teċċedi l-10 skrataċ; u armi tan-nar twal semiawtomatiċi (jiġifieri armi tan-nar li oriġinarjament huma maħsuba sabiex jiġu sparati mill-ispalla) li jistgħu jitnaqqsu għal tul ta’ inqas minn 60 cm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta’ ċipp li jintlewa jew teleskopiku jew minn ċipp li jista’ jitneħħa mingħajr ma tintuża għodda;

–        Il-kategorija B (armi tan-nar suġġetti għal awtorizzazzjoni) issa tinkludi armi tan-nar qosra semiawtomatiċi u kwalunkwe arma tan-nar tal-kategorija B li ġiet ikkonvertita sabiex tispara skrataċ bla balla, irritanti, sustanzi attivi oħra jew skrataċ pirotekniċi jew f’arma għas-salut jew akustika;

–        Il-kategorija C (armi tan-nar suġġetti għal dikjarazzjoni) issa tinkludi armi tan-nar tal-kategoriji A, B jew C li ġew iddiżattivati bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2015/2403 (27); u

–        Il-formulazzjoni tal-Parti III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 inbidel bit-test li ġej: “[…] oġġetti li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’dik id-definizzjoni jekk: (a) huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, għas-salvataġġ, għall-qtil tal-annimali jew is-sajd bil-ħarpun jew għal finijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarata; (b) huma meqjusa bħala armi antiki meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji stabbiliti fil-Parti II u huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali. […]”

 Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

25.      Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 ġie adottat mit-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 295 TFUE (28). Skont dan il-ftehim dawn it-tliet istituzzjonijiet huma impenjati għal kooperazzjoni sinċiera u trasparenti tul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu (29). Huma jfakkru l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li tilleġiżla, b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità (30). Fil-Parti I (intitolata “Impenji u Objettivi Komuni”) it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jsegwu “tfassil aħjar tal-liġijiet” skont il-Ftehim u li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sabiex josservaw it-Trattati u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinkludu l-prinċipju ta’ proporzjonalità (31). Il-Parti III (intitolata “Għodod għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”) tagħmel stqarrijiet dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-proċess leġiżlattiv. Il-punt 12 jiddikjara li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodod sabiex jgħinu lit-tliet istituzzjonijiet jaslu għal deċiżjonijiet billi jkunu informati tajjeb. Madankollu, huma ma għandhomx iwasslu għal dewmien bla bżonn fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġiżlaturi li jipproponu emendi. Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ta’, inter alia, l-inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tagħha li huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinjifikattivi. Meta jikkunsidraw il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Meta jikkunsidraw li huwa xierqa u meħtieġ għall-proċess leġiżlattiv, il-Parlament u l-Kunsill għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi sostanzjali tagħhom għall-proposti tal-Kummissjoni (32). Skont il-punt 18, “[i]l-valutazzjoni tal-impatt inizjali tal-Kummissjoni u kwalunkwe ħidma addizzjonali fuq il-valutazzjoni tal-impatt mwettqa matul il-proċess leġislattiv mill-Istituzzjonijiet ser isiru pubbliċi sa tmiem il-proċess leġislattiv u, meħudin flimkien, dawn jistgħu jintużaw bħala l-bażi tal-evalwazzjoni”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26.      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-Direttiva 2017/853;

–        tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Alternattivament ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2017/853 sa fejn idaħħal l-Artikolu 5(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) fid-Direttiva 91/477;

–        tannulla l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2017/853 sa fejn idaħħal l-Artikolu 7(4)a fid-Direttiva 91/477/KEE;

–        tannulla l-Artikolu 1(19) tad-Direttiva 2017/853 sa fejn dan jagħmel il-bidliet li ġejjin għad-Direttiva 91/477:

–        idaħħal il-punti 6, 7 u 8 fil-Kategorija A tal-Parti II tal-Anness I;

–        jemenda l-Kategorija B tal-Parti II tal-Anness I;

–        idaħħal il-punt 6 fil-Kategorija C tal-Parti II tal-Anness I;

–        jemenda l-Parti III tal-Anness I;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27.      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

28.      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

–        b’mod strettament alternattiv, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-Direttiva 2017/853 għandha tiġi annullata, tordna li l-effetti tad-Direttiva għandhom jinżammu għal perjodu ta’ żmien biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa.

29.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Jannar 2018, l-Ungerija u l-Polonja ngħataw permess sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka. Permezz ta’ digriet tal-istess data, Franza ngħatat permess sabiex tintervjeni insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni ngħatat permess sabiex tintervjeni insostenn tal-konvenuti permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur tal‑10 ta’ Novembru 2017.

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija u l-Polonja u mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

31.      Waqt is-seduta tal-5 ta’ Marzu 2019, saru sottomissjonijiet orali mill-partijiet kollha.

 L-ewwel motiv: il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u l-bażi legali

 Argumenti

32.      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi sanċit fl-Artikolu 5(2) TUE, billi l-Artikolu 114 TFUE ma huwiex bażi legali valida għad-Direttiva 2017/853. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-Direttiva 2017/853 ma ssegwix l-għanijiet ta’ tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern. Hija għandha pjuttost l-uniku għan li tipprevjeni l-kriminalità u t-terroriżmu u b’hekk ittejjeb is-sigurtà pubblika u s-sigurtà b’mod ġenerali. Mill-Artikolu 84 TFUE jirriżulta li filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi miżuri sabiex jappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, it-Trattati ma jagħtux setgħat lill-Unjoni Ewropea nnifisha sabiex tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni għal dan il-għan.

33.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-għażla tal-bażi legali għal miżura għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut tal-miżura inkwistjoni. Filwaqt li d-Direttiva 2017/853 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE (il-bażi legali suċċessiva tal-Artikolu 100a KEE li fuqha kienet ibbażata d-Direttiva 91/477), iċ-ċirkustanzi u l-għanijiet madwar id-Direttiva 2017/853 huma sostanzjalment differenti minn dawk tad-Direttiva 91/477. Barra minn hekk, il-fatt li d-Direttiva 91/477 ġiet adottata b’riferiment għal bażi legali tas-suq intern ma jiġġustifikax l-għażla tal-istess bażi legali għad-Direttiva 2017/853, billi din tal-aħħar issegwi għanijiet differenti ħafna. Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 2008/51 emendat id-Direttiva 91/477 bil-għan li ttejjeb is-sigurtà pubblika, id-Direttiva 2008/51 introduċiet essenzjalment emendi tekniċi bħala riżultat tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar. L-impatt tad-Direttiva 2017/853, madankollu, imur ferm lil hinn minn sempliċi emendi tekniċi bħal dawn.

34.      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkontestaw dawn it-talbiet billi argumentaw li r-Repubblika Ċeka hija żbaljata fid-dritt u tinterpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 114 TFUE u d-Direttiva 2017/853. Il-garanzija tas-sigurtà pubblika (u bl-istess mod tas-saħħa pubblika) hija interess ġenerali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni ta’ miżura bħal din. Sabiex jiġi evalwat jekk ġietx applikata l-bażi legali korretta, jeħtieġ li tiġi eżaminata d-Direttiva 91/477 kif ukoll id-Direttiva 2017/853. Anki jekk id-Direttiva 2017/853 titqies b’mod separat mid-Direttiva 91/477, madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux obbligu jinvoka raġunijiet relatati mat-tneħħija tal-ostakoli għas-suq intern sabiex validament jadotta dik tal-ewwel. Id-Direttiva 2017/853 ma tbiddilx l-għanijiet tad-Direttiva 91/477. Hija sempliċement timmira li taġġusta l-bilanċ bejn il-moviment liberu u s-sigurtà pubblika, bi ħsieb li jittieħdu inkunsiderazzjoni (dawk li fid-data tal-adozzjoni kienu) attakki terroristiċi reċenti filwaqt li jkompli jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern. Il-Kunsill jargumenta ulterjorment li l-għan tas-sigurtà pubblika ma huwiex għan sussidjarju tad-Direttiva 2017/853.

35.      Insostenn tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja jsostnu li d-Direttiva 2017/853 hija mmirata esklużivament għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Iż-żewġ Stati Membri huma tal-fehma li fl-eżami tal-legalità ta’ direttiva li temenda, bħad-Direttiva 2017/853, huwa neċessarju li wieħed iħares lejn dak l-att fl-intier tiegħu, iżda ma jfissirx li huwa meħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-miżura li qed tiġi emendata (f’dan il-każ, id-Direttiva 91/477). Approċċ bħal dan joħloq preċedent inkwetanti li jista’ jwessa’ l-kuntest tad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. L-Ungerija tiddikjara li l-mod korrett ta’ kif għandha tiġi interpretata d-Direttiva 2017/853 huwa li, fir-realtà, l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern huwa anċillari għall-għan ewlieni tal-prevenzjoni tal-kriminalità. Il-Polonja targumenta li fil-verità ma hemm ebda rabta bejn l-għanijiet ta’ dik id-direttiva u l-funzjonament tas-suq intern. Pjuttost, id-Direttiva 2017/853 tintroduċi ostakoli li jmorru kontra dan il-għan, inkwantu tipprekludi ċ-ċirkulazzjoni ta’ armi tan-nar li ma humiex oġġetti perikolużi għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni.

36.      Insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill, Franza ssostni li, għall-kuntrarju, mill-materjal preparatorju leġiżlattiv jirriżulta li d-Direttiva 2017/853 għandha l-għan li tneħħi l-ostakoli għal-libertajiet fundamentali li għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Il-fatt li d-Direttiva 2017/853 timmira wkoll sabiex ittejjeb is-sigurtà pubblika ma jippreġudikax l-għanijiet tas-suq intern tagħha. Dan l-approċċ huwa rifless f’miżuri oħra adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

37.      Barra minn hekk, insostenn tal-konvenuti, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-miżuri li jista’ jadotta skont l-Artikolu 114 TFUE. It-tieni nett, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu l-leġiżlatur ma jistax jitwaqqaf milli juża bażi legali tas-suq intern sempliċement minħabba li l-miżura inkwistjoni hija wkoll immirata lejn il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. It-tielet nett, numru ta’ studji u rapporti juru ġustifikazzjonijiet tas-suq intern għall-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853.

 Evalwazzjoni

38.      Fl-opinjoni tiegħi l-ewwel motiv tar-Repubblika Ċeka huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 114 TFUE u qari żbaljat tad-Direttiva 2017/853. Għalhekk huwa infondat.

