Language of document : ECLI:EU:C:2019:384

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Irkupru jew rimi ta’ skart – Stabbiliment ta’ sistema integrata ta’ immaniġġar ta’ skart li tiggarantixxi l-awtosuffiċjenza nazzjonali – Bini ta’ impjanti ta’ inċinerazzjoni jew żieda fil-kapaċità ta’ impjanti eżistenti – Klassifikazzjoni tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni bħala ‘infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti’ – Osservanza tal-prinċipju ta’ ‘ġerarkija tal-iskart’ – Direttiva 2001/42/KE – Neċessità li ssir ‘evalwazzjoni ambjentali’”

Fil-Kawża C‑305/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Verdi Ambiente e Società (VAS) Aps Onlus,

Movimento Legge Rifiuti Zero per l’Economia Circolare Aps

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Regione Lazio

Regione Toscana,

Regione Lombardia

fil-preżenza ta’:

Associazione Mamme per la Salute e l’Ambiente Onlus,

Comitato Donne 29 Agosto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus u għall-Movimento Legge Rifiuti Zero per l’Economia Circolare Aps, minn F. Pernazza u A. Ciervo, avvocati,

–        għall-Mamme per la Salute e l’Ambiente Onlus u għall-Comitato Donne 29 Agosto, minn C. Auriemma, avvocatessa,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Noll‑Ehlers u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva IEPP”), kif ukoll tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘skart’”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-assoċjazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus u Movimento Legge Rifiuti Zero per l’Economia Circolare Aps, u, min-naħa l-oħra, il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) et, dwar rikors intiż għall-annullament tad-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri – Individuazione della capacità complessiva di trattamento degli impianti di incenerimento di rifiuti urbani e assimilabili in esercizio o autorizzati a livello nazionale, nonché individuazione del fabbisogno residuo da coprire mediante la realizzazione di impianti di incenerimento con recupero di rifiuti urbani e assimilati (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri dwar id-Determinazzjoni tal-Kapaċità Globali ta’ Trattament tal-Impjanti ta’ Inċinerazzjoni ta’ Skart Muniċipali u ta’ Skart Simili, Operattivi jew Awtorizzati fuq Livell Nazzjonali, u d-Determinazzjoni ta’ Inċinerazzjoni għall-Irkupru ta’ Skart Muniċipali u ta’ Skart Simili), tal‑10 ta’ Awwissu 2016 (GURI Nru 233, tal‑5 ta’ Ottubru 2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva IEPP

3        Skont il-premessi 4 u 15 sa 18 tad-Direttiva IEPP:

“(4) L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.

[...]

(15) Sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għal teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti u bil-għan li jkun assigurat li l-informazzjoni mogħtija għall-istima hi komprensiva u affidabbli, hu meħtieġ li l-awtoritajiet li jkollhom dawn ir-responsabbiltajiet ambjentali rilevanti u l-pubbliku jkunu kkonsultati matul l-istima tal-pjanijiet u l-programmi, u li limiti ta’ żmien xierqa jkunu stabbiliti, li jippermettu ħin biżżejjed għall-konsultazzjonijiet, inkluża l-espressjoni ta’ l-opinjoni.

(16) Meta l-implimentazzjoni ta’ xi pjan jew programm ippreparat f’xi Stat Membru x’aktarx ikollha effett sinifikanti fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor, għandha ssir disposizzjoni għall-Istati Membri nteressati li jagħmlu konsultazzjonijiet u għall-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku li jkun infurmat u li jiġi permess lilhom li jagħtu l-opinjoni tagħhom.

(17) Ir-rapport dwar l-ambjent u l-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku, kif ukoll ir-riżultati ta’ xi konsultazzjoni bejn it-transkonfini, għandhom ikunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tal-pjan jew programm u qabel l-adozzjoni tiegħu jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.

(18) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta xi pjan jew progamm ikun adottat, l-awtoritajiet rilevanti u l-pubbliku jkunu infurmati u l-informazzjoni rilevanti tkun magħmula disponibbli għalihom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Għanijiet”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni], kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u;

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)      ‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[...]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-Direttiva IEPP, bit-titolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”:

“1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,,

(a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE [tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 248)], jew

(b)      li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE

[...]”

