Language of document : ECLI:EU:C:2019:378

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni – Sentenza ta’ annullament – Portata tal-annullament – Ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti – Annullament tal-listi ta’ riżerva – Annullament tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi”

Fil-Kawża C‑243/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ April 2018,

Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, irrappreżentata minn G. Poszler u R. Hanak, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Yosu Galocha, residenti f’Madrid (Spanja), irrappreżentat minn A. Asmaryan Degtyareva, abogada,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (iktar ’il quddiem “Fusion for Energy”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Jannar 2018, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (T‑561/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:29), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali b’mod partikolari annullat il-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni F4E/CA/ST/FGIV/2015/001 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ Fusion for Energy li tirrekluta kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali

2        Fusion for Energy, “impriża konġunta”, fis-sens tal-Artikolu 45 tat-Trattat Euratom, ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 (ĠU 2007, L 90, p. 58). Skont l-Artikolu 4 tal-anness ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Personalità ġuridika”, din l-impriża għandha l-personalità ġuridika u għandha, fit-territorju ta’ kull wieħed mill-membri tagħha, il-kapaċità legali l-iktar wiesgħa mogħtija lill-persuni ġuridiċi mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi.

3        Yosu Galocha ħadem fil-bini ta’ Fusion for Energy f’Barcelona (Spanja) mit-23 ta’ April 2014 bħala membru tal-persunal temporanju u, mill-5 ta’ Mejju 2015, bħala kuntrattur estern. Fi Frar 2016, il-kuntratt ta’ Fusion for Energy mal-impriża li Y. Galocha kien jaħdem għaliha ġie fi tmiemu u, minn dik id-data, dan tal-aħħar ma jaħdimx iktar fil-bini ta’ Fusion for Energy.

4        Fil-5 ta’ Frar 2015, Fusion for Energy ippubblikat, fuq is-sit tal-Internet tagħha, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti F4E/CA/ST/FGIV/2015/001, li hija intiża għall-istabbiliment ta’ żewġ listi ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż, waħda ta’ erba’ kandidati b’suċċess, għas-sit tagħha ta’ Barcelona u l-oħra, ta’ erba’ kandidati b’suċċess ukoll, għas-sit tagħha ta’ Cadarache (Franza).

5        Il-kandidati b’suċċess kellhom jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt abbażi tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), għal tul ta’ żmien, li ma jiġġeddidx, ta’ massimu ta’ tliet snin. Fil-punt 3 tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, fir-rigward tal-informazzjoni supplimentari dwar il-proċedura tal-għażla tal-persunal bil-kuntratt, kien sar riferiment għal gwida għall-kandidati, li tqiegħdet online fis-sit tal-Internet ta’ Fusion for Energy, kif ukoll għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

6        Il-punt 5 ta’ din il-gwida, li kienet disponibbli matul il-proċedura ta’ selezzjoni, kien intitolat “Ħarsa ġenerali lejn il-Proċedura ta’ Selezzjoni”.

7        Huwa kien jipprevedi, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Selezzjoni.

8        Il-punt 5 tas-Sezzjoni 1 tal-imsemmija gwida, intitolata “Evalwazzjoni tal-kandidaturi”, kien jipprevedi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-kandidati eliġibbli li kellhom l-aħjar profili kellhom jiġu mistiedna jagħmlu eżamijiet orali u bil-miktub. Il-ħames subparagrafu ta’ dan il-punt 5 kien jispeċifika li informazzjoni iktar dettaljata li tirrigwarda d-data, il-ħinijiet u l-indirizz li fihom kellhom iseħħu dawn l-eżamijiet orali u bil-miktub kellhom jiġu indikati fil-konvokazzjonijiet mibgħuta lill-kandidati eliġibbli. Finalment, mis-sitt subparagrafu tal-imsemmi punt 5 kien jirriżulta li, skont in-numru ta’ kandidati, dawn tal-aħħar setgħu jiġu mistiedna jagħmlu eżamijiet orali u bil-miktub fl-istess jum jew fuq diversi jiem.

9        Fil-punt 5 tas-sezzjoni 2 tal-gwida għall-kandidati, intitolata “Għażla”, kienu jidhru suċċessivament it-titolu “Eżami orali”, it-titolu “Eżami bil-miktub” u t-titolu “Aspetti proċedurali tal-eżamijiet”.

10      Taħt l-imsemmi titolu ddedikat għall-eżami orali, kien indikat li dan l-eżami kien maħsub bil-għan li jgħin lill-membri tal-Kumitat ta’ Selezzjoni jevalwaw il-preżentazzjoni ġenerali u l-motivazzjoni tal-kandidat, il-kapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-kompiti deskritti taħt it-titolu “Responsabbilitajiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, il-konoxxenzi speċjalizzati tiegħu fil-qasam inkwistjoni, il-kapaċità tiegħu li jesprimi ruħu fil-lingwi tax-xogħol ta’ Fusion for Energy u l-kapaċità tiegħu ta’ adattament f’ambjent multikulturali.