 Rimarki preliminari

39.      Il-kwistjonijiet imqajma f’din il-proċedura relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE u s-setgħat tal-leġiżlatur li jadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern ma humiex għalkollox ġodda (33). Kunsiderazzjonijiet bħas-sigurtà pubblika (flimkien ma’, pereżempju, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumatur) ovvjament ikollhom xi tip ta’ impatt fuq l-operat ta’ dak is-suq. Imma fejn għandna naqtgħu linja, fl-użu tal-bażijiet legali varji disponibbli taħt it-Trattati, bejn miżuri tas-suq intern u miżuri sabiex jiġi promoss xi għan ieħor (mixtieq)? L-Artikolu 114 TFUE jkopri sewwa l-leġiżlazzjoni adottata sabiex ittejjeb is-sigurtà pubblika immedjatament wara l-atti ta’ terroriżmu fl-2015 imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri? (34)

40.      Is-setgħat sabiex jiġi rregolat is-suq intern għandhom x’jaqsmu ma’ għadd sew ta’ kwistjonijiet oħra. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE għalhekk għandu sinjifikat partikolari għall-Istati Membri għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk atti bbażati fuq din id-dispożizzjoni jissovrapponux fuq kwistjonijiet li għalihom it-Trattati ma jagħtux kompetenza lil-leġiżlatur tal-Unjoni (kif targumenta hawnhekk ir-Repubblika Ċeka) hija kwistjoni sensittiva. It-tieni nett, l-atti tal-Unjoni huma adottati skont dik id-dispożizzjoni wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (b’hekk, bl-użu ta’ votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata), li jfisser li ebda Stat Membru ma jista’ jimponi veto fuq kwalunkwe att propost.

41.      Huwa paċifiku li l-Artikolu 84 TFUE ma kienx ikun bażi legali xierqa għad-Direttiva 2017/853. Ma ngħatawx setgħat lil-leġiżlatur tal-Unjoni taħt din id-dispożizzjoni tat-Trattat sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni fis-settur tal-prevenzjoni tal-kriminalità. Dan jibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, jekk l-Artikolu 114 TFUE ma huwiex il-bażi legali xierqa għad-Direttiva 2017/853, dik il-miżura għandha tiġi annullata.

42.      Huwa paċifiku wkoll li l-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 91/477 (il-miżura oriġinali f’dan il-qasam) ma tiġix ikkontestata (35). Barra minn hekk, id-Direttiva 91/477 hija miżura ta’ armonizzazzjoni minima li tistabbilixxi regoli dwar il-kontroll, l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar (36). Għalhekk, l-Istati Membri gawdew ċertu grad ta’ diskrezzjoni sabiex jadottaw regoli diverġenti f’din l-isfera fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet li qabel l-emenda ma kinux irregolati minn din id-direttiva (37), bħal miżuri dwar armi tan-nar iddiżattivati.

 L-Artikolu 114 TFEU

43.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-miżuri leġiżlattivi adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 114(1) TFUE tistabbilixxi l-punti li ġejjin. L-ewwel nett, filwaqt li sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn regoli nazzjonali ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE, ikun mod ieħor fejn hemm differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jkunu tali li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u għalhekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. It-tieni nett, l-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali hija possibbli sabiex jiġu evitati ostakoli futuri għall-kummerċ bħala riżultat ta’ diverġenzi fil-liġijiet nazzjonali (għandu jkun hemm probabbiltà li jirriżultaw dawn l-ostakoli u li l-miżura kkonċernata għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom). It-tielet nett, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi prekluż milli jistrieħ fuq din il-bażi legali għar-raġuni li kwistjonijiet oħra, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, huma fatturi deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru (38).

44.      Skont l-Artikolu 114 TFUE, il-leġiżlatur għandu l-kompetenza li jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu u li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern. Din tal-aħħar tirreferi essenzjalment għall-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni – li ma humiex rilevanti hawnhekk. Huwa pjuttost l-ewwel element, jiġifieri jekk id-Direttiva 2017/853 teliminax l-ostakoli għall-moviment liberu u/jew tipprevjenix il-ħolqien ta’ ostakoli futuri, li huwa l-qofol tal-ewwel motiv tar-Repubblika Ċeka.

45.      F’dan ir-rigward, permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq. Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu f’li l-Istati Membri kollha jintroduċu dispożizzjonijiet: hawnhekk, li jiżguraw li oġġetti li jkunu intrinsikament perikolużi (armi tan-nar) jiġu mmarkati għall-iskop ta’ traċċabbiltà, jirregolaw l-akkwist ta’ tali oġġetti, jew saħansitra jżidu l-kontrolli għal armi meqjusa partikolarment perikolużi (39).

46.      Miżuri oħra adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE li għandhom għanijiet marbuta b’mod inseparabbli mal-funzjonament tas-suq intern huma elenkati f’dik li kienet magħrufa bħala l-leġiżlazzjoni “Approċċ Ġdid” (40). Dawn il-miżuri jinkludu numru ta’ atti li jvarjaw mis-sigurtà tal-ġugarelli (41) għal splussivi għal użu ċivili (42) għal tagħmir protettiv personali (43). L-Artikolu 114 TFUE (jew id-dispożizzjoni ekwivalenti f’verżjonijiet preċedenti tat-Trattat) huwa kkwotat sistematikament bħala l-bażi legali. Kull waħda minn dawn il-miżuri tipprovdi għal aspetti oħra, bħall-protezzjoni tal-konsumatur u s-sigurtà pubblika, jew is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jibbilanċjaw u jikkumplimentaw il-moviment liberu tal-merkanzija. Filwaqt li reviżjoni ta’ tali miżuri mhux neċessarjament turi li l-għanijiet tad-Direttiva 2017/853 jaqgħu bl-istess mod fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE, l-eżistenza ta’ dak il-korp ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni turi l-portata wiesgħa għal azzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi skont din id-dispożizzjoni tat-Trattat.

47.      Hawnhekk niġbed l-attenzjoni wkoll għall-Artikolu 114(3) TFUE li jipprovdi li fil-proposti tagħha dwar l-armonizzazzjoni l-Kummissjoni għandha tqis kwistjonijiet bħal, inter alia, is-sigurtà.

48.      Għalhekk, meta jeżistu ostakoli għall-kummerċ, jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti, b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu preklużi milli jiċċirkulaw liberament fl-Unjoni, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa fl-osservanza tal-Artikolu 114(3) u tal-prinċipji legali msemmija fit-TFUE (jew identifikati mill-ġurisprudenza) għar-regolamentazzjoni tas-suq intern (44).

49.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prodotti tat-tabakk tipprovdi gwida partikolarment utli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE li jista’ jiġi applikat b’analoġija hawnhekk peress li minbarra l-għan tas-suq intern din il-leġiżlazzjoni hija mmirata wkoll lejn il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur (45). Ċertament huwa minnu li fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (46) il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-poteri ta’ leġiżlazzjoni taħt l-Artikolu 114 TFUE ma humiex mingħajr limiti (47). Din il-kawża kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni adottata taħt l-ex Artikolu 95 KE (issa l-Artikolu 114 TFUE) li introduċa projbizzjoni fuq ir-reklamar kollu tat-tabakk. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali projbizzjoni assoluta ma setgħetx titqies li tiffaċilita l-kummerċ u li, għaldaqstant, id-direttiva inkwistjoni f’din il-kawża marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika (48). Hawnhekk, il-pożizzjoni hija kjarament differenti peress li d-Direttiva 2017/853 ma tintroduċix tali projbizzjoni assoluta fuq il-moviment liberu tal-armi tan-nar (49).

50.      Għaldaqstant, it-test li bih għandha tiġi evalwata d-Direttiva 2017/853 huwa jekk, fid-dawl tal-kontenut tagħha u kkunsidrata fl-intier tagħha, din id-direttiva teliminax l-ostakoli għall-moviment liberu u/jew tipprevjenix il-ħolqien ta’ ostakoli futuri.

 Id-Direttiva 2017/853

51.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura tal-Unjoni għandha tistrieħ fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju; dawn jinkludu l-għan u l-kontenut ta’ dik il-miżura. Jekk l-eżami tal-miżura kkonċernata juri li din għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti u jekk waħda minn dawn tkun identifikabbli bħala ewlenija jew predominanti, filwaqt li l-oħra tkun biss inċidentali, din il-miżura jkollha tiġi bbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti (50). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi identifikat l-għan ewlieni tad-Direttiva 2017/853 u li jiġi eżaminat il-kontenut tagħha (51).

52.      Kif josservaw ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja, il-premessi 2 u 23 b’mod partikolari jenfasizzaw l-għanijiet tas-sigurtà pubblika tad-Direttiva 2017/853 fid-dawl tal-“użu ħażin ta’ armi tan-nar għal skopijiet kriminali” u l-attakki terroristiċi tal-2015 (52).

53.      Minn dan isegwi li sabiex jilħaq dawk l-għanijiet il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mill-poteri tiegħu billi adotta leġiżlazzjoni li tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità?

54.      Ma naħsibx.

55.      Sabiex jiġi kkonstatat l-għan ewlieni tad-Direttiva 2017/853 l-ewwel nett huwa neċessarju li l-preambolu u d-dispożizzjonijiet ta’ promulgazzjoni jiġu interpretati fl-intier tagħhom (53).

56.      Ċerti premessi jiddikjaraw għanijiet li huma faċilment assoċjati mas-suq intern. Għalhekk, il-premessa 1 tfakkar li “[…] Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE stabbiliet miżura ta’ akkumpanjament għas-suq intern”. Meta għamlet hekk, din id-direttiva “[ħ]olqot bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal xi armi tan-nar u komponenti essenzjali tagħhom fl-Unjoni, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dik il-libertà tiġi kkontrollata b’garanziji ta’ sigurtà, adatti għal dawk il-prodotti” (enfasi miżjuda). Il-premessa 6 tispjega li l-għan li l-armi tan-nar jew il-komponenti essenzjali kollha tagħhom ikunu meħtieġa li jiġu mmarkati “b’mod ċar, permanenti u b’immarkar uniku” u rreġistrati fis-sistemi tal-iffajljar tad-data tal-Istati Membri huwa sabiex “tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali kollha u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom”.

