Language of document : ECLI:EU:C:2019:354

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Rimbors tal-VAT – Direttiva 2008/9/KE – Artikolu 20 – Talba għal informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru ta’ rimbors – Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’terminu ta’ xahar mid-data tar-riċezzjoni tat-talba mid-destinatarju – Natura ġuridika ta’ dan it-terminu u konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tiegħu”

Fil-Kawża C‑133/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Sea Chefs Cruise Services GmbH

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sea Chefs Cruise Services GmbH, minn D. Martin‑Picod, avocate,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Alidière, E. de Moustier u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU 2008, L 44, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sea Chefs Cruise Services GmbH (iktar ’il quddiem “Sea Chefs”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u l-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u għall-Kontijiet Pubbliċi, Franza) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad it-talba ta’ Sea Chefs intiża għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa minn din il-kumpannija għas-sena 2014.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/9

3        Il-premessa 2 tad-Direttiva 2008/9 hija fformulata kif ġej:

“L-arranġamenti stabbiliti [fit-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/CEE tas‑6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79),] għandhom jiġu emendati għall-perijodu li matulu d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw applikazzjonijiet għal rifużjoni jiġu notifikati lin-negozji. Fl-istess ħin, għandu jkun stabbilit li n-negozji wkoll għandhom jagħtu tweġibiet f’perijodi speċifikati. Barra minn hekk, il-proċedura għandha tiġi ssimplifikata u mmodernizzata billi tippermetti l-użu ta’ teknoloġiji moderni.”

4        Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/9:

“Il-proċedura ġdida għandha trawwem il-pożizzjoni tan-negozji billi l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jħallsu l-interessi jekk ir-rifużjoni ssir tard u d-dritt għal appell min-negozji għandu jissaħħaħ.”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-rifużjoni [tal-VAT], previsti fl-Artikolu 170 tad-[Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60)], għal persuni taxxabbli, li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.”

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/9 jistipula li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(5)      ‘applikant’ tfisser il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni li jagħmel l-applikazzjoni għal rifużjoni.”

7        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[...]”

8        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Kull Stat Membru għandu jirrimborża lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni kwalunkwe VAT imposta fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli f’dak l-Istat Membru jew fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti f’dak l-Istat Membru, sakemm tali oġġetti u servizzi jintużaw għall-finijiet tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      it-transazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 169(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112/KE;

[...]”

9        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi li:

“Sabiex tirċievi rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha tindirizza applikazzjoni elettronika għal rifużjoni lil dak l-Istat Membru u tippreżentaha lill-Istat Membru li fih hija stabbilita permezz tal-portal elettroniku stabbilit minn dak l-Istat Membru.”

10      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.      L-applikazzjoni għal rifużjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-isem u l-indirizz sħiħ ta’ l-applikant;

(b)      indirizz għal kuntatt b’mezzi elettroniċi;

(ċ)      deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju ta’ l-applikant li għaliha jiġu akkwistati l-merkanzija u s-servizzi;

(d)      il-perijodu ta’ rifużjoni kopert mill-applikazzjoni;

(e)      dikjarazzjoni mill-applikant li huwa ma jkun forna l-ebda merkanzija u servizz meqjus li jkun fornut fl-Istat Membru ta’ rifużjoni matul dak il-perijodu ta’ rifużjoni [...]

(f)      in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa ta’ l-applikant;

(ġ)      dettalji tal-kont tal-bank inklużi l-kodiċijiet IBAN u BIC.

2.      Flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tindika, għal kull Stat Membru ta’ rifużjoni u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, id-dettalji li ġejjin:

(a)      l-isem u l-indirizz sħiħ tal-fornitur;

(b)      ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa tal-fornitur, kif allokat mill-Istat Membru ta’ rifużjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 239 u 240 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(ċ)      ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, il-prefiss ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 215 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)      id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni;

(e)      l-ammont taxxabbli u l-ammont tal-VAT imniżżlin fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(f)      l-ammont tal-VAT deduċibbli kkalkolat skond l-Arikolu 5 u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6 [tad-Direttiva 2008/9] espress fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(ġ)      fejn applikabbli, il-proporzjon deduċibbli kkalkolat skond l-Artikolu 6 [ta’ din id-direttiva], espress bħala perċentwali;

(h)      in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati, deskritti skond il-kodiċijiet fl-Artikolu 9 [tal-imsemmija direttiva].”