11      Taħt it-titolu tiegħu “Eżami bil-miktub”, l-imsemmi punt 5 kien jipprevedi li, matul dan l-eżami, kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi speċifiċi proprji għall-post vakanti li għalih il-proċedura tal-għażla kienet tnediet, il-kwalità tal-espressjoni bil-miktub tal-kandidat u l-preżentazzjoni tiegħu kif ukoll il-kapaċitajiet ġenerali u lingwistiċi tiegħu sa fejn kienu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu.

12      Taħt l-imsemmi titolu “Aspetti proċedurali tal-eżamijiet”, fit-tieni paragrafu, kien indikat li l-evalwazzjoni tal-kandidati tkun kompluta biss meta kull wieħed minnhom ikun ipparteċipa f’żewġ eżamijiet, orali u bil-miktub, u li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultat milħuq fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ eżamijiet. Il-ħames paragrafu kien ifakkar, b’mod partikolari, li kull kuntatt mal-membri tal-Kumitat ta’ Selezzjoni kien ipprojbit.

13      Fis-26 ta’ Frar 2015, Y. Galocha ppreżenta l-kandidatura tiegħu għall-proċedura ta’ selezzjoni attivata mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni.

14      Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ April 2015, l-unità tar-riżorsi umani ta’ Fusion for Energy stiednet lil Y. Galocha għal intervista. F’ittra annessa ma’ din l-ittra elettronika, huwa ġie informat bil-fatt li l-intervista kien ser ikollha tul ta’ madwar 45 minuta u li kienet ser tiżvolġi prinċipalment bl-Ingliż, bil-għan li tgħin lill-membri tal-Kumitat ta’ Selezzjoni jevalwaw il-preżentazzjoni ġenerali u l-motivazzjoni tiegħu, il-kapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-kompiti deskritti taħt it-titolu “Responsabbilitajiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, il-konoxxenzi speċjalizzati tiegħu fil-qasam inkwistjoni, il-kapaċità tiegħu li jesprimi ruħu fil-lingwi tax-xogħol ta’ Fusion for Energy u l-kapaċità tiegħu ta’ adattament għal ambjent multikulturali. Ma kien jinsab ebda riferiment għal eżami bil-miktub f’din l-ittra.

15      Fil-11 ta’ Mejju 2015, Y. Galocha pparteċipa fl-eżami orali tal-proċedura tal-għażla inkwistjoni.

16      Ma ntbagħtet ebda stedina għal eżami bil-miktub lir-rikorrent u lanqas lill-kandidati l-oħra.

17      Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Ġunju 2015, il-kap tal-unità tar-riżorsi umani ta’ Fusion for Energy informa lil Y. Galocha, f’isem il-Kumitat ta’ Selezzjoni, li, fid-dawl tal-eżamijiet orali u bil-miktub li fihom kien ipparteċipa, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kien iddeċieda li ismu ma jiġix inkluż fil-listi ta’ riżerva.

18      Fl-istess jum, Y. Galocha ressaq talba għal eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Kumitat ta’ Selezzjoni. F’din it-talba, huwa argumenta li ma kien ġie organizzat ebda eżami bil-miktub. Huwa talab li r-riżultati tal-għażla bbażati biss fuq l-eżami orali jiġu annullati u li jiġi organizzat eżami bil-miktub qabel ma l-Kumitat ta’ Selezzjoni jieħu deċiżjoni finali.

19      Fl-istess jum, Y. Galocha ressaq talba taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli għall-membri tal-persunal b’kuntratt bis-saħħa tal-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, quddiem l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“awtorità li għandha s-setgħa”), jiġifieri d-Direttur ta’ Fusion for Energy. It-talba tiegħu kienet ibbażata fuq l-istess argument u fuq l-istess talbiet għal annullament u għal organizzazzjoni mill-ġdid imressqa quddiem l-imsemmi Kumitat ta’ Selezzjoni.

20      Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Lulju 2015, il-Kumitat ta’ Selezzjoni ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid ta’ Y. Galocha.

21      Kull waħda mil-listi ta’ riżerva stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni kienet tinkludi l-ismijiet tal-erba’ kandidati li għaddew. L-isem ta’ Y. Galocha ma kienx fosthom.

22      Fil-25 ta’ Ġunju 2015, wieħed mill-kandidati li għaddew li jidher f’dawn il-listi rċieva offerta ta’ impjieg minn Fusion for Energy. Huwa beda l-funzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Awwissu 2015 f’Cadarache. Fl-10 ta’ Lulju 2015, kandidat li għadda ieħor irċieva offerta ta’ impjieg minn Fusion for Energy. Huwa beda l-funzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Novembru 2015 f’Cadarache.