57.      Madankollu, hemm ċertament għan ta’ sigurtà għal ċerti premessi. Għalhekk, il-premessa 15 tiddikjara li, “[g]ħall-armi l-aktar perikolużi, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli aktar stretti fid-Direttiva 91/477/KEE sabiex jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, b’xi eċċezzjonijiet raġonevoli limitati u debitament motivati, ma jitħallewx jiġu akkwistati, fil-pussess ta’ xi ħadd u lanqas ma jitħallew jiġu kkummerċjalizzati”. Il-premessi 16 sa 18 jindikaw li għandhom jiġu stabbiliti eċċezzjonijiet għal kontrolli iktar stretti fuq l-armi tan-nar fir-rigward ta’ kollezzjonisti, sensara u negozjanti. Il-premessa 20 tiddikjara li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 għandu jiġi estiż sabiex ikopri armi li jisparaw skrataċ bla balla li jistgħu jiġu konvertiti f’armi tan-nar reali. Fl-aħħar nett, il-premessa 21 tirrikonoxxi r-riskju għoli kkawżat mir-riattivazzjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati ħażin u l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar (54).

58.      Allura x’jagħmlu attwalment id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2017/853?

59.      L-Artikolu 1(1) jintroduċi numru ta’ definizzjonijiet ġodda fit-test tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/477, bħal “armi tan-nar diżattivati”, “kollettur”, “sensar”, “negozjant” u “manifattura illegali” (55). L-Artikolu 1(3) jemenda l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477 billi jarmonizza d-dispożizzjonijiet dwar l-immarkar ta’ armi tan-nar imqiegħda fis-suq. Huwa impost obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-finijiet tal-immarkar tal-armi tan-nar (56).

60.      Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2017/853 jissostitwixxu l-Artikoli 5 (akkwist u pussess ta’ armi tan-nar) u 6 (projbizzjoni ta’ armi tan-nar tal-kategorija A) preċedenti tad-Direttiva 91/477 fl-intier tagħhom. L-Istati Membri huma meħtieġa jimplimentaw sistema ta’ monitoraġġ sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali jiġu ssodisfatti u sabiex jirtiraw din l-awtorizzazzjoni meta dawn il-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfatti. Meta l-armi tan-nar tal-kategorija A, B jew C jiġu akkwistati permezz ta’ kuntratti mill-bogħod l-identità u l-awtorizzazzjoni tax-xerrej għandhom jiġu vverifikati. L-Artikolu 6 l-ġdid jintroduċi projbizzjoni ġenerali fuq l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon li huma kklassifikati fil-kategorija A. Hemm dispożizzjonijiet ukoll għall-Istati Membri sabiex jikkonċedu numru ta’ eċċezzjonijiet limitati (għal każijiet individwali, eċċezzjonalment u b’mod debitament iġġustifikat). Dawn l-arranġamenti l-ġodda jkopru l-protezzjoni tas-sigurtà ta’ infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi (fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku); awtorizzazzjonijiet speċifiċi mogħtija lil kollezzjonisti, negozjanti jew sensara li jaġixxu taħt kapaċità professjonali; awtorizzazzjonijiet għal mużewijiet; u permessi għal tiraturi fuq bersall. Dawn tal-aħħar huma suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet (57).

61.      L-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2017/853 jemenda l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/477, li jipprojbixxi l-akkwist ta’ armi tan-nar tal-kategorija B fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853, armi tan-nar semiawtomatiċi ma għadhomx ikklassifikati fil-kategorija B: issa jinsabu fil-kategorija A. L-Artikolu 1(7)(b) jinserixxi Artikolu 7(4a) ġdid fid-Direttiva 91/477 li jippermetti lill-Istati Membri jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi li ġew ikklassifikati fil-kategorija B u akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 (id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853).

62.      L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2017/853 jemenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 dwar armi tan-nar tal-kategorija C. L-Artikolu 1(12) jistabbilixxi regoli għat-trasferiment ta’ armi tan-nar minn Stat Membru għal ieħor. L-Artikolu 1(13) speċifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-individwi, bħalma huma l-kaċċaturi, jista’ “jkollhom fil-pussess tagħhom arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ minn żewġ Stati Membri jew aktar bil-ħsieb li jimpenjaw ruħhom fl-attivitajiet tagħhom” (58). L-Artikolu 1(14) jagħmel arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri (59). L-Artikolu 1(18) jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2017/853 li jirrevedi d-dispożizzjonijiet tagħha fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi bħall-istampar 3D.

63.      Jidhirli li l-preponderanza tal-effetti leġiżlattivi tal-Artikolu 1(3), (6), (7), (8), (12) sa (14) u (18) hija li jiġu introdotti regoli armonizzati bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jieħdu azzjoni individwali (u għalhekk possibbilment differenti). Għalhekk fil-fehma tiegħi dawn huma mmirati primarjament sabiex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern.

64.      L-Artikolu 1(19) jintroduċi emendi għall-Anness I tad-Direttiva 91/477. Għal skopijiet preżenti, il-bidliet notevoli huma l-inseriment fil-kategorija A ta’ armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f’armi semiawtomatiċi, armi tan-nar semiawtomatiċi centre‑fire u armi semiawtomatiċi twal. Kif imsemmi, ċerti armi semiawtomatiċi mxew mill-kategorija B għal A, armi ddiżattivati issa huma kklassifikati fil-kategorija C u d-definizzjoni ta’ armi tan-nar esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 ġiet mibdula (60).

65.      Fl-opinjoni tiegħi, minn analiżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-kontenut ġenerali tad-Direttiva 2017/853 jirriżulta li l-bilanċ globali milħuq fid-Direttiva 91/477 bejn, minn naħa, li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li tiġi ppreżervata s-sigurtà pubblika fundamentalment ma nbidilx. Il-fatt li l-Kummissjoni tiddikjara fil-proposta tagħha li s-sigurtà taċ-ċittadini u n-negozji huwa tħassib ewlieni u tirreferi għall-imwiet li seħħew f’attakki terroristiċi mwettqa f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru 2015 u li ċerti premessi jenfasizzaw l-għan tas-sigurtà pubblika ma jdgħajjifx din il-konklużjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, dak li hu importanti huma l-effetti legali tad-Direttiva 2017/853.

66.      Inżid ngħid li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali. L-istess japplika għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika (61). Iż-żewġ elementi jaqgħu b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE.

67.      L-ewwel nett (punt ovvju): l-armi tan-nar huma oġġetti intrinsikament perikolużi. Huma joħolqu tħassib dwar is-sigurtà mhux biss għall-utenti tagħhom iżda għall-pubbliku b’mod ġenerali. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur introduċa obbligi ta’ mmarkar u awtorizzazzjoni flimkien ma’ dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-pussess u l-akkwist ta’ tali armi (62). Id-Direttiva 2017/853 tinkludi prinċipalment miżuri klassiċi użati sabiex jippromwovu l-istabbiliment tas-suq intern f’ċirkustanzi fejn ikun meħtieġ li jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq prodott (minħabba li s-sigurtà hija importanti) sabiex jiġi evitat l-istabbiliment ta’ kontrolli fil-fruntiera u sabiex tiġi promossa ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ oġġetti u persuni (63). Għalhekk niċħad b’mod enfatiku l-argument tal-Polonja li l-armi tan-nar ma humiex oġġetti perikolużi għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni.

68.      It-tieni nett, aspett ewlieni tal-istabbiliment tas-suq intern kien li jitneħħew l-ostakoli fiżiċi għall-moviment liberu tal-merkanzija, li l-iktar eżempju viżibbli tagħhom kienu l-postijiet tad-dwana fuq il-fruntieri (64). Is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni vulnerabbli għat-theddida tat-terroriżmu internazzjonali hija marbuta b’mod inseparabbli maċ-ċirkulazzjoni ta’ oġġetti intrinsikament perikolużi bħalma huma l-armi tan-nar f’żona ta’ 28 Stat Membru (512.6 miljun persuna). Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi f’Jannar 2015, il-Ministri tal-Intern u/jew tal-Ġustizzja tal-Unjoni adottaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Pariġi” li fiha tennew mill-ġdid impenn sabiex inaqqsu l-provvista illeċita ta’ armi tan-nar madwar l-Ewropa. Bi tweġiba, il-Kummissjoni adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex tiżgura rispons effettiv u kkoordinat fil-livell tal-Unjoni għal theddid għas-sigurtà (65). L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà enfasizzat ukoll id-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala ostakolu għal kontrolli effettivi u kooperazzjoni tal-pulizija madwar l-Unjoni Ewropea. Jidhirli li minħabba dan il-kuntest miżuri nazzjonali diverġenti kienu jipprekludu ċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jaġixxi sabiex jaġġusta, fuq livell tal-Unjoni, il-bilanċ li ntlaħaq bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u s-sigurtà pubblika (66). Barra minn hekk, preċiżament minħabba li d-Direttiva 2017/853 tarmonizza iktar il-kontrolli fuq l-armi tan-nar, hija żżid mad-dispożizzjonijiet li jippromwovu l-kunfidenza reċiproka bejn l-Istati Membri li jinsabu fid-Direttiva 91/477 u b’hekk tnaqqas il-ħtieġa li l-Istati Membri jaġixxu individwalment (67).

69.      It-tielet nett, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2017/853 li tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tipprovdi speċifikazzjonijiet tekniċi huwa miżura ta’ promozzjoni ta’ kunfidenza ta’ dan it-tip. L-armonizzazzjoni tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ (li jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi) hija għan li ilu stabbilit tas-suq intern (68). Id-dħul ta’ dispożizzjoni ġdida fid-Direttiva 91/477 li tirregola kuntratti mill-bogħod hija eżempju ieħor tal-mod kif id-Direttiva 2017/853 tirregola l-kummerċ fis-suq intern (69).

70.      Ir-raba’ nett, id-Direttiva 2017/853 tipprovdi għal kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri għall-monitoraġġ u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar trasferimenti ta’ armi tan-nar bejn Stati fis-suq intern (70).

71.      Fl-aħħar nett, moqri oġġettivament ma jistax jingħad li l-kontenut attwali tad-Direttiva 2017/853 jarmonizza l-prevenzjoni tal-kriminalità f’xi sens materjali.

72.      Il-Parlament u l-Kunsill iddikjaraw waqt is-seduta (u fil-fatt l-osservazzjoni tikkonferma dan) li hija prattika leġiżlattiva standard tal-Unjoni għat-test ta’ att li jemenda li jkun redatt b’mod li jindika li għandu jiġi inserit fi jew li għandu jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-att li għandu jiġi emendat (71). Għal dik ir-raġuni, id-dikjarazzjonijiet fil-premessi tal-miżura preċedenti (id-Direttiva 91/477) ma humiex riprodotti fil-motivazzjoni għad-Direttiva 2017/853, għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet japplikaw ugwalment għal dak l-att. Inżid ngħid, inċidentalment, li jkun ta’ għajnuna għal dawk li jaqraw il-leġiżlazzjoni li temenda li kieku madankollu jkun hemm xi dikjarazzjoni qasira li tiġi inkluża fil-preambolu li tikkonferma li l-motivazzjoni għall-att oriġinali tibqa’ l-istess u li tapplika bl-istess mod għall-att li jemenda, ġaladarba dan ma huwiex evidenti mill-prattika attwali.