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva IEPP jipprovdi:

“L-istima ambjentali msemmija fl-Artikolu 3 għandha ssir matul il-preparazzjoni ta’ xi pjan jew programm u qabel l-adozzjoni jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Konsultazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu (2) tiegħu:

“L-awtoritajiet [...] u l-pubbliku [...] għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.”

 Id-Direttiva “skart”

9        Skont il-premessi 6, 8, 28 u 31 tad-Direttiva “skart”:

“(6) L-ewwel objettiv ta’ kwalunkwe politika dwar l-iskart għandu jkun li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-politika ta’ l-iskart għandha timmira wkoll li tnaqqas l-użu ta’ riżorsi, u li tiffavorixxi l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija ta’ l-iskart.

[...]

(8)| Huwa għalhekk meħtieġ li d-Direttiva 2006/12/KE tiġi riveduta sabiex ikunu ċċarati kunċetti ewlenin bħad-definizzjonijiet ta’ skart,rkupru u rimi, biex jissaħħu l-miżuri li għandhom jittieħdu dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart, biex ikun introdott approċċ li jikkunsidra ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali u mhux biss il-fażi ta’ l-iskart, u biex jiffoka fuq it-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u b’hekk jissaħħaħ il-valur ekonomiku ta’ l-iskart. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali. Fl-interessi taċ-ċarezza u l-leġibbiltà, id-Direttiva 2006/12/KE għandha titħassar u tkun sostitwita b’direttiva ġdida.

[...]

(28) |Din id-Direttiva għandha tgħin biex tressaq lill-UE eqreb lejn ‘soċjetà riċiklanti’, billi tfittex li tevita l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżors. B’mod partikolari, is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni għall-Ambjent isejjaħ għal miżuri mmirati biex jiżguraw is-separazzjoni fis-sors, il-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ flussi prijoritarji ta’ skart. Konformement ma’ dak l-objettiv u bħala mezz biex ikun faċilitat jew imtejjeb il-potenzjal ta’ l-irkupru tiegħu, l-iskart għandu jinġabar separatament jekk dan ikun prattikabbli teknikament, ambjentalment u ekonomikament, qabel ma jgħaddi minn operazzjonijiet ta’ rkupru li jagħtu l-aħjar eżitu ambjentali globali. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-separazzjoni ta’ kompożizzjonijiet perikolużi mill-flussi ta’ skart jekk ikun meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ mmaniġġar li jkun ambjentalment korrett.

[...]

(31)| Il-ġerarkija ta’ l-iskart ġeneralment tistabbilixxi ordni ta’ prijorità ta’ x’inhi li tikkostitwixxi l-aqwa għażla ambjentali ġenerali fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-iskart, filwaqt li jista’ jkun meħtieġ li ma tiġix segwita l-ġerarkija għal flussi ta’ skart speċifiċi meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’, inter alia, fattibbiltà teknika, vijabbiltà ekonomika u protezzjoni ambjentali.”

10      Il-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 7 tagħha. L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu.”

11      L-Artikolu 4 tad-Direttiva “skart”, bit-titolu “Ġerarkija ta’ l-iskart”, jipprovdi:

“1      Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a) prevenzjoni;

(b) preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ) riċiklaġġ;

(d) irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e) rimi.

2.      Fl-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun ġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ tali skart.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni u tal-politika ta’ l-iskart ikun proċess trasparenti għalkollox, li jkun jirrispetta r-regoli nazzjonali eżistenti li jikkonċernaw il-konsultazzjoni u s-sehem taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipji ġenerali, fir-rigward ta’ protezzjoni ambjentali, ta’ prekawzjoni u sostenibbiltà, fattibbiltà teknika u vijabbiltà ekonomika, protezzjoni tar-riżorsi kif ukoll jieħdu kont ta’ l-impatti fuq l-ambjent, fuq is-saħħa tal-bniedem, u l-impatti ekonomiċi u soċjali ġenerali, skond l-Artikoli 1 u 13.”

12      Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Rekwiżiti ġenerali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, bit-titolu “Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”, li jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

(a) mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, pjanti jew l-annimali;

(b) mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u

(ċ) mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali.”