 Il-proċedura fl-ewwel istanza

23      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fit-18 ta’ Awwissu 2015, Y. Galocha ppreżenta rikors li fih huwa talab li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–      jannulla l-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjal ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż, organizzata minn Fusion for Energy, taħt ir-referenza numru F4E/CA/ST/FGIV/2015/001;

–      jannulla l-listi ta’ riżerva stabbiliti wara l-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni;

–      jannulla l-ħatra tal-kandidati magħżula inkwantu detenturi tal-pożizzjonijiet vakanti u d-dħul fil-funzjoni tal-kandidati proposti mill-Kumitat ta’ Selezzjoni u magħżula mid-Direttur ta’ Fusion for Energy;

–      jirrikonoxxi l-fondatezza tal-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjal ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż;

–      jirrikonoxxi l-adegwatezza tal-eżami bil-miktub fil-kuntest tal-proċedura ġdida ta’ selezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ uffiċjal ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż u jirrikonoxxi l-fondatezza tal-organizzazzjoni immedjata tagħha sabiex jintgħażlu kandidati;

–      jiddikjara inġusta u jinvalida l-possibbiltà għal Fusion for Energy biex ma torganizzax l-eżami bil-miktub, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ selezzjoni, li hija pprevediet fil-verżjoni aġġornata tal-gwida għall-kandidati;

–      jordna kwalunkwe miżura meqjusa xierqa sabiex tiġi organizzata mill-ġdid il-proċedura ta’ selezzjoni skont ir-regoli stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni u mar-regoli esposti fil-gwida għall-kandidati indikata fl-imsemmi avviż, peress li l-organizzazzjoni tal-eżami orali u tal-eżami bil-miktub hija obbligatorja; u

–      jikkundanna lil Fusion for Energy għall-ispejjeż.

24      Skont l-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-21 ta’ Mejju 2014 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ĠU 2014, L 206, p. 1), ġie ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 328, p. 37), li jindika d-data tal-preżentata tar-rikors, l-isem tal-konvenut, is-suġġett u d-deskrizzjoni tat-tilwima kif ukoll it-talbiet tar-rikors.

25      B’rikors għal miżuri provviżorji ppreżentat ukoll fit-18 ta’ Awwissu 2015, Y. Galocha talab li l-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom Fusion for Energy ħatret uffiċjali ta’ sostenn tal-kontroll tal-ispejjeż kif ukoll, sussidjarjament, jordna s-sospensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imsemmija uffiċjali fil-każ li dawn diġà daħlu fl-imsemmija funzjonijiet.

26      Fl-20 ta’ Awwissu 2015, il-proċedura fil-kawża prinċipali ġiet sospiża skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, sakemm tingħata risposta għat-talba mressqa minn Y. Galocha. Din ġiet miċħuda fit-30 ta’ Settembru 2015.

27      Fit-talba tiegħu għal miżuri provviżorji, Y. Galocha kien sostna b’mod partikolari li, fil-każ li jiġu annullati l-ħatriet ikkontestati, l-uffiċjali li jkunu bbenefikaw minn dawn il-ħatriet jibbenefikaw, fil-proċedura ġdida ta’ selezzjoni li tiġi organizzata, mill-konoxxenzi teoretiċi u prattiċi li huma kisbu, mill-ħatra tagħhom, fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom. Skont Y. Galocha, jeżisti, barra minn hekk, “riskju eventwali” li Fusion for Energy tirriżerva trattament preferenzjali, fil-proċedura ġdida ta’ selezzjoni, għall-uffiċjali inkwistjoni, għaliex ikun vantaġġuż għaliha li tirrekluta kandidat li diġà jkun kiseb esperjenza fil-pożizzjoni li għandha timtela.

28      It-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Ottubru 2015, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (F‑117/15 R, EU:F:2015:114), u l-ispejjeż ġew irriżervati. F’dan id-digriet, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li, “prima facie”, il-motiv imqajjem minn Y. Galocha u bbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni u tal-gwida għall-kandidati kien fondat u li kien jeżisti għalhekk fumus boni juris. Fil-punt 30 ta’ dan id-digriet, l-imsemmi President osserva li “l-illegalità kkonstatata prima facie ma tikkonċernax unikament is-sitwazzjoni [ta’ Y. Galocha], iżda taffettwa l-proċedura ta’ selezzjoni kollha kemm hi”.

