Language of document : ECLI:EU:C:2019:338

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ BORDONA

ippreżentati fit-30 ta’ April 2019 (1)

Kawża C509/18

Minister for Justice and Equality,

vs

P.F.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) (l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA – Artikolu 6(1) – Mandat ta’ arrest Ewropew – Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” – Prosekutur Pubbliku – Indipendenza mill-poter eżekuttiv”






1.        F’din l-istess data qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑508/18 u C‑82/19 PPU (2), dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) u l-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) rispettivament. Dawn iż-żewġ kawżi jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA (3).

2.        F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb lill-qrati tar-rinviju li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż ma huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

3.        F’din il-kawża (C‑509/18), fejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar ukoll mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), id-dubju jikkonċerna l-kapaċità tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Bi qbil ma’ dawk il-konklużjonijiet, ser intenni l-istess proposta rigward il-Prosekutur Ġenerali Litwan, minkejja l-awtonomija tiegħu fir-rigward tal-poter eżekuttiv (għall-kuntrarju tal-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Nirreferi għall-premessi 5, 6 u 10 kif ukoll għall-Artikoli 1 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.

B.      Id-dritt nazzjonali

5.        Skont l-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), l-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija eżerċitata esklużivament mill-qrati.

6.        Skont l-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja, il-funzjoni tal-Prosekutur Pubbliku hija li jorganizza u jmexxi l-investigazzjoni u li jeżerċita l-proċeduri kriminali. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-Prosekutur Pubbliku huwa indipendenti mir-rappreżentanti tal-poteri kollha (leġiżlattiv, eżekuttiv jew ġudizzjarju) u ma huwa suġġett għal ebda pressjoni jew influwenza politika, iżda huwa suġġett biss għal-liġi.

7.        Skont l-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos prokuratūros įstatymas (il-Liġi dwar il-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Litwanja) (4), il-Prosekutur Pubbliku jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod indipendenti u sovran, konformement mal-liġi u l-prinċipju tar-raġonevolezza, fir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni, filwaqt li josserva l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        Fit‑18 ta’ April 2014, il-Prosekutur Pubbliku ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew dwar il-konsenja ta’ P.F. għall-proċess tiegħu għal allegat twettiq ta’ serq armat fl-2012.

9.        P.F. oppona l-konsenja tiegħu quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), u allega, fost affarijiet oħra, li l-Prosekutur Pubbliku ġenerali ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

10.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Prosekutur Pubbliku ġenerali, dan kien jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant, ordnat il-konsenja ta’ P.F.

11.      Id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017 ġiet ikkonfermata fl-appell fl‑20 ta’ Ottubru 2017 mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell).

12.      Peress li sar appell quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1)      Il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk prosekutur innominat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI)] huwiex awtorità ġudizzjarja fis-sens awtonomu msemmi f’din id-dispożizzjoni huma (1) l-indipendenza tal-prosekutur fil-konfront tas-setgħa eżekuttiva u (2) il-fatt li l-prosekutur jitqies, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu stess, bħala responsabbli mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, liema huma l-kriterji li permezz tagħhom qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk prosekutur innominat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas huwiex awtorità ġudizzjarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

3)      Sa fejn il-kriterji jinkludu r-rekwiżit li l-prosekutur ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-istatus li huwa jokkupa fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu stess jew fid-dawl ta’ ċerti kriterji oġġettivi? F’dan il-każ tal-aħħar, liema huma l-kriterji oġġettivi rilevanti?

4.      Il-prosekutur tar-Repubblika tal-Litwanja huwa awtorità ġudizzjarja fis-sens awtonomu msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2018.

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza), il-Gvern Ġermaniż, dawk tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Ungerija, tal-Litwanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, flimkien mal-Kummissjoni. Fis-seduta għal smigħ pubbliku, li saret fis‑26 ta’ Marzu 2019 flimkien mal-Kawżi magħquda C‑508/18 u C‑82/19 PPU, dehru, minbarra dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub — bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż u dak Pollakk — il-Gvern Daniż u dak Taljan.

