Language of document : ECLI:EU:C:2019:381

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 11(3)(e) – Ċittadin ta’ Stat Membru impjegat bħala baħri abbord vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz – Persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza tal-ħaddiem – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”

Fil-Kawża C‑631/17,

li għandha bħala suġġett tagħha talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fid‑9 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

SF

vs

Inspecteur van de Belastingdienst,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur), J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SF, minn V. J. de Groot u H. Menger, konsulenti tat-taxxa,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u M. L. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E.‑M. Mamouna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SF u l-inspecteur van de Belastingdienst (l-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem “l-Ispettur”) dwar l-affiljazzjoni ta’ SF mal-iskema ġenerali Olandiża tal‑assigurazzjoni soċjali għall-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2013.

 Il-kuntest ġuridiku

3        It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi r-regoli għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali applikabbli u jinkludi l-Artikoli 11 sa 16 ta’ dan ir-regolament.

4        Skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(b)      persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

(ċ)      persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(d)      persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

(e)      kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.

4.      Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa fuq vapur li jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat Membru għandha titqies bħala attività mwettqa f’dak l-Istat Membru. Madanakollu, persuna impjegata fuq vapur li jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat Membru iżda mħallas għal din l-attività minn impriża jew persuna li għandha l-uffiċju reġistrat tagħha jew il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor, għandu jkun suġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jekk il-persuna konċernata għandha r-residenza tagħha f’dan l-Istat. […]

[…]”

5        L-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedu r-regoli speċjali applikabbli għall-persuni suġġetti għall-kollokament (Artikolu 12), għall-persuni li jwettqu attività f’żewġ Stati Membri jew iktar (Artikolu 13), għall-persuni li għażlu assigurazzjoni volontarja jew assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja (Artikolu 14), għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-istituzzjonijiet Ewropej (Artikolu 15), kif ukoll id-derogi mill-Artikoli 11 sa 15 ta’ dan ir-regolament (Artikolu 16).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Matul il-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2013, SF, ċittadin Latvjan li jgħix fil-Latvja, ħadem bħala steward f’isem Oceanwide Offshore Services B. V., kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7        SF wettaq din l-attività abbord vapur li jtajjar bandiera tal-Baħamas, li matul dan il-perijodu kien qed ibaħħar fil-livell tal-parti Ġermaniża tal-blata kontinentali tal-Baħar tat-Tramuntana.

8        L-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi ħarġu, fil-konfront ta’ SF, avviż ta’ impożizzjoni tat-taxxa għas-sena 2013 fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni soċjali. Wara l-ilment minn SF kontra dan l-avviż, l-Ispettur żamm biss dik il-parti tal-avviż li tiddikjara lil SF bħala persuna taxxabbli fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet soċjali mal-iskema Olandiża tal-assigurazzjoni soċjali għall-perijodu bejn it‑13 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2013.

9        SF ippreżenta rikors quddiem ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur, fejn sostna li huwa ma huwiex suġġett għal din l-iskema.

10      Adita sabiex tiddeċiedi jekk SF kienx effettivament persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u peress li kellha dubji f’dan ir-rigward, din il-qorti ddeċidiet li tagħmel domandi preliminari lill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

11      Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tqis li, anki jekk l-attività professjonali mwettqa minn SF matul il-perijodu inkwistjoni ma tistax titqies li twettqet fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, hemm rabta suffiċjentement stretta mat-territorju ta’ din tal-aħħar li jimplika l-applikazzjoni fil-kawża preżenti tar-Regolament Nru 883/2004. Din il-qorti tqis ukoll li SF jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan ir-regolament.

12      Skont din il-qorti, is-sitwazzjoni li tikkaratterizza t-tilwima pendenti quddiem ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti ta’ Zeeland-West-Brabant), li l-attività bħala persuna impjegata tal-ħaddiem ikkonċernat isseħħ fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(a) sa (d) jew tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2004.

13      Hija tqis li tali sitwazzjoni x’aktarx li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprevedi li persuni oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan l-Artikolu 11(3) huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

14      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li ġie argumentat quddiemha li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jirriżulta min-Noti ta’ Spjega dwar il-Modernizzazzjoni tal-Koordinazzjoni fil-Qasam tas-Sigurtà Soċjali – Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, tax-xahar ta’ Jannar 2011, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss għall-persuni ekonomikament inattivi.