29      Fl-imsemmi digriet, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda kif ġej:

“29       Skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet meħuda wara kompetizzjoni organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ ma humiex ta’ natura li jikkawżaw dannu irreparabbli għal kandidat żvantaġġat minn irregolarità mwettqa matulha, peress li, meta, fil-kuntest ta’ tali kompetizzjoni, eżami huwa meqjus illegali, id-drittijiet ta’ kandidat huma protetti adegwatament jekk il-Bord tal-Ġħażla u l-Awtorità tal-Ħatra jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjonijiet tagħhom u jfittxu soluzzjoni ekwa għall-każ tiegħu, mingħajr ma hemm lok li jiġi kkontestat ir-riżultat tal-kompetizzjoni kollha jew li jiġu annullati l-ħatriet li seħħew wara li saret din il-kompetizzjoni (digriet tal-1 ta’ Frar 2007, Bligny vs Il-Kummissjoni, F‑142/06 R, EU:F:2007:20, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti tikkonċerna l-konsegwenzi ta’ kompetizzjonijiet ġenerali u mhux il-konsegwenzi ta’ eżamijiet ta’ selezzjoni iktar limitati bħal dak li fih ipparteċipa [Y. Galocha]. Minbarra dan, minkejja li, fir-rikors prinċipali, dan talab l-annullament tal-lista ta’ riżerva u tal-ħatriet li saru, mill-fatti tal-kawża jirriżulta li l-proċedura ta’ selezzjoni kontenzjuża wasslet biss għall-istabbiliment ta’ żewġ listi ta’ riżerva li jinkludu b’kollox tmien kandidati li għaddew u għall-ħatra ta’ wieħed fosthom, u hemm it-tieni ħatra pendenti fil-mument tat-tressiq ta’ din it-talba. Minbarra dan, l-illegalità kkonstatata prima facie ma tikkonċernax unikament is-sitwazzjoni [ta’ Y. Galocha], iżda taffettwa l-proċedura ta’ selezzjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza [li tirriżulta mid-digriet tal-1 ta’ Frar 2007, Bligny vs Il-Kummissjoni (F‑142/06 R, EU:F:2007:20)], li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma tistax tapplika f’dan il-każ u twassal għaċ-ċaħda tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni minħabba nuqqas ta’ urġenza.

31      Fid-dawl ta’ dan, il-korpi mitluba li jibdew mill-ġdid jew li jkomplu proċedura ta’ selezzjoni wara sentenza ta’ annullament tal-ħatriet li seħħew fi tmiem din il-proċedura ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tat-titoli u tal-merti tal-kandidati, l-esperjenza miksuba minnhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħatra annullata tagħhom. Fil-fatt, f’ipoteżi simili, l-anzjanità u l-esperjenza miksuba mill-kandidati li għaddew li ġew maħtura, li l-ħatra tagħhom kienet ġiet annullata, ser jitqiesu li qatt ma eżistew. F’każ ta’ tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni, bil-kontra huma dawn il-korpi li għandhom jiżguraw, fl-evalwazzjonijiet tagħhom tal-merti tal-kandidati, li ma jagħtux lill-persuni kkonċernati vantaġġ indebitu. Fir-rigward tal-‘eventwali riskju’ li l-awtorità li għandha s-setgħa tirriżerva trattament preferenzjali għall-uffiċjali maħtura fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni kontenzjuża, din hija sempliċi affermazzjoni u ma jistax jiġi preżunt li l-awtorità li għandha s-setgħa taġixxi illegalment meta tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-benefiċjarji tal-ħatriet annullati.”

30      Fl-1 ta’ Ottubru 2015, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku neħħa s-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

31      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016.

32      Fir-risposta tagħha, Fusion for Energy indikat li biss żewġ kandidati kienu rċevew kuntratt, fejn wieħed daħal fil-funzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Awwissu 2015 u t-tieni wieħed fl-1 ta’ Novembru 2015. Hija, barra minn hekk, indikat li, wara t-talba għal miżuri provviżorji, hija kienet iddeċidiet li tissospendi l-użu mil-listi ta’ riżerva sakemm tingħata deċiżjoni fil-kawża inkwistjoni. F’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, Fusion for Energy speċifikat li kienet teżisti biss lista ta’ riżerva waħda maqsuma f’żewġ partijiet, waħda li tirrigwarda l-kandidati intiżi għal Barcelona u l-oħra li tikkonċerna dawk intiżi għal Cadarache u li l-istess kandidati li għaddew kienu mniżżla fuq kull waħda minn dawn il-partijiet.

33      Ġiet miżmuma seduta fl-14 ta’ Settembru 2017.

 Is-sentenza appellata

34      Il-Qorti Ġenerali qieset li, billi wettaq evalwazzjoni ta’ Y. Galocha u tal-kandidati l-oħra eliġibbli mingħajr ma organizza eżami bil-miktub, il-Kumitat ta’ Selezzjoni ma kienx osserva l-modalitajiet previsti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat, meta kien marbut li josservah, b’tali mod li l-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi rregolarità.

35      Għaldaqstant, hija annullat id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li ma jitniżżilx l-isem ta’ Y. Galocha fil-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni F4E/CA/ST/FGIV/2015/001.

36      Fir-rigward tal-kapijiet ta’ talbiet li permezz tagħhom Y. Galocha talab l-annullament tal-listi ta’ riżerva stabbiliti wara l-proċedura ta’ selezzjoni u l-annullament tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, fakkret li, fil-prinċipju, għandha tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li fiha kien jinsab Y. Galocha qabel l-illegalità mwettqa mill-Kumitat ta’ Selezzjoni.