73.      L-Ungerija u l-Polonja jsostnu li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-għanijiet tad-Direttiva 91/477 meta tiġi evalwata l-legalità tad-Direttiva 2017/853. Tali approċċ, huma jibżgħu, jista’ jwassal għal estensjoni mhux iġġustifikata tal-portata ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur skont l-Artikolu 114 TFUE.

74.      Id-Direttiva 2017/853 hija l-att ikkontestat. Minn dan jirriżulta li fl-analiżi ta’ jekk din il-miżura ġietx adottata ultra vires, l-iskrutinju ġudizzjarju għandu jiffoka fuq id-Direttiva 2017/853 u l-effetti legali tagħha. Madankollu, huwa ċar ukoll li d-Direttiva 2017/853 temenda d-Direttiva 91/477; u xejn fil-premessi tagħha ma jissuġġerixxi li din tipprova tneħħi l-għanijiet tas-suq intern tad-direttiva preċedenti. Fil-fehma tiegħi għaldaqstant ikun artifiċjali li tiġi evalwata d-direttiva li temenda daqslikieku l-att emendat ma kienx jeżisti (72).

75.      Fil-qosor, inqis li fid-Direttiva 2017/853 il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa miżuri li b’mod ġenerali jippromwovu l-għanijiet tas-suq intern filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-provvista għal sigurtà pubblika.

76.      Għaldaqstant nikkonkludi li l-ewwel motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 It-tieni motiv: il-proporzjonalità

77.      It-tieni motiv tar-Repubblika Ċeka huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, hija tallega li meta adotta d-Direttiva 2017/853 il-leġiżlatur tal-Unjoni naqas totalment milli jindirizza l-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni u deliberatament ma kisibx biżżejjed informazzjoni (pereżempju billi jwettaq valutazzjoni tal-impatt) sabiex jagħmel evalwazzjoni informata dwar jekk dan il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ġiex osservat. It-tieni nett, hija tallega li l-leġiżlatur tal-Unjoni kompla jadotta miżuri manifestament sproporzjonati li jikkonsistu fi: (i) il-projbizzjoni mqiegħda fuq ċerti tipi ta’ armi semiawtomatiċi li ma ntużawx sabiex jitwettqu l-atti terroristiċi fl-2015; (ii) regolamentazzjoni iktar stretta ta’ ċerti armi minimament perikolużi (repliki storiċi jew armi li evidentement ġew iddiżattivati b’mod permanenti); u (iii) restrizzjonijiet imqiegħda fuq il-pussess ta’ ċerti kompartimenti għall-iskrataċ.

 L-ewwel parti

 L-argumenti tal-partijiet

78.      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-diskrezzjoni wiesgħa li jgawdi minnha l-leġiżlatur tal-Unjoni ma hijiex mingħajr limiti. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu matul il-proċess leġiżlattiv sabiex jevalwa l-proporzjonalità tad-Direttiva 2017/853. Bħala prinċipju, il-leġiżlatur huwa obbligat li jwettaq valutazzjoni tal-impatt (jew studju ekwivalenti). L-assenza ta’ tali valutazzjoni fissret li ma kien hemm ebda analiżi tal-indħil ikkawżat mid-Direttiva 2017/853 fuq id-dritt ta’ proprjetà ta’ dawk l-individwi li huma proprjetarji u li għandhom f’idejhom armi tan-nar. Id-diversi studji u rapporti msemmija mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha ma ressqux biżżejjed data sabiex turi rabta bejn il-pussess legali ċivili ta’ armi u l-użu abbużiv ta’ tali armi għal skopijiet kriminali jew ta’ terroriżmu.

79.      L-Ungerija targumenta li l-Ftehim Interistituzzjonali jorbot legalment lit-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hawnhekk il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tħejji valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-proposta tagħha għad-Direttiva 2017/853. Barra minn hekk ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma sproporzjonati. Dawn jinkludu l-Artikolu 1(3), li jemenda l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/477 billi jintroduċi rekwiżiti għar-reġistrazzjoni l-informazzjoni kollha relatata mal-armi tan-nar meħtieġa sabiex jiġu ttraċċati u identifikati dawn il-prodotti. Wara din l-emenda, l-awtoritajiet kompetenti jitħallew iżommu rekords tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom inkluża d-data personali relatata għal 30 sena. Dawn ir-rekords ikunu aċċessibbli għal perjodu ta’ 10 snin jew għal perijodu ta’ 30 sena fil-każ ta’ prevenzjoni, skoperta jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, wara l-qerda tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. L-Artikolu 4(4) preċedenti tad-Direttiva 91/477 ma kellu ebda dispożizzjoni bħal din: dan sempliċement ippermetta lill-awtoritajiet kompetenti jirreġistraw u jżommu sistema għall-arkivjar tad-data għal 20 sena.

80.      Il-Polonja żżid tgħid li l-Ftehim Interistituzzjonali għandu dispożizzjonijiet kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti. Valutazzjoni tal-impatt għandha ġeneralment issir bla ħsara għad-deroga stabbilita f’dak il-ftehim li tapplika f’każijiet ta’ urġenza.

81.      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kollha jsostnu li l-Ftehim Interistituzzjonali ma jimponix obbligu legali li titwettaq valutazzjoni tal-impatt matul il-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni. L-għan tad-Direttiva 2017/853 huwa li jkun hemm bilanċ ġdid xieraq bejn iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ ċerti armi tan-nar u ż-żamma tas-sigurtà pubblika. Il-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika sabiex tiddetermina jekk id-Direttiva 2017/853 hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa jekk ir-restrizzjonijiet li tintroduċi humiex manifestament inadegwati fir-rigward tal-għan imfittex.

 Ammissibbiltà

82.      Jiena naqbel mal-Parlament u l-Kunsill li l-argument tal-Ungerija li d-Direttiva 2017/853 hija sproporzjonata sa fejn l-Artikolu 1(3) jemenda l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477 huwa inammissibbli. L-Artikolu 129(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddikjara li intervent huwa limitat għas-sostenn tat-talbiet kollha kemm huma jew parzjalment. L-Artikolu 129(3) iżid li l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża hekk kif isibha fiż-żmien tal-intervent tiegħu.

83.      Hawnhekk ir-Repubblika Ċeka ma inkludietx l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2017/853 fil-kuntest tat-talbiet imressqa (73). Għalhekk nikkonkludi li s-sottomissjonijiet tal-Ungerija fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2017/853 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità huma inammissibbli u ma iniex ser nikkunsiderahom ulterjorment.

 Fuq il-mertu

84.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità (wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni) jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ stħarriġ ġudizzjarju li ngħatawlha mit-Trattati, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’oqsma fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi evalwazzjoni kumplessa ta’ għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali (74). Għalhekk il-kriterju applikabbli ma huwiex dwar jekk miżura adottata mil-leġiżlatur f’tali qasam hijiex l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, peress li l-legalità tagħha tista’ tiġi affettwata biss jekk il-miżura tkun manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għanijiet li l-istituzzjoni(ijiet) kompetenti tixtieq (jixtiequ) tilħaq (jilħqu) (75).

85.      Madankollu, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa, huwa għandu jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi. Barra minn hekk fl-evalwazzjoni tal-piżijiet assoċjati ma’ diversi miżuri possibbli huwa għandu jeżamina jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula humiex tali li jiġġustifikaw saħansitra konsegwenzi negattivi personali, soċjali jew ekonomiċi għal ċerti individwi bħala riżultat tal-miżuri adottati (76).

86.      Mill-opinjonijiet li esprimejt fir-rigward tal-ewwel motiv jirriżulta li nqis li d-Direttiva 2017/853 ssegwi għanijiet leġittimi (77). Għalhekk, il-kwistjoni reali fir-rigward tal-proporzjonalità hija jekk il-miżuri adottati humiex xierqa u neċessarji bi ħsieb li jinkiseb il-funzjonament tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin trid li tilħaq għan ta’ interess ġenerali ddikjarat (hawnhekk, il-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà).

87.      L-armi tan-nar huma intrinsikament perikolużi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant iddeċieda li jirregola ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja ta’ arma, mill-produzzjoni sal-kummerċ, il-proprjetà u l-pussess, id-diżattivazzjoni u l-qerda (78).

88.      Ir-Repubblika Ċeka għandha raġun tiddikjara li għalkemm l-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-każ huwa ta’ portata limitata l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu juru li fl-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853 huma effettivament eżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom. Dan imbagħad jirrikjedi li suppost kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jirrigwardaw is-sitwazzjoni li l-miżura leġiżlattiva l-ġdida kienet maħsuba li tirregola. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet għandhom, bħala minimu, ikunu jistgħu jipproduċu u jiddeskrivu b’mod ċar u inekwivoku l-fatti essenzjali li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala l-bażi għad-Direttiva 2017/853.

89.      Fit-twettiq tal-istħarriġ tagħha ma huwiex neċessarju, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess dwar jekk ċerti armi tan-nar li fuqhom id-Direttiva 2017/853 tissikka l-kontrolli fil-fatt intużawx fl-attakki terroristiċi tal-2015; jew jekk tali armi humiex preċiżament perikolużi daqs kemm jgħidu t-tliet istituzzjonijiet. Pjuttost, il-kriterju għall-evalwazzjoni huwa l-għanijiet iddikjarati tad-Direttiva 2017/853, l-att li l-validità tiegħu qed tiġi kkontestata (pjuttost milli d-Direttiva 91/477).

90.      Karatteristika ġdida tal-każ preżenti hija li fl-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853 il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx valutazzjoni tal-impatt. Normalment l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jistrieħu fuq tali valutazzjoni sabiex juru li l-miżuri adottati huma kemm xierqa kif ukoll neċessarji. Bħala regola ġenerali hawnhekk ma jistgħux jagħmlu hekk.

91.      Jirriżulta awtomatikament li l-miżuri introdotti mid-Direttiva 2017/853 għandhom jiġu annullati minħabba li t-tliet istituzzjonijiet ma wettqux valutazzjoni tal-impatt skont il-Ftehim Interistituzzjonali?