 Id-dritt Taljan

13      L-Artikolu 35 tad-decreto-legge no 133 (id-Digriet-Liġi Nru 133), tat‑12 ta’ Settembru 2014 (GURI Nru 212 tat‑12 ta’ Settembru 2014), maqlub f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 164, tal‑11 ta’ Novembru 2014 (GURI Nru 262 tal‑11 ta’ Novembru 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 133/2014”), jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“F’terminu ta’ 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li qalbet dan id-digriet f’liġi, il-President tal-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, wara konsultazzjoni mal-Konferenza Permanenti għar-Relazzjonijiet bejn l-Istat, ir-Reġjuni u l-Provinċji Awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano, għandu jiddetermina permezz ta’ digriet fuq livell nazzjonali l-kapaċità globali ta’ trattament ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni operattivi, jew awtorizzati fuq livell nazzjonali, billi jindika speċifikament il-kapaċità ta’ kull impjant, kif ukoll l-impjanti ta’ inċinerazzjoni għall-irkupru tal-enerġija mill-iskart muniċipali u mill-iskart simili li għandhom jinbnew sabiex tiġi koperta l-ħtieġa residwali, iddeterminata bil-għan ta’ bilanċ mill-ġdid progressiv, fil-qasam soċjali u dak ekonomiku, bejn iż-żoni tat-territorju nazzjonali u b’osservanza tal-għanijiet ta’ ġbir separat u ta’ riċiklaġġ, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ippjanar reġjonali. L-impjanti hekk indikati jikkostitwixxu infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti, jistabbilixxu sistema integrata u moderna ta’ mmaniġġar ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili, filwaqt li jiggarantixxu s-sigurtà nazzjonali u l-awtosuffiċjenza, jippermettu s-soluzzjoni u l-prevenzjoni tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ ksur sussegwenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tar-regoli Ewropej tas-settur u jillimitaw ir-rimi ta’ skart fir-radam

14      Id-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 ġie adottat fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

15      L-Artikolu 1 tad-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016, bit-titolu “Għan”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Bis-saħħa tal-Artikolu 35(1) tad-[Digriet-Liġi Nru 133/2014], dan id-digriet huwa intiż:

(a)      li jiddetermina l-kapaċità attwali ta’ trattament nazzjonali tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili, operattivi f’Novembru 2015;

(b)      li jiddetermina l-kapaċità potenzjali ta’ trattament nazzjonali tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili, awtorizzati iżda mhux operattivi f’Novembru 2015;

(c)      li jiddetermina, fir-rigward ta’ makrożoni u ta’ reġjuni, l-impjanti ta’ inċinerazzjoni b’irkupru tal-enerġija mill-iskart muniċipali u mill-iskart simili, li għandhom jinbnew jew jiġu rrinforzati sabiex tiġi koperta l-ħtieġa residwali nazzjonali ta’ trattament ta’ dan l-iskart.”

16      L-Artikoli 3 sa 5 tad-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 jinkludu tabelli li jindikaw tliet kategoriji ta’ impjanti, jiġifieri l-impjanti ta’ inċinerazzjoni operattivi, bl-indikazzjoni tal-kapaċità ta’ trattament awtorizzata u tal-kapaċità ta’ trattament ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili (Tabella A), l-impjanti ta’ inċinerazzjoni awtorizzati li ma humiex operattivi, bl-indikazzjoni tal-kapaċità potenzjali ta’ trattament u tal-lokalizzazzjoni fuq bażi reġjonali (Tabella B) u l-impjanti li għandhom jinbnew jew jiġu rrinforzati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-programmazzjoni reġjonali (Tabella C). Għal kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji, it-tabelli rispettivi jindikaw ukoll il-kapaċità nazzjonali globali ta’ trattament tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart operattivi f’Novembru 2015 (Tabella A), il-kapaċità potenzjali nazzjonali ta’ trattament li tirriżulta mill-impjanti awtorizzati, iżda li ma kinux operattivi f’din l-istess data (Tabella B) kif ukoll ir-reġjuni li fihom l-impjanti neċessarji sabiex tiġi ssodisfatta l-ħtieġa nazzjonali għandhom jinbnew jew jiġu rrinforzati u l-kapaċità relatata (Tabella C).