37      Fil-punt 66 tas-sentenza appellata, hija fakkret li, meta l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti jimplika mhux biss l-annullament ta’ att iddestinat għar-rikorrent u li jikkawżalu preġudizzju, iżda wkoll l-annullament tal-atti sussegwenti ddestinati għal terzi u li jkunu favorevoli għalihom, l-annullament ta’ dawn l-atti sussegwenti huwa ddikjarat konsegwentement biss fil-każ li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-illegalità mwettqa, tal-interessi ta’ terzi u tal-interess tas-servizz, huwa ma jkunx jidher eċċessiv (sentenza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 85).

38      Fir-rigward tal-interess ta’ terzi, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tagħhom, li jistgħu jirrigwardaw b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ isimhom fuq il-lista ta’ riżerva u l-ħatra tagħhom għall-pożizzjoni li għandha timtela (sentenza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 86) jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li ssirilhom offerta għall-impjieg.

39      Fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat kif ġej is-sitwazzjoni inkwistjoni:

“68      Issa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kandidati b’suċċess li l-ismijiet tagħhom kienu jidhru fuq il-listi ta’ riżerva, inkluż dawk li rċevew offerti ta’ xogħol min-naħa ta’ Fusion for Energy, ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni kien jipprevedi li jseħħ eżami bil-miktub. Issa, il-listi ta’ riżerva ġew stabbiliti u l-offerti ta’ impjieg ntbagħtu mingħajr ma dawn il-kandidati kienu suġġetti għal tali eżami.

69      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-irregolarità, ma jistax iktar jiġi kkunsidrat li annullament tal-listi ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet li jiġi rreklutati kandidati b’suċċess li jidhru fuq dawn il-listi hija eċċessiva fid-dawl tal-interess tas-servizz. Fil-fatt, minn naħa, l-irregolarità affettwat l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha u ma jistax għalhekk jinstab rimedju mill-miżuri li jikkonċernaw biss [Y. Galocha]. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura ta’ għażla għandha biss dimensjoni limitata ħafna.”

40      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talbiet ta’ Y. Galocha u annullat il-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni F4E/CA/ST/FGIV/2015/001 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ Fusion for Energy li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi ta’ riżerva. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors u kkundannat lil Fusion for Energy għall-ispejjeż.

 It-talbiet tal-appell

41      Bl-appell tagħha, Fusion for Energy titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat il-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni F4E/CA/ST/FGIV/2015/001 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ Fusion for Energy li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi ta’ riżerva u

–        tikkundanna lil Y. Galocha għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ appell u l-ispejjeż tal-istanza, sa fejn is-sentenza definittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-annullament.

42      Y. Galocha, rikorrent fl-ewwel istanza, ma ppreżentax risposta għall-appell.

 Fuq l-appell

43      Insostenn tal-appell tagħha, Fusion for Energy tqajjem aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat l-annullament tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fit-tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni kkontestata u tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati persuni li jinsabu fuq din il-lista ta’ riżerva.

 Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-appellanti

44      Bl-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, Fusion for Energy issostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit mill-ġurisprudenza, li jgħid li, fil-każ ta’ kompetizzjoni sabiex jintgħażlu uffiċjali, l-annullament tar-riżultati kollha jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, sanzjoni eċċessiva tal-illegalità mwettqa, u dan indipendentement min-natura tal-irregolarità u sa liema punt hija taffettwa r-riżultati tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-qasam ta’ promozzjoni li l-qorti tal-Unjoni Ewropea twettaq eżami fuq bażi individwali.

45      Fusion for Energy issostni li tali prinċipju kellu jiġi applikat f’dan il-każ, fid-dawl tas-similarità bejn is-selezzjoni ta’ uffiċjali u dik ta’ membri oħra tal-persunal. Fil-fatt, dawn il-proċeduri jsegwu l-istess għan, sa fejn huma jikkostitwixxu l-bidu tar-relazzjoni bejn l-istituzzjoni tal-Unjoni u l-kandidat, b’mod differenti minn deċiżjoni ta’ promozzjoni, li ma tibdilx ir-relazzjoni bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, meta qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-annullament ta’ miżura marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, hija għandha tipprova tikkonċilja l-interessi tal-kandidati żvantaġġati minn irregolarità mwettqa waqt din il-proċedura u l-interessi tal-kandidati l-oħra, b’tali mod li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-neċessità li tqiegħed lura l-kandidati ppreġudikati fid-drittijiet tagħhom, iżda wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati diġà magħżula (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, EU:C:1993:284, punt 14, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 83).