92.      Ma naħsibx.

93.      Il-Ftehim Interistituzzjonali ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 295 TFUE, li jipprovdi li t-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan jistgħu jikkonkludu diversi Ftehim Interistituzzjonali li jistgħu jkunu ta’ natura vinkolanti (79). Jekk il-Ftehim Interistituzzjonali inkwistjoni huwiex vinkolanti għandu jiġi ddeterminat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni u tal-kuntest ta’ tali ftehim. Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-passat wasslu għal impenji vinkolanti (80). Jidhirli li t-tliet istituzzjonijiet fil-fatt kellhom l-intenzjoni li jidħlu għal impenji vinkolanti bejniethom fir-rigward tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (81). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi mhux bilfors isegwi li l-Ftehim Interistituzzjonali jintroduċi obbligu vinkolanti sabiex titwettaq valutazzjoni tal-impatt f’kull każ.

94.      Ir-regoli dwar valutazzjoniiet tal-impatt huma stabbiliti fil-Parti III tal-Ftehim Interistituzzjonali (iktar il-quddiem “Għodda għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”). It-tieni paragrafu tal-punt 12 jgħid li l-“valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda biex tgħin lit-tliet Istituzzjonijiet jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni tajba u mhumiex sostitut għal deċiżjonijiet politiċi fil-proċess demokratiku tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-valutazzjonijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien żejjed fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet jew jippreġudikaw il-kapaċità tal-koleġislatur li jipproponi emendi.” Il-punt 13 jgħid li l-“Kummissjoni ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi, l-atti delegati u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha li jkunu mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti. Bħala regola ġenerali, l-inizjattivi inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jew fid-dikjarazzjoni konġunta ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt”. (Jidher li għalhekk, a contrario, inizjattivi leġiżlattivi li ma humiex “mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti” ma għandhomx għalfejn ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt – ovvjament wieħed jista’ jiddibatti fejn eżattament jinsabu l-konfini bejn iż-żewġ kategoriji.)

95.      Il-punt 14 jgħid li, “meta jikkunsidraw il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, [il-Parlament u l-Kunsill] ser jieħdu kont sħiħ tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu ppreżentati b’tali mod li jiffaċilitaw il-kunsiderazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-għażliet li tkun għamlet il-Kummissjoni”. Il-Parlament u l-Kunsill jistgħu, fejn jikkunsidraw li huwa xieraq u meħtieġ, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt jekk jagħmlu emendi sostanzjali għal proposta tal-Kummissjoni (punt 15) (82).

96.      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt ma jitkellmux f’termini mandatorji. Il-kelma “għandu” – li toħloq obbligu sabiex titwettaq valutazzjoni tal-impatt f’kull każ – ma hijiex użata. Ovvjament huwa perfettament minnu li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda importanti u utli fil-proċess ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”. Huma jiffaċilitaw il-proċess ta’ tfassil ta’ liġijiet raġunat sew u trasparenti. Madankollu, il-Ftehim Interistituzzjonali ma jpoġġihomx bħala kundizzjoni minn qabel għall-proposta jew għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha.

97.      Għaldaqstant ma jistax ikun sew li, fl-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx jista’ jaġixxi. Interpretazzjoni assoluta bħal din tal-Ftehim Interistituzzjonali jkun xkiel mhux iġġustifikat fuq id-diskrezzjoni mogħtija lil-leġiżlatur taħt it-Trattati. Dan ikun jagħmilha impossibli li tittieħed azzjoni leġiżlattiva anki meta ċ-ċirkustanzi juru biċ-ċar il-ħtieġa għal azzjoni urġenti (83). Inżid ngħid, ulterjorment, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-valutazzjoni tal-impatt ma torbot la lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill (84).

98.      Minn dan isegwi li ma nqisx li l-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt awtomatikament tinvalida l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata sussegwentement.

99.      Pjuttost, skont il-Ftehim Interistituzzjonali, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li meta jipproponu u/jew jadottaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt huwa pass mistenni (jew normali) fil-proċess. Meta dan il-pass jitħalla barra, jinqalgħu żewġ kwistjonijiet dwar il-konsegwenzi proċedurali u sostantivi, minħabba li l-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt tagħmel il-kompitu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’każ ta’ kontestazzjoni, ferm iktar diffiċli. L-ewwel nett, għandhom juru li kien hemm raġuni tajba għalfejn ma ġewx segwiti r-regoli normali u t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt. It-tieni nett, għandhom jużaw materjal ieħor sabiex jissodisfaw l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja (85).

100. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, it-tieni paragrafu tal-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali jippermetti lill-istituzzjonijiet jeskludu milli jwettqu valutazzjoni tal-impatt f’kundizzjonijiet ta’ urġenza. Il-Kummissjoni ddikjarat espressament fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għad-Direttiva 2017/853 li, “[m]inħabba l-urġenza tal-proposta fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar, qed tiġi ppreżentata mingħajr valutazzjoni tal-impatt” (86). Fuq il-bażi tal-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma nara ebda raġuni għalfejn ma għandix naqbel ma din id-dikjarazzjoni. Għaldaqstant, inqis li l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

101. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, it-tliet istituzzjonijiet jindikaw diversi rapporti u studji li huma jsostnu li juru li d-Direttiva 2017/853 hija kemm xierqa kif ukoll neċessarja (87). L-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/477 kien diġà qiegħed obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tissottometti rapporti dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-direttiva f’intervalli regolari (88). Ċerti rapporti kkwotati mill-istituzzjonijiet tħejjew skont dawn l-obbligi. Billi d-Direttiva 2017/853 hija att li jemenda hija taqa’ fil-kuntest tal-inizjattiva “Regolamentazzjoni Aħjar” magħrufa bħala “REFIT” (il-Programm dwar l-Idoneità tar-Regolamentazzjoni li jeżamina l-aħjar mod kif tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni). Numru ta’ rapporti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 91/477 ġew għalhekk ippreparati qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853 (89).

102. Il-premessi tad-Direttiva 2017/853 jirreferu għall-għan ġenerali li jinħoloq bilanċ bejn il-libertà tal-moviment u l-ħtieġa li tiġi kkontrollata dik il-libertà bl-użu ta’ garanziji ta’ sigurtà adattati għal dawk li huma prodotti perikolużi u durevoli u li jistgħu jintużaw ħażin għal skopijiet kriminali (90). Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, jidhirli li sa fejn id-Direttiva 2017/853 tissikka l-kontrolli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ armi tan-nar, l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, regoli dwar l-immarkar u t-traċċabilità, arranġamenti għall-klassifikazzjoni ta’ armi tan-nar, arranġamenti għad-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar u t-trasferiment ta’ tali prodotti bejn l-Istati Membri, il-miżuri adottati huma xierqa u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ. Il-leġiżlatur ma impona ebda projbizzjoni diretta fuq xi kategorija ta’ armi tan-nar. Anki l-projbizzjoni ġenerali kontra l-armi tan-nar tal-kategorija A (dawk li l-leġiżlatur iqis li huma l-iktar perikolużi) hija suġġetta għal eċċezzjonijiet. Barra minn hekk il-materjal preparatorju jindika li fit-tħejjija tal-proposta tagħha l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet tas-suq intern kif ukoll l-imperattivi tas-sigurtà fil-konċezzjoni tal-miżuri inkwistjoni (91).

103. Għaldaqstant niċħad is-sottomissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jevalwa jekk id-Direttiva 2017/853 kinitx proporzjonata matul il-proċess leġiżlattiv. Din il-konklużjoni ma tinbidilx bis-sottomissjoni li d-Direttiva 2017/853 tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fid-dritt ta’ proprjetà ta’ dawk l-individwi li għandhom armi tan-nar.

104. L-ewwel nett, id-Direttiva 2017/853 ma tissekwestrax l-armi tan-nar ċivili kollha miżmuma legalment. Hija sempliċement tissikka l-kontrolli fuq tali armi. Għalhekk id-Direttiva 2017/853 ma għandhiex l-intenzjoni li ċċaħħad lill-individwi mid-drittijiet tagħhom għall-proprjetà (hawnhekk, armi tan-nar). Ninnota inċidentalment li dritt fundmentali għall-pussess ta’ armi tan-nar ma jidhirx fid-dritt tal-Unjoni bħala tali, u lanqas ma jifforma parti mit-“tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri”. It-tieni nett, id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta huwa dritt ikkwalifikat (92). Minbarra li jipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà l-artikolu jipprovdi wkoll li l-individwi jistgħu jiġu mċaħħda mill-possedimenti tagħhom fl-interess pubbliku u fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. Sa fejn id-Direttiva 2017/853 tipprovdi li l-armi tan-nar miżmuma bi ksur ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha għandhom jinqabdu, jidhirli li tissodisfa kompletament dawk il-kundizzjonijiet. Se nikkunsidra d-dispożizzjonijiet individwali kkontestati mir-Repubblika Ċeka hawn taħt (93).

105. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tat-tieni motiv ma tistax tintlaqa’.

 It-tieni parti

106. Sussidjarjament, ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla ċerti dispożizzjonijiet ippromulgati fl-Artikolu 1(6), l-Artikolu 1(7) u l-Artikolu 1(19) tad-Direttiva 2017/853 (94).

107. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Artikolu 1(6) huwa invalidu sa fejn jinserixxi l-Artikolu 5(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) fid-Direttiva 91/477. L-Artikolu 5(3) jistabbilixxi regoli għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist u l-possessjoni ta’ armi tan-nar tal-kategorija B jekk il-persuna kkonċernata jkollha fil-pussess tagħha apparat ta’ kkargar li jista’ jitwaħħal ma’ armi tan-nar semiawtomatiċi jew li jirrepetu centre-fire li jista’ jżommu iktar minn 20 skartoċċ (jew, fil-każ ta’ armi tan-nar twal, jista’ jżommu iktar minn 10 iskrataċ). Dik id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 kif emendata.