17      Skont l-Artikolu 6 tad-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016, bit-titolu “Dispożizzjonijiet finali”:

“1.      [...] l-impjanti identifikati fit-Tabelli A, B u C huma infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti u jikkostitwixxu sistema integrata u moderna ta’ mmaniġġar ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili, filwaqt li jiggarantixxu s-sigurtà nazzjonali u l-awtosuffiċjenza taċ-ċiklu ta’ mmaniġġar integrat tal-iskart, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 16 tad-[Direttiva ‘skart’].

2.      Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà nazzjonali u l-awtosuffiċjenza u b’osservanza għall-għanijiet ta’ bilanċ mill-ġdid progressiv fil-qasam soċjali u dak ekonomiku bejn iż-żoni tat-territorju nazzjonali, [...] il-kapaċità inqas ta’ trattament ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni minħabba l-politiki previsti fl-Artikolu 6(6) għandha tiġi mqassma mill-ġdid fi ħdan l-istess makrożona skont il-kriterji ġenerali u l-proċeduri ta’ indikazzjoni stabbiliti fl-Anness III.”

18      It-tliet annessi tad-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 jindikaw il-modalitajiet li ppermettew li jiġu ddeterminati t-tliet kategoriji li jinsabu fit-tliet Tabelli A, B u C. B’mod iktar preċiż, l-Anness I jinkludi l-elementi li jiddeterminaw il-kapaċità nazzjonali attwali ta’ trattament tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili, tal-impjanti operattivi, jew awtorizzati, iżda mhux operattivi f’Novembru 2015. L-Anness II jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-ħtieġa residwali ta’ inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili ġiet stabbilita, b’diviżjoni tal-kalkolu għal kull reġjun meħud individwalment. L-Anness III jispeċifika wkoll il-“kriterji ġenerali”, previsti fl-Artikolu 35(1) tad-Digriet-Liġi Nru 133/2014, użati sabiex jiġu ddeterminati l-impjanti li għandhom jinbnew jew jiġu rrinforzati sabiex tiġi ssodisfatta l-ħtieġa residwali nazzjonali ta’ inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali jew ta’ skart simili.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-assoċjazzjonijiet VAS u Movimento Legge Rifiuti Zero per l’Economia Circolare ppreżentaw quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), rikors intiż għall-annullament tad-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016, li fil-kuntest tiegħu huma ressqu ħames motivi.

20      Dawn il-motivi jistgħu, essenzjalment, jinqasmu f’żewġ gruppi. L-ewwel grupp jiġbor flimkiem dawk ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart”, previst fl-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva “skart”, inkwantu d-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 ikklassifika impjanti ta’ inċinerazzjoni bħala “infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti”. Issa, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-inċinerazzjoni tal-iskart għandha tintuża biss bħala l-aħħar rimedju, meta ma jkunx għadu possibbli jintużaw it-tekniki ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ. It-tieni grupp ta’ motivi huwa bbażat fuq ksur tad-Direttiva IEPP, inkwantu l-adozzjoni ta’ dan id-digriet ma kinitx ġiet ippreċeduta minn evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tiegħu.

21      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-konvenuti fil-kawża prinċipali llimitaw ruħhom jipprovdu, fl-istadju tal-istruttorja, dokumenti u rapport, mingħajr ma żiedu magħhom kitbiet jew noti. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tad-difiża tagħhom, dawn sempliċement argumentaw dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

22      Din il-qorti tar-rinviju, minn naħa, tqis li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart” kif previst fid-Direttiva “skart”. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk l-awtorità nazzjonali setgħetx, mingħajr ma twettaq evalwazzjoni ambjentali minn qabel, iżżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva [‘skart]’, moqrija flimkien mal-“premessi” 6, 8, 28 u 31 [tagħha], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali primarja u l-leġiżlazzjoni sekondarja ta’ implimentazzjoni relatata magħha – bħall-Artikolu 35(1) tad-[Digriet-Liġi Nru 133/2014], u d-[Digriet tal‑10 ta’ Awwisu 2016] – sa fejn biss l-impjanti ta’ inċinerazzjoni koperti minnhom, skont l-indikazzjonijiet tal-annessi u tat-tabelli li jinsabu fid-[Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016], huma kklassifikati bħala infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti, li jistabbilixxu sistema integrata u moderna ta’ mmaniġġar ta’ skart muniċipali u ta’ skart simili u li jiggarantixxu s-sigurtà nazzjonali fl-awtosuffiċjenza, peress li klassifikazzjoni simili ma ġietx irrikonoxxuta wkoll mil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-impjanti intiżi għat-trattament tal-iskart għal finijiet ta’ riċiklaġġ u ta’ użu mill-ġdid, anki jekk dawn iż-żewġ metodi huma preeminenti fil-ġerarkija tal-iskart prevista mid-Direttiva [‘skart’]?