11      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi li:

“1.      Fl-applikazzjoni għal rifużjoni, in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati għandhom jiġu deskritti bil-kodiċijiet li ġejjin:

[...]

2.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob lill-applikant jagħti informazzjoni elettronika kodifikata addizzjonali dwar kull kodiċi mniżżel fil-paragrafu 1 sal-punt li tali informazzjoni tkun meħtieġa minħabba kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis taħt id-Direttiva 2006/112/KE, kif applikabbli fl-Istat Membru ta’ rifużjoni jew għall-implimentazzjoni ta’ deroga rilevanti mogħtija lill-Istat Membru ta’ rifużjoni taħt l-Artikoli 395 jew 396 ta’ dik id-Direttiva.”

12      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/9 jistipula li:

“L-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob lill-applikant jipprovdi deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju tiegħu billi juża l-kodiċijiet armonizzati determinati skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 34a(3) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas‑7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392)].”

13      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru ta’ stabbiliment sat‑30 ta’ Settembru [sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru] tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata biss jekk l-applikant ikun mela l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11.

[...]”

14      L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien, b’mezz elettroniku, bid-data li fiha tiġi rċevuta l-applikazzjoni.

2.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni għal rifużjoni fi żmien erba’ xhur minn meta din tiġi riċevuta minn dak l-Istat Membru.”

15      L-Artikolu 20 tal-istess direttiva jistabbilixxi li:

“1.      Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jikkunsidra li huwa m’għandux l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, huwa jista’ jitlob, b’mezz elettroniku, għal informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mill-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, fi żmien il-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 19(2). Fejn l-informazzjoni addizzjonali tintalab minn xi ħadd ieħor minbarra l-applikant jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir biss b’mezz elettroniku jekk dan il-mezz ikun disponibbli għar-riċevitur tat-talba.

Jekk meħtieġ, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob aktar informazzjoni addizzjonali.

L-informazzjoni mitluba skond dan il-paragrafu tista’ tinkludi l-preżentazzjoni ta’ l-oriġinal jew ta’ kopja tal-fattura rilevanti jew dokument rilevanti ta’ importazzjoni fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jkollu dubbji raġonevoli rigward il-validità jew il-preċiżjoni ta’ talba partikolari. F’dak il-każ, il-limiti msemmijin fl-Artikolu 10 m’għandhomx japplikaw.

2.      L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt il-paragrafi 1 fi żmien xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata.”

16      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9 jipprevedi li:

“Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jitlob informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni għal rifużjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni mitluba jew, jekk ma jkunx irċieva tweġiba għat-talba tiegħu, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(2). Madankollu, il-perijodu disponibbli għad-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, għandu dejjem ikun mill-inqas sitt xhur mid-data ta’ riċeviment ta’ l-applikazzjoni minn dak l-Istat Membru.

Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jitlob aktar informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinnotifika lill-applikant dwar id-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha fi żmien tmien xhur mir-riċeviment ta’ l-applikazzjoni mill-Istat Membru ta’ rifużjoni.”

17      L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jistipula li:

“1.      Fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni tiġi rrifjutata interament jew parzjalment, ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu notifikati mill-Istat Membru ta’ rifużjoni lill-applikant flimkien mad-deċiżjoni.

2.      L-appelli dwar deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal rifużjoni jistgħu jsiru mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-forom u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għall-appelli fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal rifużjoni minn persuni li huma stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

Jekk, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal rifużjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati f’din id-Direttiva mhux meqjus bħala approvazzjoni jew bħala rifjut, għandha tkun disponibbli għall-applikant, b’mod ugwali, kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja li hija disponibbli f’dik is-sitwazzjoni lil persuni taxxabbli stabbiliti f’dak l-Istat Membru. Jekk l-ebda tali proċedura mhija disponibbli, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal rifużjoni f’dawn il-limiti ta’ żmien għandu jfisser li l-applikazzjoni hija meqjusa bħala rrifjutata.”

