Language of document : ECLI:EU:C:2019:368

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 98/5/KE – Aċċess għall-professjoni ta’ avukat – Patri li kiseb il-kwalifika professjonali ta’ avukat fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ospitanti – Artikolu 3(2) – Kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti – Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Regoli tal-kondotta professjonali – Inkompatibbiltà tal-kwalità ta’ patri mal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat”

Fil-Kawża C‑431/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Monachos Eirinaios, kata kosmon Antonios Giakoumakis tou Emmanouil

vs

Dikigorikos Syllogos Athinon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Monachos Eirinaios, kata kosmon Antonios Giakoumakis tou Emmanouil, minn A. Charokopou, dikigoros,

–        għal Dikigorikos Syllogos Athinon, minn D. Vervesos u P. Nikolopoulos, dikigoroi,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u L. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Monachos Eirinaios, kata kosmon Antonios Giakoumakis tou Emmanouil (il-patri Ireneos, imwieled Antonios Giakoumakis, iben Emmanouil, iktar ’il quddiem il-“patri Ireneos”) u d-Dikigorikos Syllogos Athinon (il-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni, il-Greċja, iktar ’il quddiem, id-“DSA”), dwar ir-rifjut ta’ din il-Kamra li tilqa’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru speċjali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni bħala avukat li jeżerċita taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 6 u 8 tad-Direttiva 98/5 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Billi […] l-għan tad-Direttiva [tal-Kunsill 89/48/KEE dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337)] hu li tassigura li avukat ikun integrat fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, u d-Direttiva la tfittex li timmodifika r-regoli li jirregolaw il-professjoni f’dak l-Istat u lanqas li tneħħi t-tali avukat mill-ambitu ta’ dawk ir-regoli;

[…]

(6)      Billi azzjoni hija wkoll iġġustifikata fil-livell ta’ Komunità għaliex ftit Stati Membri biss diġà jippermettu l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ avukati fit-territorju tagħhom, inkella imbagħad permezz ta’ provvista ta’ servizzi, minn avukati minn Stati Membri oħra li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom; billi, madanakollu, fl-Istati Membri fejn teżisti l-possibbiltà, d-dettalji prattiċi li jikkonċernaw, ngħidu aħna, l-qasam ta’ attività’ u l-obbligazzjoni sabiex issir ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti tvarja konsiderevolment; billi diversità bħal din ta’ sitwazzjonijiet twassal għal inugwaljanzi u tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn avukati mill-Istati Membri u tikkostitwixxi tfixkil għall-moviment liberu; billi Direttiva biss li tistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-prattika tal-professjoni, barra minn permezz ta’ provvista ta’servizzi, minn avukati li jipprattikaw taħt it-titolu tal-professjoni ta’ pajjiżhom tista’ tirrisolvi dawn id-diffikultajiet u li tipprovdi l-istess opportunitajiet lill-avukati u konsumaturi ta’ servizzi legali fl-Istati Membri kollha;

[…]

(8)      Billi avukati koperti mid-Direttiva għandhom jintalbu jirreġistraw ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti sabiex l-awtorità tkun tista’ tassigura li huma konformi mar-regoli tal-kondotta professjonali fis-seħħ f’dak l-Istat; […]”

4        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ l-avukat fuq bażi permanenti fil-kapaċità ta’ ħaddiem għal rasu jew bis-salarju fi Stat Membru minbarra dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali.

2.      Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘L-Istat Membru li hu pajjiżu’ tfisser l-Istat Membru fejn avukat kiseb id-dritt li juża wieħed mit-titoli professjonali imsemmija f’(a) qabel ma jipprattika l-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor.

(ċ)      ‘L-Istat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru fejn avukat jipprattika skond din id-Direttiva;

(d)      ‘It-titolu professjonali ta" pajjiżu’ ifisser it-titolu professjonali użat fl-Istat Membru fejn avukat kiseb id-dritt li juża dak it-Titolu qabel jipprattika il-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti.

[…]”

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Kull avukat għandu jkun intitulat li jsegwi fuq bażi permanenti, f’kull Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5.”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. […]”

7        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5, intitolat “Ir-regoli applikabbli ta’ kondotta professjonali”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Irrispettivament tar-regoli ta’ kondotta professjonali li għalihom huwa suġġett fl-Istat Membru li hu pajjiżu, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu għandu jkun suġġett għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħal avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali relevanti ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha li jeżerċita fit-territorju tiegħu.”

 Id-dritt Grieg

8        Ir-Repubblika Ellenika ttrasponiet id-Direttiva 98/5 fid-dritt intern tagħha permezz tal-Proedriko Diatagma 152/2000, Diefkolynsi tis monimis askisis tou dikigorikou epangelmatos stin Ellada apo dikigorous pou apektisan ton epangelmatiko tous titlo se allo kratos-melos tis EE (id-Digriet Presidenzjali 152/2000 sabiex tiġi ffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fil-Greċja minn avukati li kisbu l-kwalifika professjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea) tat‑23 ta’ Mejju 2000 (FEK A’ 130).