2)      Sussidjarjament, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel parti tad-domanda, l-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva [‘skart’] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali primarja u l-leġiżlazzjoni sekondarja ta’ implimentazzjoni relatata magħha – bħall-Artikolu 35(1) tad-[Digriet-Liġi Nru 133/2014], u d-[Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016] – sa fejn l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali huma kklassifikati bħala infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti, bil-għan li jiġu ssuperati u evitati proċeduri ta’ ksur sussegwenti minħabba nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli Ewropej tas-settur, kif ukoll bil-għan li jiġi limitat ir-rimi tal-iskart fir-radam?

3)      L-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7, 8, 9, 10, 11 u 12 tad-Direttiva [IEPP], anki moqrija flimkien, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali primarja u tal-leġiżlazzjoni sekondarja ta’ implimentazzjoni relatata magħha – bħall-Artikolu 35(1) tad-[Digriet-Liġi Nru 133/2014], u d-[Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016] – li tipprevedi li l-President tal-Kunsill tal-Ministri jista’, permezz ta’ digriet tiegħu stess, iżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni eżistenti u jiddetermina n-numru, il-kapaċità u l-lokalizzazzjoni reġjonali tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni bil-kapaċità li jirkupraw enerġija mill-iskart muniċipali u simili li għandhom jinbnew sabiex tiġi koperta l-ħtieġa residwali ddeterminata, bil-għan ta’ bilanċ mill-ġdid soċjoekonomiku progressiv bejn iż-żoni fit-territorju nazzjonali u b’osservanza tal-għanijiet ta’ ġbir separat u ta’ riċiklaġġ, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, fil-fażi ta’ preparazzjoni ta’ dan il-pjan li jirriżulta mid-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, jiġu applikati r-regoli dwar l-evalwazzjoni ambjentali strateġika hekk kif previsti minn din id-Direttiva [IEPP]?”

24      Permezz tad-digriet tiegħu tat‑3 ta’ Lulju 2018, Associazione Verdi Ambiente e Società – Aps Onlus et (C‑305/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:549), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma jilqax it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

25      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart” kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “skart” u moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart bħala “infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti”.

26      Id-dubji ta’ din il-qorti jidhru li jirriżultaw mill-fatt li klassifikazzjoni simili ma ġietx adottata fid-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 fir-rigward tal-impjanti intiżi għat-trattament tal-iskart għal finijiet ta’ riċiklaġġ u ta’ użu mill-ġdid, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-Istati Membri japplikaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom u fil-politika tagħhom fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-immaniġġar tal-iskart, ġerarkija tal-operazzjonijiet ta’ trattament.

27      Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “skart” jipprovdi li “[i]l-ġerarkija ta’ l-iskart [...] għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar: (a) prevenzjoni; (b) preparazzjoni għal użu mill-ġdid; (ċ) riċiklaġġ; (d) irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u (e) rimi”.

28      Din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi l-ġerarkija tal-iskart hekk kif għandha tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni u fil-politika fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-immaniġġar ta’ skart, ma tippermettix li jiġi dedott li jeħtieġ li tingħata l-prijorità lil sistema li tippermetti lill-produtturi ta’ skart iwettqu r-rimi ta’ dan l-iskart huma stess. Fil-fatt, ir-rimi tal-iskart jinsab biss fl-aħħar post f’din il-ġerarkija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, SETAR, C‑551/13, EU:C:2014:2467, punt 44).

29      Għandu jingħad ukoll li l-ġerarkija tal-iskart tikkostitwixxi għan, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, billi dawn tal-aħħar ma humiex obbligati jagħżlu soluzzjoni ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġar speċifika.

30      Għalhekk, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “skart”, meta jimplimentaw il-prinċipju tal-“ġerarkija tal-iskart”, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun iġġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ tali skart.