108. L-iskop tal-Artikolu 5(3) kif emendat huwa spjegat fil-premessa 23 tad-Direttiva 2017/853. Dik il-premessa tiddikjara li “ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom, f’termini ta’ għadd ta’ tiri […] tkun għolja”. Matul l-ewwel qari fil-Parlament ġie miżjud test ġdid mal-proposta tal-Kummissjoni li jgħid li l-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jakkwista u jippossjedi armi tan-nar kellha tiġi rtirata jekk il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 5 ma jkunux ġew issodisfatti (essenzjalment id-detentur kellu jkun ta’ età maġġuri u juri li ma kienx ta’ periklu għalih innifsu jew għall-pubbliku). It-test inbidel sabiex jimla vojt li ġie identifikat fil-proposta tal-Kummissjoni matul in-negozjati fil-Kunsill (95). Il-formulazzjoni tal-premessa 23 ġiet introdotta wara l-proċess ta’ konċiljazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet. Filwaqt li l-premessa 23 bla dubju tindika tħassib dwar is-sigurtà, tali kwistjonijiet huma dejjem marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-funzjonament tas-suq intern (96), bħall-għan li tiżdied il-preċiżjoni fid-Direttiva 91/477 sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma japplikawx regoli diverġenti. Fid-dawl ta’ fatturi bħal dawn, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar stretti li jikkonċernaw l-armi tan-nar tal-kategorija B kienet xierqa sabiex jintlaħaq dak l-għan.

109. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477 kif emendat permezz tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2017/853 jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw lit-tiraturi fuq bersall jiksbu u jippossjedu ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) jipprovdi eċċezzjoni partikolari għall-Istati Membri li għandhom sistema militari bbażata fuq lieva ġenerali u li, matul l-aħħar 50 sena, operaw sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar militari lill-ex persunal tal-armata. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti lil dawn il-persuni – jekk ikunu wkoll tiraturi fuq bersall – awtorizzazzjoni sabiex iżommu arma tan-nar waħda użata matul il-perjodu ta’ servizz militari. Huwa aċċettat li l-uniku pajjiż li jissodisfa dawn il-kriterji huwa l-Isvizzera (97).

110. Din id-dispożizzjoni ġiet inserita matul in-negozjati fil-Kunsill. Hija għandha tinqara fid-dawl tal-eċċezzjoni iktar ġenerali għall-projbizzjoni fir-rigward tal-armi tan-nar tal-kategorija A fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/477 (kif emendata) li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jagħtu awtorizzazzjonijiet f’kuntesti speċifikati “fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku”. Kien ikkunsidrat li għandha ssir ukoll dispożizzjoni speċifika għar-riżervisti tal-armata billi dawk il-pajjiżi jkollhom sistema eżistenti sabiex jivverifikaw li persuni li għandhom armi tan-nar tal-kategorija A ma jkunux ta’ riskju għas-sigurtà pubblika (98).

111. Għalhekk jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet fattwali, soċjali u kulturali rilevanti sabiex jiddetermina jekk għandux joħloq dispożizzjonijiet speċifiċi għar-riżervisti tal-armata u, għaldaqstant, adotta miżuri xierqa sabiex jiżgura bilanċ bejn l-għanijiet tal-iffaċilitar ta’ tħaddim tas-suq intern u l-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà pubblika.

112. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/477 jipprojbixxi l-akkwist ta’ armi tan-nar tal-kategorija B mingħajr awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Qabel l-emendi introdotti mid-Direttiva 2017/853, armi tal-kategorija B kienu jinkludu armi semiawtomatiċi. Din id-direttiva biddlet il-pożizzjoni. Armi semiawtomatiċi ġew irriklassifikati bħala armi tan-nar ipprojbiti u issa jaqgħu fil-kategorija A (li tinkludi wkoll armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f’armi semiawtomatiċi).

113. Matul in-negozjati fil-Kunsill il-Presidenza ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ħafna Stati Membri opponew il-bidla fil-kategorija għal armi tan-nar semiawtomatiċi (99). Għalhekk ġie propost test irrivedut fit‑8 ta’ Ġunju 2016 li ppermetta lill-Istati Membri jġeddu awtorizzazzjoni għal arma tan-nar li qabel kienet ikklassifikata fil-kategorija B u li issa kienet irriklassifikata fil-kategorija A. Dan it-test ġie rrivedut iktar u inkorporat fit-test tad-Direttiva 2017/853. Għalhekk l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2017/853 kif ippromulgat jemenda l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/477 billi, inter alia, jinserixxi l-Artikolu 7(4a) li essenzjalment jippermetti lill-Istati Membri jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjoni għal armi semiawtomatiċi li qabel kienu fil-kategorija B u akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017.

114. F’dan l-isfond jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni b’mod xieraq iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti sa fejn introduċa dak li issa huwa l-Artikolu 7(4a). Bl-adozzjoni ta’ dik il-miżura l-leġiżlatur naqqas is-severità tal-konsegwenzi tal-estensjoni tal-projbizzjoni tal-armi għall-użu ċivili għal armi tan-nar semiawtomatiċi. Huwa ppermetta lil sidien legali ta’ dawn l-armi, li essenzjalment kienu akkwistawhom qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, iżommuhom suġġetti għal superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Fl-opinjoni tiegħi din is-soluzzjoni ma hijiex biss konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità iżda tosserva wkoll il-prinċipju relatat ta’ sussidjarjetà.

115. Ir-Repubblika Ċeka titlob ukoll l-annullament tal-Artikolu 1(19) tad-Direttiva 2017/853 sa fejn dan jissikka l-kontrolli fuq ċerti armi tan-nar. L-arranġamenti speċifiċi kkontestati huma kif ġej: (i) ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jiddaħħlu fil-kategorija ta’ armi pprojbiti; (ii) il-kategorija B issa tinkludi armi tan-nar qosra li jirripetu, ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi twal u qosra, u kwalunkwe arma tan-nar tal-kategorija C ikkonvertita sabiex tispara skrataċ bla balla, irritanti, jew sustanzi attivi oħra jew skrataċ pirotekniċi jew f’arma tas-salut jew akustika; (iii) armi tan-nar iddiżattivati issa huma suġġetti għal dikjarazzjoni (kategorija C); u (iv) armi tan-nar iddiżattivati ma għadhomx esklużi mid-definizzjoni ta’ arma tan-nar għall-finijiet tad-Direttiva 91/477 (100).

116. It-tħassib dwar l-armi semiawtomatiċi huwa mniżżel fid-dettall fil-materjal preparatorju (101). Il-Presidenza indikat li l-proposta fir-rigward tal-armi semiawtomatiċi kienet kontroversjali. Minn naħa, tali armi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom (numru ta’ skrataċ) tkun għolja u jkunu jistgħu faċilment jiġu konvertiti f’armi awtomatiċi. Min-naħa l-oħra, ħafna Stati Membri kkunsidraw li tali armi għandhom jibqgħu fil-kategorija B. Għaldaqstant il-Presidenza stiednet lill-Istati Membri sabiex jissottomettu evidenza dwar il-kwistjoni li ġiet ikkunsidrata matul il-proċedura leġiżlattiva (102). Fir-rigward tal-bidliet fl-ambitu tal-kategorija B il-leġiżlatur kellu aċċess għal numru ta’ rapporti dwar il-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar skont id-Direttiva 91/477 u r-riskji għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern.

117. L-inserzjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati fil-punt 6 tal-kategorija C u l-bidla fid-definizzjoni ta’ arma tan-nar sabiex jiġu inklużi tali armi huma żewġ naħat tal-istess munita u jien ser nittrattahom flimkien. Ir-riattivazzjoni jew id-diżattivazzjoni ta’ armi tan-nar ġiet enfasizzata bħala kwistjoni mill-Kummissjoni (103). Tqum kwistjoni partikolari fir-rigward tal-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern billi l-Istati li huma partijiet fil-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar (li jinkludi t‑28 Stat Membru tal-Unjoni) jistgħu jikklassifikaw arma tan-nar iddiżattivata bħala arma tan-nar skont id-dritt nazzjonali u jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dawn ir-raġunijiet. Bħala konsegwenza Stati Membri differenti jistgħu faċilment jintroduċu dispożizzjonijiet diverġenti u b’hekk jikkompromettu l-għanijiet tas-suq intern (104). Barra minn hekk ġew identifikati ċerti riskji speċifiċi ta’ sigurtà: il-konverżjoni ta’ armi ta’ allarm f’armi kompletament attivi; il-konverżjoni ta’ armi semiawtomatiċi f’armi awtomatiċi; ir-riattivazzjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati; it-tħassir tal-immarkar; u użu illegali ta’ armi li jintirtu. Dawn l-attivitajiet kollha huma kawża ta’ tħassib dwar is-sigurtà fuq livell tal-Istati Membri.

118. Jidhirli li huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament ħa inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi tekniċi rilevanti meta fformula d-dispożizzjonijiet li jemendaw li jinsabu fid-Direttiva 2017/853 u li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

119. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tat-tieni motiv fl-intier tagħha ma jistax jintlaqa’ u konsegwentement it-tieni motiv huwa infondat.

 It-tielet motiv: iċ-ċertezza legali

120. Ir-Repubblika Ċeka ssostni li billi adotta ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2017/853 il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan il-kuntest ir-Repubblika Ċeka tidentifika d-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 1(6) (li jinserixxi l-Artikolu 5(3)); l-Artikolu 1(7)(b) (li jinserixxi l-Artikolu 7(4a)); u l-Artikolu 1(19) (li jżid il-punti 7 u 8 mal-kategorija A tal-Anness I tal-Parti II) (105). Ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-effetti sostantivi tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma tali li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannullahom, jirriżulta neċessarjament li d-Direttiva 2017/853 għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

121. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-Repubblika Ċeka targumenta, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex komplessivament ċari mill-perspettiva taċ-ċertezza legali. Għalhekk huma ma jippermettux lill-persuni kkonċernati jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità. It-tieni nett, hija targumenta li l-Artikolu 7(4)a tad-Direttiva 91/477/KEE, kif inserit mid-direttiva kkontestata (l-hekk imsejħa “grandfathering clause”), barra minn hekk effettivament tobbliga lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha effetti retroattivi. Dan huwa wkoll, għalhekk, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

122. Il-Parlament u l-Kunsill ma jaqblux mal-interpretazzjoni tar-Repubblika Ċeka tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u jsostnu li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

123. Jien a  tal-istess fehma.

124. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli tal-liġi jkunu ċari u preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jaċċertaw il-pożizzjoni tagħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali rregolati mid-dritt tal-Unjoni (106).

125. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/477 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 23 tad-Direttiva 2017/853. Din il-premessa tiddikjara essenzjalment li ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna jekk il-kapaċità tagħhom f’termini ta’ skrataċ tkun għolja ħafna (107). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li l-armi tan-nar li ma humiex ipprojbiti ma jiġux ikkonvertiti f’armi ferm iktar perikolużi. L-għan tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/477 kif emendat huwa għalhekk li tingħalaq lakuna potenzjali billi jipprovdi li l-awtorizzazzjoni għal tali armi tan-nar għandha tiġi rtirata jekk il-persuna awtorizzata li takkwista jew tippossjedi dawn l-armi tkun tista’ żżid il-kapaċità ta’ sparar kif stipulat f’dik id-dispożizzjoni (108). L-istess tħassib japplika għal armi tan-nar semiawtomatiċi u armi tan-nar twal semiawtomatiċi centre-fire kif elenkati rispettivament fil-punt 7 u l-punt 8 tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2017/853.