15      Din il-qorti tqis, madankollu, li tali interpretazzjoni ma tidhirx mill-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi regola ta’ kunflitt miktuba f’termini ġenerali, li tapplika awtomatikament għall-persuni oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) u fl-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004.

16      Barra minn hekk, ġie wkoll sostnut quddiem il-qorti tar-rinviju li, għalkemm mhux direttament applikabbli, l-Artikolu 11(3)(a) u l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom japplikaw b’analoġija u jwasslu sabiex jindikaw il-liġi tal-Istat Membru li fiha l-persuna li timpjega hija stabbilita, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenzi tagħha tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Aldereweld (C‑60/93, EU:C:1994:271) u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188), dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). Madankollu, din il-qorti tqis li s-sistema tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 hija iktar kompluta u ma fiha l-ebda lakuna, b’tali mod li f’dan il-każ ma hemmx bżonn li tittieħed ispirazzjoni minn din il-ġurisprudenza.

17      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li għad hemm dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-leġiżlazzjoni ta’ liema Stat Membru għandha tapplika skont ir-Regolament Nru 883/2004 f’sitwazzjoni fejn il-parti kkonċernata (a) tirrisjedi fil-Latvija, (b) hija ta’ nazzjonalità Latvjana, (ċ) hija impjegata minn persuna stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, (d) taħdem bħala baħrija, (e) taħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Baħamas, u (f) twettaq dawn l-attivitajiet barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna, waqt li tkun qed taħdem bħala baħri f’isem persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz u li jkun qed ibaħħar barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tkun żammet ir-residenza tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tkun dik tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ din il-persuna.

20      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li meta persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ uniċità stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament hija, bħala prinċipju, rilevanti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, matul il-perijodu inkwistjoni, SF, filwaqt li żamm ir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, jiġifieri l-Latvja, kien qed jaħdem bħala baħri f’isem persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Pajjiżi l-Baxxi, fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz, li kien qed ibaħħar barra mit-territorju tal-Unjoni.

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li s-sempliċi fatt li l-attivitajiet ta’ ħaddiem jitwettqu barra mit-territorju tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, u b’mod partikolari tar-Regolament Nru 883/2004, sakemm dik ir-relazzjoni ta’ xogħol iżżomm rabta suffiċjentement stretta ma’ dak it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rabta suffiċjentement stretta bejn ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni u t-territorju tal-Unjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li ċittadin tal-Unjoni, residenti fi Stat Membru, ġie rreklutat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li f’isimha huwa jeżerċita l-attivitajiet tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Kif qieset il-qorti tar-rinviju, jirriżulta li, anki jekk, f’dan il-każ, l-attivitajiet ta’ SF twettqu barra mit-territorju tal-Unjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni żammet rabta suffiċjentement stretta ma’ dak it-territorju peress li, matul il-perijodu inkwistjoni, SF kien żamm ir-residenza tiegħu fil-Latvja u li l-post fejn kienet stabbilita l-persuna li timpjegah kien fil-Pajjiżi l-Baxxi.

25      Sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha konsegwentement titqies bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali għandha għalhekk tiġi ddeterminata konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament.

26      F’dan il-każ, huwa stabbilit li persuna bħal SF ma taqax taħt ir-regoli speċjali previsti fl-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004, li jikkonċernaw persuni li huma s-suġġett ta’ kollokament, dawk li huma attivi f’żewġ Stati Membri jew iktar, dawk li għażlu assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva, jew ukoll dawk li huma membri tal-persunal awżiljarju tal-istituzzjonijiet Ewropej.

27      Il-persuna kkonċernata lanqas ma taqa’ taħt is-sitwazzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004, li jikkonċernaw persuni li huma impjegati fi Stat Membru, uffiċjali, persuni li jirċievu benefiċċji tal-qgħad, jew ukoll persuni li huma msejħa jew li huma msejħa mill-ġdid sabiex iservu fil-forzi armati jew sabiex jagħmlu s-servizz maċ-ċivil fi Stat Membru.

28      Barra minn hekk, SF meta kien qed jaħdem bħala baħri fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz, lanqas ma kien kopert bir-regola ġenerali fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2004, li tindika lil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-bandiera fir-rigward tal-baħħara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 56).