31      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva “skart”, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-immaniġġar tal-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, il-pjanti jew l-annimali.

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm dan l-Artikolu 13 ma jippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-immaniġġar tal-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi artikolu jorbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ tali miżuri (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja, C‑153/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:275, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikklassifika l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart bħala “infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti” ma jfissirx li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni li ma jsegwix l-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart”, hekk kif previst mid-Direttiva “skart”.

34      Fil-fatt, minn naħa, hekk kif jaqblu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija klassifikazzjoni nazzjonali tapplika biss għal dawn l-impjanti.

35      Issa, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tikklassifika l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart bħala “prijoritarji” ma jistax ifisser li l-operazzjonijiet ta’ trattament relatati għandhom l-istess kwalitajiet u, sussegwentement, li dawn l-operazzjonijiet jingħataw xi grad ta’ prijorità fuq l-operazzjonijiet l-oħra ta’ prevenzjoni u ta’ mmaniġġar tal-iskart.

36      Min-naħa l-oħra, hekk kif isostni l-Gvern Taljan, tali klassifikazzjoni hija intiża li tissimplifika u li tiffaċilita l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ netwerk nazzjonali adegwat ta’ mmaniġġar tal-iskart, ikkonstatat f’sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250), tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑82/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:349), tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑297/08, EU:C:2010:115), tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑323/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2290), tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407), kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑653/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:478).

37      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati, dan l-Istat ikun marbut jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Fl-aħħar nett, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu l-metodu l-iktar adegwat sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart”, dawn għandhom madankollu jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva li jipprevedu obbligi iktar speċifiċi.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart”, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva “skart” u moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart bħala “infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti”, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva li jipprevedu obbligi iktar speċifiċi.

 Fuq it-tielet domanda

40      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva IEPP għandhiex tiġi interpretata fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, komposta minn leġiżlazzjoni bażika u minn leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, li żżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart eżistenti u li tipprevedi l-bini ta’ impjanti ġodda ta’ dan it-tip, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li għandha, konsegwentement, tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali minn qabel.

41      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li żżid il-kapaċità operattiva ta’ 40 impjant ta’ inċinerazzjoni tal-skart mit-42 impjant eżistenti u operattivi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll li tibni impjanti ġodda ta’ dan it-tip. Tali leġiżlazzjoni nazzjonali timplimenta l-għażliet strateġiċi ta’ Stat Membru fil-qasam tal-irkupru jew tar-rimi tal-iskart, bħall-kalkolu tal-ħtieġa residwali nazzjonali kkwantifikata għal 1 818 000 tunnellata/sena u t-tqassim ta’ din tal-aħħar bejn il-makrożoni, iż-żieda fl-attività tal-impjanti eżistenti sa ma tintlaħaq il-kapaċità rispettiva awtorizzata tagħhom, kif ukoll il-lokalizzazzjoni reġjonali tal-impjanti l-ġodda.

42      Għandu jiġi ddeterminat jekk tali leġiżlazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva IEPP.

43      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprevedi li ċerti pjanijiet jew ċerti programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali.

44      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva IEPP jiddefinixxi l-“pjanijiet u programmi” koperti minnha bħala dawk li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew li jkunu ġew ippreparati minn awtorità bil-għan tal-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi .

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li għandhom jitqiesu li huma “meħtieġa”, fis-sens u għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva IEPP, u, għaldaqstant, li huma suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva, dawk il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew minn regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-preparazzjoni tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet tal‑10 ta’ Awwissu 2016 jissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, peress li dan ġie adottat mill-President tal-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 35 tad-Digriet-Liġi Nru 133/2014.

47      Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva IEPP, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u l-programmi ppreparati għal ċerti setturi u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad‑Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-Direttiva “IEA”), tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

48      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fost is-setturi msemmija f’din id-dispożizzjoni hemm l-immaniġġar tal-iskart, b’tali mod li l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji huwa ssodisfatt.

49      Fit-tieni lok, l-installazzjonijiet tar-rimi tal-iskart għall-inċinerazzjoni u kull bidla jew estensjoni tagħhom huma previsti fil-punti 9, 10 u 24 tal-Anness I tad-Direttiva IEA kif ukoll, meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji msemmija iktar ’il fuq, fil-punt 11(b) tal-Anness II tad-Direttiva IEA.