18      L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Għandhom ikunu dovuti interessi lill-applikant mill-Istat Membru ta’ rifużjoni fuq l-ammont ta’ rifużjoni li jrid jitħallas jekk ir-rifużjoni titħallas wara l-aħħar data ta’ pagament skond l-Artikolu 22(1).

Jekk l-applikant ma jippreżentax l-informazzjoni addizzjonali jew informazzjoni addizzjonali ulterjuri mitluba lill-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati, l-ewwel paragrafu m’għandux japplika. [...]”

 Id-Direttiva 2006/112/KE

19      Id-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), tipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tagħha, li:

“Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

20      L-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT jistipula li:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

21      L-Artikolu 169 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“Minbarra t-tnaqqis msemmi fl-Artikolu 168, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata li tnaqqas l-VAT imsemmija hemmhekk, safejn il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għal finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), li twettqu barra mill-Istat Membru li fih dik it-taxxa hi dovuta jew imħallsa, li fir-rigward tiegħu [tagħhom] il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn twettqu f’dak l-Istat Membru;

(b)      transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikoli 138 jew 142, l-Artikolu 144, l-Artikoli 146 sa 149, l-Artikoli 151, 152, 153 jew 156, l-Artikolu 157(1)(b), l-Artikoli 158 sa 161 jew l-Artikolu 164;

(ċ)      transazzjonijiet li huma eżenti skond il-punti (a) sa (f) ta’ l-Artikolu 135(1), fejn il-konsumatur ikun stabbilit barra mill-Komunità jew fejn dawk it-transazzjonijiet ikunu relatati direttament mal-merkanzija li ser tkun esportata barra mill-Komunità.”

22      Skont l-Artikolu 170 tal-imsemmija direttiva:

“Il-persuni taxxabbli kollha li, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tad-[Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas‑17 ta’ Novembru 1986 fir-rigward ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus - Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 129, rettifika fil-ĠU 2018, L 202, p. 13)], l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/9/KE u l-Artikolu 171 ta’ din id-Direttiva, mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetta għall-VAT għandhom ikunu intitolati jirċievu rifużjoni ta’ dik il-VAT safejn il-merkanzija u s-servizzi huma użati għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)      transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 169;

(b)      transazzjonijiet li għalihom it-taxxa hija pagabbli biss mill-konsumatur skond l-Artikoli 194, 197 u 199.”

23      L-Artikolu 171(1) tal-istess direttiva jistipula li:

“Għandha ssir rifużjoni tal-VAT lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru li fih jixtru merkanzija u servizzi jew jimpurtaw merkanzija soġġetti għall-VAT, imma li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, skond ir-regoli dettaljati stabbiliti fid-Direttiva 2008/9/KE.”

 Id-dritt Franċiż

24      L-Artikolu 242‑0 W tal-Anness II tal-code general des impôts (il-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa), li ttraspona l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/9/KE fid-dritt Franċiż, jipprevedi li:

“I. – L-awtorità tat-taxxa tista’ titlob b’mezzi elettroniċi fit-terminu msemmi fil-punt II tal-Artikolu 242‑0 V informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari mingħand l-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fejn hija tkun stabbilita, meta tqis li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiddeċiedi kompletament jew parzjalment dwar it-talba għal rimbors imressqa mill-applikant. Meta dik l-informazzjoni addizzjonali tintalab mingħand xi ħadd li ma jkunx l-applikant jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir b’mezzi elettroniċi biss jekk min jirċievi t-talba jkollu tali mezzi.

Jekk tqis li tkun meħtieġa, l-awtorità tat-taxxa tista’ titlob iktar informazzjoni addizzjonali.

Fil-kuntest ta’ dawk l-applikazzjonijiet, l-awtorità tat-taxxa tista’ titlob li l-applikant jipprovdi oriġinali ta’ fattura jew dokument ta’ importazzjoni meta jkollha raġuni tiddubita mill-validità jew mill-korrettezza ta’ talba partikolari. It-talba tista’ tkopri kull waħda mit-tranżazzjonijiet mingħajr ma jitqies l-ammont tagħhom.

II. – Kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet ta’ I għandha tingħata fi żmien xahar mid-data li fiha d-destinatarju jkun irċieva t-talba għal informazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

25      Fis‑17 ta’ Settembru 2015, Sea Chefs, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, ressqet talba għar-rimbors tal-kreditu tal-VAT li hija kellha għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2014, permezz tal-portal elettroniku mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

26      Fl‑14 ta’ Diċembru 2015, l-awtorità tat-taxxa Franċiża (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) bagħtet, permezz tal-posta elettronika, talba għal informazzjoni addizzjonali lil Sea Chefs. Fl-assenza ta’ risposta mingħand din il-kumpannija fit-terminu mogħti ta’ xahar, din l-awtorità ċaħdet, fid‑29 ta’ Jannar 2016, it-talba għal rimbors imressqa mill-imsemmija kumpannija.

27      Sea Chefs ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem it-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil, Franza). Insostenn tal-appell tagħha, din il-kumpannija pproduċiet, quddiem din il-qorti, id-dokumenti u l-informazzjoni mitluba mill-awtorità tat-taxxa fit-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali.

28      L-awtorità tat-taxxa tqis li dan l-appell għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ xahar mogħti għat-tweġiba wassal għad-dekadenza tat-talba għal rimbors, liema fatt jirrendi impossibbli regolarizzazzjoni permezz tal-produzzjoni, direttament quddiem il-qorti nazzjonali, ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT.

29      Sea Chefs issostni li l-impossibbiltà li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tagħha fil-kuntest tal-appell previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/9 tikser il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30      Il-qorti tar-rinviju tindika li d-Direttiva 2008/9 la tispeċifika l-konsegwenzi, fuq id-dritt għar-rimbors tal-VAT, ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għat-tweġiba previst fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva u lanqas jekk il-persuna taxxabbli għandhiex il-possibbiltà li tirregolarizza t-talba tagħha billi tipproduċi quddiem il-qorti nazzjonali l-elementi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt tagħha għal rimbors.

31      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal administratif de Montreuil (il-Qorti Amministrattiva ta’ Montreuil) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tad-[Direttiva 2008/9/KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li joħolqu regola ta’ dekadenza li timplika li persuna taxxabbli ta’ Stat Membru li titlob rimbors [tal-VAT] mingħand Stat Membru li fih ma tkunx stabbilixxiet ruħha ma tistax tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors quddiem qorti tat-taxxa jekk ma tkunx osservat it-terminu ta’ risposta għal talba għal informazzjoni fformulata mill-amministrazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(1) [ta’ din id-direttiva] jew, bil-kuntrarju, fis-sens li din il-persuna taxxabbli tkun tista’, fil-kuntest tad-dritt għal appell previst fl-Artikolu 23 [tal-imsemmija] direttiva u fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità [tal-VAT], tirregolarizza t-talba tagħha quddiem il-qorti tat-taxxa?”

 Fuq id-domanda preliminari

32      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ xahar previst f’din id-dispożizzjoni sabiex tiġi pprovduta lill-Istat Membru ta’ rimbors l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn dan l-Istat Membru huwiex terminu ta’ dekadenza li jimplika, fil-każ ta’ qbiż ta’ dan it-terminu jew tal-assenza ta’ tweġiba, li l-persuna taxxabbli titlef il-possibbiltà li tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors permezz tal-produzzjoni, direttament quddiem il-qorti nazzjonali, ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT.