126. Inqis il-formulazzjoni ta’ dawk it-testi kkunsidrati flimkien bħala ċara u preċiża biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

127. Sussegwentement ir-Repubblika Ċeka tipprova essenzjalment targumenta li l-Artikolu 7(4a) il-ġdid tad-Direttiva 91/477, kif inserit mill-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2017/853 huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. L-effetti retroattivi tiegħu jippreġudikaw id-drittijiet ta’ individwi li legalment akkwistaw u kienu fil-pussess ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi għal użu ċivili taħt id-Direttiva 91/477 qabel ma ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2017/853. Dawn l-armi issa huma pprojbiti.

128. Huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (109). Id-dritt li wieħed joqgħod fuq dan il-prinċipju jestendi għal kull persuna li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tat lok għal tamiet ġġustifikati. Fi kwalunkwe forma li tingħata, informazzjoni li hija preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u ġejja minn sorsi awtorizzati u ta’ min joqgħod fuqhom tikkostitwixxi assigurazzjonijiet li jistgħu joħolqu din it-tama. Madankollu persuna ma tistax tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju sakemm ma tkunx ingħatat tali ċertezzi preċiżi mill-amministrazzjoni (110).

129. Jiena nikkunsidra li ma hemm l-ebda evidenza ta’ assigurazzjonijiet bħal dawn.

130. L-ewwel nett, ma ġew prodotti ebda provi li jissuġġerixxu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni taw xi assigurazzjonijiet rigward il-klassifikazzjoni tal-armi li setgħu ssuġġerew li l-armi tan-nar semiawtomatiċi ma jiġux irrikategorizzati bħala armi pprojbiti. Anzi, il-materjal preparatorju għad-Direttiva 2017/853 jindika l-konklużjoni opposta. Il-kategorizzazzjoni tal-armi tan-nar hija kwistjoni li ġiet ikkunsidrata għal xi żmien u b’iktar dettall qabel l-introduzzjoni tad-Direttiva 2017/853 (111).

131. It-tieni nett, l-Artikolu 7(4a) għandu jinqara fil-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/477 kif emendata. Id-dispożizzjoni tal-aħħar tintroduċi numru ta’ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni kontra l-armi tan-nar tal-kategorija A (112). L-Artikolu 7(4a) jipprovdi eċċezzjoni oħra possibbli. Hija tippermetti lill-Istati Membri jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet għal armi semiawtomatiċi li qabel kienu fil-kategorija B (qabel l-emenda). L-Artikolu 7(4a) għalhekk inaqqas l-effetti tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-bidla fil-kategorija billi jippermetti lill-individwi kkonċernati, taħt superviżjoni xierqa, ikomplu jżommu dawk l-armi. Jidhirli li din hija l-antiteżi stess tal-introduzzjoni ta’ effetti retroattivi illegali. Inżid ngħid li l-Artikolu 7(4a) huwa fi kwalunkwe każ dispożizzjoni diskrezzjonali. Għalhekk jekk Stat Membru jkun tal-fehma li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 7(4a) tista’ toħloq sfidi partikolari minħabba regoli nazzjonali eżistenti dan ma huwiex obbligat jippermetti lil individwi li għandhom fil-pussess tagħhom dawk li saru armi pprojbiti jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni.

132. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ regola ġdida fuq l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt regola antika tiġi ġeneralment eskluża (113).

133. Għaldaqstant inqis li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ir-raba’ motiv: it-trattament ugwali

134. Permezz tal-motiv finali tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-Direttiva 2017/853 hija invalida inkwantu tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 91/477 (kif emendata) jipprovdi speċifikament għal eċċezzjoni għall-projbizzjoni kontra l-użu ta’ armi tan-nar tal-kategorija A għall-Isvizzera.

135. Il-Parlament u l-Kunsill isostnu l-kuntrarju.

136. Jiena naqbel mal-Parlament u l-Kunsill.

137. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (114).

138. Konformement mal-Artikolu 4(2) TUE l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa meħtieġ li fl-atti tiegħu josserva kemm l-ugwaljanza tal-Istati Membri kif ukoll l-identitajiet nazzjonali tagħhom. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa preċiżament dak li l-leġiżlatur ried jikseb permezz tal-“eċċezzjoni tal-Isvizzera”.

139. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(6) kif emendat bid-Direttiva 2017/853 jipprovdi l-qafas għal eċċezzjoni ġenerali, f’ċirkustanzi xierqa, għall-projbizzjoni kontra l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar tal-kategorija A kklassifikati fil-punti 6 jew 7 (115). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) sempliċement joħloq dispożizzjoni speċifika għal pajjiż li ilu għal ħafna snin b’armata ta’ riżerva bbażata fuq il-lieva. Huwa paċifiku li l-Isvizzera biss tissodisfa din il-kundizzjoni. L-għan tal-eċċezzjoni huwa li jitqies il-fatt li Stat bħal dan ikun kapaċi jittraċċa u jimmonitorja l-persuni (kif ukoll l-armi) ikkonċernati għall-iskop li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika.

140. Il-pożizzjoni ta’ kull Stat Membru hija partikolari. Tvarja skont il-kultura u t-tradizzjoni. Għaldaqstant ma nistax naqbel li s-sitwazzjoni tal-Istati Membri kollha flimkien mal-erba’ Stati ta’ Schengen (li minnhom l-Isvizzera hija waħda) hija awtomatikament paragunabbli għal kollox fl-aspetti kollha. Għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 6(6) ma huwiex diskriminatorju.

141. Nikkonkludi li r-raba’ motiv ma huwiex fondat u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħdu.

 Konklużjoni

142. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq u tal-Artikoli 138(1) u 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tqassim tal-ispejjeż, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-azzjoni tar-Repubblika Ċeka;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

–        tikkundanna lill-Gvern Franċiż, lill-Gvern Ungeriż u lill-Gvern Pollakk u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Fl‑14 u l‑15 ta’ Frar 2015, seħħew tliet sparaturi separati f’Kopenħagen, id-Danimarka. Żewġ vittmi u l-awtur inqatlu, filwaqt li ħames uffiċjali tal-pulizija ndarbu. Fit‑13 ta’ Novembru 2015, 120 persuna mietu f’sensiela ta’ attakki terroristiċi organizzati f’Pariġi, Franza.


3      COM(2015) 750 final: Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tat‑18 ta’ Novembru 2015 (iktar ’il quddiem “COM(2015) 750”).


4      Direttiva tal-Kunsill 91/477/EEC tat-18 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Volum 11, p. 3) kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008 L 179, p. 5).


5      B’mod parallel u fl-istess data, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 278 TFUE għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Direttiva 2017/853. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:119).


6      Direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2017 L 137, p. 22).


7      ĠU 2010 C 83, p. 391.


8      Il-preambolu tad-Direttiva 2008/51 ukoll jirreferi espressament (fil-premessi 2 u 3) għad-Direttiva 91/477, li ġiet emendata wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tiffirma l-Protokoll kontra l-Manifattura Illeċita ta’ Armi tan-Nar u t-Traffikar tal-Partijiet u l-Komponenti tagħhom u Munizzjon, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas-16 ta’ Ottubru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 200), iktar ’il quddiem il-“Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Manifattura Illeċita u t-Traffikar ta’ Armi tan-Nar”; ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/51 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.


9      L-ewwel sat-tielet premessi tad-Direttiva 91/477.


10      Il-ħames premessa tad-Direttiva 91/477.


11      Dawn id-dispożizzjonijiet huma prinċipalment: l-Artikolu 4 (dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq ta’ armi tan-nar); l-Artikolu 5 (dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar); l-Artikolu 6 (il-projbizzjoni fir-rigward tal-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar tal-kategorija A); l-Artikolu 7 (regoli dwar l-akkwist ta’ armi tan-nar tal-kategorija B); u l-Artikolu 8 (regoli dwar il-pussess ta’ armi tan-nar tal-kategorija C). L-armi tan-nar tal-kategorija D huma msemmija fl-Artikolu 4(5) (qabel l-emenda permezz tad-Direttiva 2017/853: ara l-punt 24 iktar ’il quddiem), li jgħid li mit‑28 ta’ Lulju 2010 l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri xierqa ta’ ttraċċar li jippermettulhom isibu rabta ta’ tali prodotti mas-sid fi kwalunkwe mument.


12      Artikolu 2(1).


13      Artikolu 2(2).


14      Premessa 1.


15      Premessa 2; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.


16      Premessa 6.


17      Premessa 9.


18      Premessa 15.


19      Premessa 20.


20      Premessa 21.


21      Premessa 23.


22      Premessa 31.


23      Premessa 36; ara wkoll il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 165) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (ĠU 2008 L 53, p. 1). Il-Liechtenstein, l-Islanda u n-Norveġja jipparteċipaw ukoll (flimkien mal-Isvizzera) fl-acquis ta’ Schengen skont ftehim bilaterali mal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “l-erba’ Stati ta’ Schengen”).


24      Ser nirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) f’dawn il-konklużjonijiet bħala d-“deroga Svizzera”.


25      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


26      Ara wkoll l-Artikolu 1(15) u l-Artikolu emendat 13a u l-Artikolu mdaħħal 13b.


27      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal‑15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU 2015 L 333, p. 62).


28      ĠU 2016 L 123, p. 1 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim Interistituzzjonali”).


29      Premessa 1.


30      Premessa 3.


31      Punti 1 u 2 rispettivament.


32      Ir-rwoli rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) huma spjegati fil-punti 13 sa 17.


33      F’dan ir-rigward, ara l-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prodotti tat-tabakk u r-reklamar ta’ tali prodotti. Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 82, EU:C:2000:544, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-suq intern huwa żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat; u li hija kkaratterizzata mill-abolizzjoni bejn l-Istati Membri tal-ostakoli kollha għall-moviment liberu ta’ dawn il-fatturi.


34      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.


35      Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 60).


36      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477 u ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


37      Ara b’analoġija is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) and Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 66).


38      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punti 57 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara b’analoġija is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 42 u 43), u tal-4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 37 u 38).