IV.    Analiżi

15.      Il-kwistjonijiet imqajma mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) huma mqassra taħt in-numru erbgħa, jiġifieri jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali Litwan huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni qafas.

16.      Il-qorti tar-rinviju tkun tixtieq tkun taf b’mod partikolari:

–        jekk, sabiex tingħata tweġiba għad-dubji, għandhiex tiġi kkunsidrata l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku mill-poter eżekuttiv u l-funzjoni tiegħu bħala dak li jamministra l-ġustizzja jew jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (l-ewwel domanda).

–        fil-każ li l-funzjoni tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata, jekk tali rekwiżit għandux jiġi stabbilit billi jitqies l-istatus tal-Prosekutur Pubbliku skont id-dritt nazzjonali jew fatturi oġġettivi oħra (it-tielet domanda).

–        fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, liema huma l-kriterji rilevanti (it-tieni domanda).

17.      Fil-konklużjonijiet ppreżentati fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, sostnejt, kif diġà għidt, li l-Prosekutur Pubbliku ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

18.      Mingħajr ħtieġa li ntennihom, nirreferi għar-raġunijiet esposti f’dawk il-konklużjonijiet, li huma miġbura fil-qosor fl-idea li deċiżjoni ta’ ċaħda tal-libertà bħal dik li tippermetti l-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas tista’ tittieħed biss minn qorti stricto sensu, jiġifieri “l-unika awtorità li tista’ tipprovdi protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta”(5).

19.      F’dawn l-istess konklużjonijiet, nirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja bħala kriterju determinanti tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” (6). Dan il-prinċipju huwa fiċ-ċentru tal-kwistjoni mqajma f’din il-proċedura li fuqha ser niddedika l-analiżi tiegħi.

20.      Nixtieq infakkar għal darba oħra li, bl-istess mod kif hemm rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ sentenza u l-kwalità tal-awtorità li ġejja minnha, “hemm ukoll rabta mill-qrib bejn l-indipendenza ta’ awtorità u l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħha. Fi kliem ieħor, il-kwalità ġudizzjarja ta’ awtorità tiddependi fuq in-natura u l-portata tal-indipendenza tagħha” (7).

21.      Peress li l-Prosekutur Pubbliku ma jeżerċitax funzjoni ġudizzjarja, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ma għandu l-ebda indipendenza li hija inerenti fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja.

22.      Ċertament, id-dritt nazzjonali jista’ jagħti lill-Prosekutur Pubbliku l-kwalifika ta’ korp indipendenti. Madankollu, sa fejn il-funzjonijiet tiegħu ma humiex ġudizzjarji, l-indipendenza mogħtija lilu ma tistax tkun “indipendenza ġudizzjarja”.

23.      Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess, il-Kostituzzjoni Litwana, fl-Artikolu 118, tipprevedi li l-Prosekutur Pubbliku huwa indipendenti mir-rappreżentanti tal-poteri leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju. Madankollu, din l-indipendenza hija rrikonoxxuta lilu fil-kuntest tal-“eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu”. Issa dawn il-funzjonijiet huma li jorganizza u jmexxi investigazzjoni, kif ukoll li jiġu żgurati l-proċeduri kriminali. B’mod ċar, huma funzjonijiet mhux ġudizzjarji, peress li dawn jikkonsistu strettament fl-applikazzjoni irrevokabbli tad-dritt ta’ soluzzjoni għat-tilwim (8).

24.      Il-qorti li teżerċita ġurisdizzjoni ma għandha ebda interess ieħor ħlief dak li tiżgura l-integrità tal-ordinament ġuridiku. Sabiex tħares tali interess, hija tgawdi minn indipendenza li tipproteġi l-fatt li hija suġġetta esklużivament għal-liġi; jiġifieri ma hija marbuta ma’ ebda interess ieħor partikolari, jew interessi pubbliċi oħra bħal dak tal-eżerċizzju tal-proċeduri kriminali.