33      Hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 170(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 169 ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2008/9, kull persuna taxxabbli li ma hijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih twettaq ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi jew importazzjonijiet ta’ oġġetti suġġetti għall-VAT għandha d-dritt tikseb ir-rimbors ta’ din it-taxxa sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għat-tranżazzjonijiet tagħha li jikkostitwixxu attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, imwettqa barra mill-Istat Membru li fih din it-taxxa hija dovuta jew tħallset u li fir-rigward tagħhom il-VAT tista’ titnaqqas jekk dawn ikunu twettqu f’dak l-Istat Membru, jew għat-tranżazzjonijiet eżenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 169(b) u (ċ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 171 tad-Direttiva dwar il-VAT jirreferi għad-Direttiva 2008/9 għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

34      Għal dak li jirrigwarda d-dritt għal rimbors, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li d-dritt, għal persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, li tikseb rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru ieħor, kif irregolat mid-Direttiva 2008/9, jirrifletti d-dritt, mogħti lil din il-persuna taxxabbli mid-Direttiva dwar il-VAT, li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fl-Istat Membru tagħha stess (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bħad-dritt għal tnaqqis, id-dritt għal rimbors jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, intiż li jeħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, konsegwentement, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Id-dritt għal tnaqqis u, għaldaqstant, għal rimbors jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi llimitat. Dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tal-VAT, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9 jistabbilixxi sensiela ta’ obbligi li l-persuna taxxabbli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tissodisfa sabiex tibbenefika minn rimbors, jiġifieri dak li tressaq lill-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha t-talba tagħha għal rimbors “sa mhux iktar tard” mit-terminu previst f’din id-dispożizzjoni u li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva toffri lill-Istat Membru ta’ rimbors, meta dan iqis li ma jkollux l-informazzjoni li tippermettilu jiddeċiedi fuq it-totalità ta’ tali talba jew fuq parti minnha, il-possibbiltà li jitlob, b’mod partikolari mingħand il-persuna taxxabbli jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, informazzjoni addizzjonali, li trid tiġi pprovduta fi żmien xahar mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba ta’ informazzjoni mid-destinatarju.

38      Għal dak li jirrigwarda din l-aħħar dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tagħha, bħala tali, ma tippermettix li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk it-terminu stabbilit fiha huwiex jew le terminu ta’ dekadenza. Madankollu, in-natura mhux vinkolanti ta’ dan it-terminu tista’ tiġi dedotta mill-kuntest li fih l-imsemmija dispożizzjoni taqa’ taħt id-Direttiva 2008/9.

39      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal rimbors, previst fl-Artikolu 7 tat-Tmien Direttiva 79/1072 li fih kienet diġà tinsab l-espressjoni “fi żmien [sa mhux iktar tard]”, riprodotta fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-espressjoni hija preċiżazzjoni li tindika b’mod ċar ħafna li talba għal rimbors ma tistax titressaq b’mod validu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan u li, konsegwentement, tali terminu huwa terminu ta’ dekadenza, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għad-dekadenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Elsacom, C‑294/11, EU:C:2012:382, punti 26 u 33).

40      Issa, fl-ewwel lok, b’differenza mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/9, l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva ma jirriproduċix l-espressjoni “sa mhux iktar tard”.

41      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ tali espressjoni tissuġġerixxi, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/9, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jintroduċi terminu ta’ dekadenza fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva.

42      Fit-tieni lok, filwaqt li t-talba għar-rimbors tal-VAT, prevista fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, għandha tiġi ppreżentata mill-persuna taxxabbli, l-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt l-Artikolu 20 tal-istess direttiva jistgħu jintalbu mingħand persuna oħra apparti l-persuna taxxabbli jew mingħand l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-persuna taxxabbli. F’dan il-każ, l-assenza ta’ tweġiba jew tweġiba wara l-iskadenza tat-terminu min-naħa ta’ dik il-persuna l-oħra jew ta’ dawn l-awtoritajiet iwasslu, minkejja l-impossibbiltà għall-persuna taxxabbli li tinfluwenza b’xi mod it-trażmissjoni ta’ tweġiba, għat-telf tad-dritt ta’ din il-persuna taxxabbli għar-rimbors tal-VAT, bi ksur tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sistema komuni tal-VAT, imfakkra fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza.

43      Barra minn hekk, mill-Artikoli 21 u 26 ta’ din id-direttiva jista’ wkoll jiġi dedott li t-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) tagħha ma huwiex terminu ta’ dekadenza.