40      Dak li kien magħruf bħala l-“Approċċ Ġdid” kopra madwar 22 miżura tal-Unjoni li għandhom l-għan li jtejbu s-suq intern u jsaħħu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti fis-suq tal-Unjoni. Essenzjalment, l-Unjoni Ewropea tadotta leġiżlazzjoni li tiddefinixxi rekwiżiti essenzjali fir-rigward tas-sigurtà u aspetti oħra ta’ interess pubbliku li għandhom jiġu ssodisfatti minn prodotti li qed jinbiegħu fis-suq intern: ara pereżempju COM(2003) 240 finali “Tisħiħ tal-Implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-Approċċ il-Ġdid”. Dawn id-direttivi issa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-“Qafas Leġiżlattiv Ġdid” irregolat, inter alia, mid- Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU 2008, L 218, p. 82).


41      Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU 2009 L 170, p. 1, rettifika ĠU 2013, L 355, p. 92).


42      Direttiva 2014/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi ċivili (ĠU 2014 L 96, p. 1, rettifika ĠU 2018 L 249, p. 19).


43      Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU 2016, L 81, p. 51).


44      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 61). Il-prinċipji legali li għalihom tirreferi dik iċ-ċitazzjoni huma, inter alia, il-proporzjonalità, iċ-ċertezza legali u n-nondiskriminazzjoni.


45      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 iktar ’il fuq.


46      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000 (C‑376/98, EU:C:2000:544).


47      Fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ differenti. Hemmhekk, hija ċaħdet l-argument li l-projbizzjoni fuq it-tabakk kollu għall-użu orali li kienet tinkludi s-snus (tip ta’ tabakk imqiegħed bejn ix-xoffa u l-ħanek popolari fl-Isvezja) ma kkontribwixxietx għas-suq intern. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-liġijiet nazzjonali dwar tali prodotti tat-tabakk kienu qed jiżviluppaw f’direzzjonijiet differenti li ħolqu ostakoli għall-kummerċ. F’tali ċirkustanzi bħala prinċipju kien legali li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 95 KE (il-prekursur tal-Artikolu 114 TFUE) bħala bażi legali (ara l-punti 37 sa 42).


48      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 99 sa 105).


49      Ara l-punti 18 sa 21 iktar ’il fuq.


50      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 49).


52      Ir-Repubblika Ċeka tirreferi għal numru ta’ dokumenti mħejjija qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2017/853 li jsemmu l-prevenzjoni tal-kriminalità u s-sigurtà bħala għanijiet. Dawn jinkludu l-“Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar” imħejjija għall-Kummissjoni minn Technopolis, iddatata 11 ta’ Diċembru 2014, u l-proposta tal-Kummissjoni COM(2015) 750 final.


53      Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni (C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 26).


54      Tħejjew numru ta’ rapporti inkluż COM(2013) 716 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, L-armi tan-nar u s-sigurtà interna tal-UE: il-ħarsien taċ-ċittadin u t-tfixkil tat-traffikar illegali tal‑21 ta’ Ottubru 2013; “Studju biex jappoġġja Valutazzjoni tal-Impatt fuq inizjattiva possibbli relatata mat-titjib tar-regoli dwar il-proċeduri ta’ diżattivazzjoni, qerda u mmarkar ta’ armi tan-nar fl-Unjoni Ewropea kif ukoll armi ta’ allarm u repliki” ta’ Ġunju 2014 imħejji għall-Kummissjoni Ewropea; u COM(2015) 751 final, Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat‑18 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi” (iktar ’il quddiem, “COM(2015) 751”) tat‑18 ta’ Novembru 2015.


55      Ara rispettivament il-punti 6, 8, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2017/853.


56      Artikolu 4(2a) tad-Direttiva 91/477, kif emendat bid-Direttiva 2017/853.


57      Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu dan li ġej: konferma li l-persuna kkonċernata kellha l-istat mediku u psikoloġiku tagħha evalwat skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/477; prova ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet ta’ sparar irrikonoxxuti minn organizzazzjoni sportiva rrikonoxxuta uffiċjalment; u konferma li hija membru ta’ klabb sportiv, ilha tipprattika b’mod regolari l-isparar fuq bersall għal mill-inqas 12‑il xahar u li l-arma tan-nar inkwistjoni tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa.


58      Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


59      Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2017/853 jagħmlu bidliet formali. Għalhekk, pereżempju, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta leġiżlazzjoni ddelegata (l-Artikolu 1(14)) u l-kelma “Komunità” hija ssostitwita bil-kelma “Unjoni” (Artikolu 1(17)).


60      Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.


61      Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 54).


63      Ara l-punti 60 u 61 iktar ’il fuq.


64      Ara l-White Paper dwar it-tlestija tas-suq intern tal‑14 ta’ Ġunju 1985 COM(85) 310, punt 10 et seq.


65      COM(2015) 185 final, “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà” tat-28 ta’ April 2015.


66      Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016 L 77, p. 1) jippermetti lill-Istati Membri jerġgħu jintroduċu temporanjament il-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni fil-każ li tkun ġiet stabbilita theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna. Filwaqt li ma huwiex imsemmi fil-preambolu għad-Direttiva 2017/853, huwa wkoll possibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju li ċerti Stati Membri (Franza u Malta) kienu introduċew mill-ġdid kontrolli tal-fruntieri fl-2015 fuq il-bażi li kien hemm theddida għas-sigurtà interna maħluqa mir-riskju ta’ iktar attakki terroristiċi fil-każ ta’ Franza jew it-theddida ta’ atti bħal dawn fir-rigward ta’ Malta (ara n-notifiki ta’ “Stati Membri” dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontroll tal-fruntiera fil-fruntieri interni skond l-Artikoli 25 et seq Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”, punti 54 u 48).


67      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq u l-ħames premessa tad-Direttiva 91/477 u l-Artikolu 1(14) tad-Direttiva 2017/853.


68      Ara l-White Paper dwar it-tlestija tas-suq intern tal-14 ta’ Ġunju 1985 COM(85) 310, punti 57 sa 59.


69      Ara l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2017/853 li jinserixxi dispożizzjoni ġdida, l-Artikolu 5b, fid-Direttiva 91/477.


70      Ara l-punt 62 iktar ’il fuq.


71      Ara l-Gwida Prattika Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-persuni involuti fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-paragrafu 18.12.


72      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009,  L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68, punti 65 sa 72).


73      Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.


74      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 150).


76      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ara l-punti 75 u 76 iktar ’il fuq.


78      COM(2015) 750, p. 2.


79      Ara pereżempju, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU 2013 C 373, p. 1).


80      Ara b’analoġija s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 49). Fir-rigward ta’ dawk il-każijiet fejn l-arranġamenti għall-kooperazzjoni interistituzzjonali jistgħu ma jorbtux ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda VG Wort (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punt 32), fuq il-Ftehim Interistituzzjonali dwar linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità (tat-22 ta’ Diċembru 1998 (ĠU 1999 C 73, p. 1)).


81      Ara l-premessi 1 u 2 u l-punti 1 u 2, imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq.


82      It-test tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2016 issostitwixxa l-ftehim preċedenti tal-2003 u l-akkordju Interistituzzjonali dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-2005. It-test ta’ dan tal-aħħar ukoll ma ġiex espress f’termini mandatorji.


83      Ara b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għall-kawża Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2015:854, punt 72).


84      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Palament u Il‑Kunsill (C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 159).


85      Fl-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt l-istituzzjonijiet ovvjament ma jistgħux jirreferu għal tali dokument li jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-bażi għall-evalwazzjoni ta’ att ikkontestat kif previst fil-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali.


86      COM(2015) 750, p. 7. Is-sinjifikat tal-valutazzjoni tal-impatt huwa speċifikament imsemmi fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni: ir-rapporteur jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt u jiddikjara (inżid ngħid bir-rispett, b’mod għalkollox raġonevoli) li kieku valutazzjoni bħal din kienet disponibbli, kien jagħmel il-kompitu tal-Parlament iktar faċli.


87      Ara pereżempju COM(2015) 750, p. 5.


88      Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


89      Ara pereżempju COM(2015) 751 u r-rapport ippreparat għall-Kummissjoni Ewropea minn Technopolis: “Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar” tal-11 ta’ Diċembru 2014 imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 iktar ’il fuq.


90      Ara l-premessi 1, 2 u 9.


91      Ara COM(2015) 751, b’mod partikolari il-punti 20, 27 u 34.


92      Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 49 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt għall-proprjetà fl-Artikolu 17 tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt protett mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


93      Ara l-punt 106 et seq iktar ’l isfel.


94      Ara l-punti 18, 19, 20 u 23 ’il fuq.


95      Ara l-fajl Interistituzzjonali 2015/0269 (COD) tat-8 ta’ Ġunju 2016 9841/16.


96      Ara COM(751) 2015, paġni 11 u 13.


97      Ara l-punt 17 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 iktar ’il fuq.


98      Ara l-fajl Interistituzzjonali 2015/0269 (COD) tat‑8 ta’ Ġunju 2016 9841/16.


99      Ara l-fajl Interistituzzjonali 2015/0269 (COD) tat-8 ta’ Ġunju 2016 9841/16.


100      Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.


101      Ara COM(2015) 751, p. 13.


102      Ara l-fajl Interistituzzjonali 2015/0269 (COD) tat-8 ta’ Ġunju 2016 9841/16, ara ulterjorment COM(2012) 415, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Vantaġġi u żvantaġġi possibbli ta’ tnaqqis għal żewġ kategoriji ta’ armi tan-nar (ipprojbiti jew awtorizzati) bil-għan li jkun hemm funzjonament aħjar tas-suq intern għall-prodotti inkwistjoni, permezz ta’ simplifikazzjoni possibbli” tas-26 ta Lulju 2012 (iktar ’il quddiem “COM(2012) 415”).


103      Ara COM(2015) 751 fil-punt 22, ara wkoll l-osservazzjonijiet tar-rapporteur fir-rapport tal-Parlament Ewropew A8‑0251/2016 tat‑2 ta’ Awwissu 2016 fil-p. 65.


104      Ara COM(2015) 751 fil-punti 28 u 30.


105      Jien se nirreferi għal dawn l-artikoli tad-Direttiva 2017/853 bħala “d-dispożizzjonijiet inkwistjoni”, ara l-punti 19, 20 u 24.


106      Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 79).


107      Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


108      L-Artikolu 5(3) japplika sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li ġiet ikkonfermata, imġedda jew estiża taħt l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477 kif emendata bid-Direttiva 2017/853.


109      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


110      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


111      Ara COM(2012) 415.


112      Ara l-punt 20 iktar ’il fuq, b’mod partikolari fir-rigward tal-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 6(2) sa (6).


113      Sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Duchon (C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 21), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


114      Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23).


115      Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.