25.      L-awtoritajiet li, bħall-Prosekutur Pubbliku, iwettqu funzjonijiet pubbliċi fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku jistennew li l-integrità ta’ dan tal-aħħar tiġi żgurata mill-poter ġudizzjarju. Huwa preċiżament minħabba din il-fiduċja li dawn jistgħu jkunu ddedikati għat-twettiq tal-interess speċifiku li għalih huma diretti l-funzjonijiet mogħtija lilhom.

26.      Skont l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħi, il-Prosekutur Pubbliku Litwan huwa indipendenti kemm fl-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet kriminali kif ukoll sabiex jeżerċita l-prosekuzzjoni tar-reat, iżda mhux sabiex jiggarantixxi l-integrità tal-ordinament ġuridiku bħala tali. L-indipendenza tiegħu hija għas-servizz tal-funzjonijiet mogħtija lilu u l-eżerċizzju tiegħu jrid jitwettaq fil-kuntest tad-dritt billi juża l-mezzi offruti minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, id-dritt huwa għalih mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan.

27.      Min-naħa l-oħra, jekk imħallef jingħata indipendenza, dan huwa sabiex ikun jista’ jiddeċiedi, jiġifieri sabiex jistabbilixxi d-dritt b’mod irrevokabbli f’każ speċifiku. Il-kompitu tiegħu huwa li jagħti l-aħħar kelma, li tfisser l-applikazzjoni tad-dritt b’mod li r-riposta mogħtija jkollha l-forza ta’ res judicata, tkun konformi mad-dritt u, bħala tali, valida. L-indipendenza tiegħu tagħmel sens minn dan il-lat, peress li jekk jiġi fdat bis-setgħa li jsolvi tilwim (skont it-termini stabbiliti mill-proċeduri regolatorji u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkostitiwixxu l-ordinament ġuridiku), dan huwa sabiex ikun jista’ jiżgura r-regolarità kollha ta’ din l-aħħar kelma li trid tkun ħielsa minn kwalunkwe ndħil.

28.      Konsegwentement jista’ jingħad li l-osservanza tad-dritt ma hijiex mezz għall-imħallef, iżda għan aħħari fih innifsu. B’mod iktar preċiż, hija l-uniku skop li għalih għandu jitwettaq u għandu jingħata indipendenza differenti b’mod kwalitattiv minn dik li tista’ tingħata lill-Prosekutur Pubbliku jew minn dik li tista’ taqa’ taħt l-obbligu ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li hija karatteristika tal-awtoritajiet amministrattivi.

29.      Il-kwalifika tal-Prosekutur Pubbliku bħala istituzzjoni indipendenti ma tfissirx li huwa ekwivalenti għall-poter ġudizzjarju, bħalma dak li jsir għall-hekk imsejħa awtoritajiet indipendenti li jinsabu fil-kuntest tar-regolamenti ta’ diversi setturi ekonomiċi. B’mod partikolari, l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-imħallef la fuq il-bażi tagħha u lanqas fuq l-estensjoni tagħha, peress li jwettqu funzjonijiet differenti.

30.      L-awtonomija tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” li juża l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas (9) hija konsegwenza tal-ħtieġa li tingħata definizzjoni uniformi tas-sens u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Unjoni kollha. B’hekk, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jikkwalifikaw bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” istituzzjonijiet li, minkejja li ma għandhomx ġurisdizzjoni, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala indipendenti skont il-liġi nazzjonali (10).

31.      Din l-aħħar dikjarazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku ma tistax tiġi konfuża mal-indipendenza ġudizzjarja. Ma’ dan jiżdiedu, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, l-iżvantaġġi li jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent ta’ istituzzjonijiet li ma humiex imħallfin bħala “awtoritàajiet ġudizzjarji emittenti”.