47      Sabiex tagħmel dan, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità inkwistjoni u l-effetti tagħha, kif ukoll id-diversi miżuri possibbli sabiex tikkonċilja n-neċessità li r-rikorrent ippreġudikat jitqiegħed lura fid-drittijiet tiegħu, is-sitwazzjoni tat-terzi u l-interess tas-servizz. Kif osserva ġustament il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku waqt il-proċeduri għall-miżuri provviżorji f’din it-tilwima (digriet tal-1 ta’ Ottubru 2015, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy, F‑117/15 R, EU:F:2015:114, punt 30), in-numru ta’ persuni affettwati mill-irregolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni u n-numru ta’ kandidati li għaddew huma elementi li jistgħu jkunu rilevanti għal din l-evalwazzjoni.

48      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-annullament ta’ miżura marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni għandhom jiġu dedotti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull sitwazzjoni. Għalhekk ma teżistix dispożizzjoni legali li tgħid li r-riżultati ta’ kompetizzjoni ma jistgħu qatt jiġu annullati, għaliex tali annullament ikun jikkostitwixxi neċessarjament konsegwenza eċċessiva tal-irregolarità mwettqa.

49      Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 86), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat mhux biss sejħa għal espressjoni ta’ interess għal pożizzjonijiet ta’ sewwieqa minħabba kundizzjonijiet diskriminatorji imposti fir-rigward tal-konoxxenzi lingwistiċi tal-kandidati, iżda wkoll id-database li tinkludi l-ismijiet tal-kandidati li jistgħu jiġu rreklutati, għaliex din setgħet titqies bħala affettwata minn dawn l-istess kundizzjonijiet diskriminatorji.

50      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni ma huwiex, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ivvizzjat bi żball ta’ liġi.

51      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju uniku mqajjem minn Fusion for Energy għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-appellanti

52      Bit-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, Fusion for Energy issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tan-natura tal-illegalità mwettqa minnha fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ din l-illegalità. Hija tenfasizza li l-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ selezzjoni ġew ittrattati b’mod identiku, li l-iżball ma kellux effett fuq il-kriterji ta’ selezzjoni u li hija kienet intitolata li torganizza proċedura ta’ selezzjoni mingħajr eżami bil-miktub. Għaldaqstant ma hijiex illegalità sostantiva, bħal dik li hemm riferiment għaliha fis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li tiġġustifika l-annullament tal-atti sussegwenti li jirrigwardaw terzi.

53      Fusion for Energy tikkritika l-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjonijiet sussegwenti ma kienx miżura eċċessiva, għaliex l-irregolarità mwettqa kienet affettwat l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha. Hija ssostni li din l-irregolarità setgħet ma kellhiex effetti fuq ċerti kandidati, jew setgħet kellha effetti kemm negattivi kif ukoll pożittivi. Iċ-ċirkustanzi ma humiex għaldaqstant komparabbli ma’ dawk ta’ kompetizzjoni annullata għal ksur tar-regoli lingwistiċi li ffavorixxew ċerti kandidati meta mqabbla ma’ oħrajn.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-illegalità tal-proċedura ta’ selezzjoni li biha hija kkritikata Fusion for Energy tikkonsisti mhux f’diskriminazzjoni tal-kandidati f’din il-proċedura, iżda, kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza appellata, fil-fatt li l-Kumitat ta’ Selezzjoni ma osservax il-modalitajiet previsti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li huwa kien marbut li josserva.

55      Barra minn hekk, Fusion for Energy ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, għall-argument li Fusion for Energy kienet intitolata li torganizza proċedura ta’ selezzjoni mingħajr eżami bil-miktub, hija rrispondiet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li kien l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni li kien jikkostitwixxi l-qafas legali li fir-rigward tiegħu hija kellha tipproċedi għall-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati u mhux l-avviż li hija xtaqet jew setgħet tippubblika.

56      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ din is-sentenza, Y. Galocha ġie mistieden, b’posta elettronika tas-17 ta’ April 2015, għal intervista organizzata bl-għan li tgħin lill-membri tal-Kumitat ta’ Selezzjoni jevalwaw il-preżentazzjoni ġenerali tiegħu u l-motivazzjoni tiegħu, il-kapaċità tiegħu għall-eżerċizzju tal-kompiti deskritti taħt it-titolu “Responsabbiltajiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, il-konoxxenzi speċjalizzati tiegħu fil-qasam inkwistjoni, il-kapaċità tiegħu li jesprimi ruħu fil-lingwi tax-xogħol ta’ Fusion for Energy u l-kapaċità tiegħu ta’ adattament f’ambjent multikulturali. Dawn il-kriterji jikkorrispondu għall-kriterji tal-eżami orali deskritti fil-gwida għall-kandidati, imsemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza.

57      Issa, kif tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, fil-gwida għall-kandidati kien previst li, fl-eżami bil-miktub, kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi speċifiċi proprji għall-pożizzjoni vakanti li għaliha l-proċedura ta’ selezzjoni kienet inbdiet, il-kwalità tal-espressjoni bil-miktub tal-kandidat u l-preżentazzjoni tiegħu kif ukoll il-kapaċitajiet ġenerali u lingwistiċi tiegħu sa fejn kienu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu.