9        L-Artikolu 5 ta’ dan id-digriet presidenzjali jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Sabiex jeżerċita l-professjoni fil-Greċja, l-avukat għandu jirreġistra mal-Kamra tal-Avukati fejn huwa ser jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu; huwa għandu jkollu uffiċċju f’din l-istess żona ġeografika.

2.      Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-imsemmija Kamra tal-Avukati jiddeċiedi dwar din ir-reġistrazzjoni, wara li l-persuna kkonċernata tkun ippreżentat iċ-ċertifikati li ġejjin:

[…]

c)      ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-oriġini li tat il-kwalifika professjonali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat tal-oriġini […]”

10      L-Artikolu 6 tal-Kodikas dikigoron (il-Kodiċi tal-Avukati; Liġi 4194/2013, FEK A’ 208), intitolat “Kundizzjonijiet sabiex issir avukat – impedimenti”, jiddisponi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-avukat […] ma jistax ikollu l-kwalità ta’ patri.”

11      Mill-Artikolu 7(1)(a) u (c) tal-Kodiċi tal-Avukati jirriżulta li persuna li hija qassis jew patri jew li hija maħtura jew għandha pożizzjoni bi ħlas taħt kuntratt li jinvolvi relazzjoni bħala persuna impjegata jew uffiċjal pubbliku fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandha titlef ipso jure l-kwalità ta’ avukat u titneħħa mir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati li hija membru tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Il-patri Ireneos, rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa patri fil-monasteru ta’ Petra, li jinsab f’Karditsa (il-Greċja).

13      Permezz ta’ applikazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2015, il-patri Ireneos talab lid-DSA r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru speċjali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni (il-Greċja) bħala avukat li kiseb din il-kwalifika professjonali fi Stat Membru ieħor, jiġifieri Ċipru.

14      Fit‑18 ta’ Ġunju 2015, id-DSA ċaħdet din l-applikazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-inkompatibbiltà bejn l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u l-kwalità ta’ patri, billi qieset li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-avukati li jixtiequ jeżerċitaw fil-Greċja taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tagħhom.

15      Fid‑29 ta’ Settembru 2015, il-patri Ireneos ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja).

16      Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jallega b’mod partikolari n-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/5, għar-raġuni li din il-leġiżlazzjoni timponi kundizzjoni mhux prevista minn din id-direttiva. Issa, l-imsemmija direttiva tagħmel armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, tal-avukati li jkunu kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor.

17      Id-DSA targumenta, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-patrijiet ma jistgħux ikunu avukati hija ġġustifikata b’regoli u bi prinċipji fundamentali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti.

18      F’dan ir-rigward, din l-awtorità tqis li l-kwalità ta’ patri ma tippermettilux li jkollu, konformement ma’ dawn ir-regoli u ma’ dawn il-prinċipji, garanziji bħal, b’mod partikolari, l-indipendenza fil-konfront tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi li huwa jagħmel parti minnhom, il-possibbiltà li jiddedika ruħu totalment għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, l-abbiltà li jamministra kawżi f’kuntest kunflittwali, it-twaqqif tal-istabbiliment reali tiegħu fil-konfini tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza kkonċernata u l-osservanza tal-projbizzjoni li jipprovdi servizzi mingħajr ħlas.

19      Is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5. Fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-kondotta professjonali nazzjonali li l-avukati fl-Istat Membru ospitanti huma suġġetti għalihom, li ma jippermettux li patri jeżerċita l-professjoni ta’ avukat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ dan l-Istat Membru hijiex, minkejja kollox, obbligata tirreġistra patri sabiex huwa jeżerċita l-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini.

20      Skont l-imsemmija qorti, din il-kwistjoni tqum a fortiori peress li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha awtomatikament tikkonstata l-ksur mill-persuni kkonċernati tal-imsemmija regoli tal-kondotta professjonali, skont id-dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-kwalità ta’ patri ma tippermettix li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti u l-garanziji meħtieġa għall-eżerċizzju fil-Greċja tal-professjoni ta’ avukat.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3 tad-Direttiva [98/5] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ patri tal-Knisja ta’ Greċja bħala avukat, mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn huwa kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu, sabiex ikun jista’ jeżerċita hemmhekk il-professjoni ta’ avukat taħt it-titlu professjonali tal-oriġini tiegħu, tista’ tkun ipprojbita mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba li patrijiet tal-Knisja tal-Greċja ma jistgħux, taħt il-liġi nazzjonali, jiddaħħlu fir-reġistri ta’ ordnijiet tal-avukati għaliex, minħabba diak l-istatus, ma jipprovdux ċerti garanziji neċessarji għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil avukat li għandu l-kwalità ta’ patri, irreġistrat bħala avukat mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, milli jirreġistra mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni tiegħu taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, minħabba l-inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ patri u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat li tipprevedi din il-leġiżlazzjoni.