29      Fir-rigward ta’ jekk l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mir-regoli li hija parti minnhom (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Hoštická et, C‑561/13, EU:C:2014:2287, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, González Castro, C‑41/17, EU:C:2018:736, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), bl-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tkun tista’ wkoll ikollha elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mill-kliem tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li “kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

31      Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-analiżi letterali ta’ dik id-dispożizzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża termini ġenerali, b’mod partikolari l-espressjonijiet “kull persuna oħra” u “mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament”, sabiex jagħti lil dan l-Artikolu 11(3)(e), il-karattru ta’ regola residwa, li hija maħsuba sabiex tapplika għall-persuni kollha li jinsabu f’sitwazzjoni li ma hijiex irregolata b’mod speċifiku minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, u sabiex tiġi stabbilita sistema sħiħa għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

32      Barra minn hekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din għall-persuni ekonomikament inattivi.

33      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 883/2004, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li jinkludu l-Artikoli 11 sa 16 tiegħu, jikkostitwixxu sistema sħiħa u uniformi ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li huma maħsuba mhux biss sabiex jipprevjenu l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha, iżda wkoll sabiex jipprevjenu persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament milli jiġu mċaħħda mill-protezzjoni tas-sigurtà soċjali minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 64, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tiddetermina, suġġett għall-Artikoli 12 sa 16 ta’ dak ir-regolament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-persuni f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) ta’ dan l-Artikolu 11(3) (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 japplika, b’mod partikolari, għall-persuni ekonomikament inattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 63).

36      Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-persuni ekonomikament inattivi biss x’aktarx iċċaħħad lil persuni, li ma jaqgħux fi ħdan is-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan l-Artikolu 11(3), jew fi ħdan dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 883/2004, minn protezzjoni tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom.

37      Fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa parti minn kuntest ta’ modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi indikat, kif iddikjarat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-dispożizzjoni ssostitwiet l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprevedi li “persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod iktar speċifiku, il-paragrafu 2(f) tiegħu, ġew interpretati b’mod wiesa’ sabiex jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha, għan li huwa li jiġi evitat li persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali minħabba li l-ebda leġiżlazzjoni ma tkun applikabbli għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 40).

39      Madankollu, l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu l-istess għan, u sal-punt fejn din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini iktar estensivi minn dawk użati fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li tirreferi b’mod espliċitu għall-persuni li huma f’sitwazzjoni li ma hijiex koperta mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dak ir-regolament, din ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv.

40      Konsegwentement, l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-persuni kollha li ma humiex imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni u mhux biss għal dawk li ma humiex ekonomikament attivi.

41      Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tan-Noti ta’ Spjega tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, u l-Gwida Prattika dwar il-Leġiżlazzjoni Applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Isvizzera, imfassla u approvata mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali u ppubblikata f’Diċembru 2013. Anki jekk dawn id-dokumenti huma għodda utli għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti u għalhekk ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

42      Fid-dawl ta’ dan kollu, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mill-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprevedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija dik tal-Istat Membru tar-residenza tal-persuna kkonċernata.

43      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt, invokat mill-Gvern Olandiż matul is-seduta, li ċerti Stati Membri jissuġġettaw l-affiljazzjoni tal-persuna kkonċernata mas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali bil-kundizzjoni li din il-persuna twettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tagħhom, sabiex, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata x’aktarx ma tkunx affiljata ma’ sistema tas-sigurtà soċjali u tiġi mċaħħda mill-protezzjoni soċjali.

44      Fil-fatt, f’dan il-każ, ma jirriżultax mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata tipprevedi tali kundizzjoni.

45      Fi kwalunkwe każ, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li filwaqt li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt ta’ affiljazzjoni fi skema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri għandhom madankollu, meta jistabbilixxu tali kundizzjonijiet, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kunflitt previsti mir-Regolament Nru 883/2004 jimponu ruħhom b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri u dawn tal-aħħar għaldaqstant ma għandhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw sa liema punt il-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor hija applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li wieħed jaderixxi ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni l-persuni li, skont ir-Regolament Nru 883/2004, din il-leġiżlazzjoni tapplika għalihom (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Walltopia, C‑451/17, EU:C:2018:861, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna, waqt li tkun qed taħdem bħala baħri f’isem persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz u li jkun qed ibaħħar barra mit-territorju tal-Unjoni, tkun żammet ir-residenza tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tkun dik tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ din il-persuna.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Mejju 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna, waqt li tkun qed taħdem bħala baħri f’isem persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, fuq vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat terz u li jkun qed ibaħħar barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tkun żammet ir-residenza tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tkun dik tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ din il-persuna.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.