50      Fir-rigward tal-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiddefinixxix il-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et, C‑290/15, EU:C:2016:816, punt 49; tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 53; u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 54).

51      F’dan ir-rigward, il-kliem “ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet” għandu jinftiehem b’mod kwalitattiv. Fil-fatt, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evitar tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva IEPP li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 55; kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 55).

52      Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li tinkludi mhux biss il-preparazzjoni tagħhom, iżda wkoll il-modifika tagħhom, hija intiża li tiżgura li rekwiżiti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punti 54 kif ukoll 58).

53      Hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, li għandha tivverifika jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddefinixxix il-kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata.

54      Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni, li l-għan tagħha huwa mfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, tista’ tipproduċi effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

55      Fuq kollox, hekk kif tissuġġerixxi din il-qorti, iż-żieda fil-kapaċità operattiva tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart tippermetti li tiġi ddubitata n-natura suffiċjenti tal-evalwazzjonijiet imwettqa preċedentement għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni eżistenti.

56      Barra minn hekk, il-fatt li evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva IEPP titwettaq iktar tard, waqt l-ippjanar fuq livell reġjonali, huwa irrilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ tali evalwazzjoni. Fil-fatt, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa skont id-Direttiva IEA ma tistax teżenta mill-obbligu li titwettaq l-evalwazzjoni ambjentali meħtieġa mid-Direttiva IEPP, sabiex jiġu indirizzati l-aspetti ambjentali speċifiċi għaliha (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et, C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 64).

57      Minbarra dan, u f’kull każ, ma tistax tiġi milqugħa l-oġġezzjoni magħmula mill-Gvern Taljan li peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi biss kuntest ta’ riferiment, it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva IEPP ma hijiex issodisfatta. Fil-fatt, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ ċertu livell astratt u ssegwi għan ta’ trasformazzjoni tal-kuntest eżistenti jikkostitwixxi illustrazzjoni tad-dimensjoni programmatika jew pjanifikattriċi tagħha u ma jipprekludix l-inklużjoni tagħha fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata, minn naħa, mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva IEPP, moqri fid-dawl tal-premessi 15 sa 18 tagħha, sa fejn din id-direttiva hija intiża mhux biss sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, iżda wkoll sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, “[l]-istima ambjentali [...] għandha ssir matul il-preparazzjoni ta’ xi pjan jew programm u qabel l-adozzjoni jew is-sottomissjoni għall-proċedura leġislattiva.” Bl-istess mod, mill-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-evalwazzjoni ambjentali hija mistennija li titwettaq fi stadju kemm jista’ jkun bikri sabiex il-konklużjonijiet tagħha jkunu għadhom jistgħu jinfluwenzaw l-eventwali deċiżjonijiet meħuda. Fil-fatt, huwa f’dan l-istadju li jkunu jistgħu jiġu analizzati d-diversi għażliet u li jkunu jistgħu jitwettqu l-għażliet strateġiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Seaport (NI) et, C‑474/10, EU:C:2011:681, punt 45, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 63).

59      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa r-realtà u l-portata tagħhom fid-dawl tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li żżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart eżistenti u li tibni impjanti ġodda ta’ dan it-tip, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva IEPP, u għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali.

60      Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva IEPP għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, komposta minn leġiżlazzjoni bażika u minn leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, li żżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart eżistenti u li tipprevedi l-bini ta’ impjanti ġodda ta’ dan it-tip, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta hija jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandha, konsegwentement, tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali minn qabel.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta’ “ġerarkija tal-iskart”, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, u moqri fid-dawl tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikklassifika l-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart bħala “infrastrutturi u installazzjonijiet strateġiċi ta’ interess nazzjonali preeminenti”, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva li jipprevedu obbligi iktar speċifiċi.

2)      L-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, komposta minn leġiżlazzjoni bażika u minn leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, li żżid il-kapaċità tal-impjanti ta’ inċinerazzjoni tal-iskart eżistenti u li tipprevedi l-bini ta’ impjanti ġodda ta’ dan it-tip, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta hija jista’ jkollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandha, konsegwentement, tkun suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali minn qabel.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.