23      Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/5, din għandha l-għan li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor minn dak li fih tkun inkisbet il-kwalifika professjonali.

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ titoli professjonali ta’ avukati migranti li jkunu jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 98/5, permezz ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, b’mod partikolari, iġib fi tmiem id-disparità fir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ iskrizzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, li kienet l-oriġini ta’ inugwaljanzi u ta’ ostakoli għall-moviment liberu (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jarmonizza kompletament il-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment mogħti minn din id-direttiva, billi jipprovdi li l-avukat li jkun jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak li fih ikun kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu għandu jirreġistra mal-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, liema awtorità għandha twettaq tali reġistrazzjoni “mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu” (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tidher għaldaqstant li hija l-unika kundizzjoni li għaliha għandha tkun suġġetta r-reġistrazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti li tippermettilha teżerċita l-professjoni tagħha f’dan l-Istat Membru tal-aħħar taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tagħha (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għaldaqstant, hemm lok jitqies li l-avukati li kisbu d-dritt li jużaw dan it-titolu professjonali fi Stat Membru, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, u li jippreżentaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-awtorità kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji kollha għar-reġistrazzjoni tagħhom mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, taħt it-titolu professjonali tagħhom miksub fl-Istat Membru ta’ oriġini.

29      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 98/5 jissuġġetta lill-avukat li jeżerċita l-professjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, indipendentement mir-regoli tal-kondotta professjonali li huwa suġġett għalihom fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, għall-istess regoli tal-kondotta professjonali bħal dawk li huma suġġetti għalihom l-avukati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt it-titolu professjonali xieraq tal-Istat Membru ospitanti għall-attivitajiet kollha eżerċitati fit-territorju tiegħu.

30      Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn ir-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ avukat li jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru, taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, li hija suġġetta biss, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, għas-sempliċi kundizzjoni msemmija fil-punti 26 u 28 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju nnifsu tal-professjoni ta’ avukat fl-imsemmi Stat Membru, li matulu dan l-avukat huwa suġġett, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, għar-regoli tal-kondotta professjonali applikabbli fl-istess Stat Membru.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dawn ir-regoli, kuntrarjament għal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għal din ir-reġistrazzjoni, ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni u jistgħu għalhekk ikunu kunsiderevolment diverġenti minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru tal-oriġini. Qabelxejn, bħalma jikkonferma l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli jista’ jwassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti fid-dritt tal-Istat Membru ospitanti. Dawn is-sanzjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, jinkludu t-tħassir tar-reġistrazzjoni minn mal-Kamra tal-Avukati f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, EU:C:2010:729, punt 57).

32      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat minn patri ma tissodisfax il-garanziji, bħal dawk imsemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, huma meħtieġa għal tali eżerċizzju tal-professjoni.

33      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jipprevedi tali garanziji sakemm ir-regoli stabbiliti għal dan l-għan ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. B’mod partikolari, l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u jinvolvi, b’mod partikolari, li l-avukati jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ indipendenza fil-konfront tal-awtoritajiet, u ma jkunu suġġetti għal ebda influwenza tagħhom.

34      Din il-possibbiltà offruta lil-leġiżlatur nazzjonali ma tistax madankollu tippermettilu jżid mal-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għar-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li, bħalma tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, ġew armonizzati kompletament, kundizzjonjiet addizzjonali dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tal-kondotta professjonali. Issa, li avukat li jixtieq jeżerċita l-professjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, għas-sempliċi raġuni li huwa għandu l-kwalità ta’ patri, iwassal sabiex tiġi miżjuda kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ma’ dawk li jinsabu fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5, minkejja li tali żieda ma hijiex awtorizzata b’din id-dispożizzjoni.

35      Barra minn hekk, bħalma tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ir-regoli tal-kondotta professjonali applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għandhom, sabiex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jinvolvi li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dak li jirrigwarda r-regola ta’ inkompatibbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil avukat li għandu l-kwalità ta’ patri, irreġistrat bħala avukat mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, milli jirreġistra mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni tiegħu taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, minħabba l-inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ patri u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat li tipprevedi din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni [kwalifika], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil avukat li għandu l-kwalità ta’ patri, irreġistrat bħala avukat mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, milli jirreġistra mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni tiegħu taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, minħabba l-inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ patri u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat li tipprevedi din il-leġiżlazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.