58      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li kull eżami kien isegwi għanijiet differenti, b’tali mod li, peress li ma sar l-ebda eżami bil-miktub, il-kandidati ġew eżaminati biss abbażi ta’ parti mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-imsemmija gwida.

59      Għaldaqstant, il-kritika fformulata minn Fusion for Energy, rigward il-punt 69 tas-sentenza appellata, ma tistax tikkontesta l-konklużjoni li tgħid li l-irregolarità mwettqa affettwat l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha. Fil-fatt, l-assenza ta’ effetti jew l-eżistenza ta’ effetti negattivi jew pożittivi li jirriżultaw mill-organizzazzjoni ta’ eżami bil-miktub seta’ jkollhom bħala konsegwenzi differenzi ta’ selezzjoni jew ta’ klassifikazzjoni tal-kandidati mniżżla fil-listi ta’ riżerva.

60      Għaldaqstant it-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-appellanti

61      Bit-tielet parti tal-aggravju uniku tagħha, Fusion for Energy issostni li l-Qorti Ġenerali ma bbilanċjatx korrettement l-interessi ta’ Y. Galocha, tal-kandidati impjegati jew li jidhru fil-listi ta’ riżerva, kif ukoll l-interess tas-servizz. Fir-rigward ta’ Y. Galocha, is-sentenza appellata ma għandha l-ebda effett pożittiv fir-rigward tiegħu, peress li huwa ma talabx id-danni u peress li l-Qorti Ġenerali ma laqgħetx it-talba għal organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni. Min-naħa l-oħra, it-terzi jsofru l-effetti negattivi tas-sentenza appellata. Fil-fatt, ikollhom jintemmu l-kuntratti konklużi ma’ wħud minnhom u l-kandidati l-oħra jitilfu posthom fuq il-listi ta’ riżerva.

62      Fusion for Energy tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-kandidati li għaddew li isimhom kien jidher fil-listi ta’ riżerva, inklużi dawk li rċevew offerti ta’ impjieg mingħand Fusion for Energy, ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi, peress li l-avviż ta’ pożizzjoni inkwistjoni kien jipprevedi li kien ser ikun hemm eżami bil-miktub u peress li l-ebda eżami ta’ dan it-tip ma sar qabel ma l-offerti ta’ impjieg intbagħtu.

63      Tali argument, ibbażat fuq il-fatt li dawn il-kandidati kellhom ikunu jafu bl-illegalità mwettqa għaliex ma kinux ippreżentaw eżami bil-miktub, ikun imur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li deċiżjonijiet favorevoli għal terzi ma ġewx annullati f’ċirkustanzi fejn l-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni kien ħafna iktar serju minn dak imwettaq minn Fusion for Energy. Din tal-aħħar tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni (24/79, EU:C:1980:145), u tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752). Fusion for Energy issostni li, f’din il-kawża, hija kisret ir-regoli proprji tagħha, jiġifieri l-gwida għall-kandidati, u mhux regoli ta’ pożizzjoni ogħla fil-ġerarkija tar-regoli, iktar magħrufa mill-kandidati li jistgħu għalhekk jindunaw bl-eżistenza tal-illegalità.

64      Fir-rigward tal-interess tas-servizz, Fusion for Energy issostni li l-fatt li għandha xxolji l-kuntratt ta’ membru tal-persunal, li jkollu jinstalla ruħu mill-ġdid fi Stat Membru ieħor, għandu mnejn manifestament jiddeterjora l-klima soċjali tal-istituzzjoni kkonċernata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, meta l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għal att annullat jimplika l-annullament ta’ atti sussegwenti, iżda li jikkonċernaw terzi, tali annullament huwa ddikjarat konsegwentement biss fil-każ li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-illegalità mwettqa u tal-interess tas-servizz, huwa ma jkunx jidher eċċessiv. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġu li jiġu kkonċiljati l-interess tal-parti vittma tal-illegalità, li titqiegħed lura fid-dritt tagħha, u l-interessi tat-terzi, li s-sitwazzjoni legali tagħhom setgħet tnissel, fi ħdanhom, aspettattivi leġittimi.

66      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-kandidati li għaddew li isimhom kien jidher fil-listi ta’ riżerva, inklużi dawk li rċevew offerti ta’ impjieg mingħand Fusion for Energy, ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi, peress li l-avviż ta’ pożizzjoni inkwistjoni kien jipprevedi li kien ser ikun hemm eżami bil-miktub filwaqt li l-listi ta’ riżerva ġew stabbiliti u l-offerti ta’ impjieg intbagħtu mingħajr ma dawn il-kandidati ġew suġġetti għal tali eżami.

