Language of document : ECLI:EU:C:2019:413

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

15 ta’ Mejju 2019 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Pensjonijiet – Trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema tal-pensjoni nazzjonali lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Tnaqqis tal-apprezzament li seħħ bejn id-data tal‑applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv”

Fil-Kawża C‑132/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑15 ta’ Frar 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, B. Mongin u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-proċedura li hija:

Sabine Tuerck, residenti f’Woluwe-Sint-Pierre (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas‑sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil‑5 ta’ Diċembru 2017, Tuerck vs Il-Kummissjoni (T‑728/16, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”, EU:T:2017:865), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2015 li tikkonferma t-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn Sabine Tuerck qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprevedi li:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali;

jew

–        li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit [wara il-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti] iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar [...], li [jit]ħallas lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-awtorità tal-ħatra tal-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

[...]”

3        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1278 finali tat‑3 ta’ Marzu 2011 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) jipprevedi b’mod partikolari li:

“Sabiex jiġu kkalkolati s-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati skont l-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

1.      In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa kkalkolat abbażi tal-ammont trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba [mill-uffiċjal applikant] [...], wara li jitnaqqas l-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u d-data tat-trasferiment effettiv.

Meta l-korp nazzjonali jew internazzjonali ma jkunx jista’ jikkomunika l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, għandhom jitnaqqsu interessi sempliċi bir-rata [ta’ 3.1 %] mill-ammont ittrasferit għall-perijodu mid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni sad-data tat-trasferiment effettiv.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        S. Tuerck daħlet fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Marzu 2004, wara li waqfet taħdem ma’ amministrazzjoni Ġermaniża.

5        Fis‑27 ta’ Mejju 2010, hija talbet il-ħlas, lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li hija kienet kisbet għall-attivitajiet tagħha qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

6        Fid‑29 ta’ April 2013, l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u tal-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) bagħat din it-talba lid-Deutsche Rentenversicherung Bund (il-Korp Federali ta’ Assigurazzjoni għall-Irtirar, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem id-“DRV”), fil-kwalità tiegħu ta’ korp nazzjonali responsabbli għall-iskema tal-pensjoni li fiha ġew akkwistati d-drittijiet għall-pensjoni inkwistjoni.

7        Fil‑5 ta’ Mejju 2015, id-DRV informa lill-PMO li, fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ta’ S. Tuerck, l-ammont tal-kapital trasferibbli li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn S. Tuerck kien ta’ EUR 141 652.07.

8        Fit‑22 ta’ Ġunju 2015, il-PMO ippreżenta lil S. Tuerck proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi ħdan l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, abbażi tal-ammont indikat mid-DRV, li kien ta’ 3 snin, 8 xhur u 29 jum. Il-persuna kkonċernata aċċettat din il-proposta.

9        Fl‑10 ta’ Diċembru 2015, il-PMO informa lil S. Tuerck bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ġiet finalment iffissata, skont l-Artikolu 7 tad-DĠI, għal 3 snin u 4 xhur, abbażi ta’ ammont ta’ drittijiet miksuba ta’ EUR 126 048.05. Dan l-ammont ġie kkalkulat billi ġie mnaqqas, mill-kapital ittrasferit fil-frattemp mid-DRV, jiġifieri EUR 146 714.33, ammont ta’ EUR 20 666.28 li jikkorrispondi għall-apprezzament tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn S. Tuerck matul il-perijodu bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha u d-data tat-trasferiment effettiv ta’ dan il-kapital lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni. Dan it-tnaqqis innifsu nkiseb billi ġiet applikata, għall-imsemmi kapital, rata ta’ interessi ta’ 3.1 % għal kull sena li għaddiet matul il-perijodu inkwistjoni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ottubru 2016, S. Tuerck ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

11      Insostenn tat-talbiet tagħha, hija qajmet żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI u t-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

12      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-ewwel motiv invokat minn S. Tuerck kien fondat, annullat, abbażi ta’ dan il-motiv, id-deċiżjoni kontenzjuża.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        taqta’ definittivament il-kawża billi tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lil S. Tuerck għall-ispejjeż relatati mar-rikors fl-ewwel istanza u mal-appell.