32.      Għalkemm huwa evidenti, għall-Istati Membri kollha, li l-poter ġudizzjarju huwa awtorità indipendenti — li jwassal għall-fiduċja li fuqha jistgħu jibbażaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tagħhom — dan ma huwiex il-każ għall-Prosekutur Pubbliku, kif juri b’mod ċar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.

33.      Fil-fatt, tista’ tiġi nnotata gradazzjoni fil-livelli ta’ awtonomija tal-Prosekutur Pubbliku fid-diversi Stati Membri li, mingħajr ma tista’ tkun qatt, għal raġunijiet kunċettwali, l-istess bħall-indipendenza ġudizzjarja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tinvestigaha f’kull każ, fid-dawl tal-liġi applikabbli fl-Istat Membru emittenti fir-rigward tal-Prosekutur Pubbliku.

34.      Dan l-eżami jista’ jdewwem il-proċedura ta’ konsenja u jagħti lok għal talbiet għal informazzjoni jew għal kontestazzjonijiet proċedurali min-naħa tal-persuna kkonċernata, u dan iwassal inevitabbilment sabiex itawwal it-tul tal-proċeduri, u b’hekk, tal-miżuri ta’ ċaħda tal-libertà li kienu setgħu ġew adottati.

35.      Fl-interessi tas-sempliċità u tal-ħeffa tal-proċedura, u għalhekk id-dritt għal-libertà, huwa għalhekk meħtieġ li titneħħa minn qabel kwalunkwe inċertezza dwar il-kwalità tal-awtorità li tkun ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew u, konsegwentement, li tirriżerva l-ħruġ tagħha lil korp ġudizzjarju (indipendenti).

36.      Fl-aħħar nett, infakkar ukoll, kif għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Özçelik (11), li x-xogħlijiet preparatorji dwar l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jidher li juru li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi lill-Prosekutur Pubbliku mill-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

37.      L-Artikolu 3 tal-proposta inzijali ta’ Deċiżjoni Qafas (12) kien jinkludi espressament il-Prosekutur Pubbliku fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” (ta’ ħruġ jew eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew) (13).

38.      Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Özçelik (14), “[I]n-nota ta’ spjegazzjoni ta’ din il-proposta żiedet tgħid li t-terminu “awtorità ġudizzjarja’ kien jikkorrispondi għal dak tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-1957 li, imbagħad, min-naħa tagħha rrikonoxxiet bħala tali lill-‘awtoritajiet ġudizzjarji nfushom u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, bl-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija’” (15).

39.      Il-proposta ma rnexxietx iżda r-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku fil-verżjoni finali tal-Artikoli 1 u 6 ma għadux hemm.

40.      Dan l-għajbien wassal għal xi inċertezza, u hemm xi wħud li jaħsbu li f’dan il-kuntest jista’ jinftiehem, mingħajr riferiment espress, li l-Prosekutur Pubbliku huwa parti mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, għall-finijiet tal-mandat ta’ arrest Ewropew (16).

41.      Xi Stati Membri infurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li fost l-“awtorit[ajiet] ġudizzjarj[i] kompetenti taħt il-liġi [tagħhom]” li joħorġu jew jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej kien hemm il-prosekuturi pubbliċi rispettivi tagħhom. Għal dawn l-Istati, l-għajbien tar-riferiment espress għall-Prosekutur Pubbliku ma wassalx għall-esklużjoni tagħhom.

42.      Dawn ir-rapporti, madankollu “ma jippreġudikawx u lanqas ma jikkondizzjonaw, f’termini strettament ġuridiċi, il-konformità tal-miżuri meħuda minn kull Stat mal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas. Id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati jinnominaw jew jaħtru, minn fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, lil dawk li jkunu kompetenti sabiex jirċievu jew joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, iżda ma tippermettilhomx jespandu l-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja, għall-korpi li ma jgawdux minn dan l-istatus” (17).