67      Minbarra dan, għandu jitfakkar li Y. Galocha kien ippreżenta rikors għal annullament, li s-suġġett u t-talbiet tiegħu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, C 328, p. 37), kif ukoll talba għal miżuri provviżorji li tat lok għal digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Ottubru 2015, Galocha vs Impriża Konġunta Fusion for Energy (F‑117/15 R, EU:F:2015:114), jiġifieri qabel id-dħul fil-funzjonijiet ta’ wieħed mill-kandidati li għaddew, digriet li fih il-president ta’ din il-qorti kien jindika li, “prima facie”, l-aggravju mqajjem minn Y. Galocha bbażat fuq ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni inkwistjoni u tal-gwida għall-kandidati, kien fondat.

68      Fir-rigward tal-interess tas-servizz, huwa ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali meta hija qieset, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-annullament tal-listi ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi ma jistax jitqies bħala konsegwenza eċċessiva tal-annullament tal-proċedura ta’ selezzjoni, għaliex l-irregolarità inkwistjoni affettwat l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha u għalhekk ma tistax tiġi rrimedjata b’miżuri li jikkonċernaw biss lil Y. Galocha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni d-dimensjoni limitata ħafna tal-proċedura ta’ selezzjoni, li jagħti l-impressjoni li tkomplija tal-proċedura ta’ selezzjoni jew proċedura ġdida setgħet titqies bħala faċli.

69      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ Fusion for Energy dwar l-assenza ta’ effett pożittiv tas-sentenza appellata favur Y. Galocha, sa fejn dan ma kienx talab id-danni u sa fejn it-talbiet tiegħu għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni ġew miċħuda, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret, fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex toħroġ ordnijiet fil-konfront tal-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Parlament vs Meskens, C‑412/92 P, EU:C:1994:308, punt 71). Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx għalhekk tilqa’ t-talba għal organizzazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni, dan l-aspett ma jistax, waħdu, iċaħħad lil Y. Galocha minn kull interess li jiġi ddikjarat l-annullament tal-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ danni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lill-Qorti Ġenerali, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li fil-kuntest tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni, 24/79, EU:C:1980:145, punt 14; tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 58, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 44).

71      Madankollu, mit-talbiet sottomessi minn Y. Galocha jirriżulta li dan xtaq l-annullament tar-riżultati tal-proċedura ta’ selezzjoni sabiex ikollu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċedura li kienet terġa’ tinbeda jew li kienet ser titkompla, u mhux id-danni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, billi annullat, minn naħa, id-deċiżjoni li ma jiġix inkluż l-isem ta’ Y. Galocha fil-listi ta’ riżerva, u, min-naħa l-oħra, dawn il-listi ta’ riżerva kif ukoll id-deċiżjonijiet li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi, ikkunsidrat b’mod impliċitu li, f’dan il-każ, kellha tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kien jinsab fiha Y. Galocha qabel l-illegalità mwettqa pjuttost milli jingħatawlu d-danni.

72      Fir-rigward taż-żewġ kandidati li jinsabu fil-listi ta’ riżerva, għandu jiġi osservat li, kieku l-appellanti kienet bdiet mill-ġdid jew kompliet proċedura ta’ selezzjoni b’osservanza tal-avviż ta’ pożizzjoni, huma kien ikollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fiha. Fir-rigward tal-kandidati impjegati mill-appellanti, għandu jiġi osservat li, minkejja li appell ma għandux effett ta’ sospensjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appellanti ma talbitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-kandidati li għaddew ma jistgħux, f’dan il-każ, jinvokaw aspettattivi leġittimi, li huma partikolarment rilevanti fl-evalwazzjoni tal-interessi tat-terzi. F’kull każ, l-ewwel żewġ kuntratti li daħlu fis-seħħ, wieħed, fl-1 ta’ Awwissu 2015 u, l-ieħor, fl-1 ta’ Novembru 2015 kellhom tul ta’ żmien, li ma jistax jiġġedded, ta’ tliet snin. Għaldaqstant, l-aggravju bbażat fuq protezzjoni taż-żewġ kandidati li għaddew impjegati mill-appellanti tilef kull interess.

73      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta hija stabbiliet l-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ibbilanċjathom, ikkonkludiet li d-deċiżjoni li jiġu annullati l-listi ta’ riżerva tal-proċedura ta’ selezzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ Fusion for Energy li jiġu rreklutati kandidati li għaddew li jidhru f’dawn il-listi ta’ riżerva ma kinitx konsegwenza eċċessiva tal-annullament tal-proċedura ta’ selezzjoni u ddeċidiet li tilqa’ t-tieni u t-tielet kap ta’ talbiet ta’ Y. Galocha.

74      Għaldaqstant it-tielet parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

75      Peress li l-aggravju uniku ma huwiex fondat, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

77      Peress li Y. Galocha ma ppreżentax risposta, Fusion for Energy għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.