44      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta li, fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ rimbors ma jkunx irċieva l-informazzjoni addizzjonali mitluba, it-terminu li fih dan l-Istat Membru huwa obbligat jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu li permezz tagħha japprova jew jiċħad it-talba għal rimbors jibda jiddekorri mid-data tal-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 21 ma jipprekludix li, anki fl-assenza ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mitluba, talba għal rimbors tista’ tiġi aċċettata.

45      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2008/9, li, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, huwa intiż li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-persuna taxxabbli, b’mod partikolari billi jagħtiha d-dritt għal interessi moratorji jekk ir-rimbors jingħata tard, mit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu jirriżulta li, fil-każ li r-rimbors jingħata tard minħabba l-fatt li l-persuna taxxabbli ma tkunx ipprovdiet lill-Istat Membru ta’ rimbors, fit-terminu mogħti, l-informazzjoni addizzjonali mitluba, dan l-Istat Membru ma jkunx obbligat iħallas l-interessi moratorji lil tali persuna taxxabbli. Fil-każ li t-terminu ta’ xahar imsemmi fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi terminu ta’ dekadenza, tweġiba tardiva għal talba għal informazzjoni addizzjonali twassal neċessarjament għaċ-ċaħda tat-talba għal rimbors u mhux għal rimbors mogħti tard, iżda mingħajr il-benefiċċju tal-interessi moratorji. Minn dan isegwi li interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2), li tgħid li l-imsemmi terminu għandu jitqies li huwa terminu ta’ dekadenza, twassal sabiex ixxejjen it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tal-istess direttiva mis-sustanza tiegħu.

46      Għaldaqstant, jidher li t-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 sabiex tiġi pprovduta lill-Istat Membru ta’ rimbors l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn dan l-Istat Membru ma jikkostitwixxix terminu ta’ dekadenza.

47      Barra minn hekk, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-termini ta’ dekadenza fil-qasam tal-VAT jirriżulta li terminu ta’ dekadenza li l-iskadenza tiegħu jkollha bħala konsegwenza li tissanzjona lill-persuna taxxabbli li ma tkunx suffiċjentement diliġenti, li tkun naqset milli titlob it-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud, billi ttellifha d-dritt tagħha għal tnaqqis huwa, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kompatibbli mad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/9 huwa applikabbli meta talba għal rimbors tkun diġà tressqet fit-terminu previst fl-Artikolu 15 ta’ din l-aħħar direttiva.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 sabiex tiġi pprovduta lill-Istat Membru ta’ rimbors l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn dan l-Istat Membru ma huwiex terminu ta’ dekadenza, meta t-talba għal rimbors tiġi rrifjutata totalment jew parzjalment, minkejja l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mitluba, appelli kontra tali deċiżjoni jistgħu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, jiġu ppreżentati mill-persuna taxxabbli lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rimbors, fil-forom u fit-termini previsti għall-ilmenti dwar ir-rimborsi mitluba minn persuni stabbiliti f’dak l-Istat Membru. Minn dan isegwi li l-ksur tat-terminu previst fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva ma jimplikax li l-persuna taxxabbli titlef il-possibbiltà li tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors permezz tal-produzzjoni, direttament quddiem il-qorti nazzjonali, ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt tagħha għar-rimbors tal-VAT.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ xahar previst f’din id-dispożizzjoni sabiex tiġi pprovduta lill-Istat Membru ta’ rimbors l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn dan l-Istat Membru ma huwiex terminu ta’ dekadenza li jimplika, fil-każ ta’ qbiż ta’ dan it-terminu jew tal-assenza ta’ tweġiba, li l-persuna taxxabbli titlef il-possibbiltà li tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors permezz tal-produzzjoni, direttament quddiem il-qorti nazzjonali, ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tal-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ xahar previst f’din id-dispożizzjoni sabiex tiġi pprovduta lill-Istat Membru ta’ rimbors l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn dan l-Istat Membru ma huwiex terminu ta’ dekadenza li jimplika, fil-każ ta’ qbiż ta’ dan it-terminu jew tal-assenza ta’ tweġiba, li l-persuna taxxabbli titlef il-possibbiltà li tirregolarizza t-talba tagħha għal rimbors permezz tal-produzzjoni, direttament quddiem il-qorti nazzjonali, ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.