43.      Fil-fehma tiegħi, dan l-għajbien tar-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku għandu jiġi interpretat li jfisser li l-leġiżlatur ried jeskludih mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni qafas. Fil-rigward ta’ kwistjoni li ġiet diskussa ħafna, jekk il-leġiżlatur ried jirrikonoxxi lill-Prosektur Pubbliku il-kwalifika ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kien jiddikjara dan b’mod espliċitu, kif kien sar fil-proposta inizjali.

44.      Skont it-teżi opposta għal dak li nsostni, l-għajbien tar-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku, matul il-proċedura leġiżlattiva, kien iġġustifikat sabiex jiġi evitat dak li huwa żejjed. Madankollu, ma nemminx li dan kien il-każ, kif ġustament turi l-inċertezza li nħolqot.

45.      B’mod ħafna iktar sempliċi, naħseb li, jekk il-proposta inizjali kienet li jiġi solvut id-dibattitu dwar in-natura ġudizzjarja tal-Prosekutur Pubbliku billi dan jiġi ddikjarat b’mod espliċitu, l-għajbien sussegwenti tar-riferiment mhux biss ma għandux jerġa’ jibda d-dibattitu, iżda, għall-kuntrarju, itendi sabiex dan jiġi konkluż b’soluzzjoni negattiva.

46.      Jekk ma’ dan kollu jiżdiedu r-raġunijiet kunċettwali u ta’ prinċipju kif ukoll dawn marbuta maċ-ċertezza u s-simplifikazzjoni tal-proċedura, li ddefendejt kemm f’dawn il-konklużjonijiet kif ukoll f’dawk fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, naħseb li l-interpretazzjoni li l-Prosekutur Pubbliku ma jiġix ikkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas hija l-iktar konformi mas-sistema stabbilita minn din tal-aħħar.

V.      Konklużjoni

47.      Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

“L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, previst f’din id-dispożizzjoni ma jinkludix l-istituzzjoni tal-prosekutur pubbliku”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Minister for Justice and Equality


3      Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika f’ĠU 2009, L 17, p.45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni qafas”).


4      Lietuvos Respublikos teisės aktų registras (TAR), 0921010KONSRG 922324.


5      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53, li sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv “huwa primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti ‘indipendenti’ fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv” (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41)”


6      Konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, punti 24 u 79 sa 99.


7      Ibidem, punt 81.


8      Nirreferi għall-punti 66 u 67 tal-Konklużjonijiet tiegħi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.


9      Kif ġie kkonfermat fis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 32).


10      Ninsisti li dan iseħħ b’rabta mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas u mhux neċessarjament fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tagħha. Nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 45 sa 50 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.


11      Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punti 39 sa 42).


12      COM(2001) 522 finali.


13      “Għal-finijiet ta’ din id-deċiżjoni kwadru, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: a) ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ ifisser talba magħmula minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru u mibgħuta lil Stati Membri oħra bil-għanijiet ta’ għajnuna, tfittxija, arrest, detenzjoni u konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza jew deċiżjoni ġudizzjarja fit-tifsira tal-Artikolu 2; b) ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ tfisser l-imħallef jew il-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li jkun ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew; c) ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’ tfisser l-imħallef jew il-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu għandha tinstab il-persuna mfittxija, li jiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


14      Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C 453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 40).


15      Il-kummentarju għall-Artikolu 3 tal-proposta jindika li “[l]-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, issostitwiti minn relazzjonijiet bejn awtorità ġudizzjarja u oħra. It-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ jikkorrispondi, bħal fil-Konvenzjoni tal1957 (ara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni, l-Artikolu 1), lill-awtoritajiet ġudizzjarji proprji u lill-[Prosekutur Pubbliku], bl-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda minni).


16      Espożizzjoni eċċellenti tal-pożizzjonijiet li saru f’dan id-dibattitu tinsab fl-opinjonijiet konkorrenti u kuntrarji espressi fis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2012 mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-kawża Assange v The Swedish Prosecution Autorithy [2012] UKSC 22.


17      Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 43).