14      Fir-risposta tagħha, S. Tuerck titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, fil-każ li s-sentenza kkontestata tiġi annullata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din il-qorti tiddeċiedi dwar it-tieni motiv invokat minnha; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

15      Il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

 L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-entità kompetenti sabiex twettaq it-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

 L-argumenti tal-partijiet

16      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 23 u 24 tas-sentenza appellata, li hija ma għandha s-setgħa twettaq “ebda tnaqqis” mill-ammont tal-kapital ittrasferit lilha mill-amministrazzjoni, mill-organizzazzjoni jew mill-korp nazzjonali kkonċernat (iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali kkonċernata”), f’każ speċifiku, permezz tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

17      Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu jinkludi żewġ fażijiet suċċessivi li jikkonsistu, l-ewwel nett, fil-kalkolu tal-kapital aġġornat miksub mill-uffiċjal applikant fi skema tal-pensjoni nazzjonali kif ukoll fit-trasferiment tiegħu lejn l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni u, it-tieni nett, fil-konverżjoni tal-imsemmi kapital fi snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni.

18      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-ewwel waħda minn dawn il-fażijiet taqa’ unikament taħt il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kkonċernata, it-tieni fażi hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi espressament li, fil-kuntest tat-tieni waħda minn dawn il-fażijiet, l-istituzzjoni tal-Unjoni li fiha jservi l-uffiċjal applikant hija kompetenti sabiex twettaq, mill-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata, tnaqqis li jikkorrispondi għall-apprezzament tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant li seħħ bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv ta’ dan il-kapital.

19      S. Tuerck tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara li jkun eżerċita, b’mod partikolari, attivitajiet f’amministrazzjoni jew f’organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, għandu jkun intitolat, wara l-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni tal-irtirar, li l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet jitħallas lill-Unjoni, kif aġġornat sad-data tat-trasferiment effettiv. Min-naħa tiegħu, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistipula li l-istituzzjoni tal-Unjoni li fiha jservi l-uffiċjal applikant għandha twettaq, mill-kapital ittrasferit, tnaqqis li jikkorrispondi għall-apprezzament tal-imsemmija drittijiet għall-pensjoni bejn id-data tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.

21      Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, ladarba l-awtorità nazzjonali kkonċernata tkun ittrasferiet il-kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fid-data tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment, kif aġġornat fid-data tat-trasferiment effettiv, lejn l-istituzzjoni tal-Unjoni li fiha jservi dak l-uffiċjal, dik l-istituzzjoni hija kompetenti sabiex twettaq, minn dan il-kapital, tnaqqis li jikkorrispondi għall-ammont tal-apprezzament tad-drittijiet għall-pensjoni li seħħ bejn id-data tal-applikazzjoni għat-trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.

22      Minn dan isegwi li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata tagħmel ebda tnaqqis mill-parti ta’ dan il-kapital li tikkorrispondi għall-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni nnifsu. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 24 tas-sentenza appellata jirriżulta mhux biss li l-awtorità nazzjonali kkonċernata hija unikament kompetenti sabiex tikkalkola dan l-aħħar ammont, iżda wkoll li sussegwentement dan ma jistax jiġi emendat jew ikkontestat mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1989, Bonazzi-Bertottili vs Il‑Kummissjoni, 75/88, 146/88 u 147/88, mhux ippubblikata, EU:C:1989:410, punti 17 u 20, kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, EU:C:2013:792, punti 29 u 32).

23      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sentenza appellata, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dik il-qorti ma ddikjaratx, b’mod indistint, li l-Kummissjoni ma għandha s-setgħa twettaq “ebda tnaqqis” mill-ammont tal-kapital ittrasferit lilha mill-awtorità nazzjonali kkonċernata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tiddikjara, fil-punt 23 ta’ dik is-sentenza, li, “fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali [kkonċernati] jkunu kkomunikaw lill-[Kummissjoni] l-valur tad-drittijiet għall-pensjoni fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, hija ma tkun tista’ twettaq ebda tnaqqis minn dan l-ammont u l-kalkolu tas-snin ta’ servizz għal pensjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal ikollu għalhekk isir fuq il-bażi tat-totalità tal-imsemmi ammont”.

24      Issa, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-“ammont” li minnu l-Kummissjoni ma għandha s-setgħa twettaq ebda tnaqqis ma huwiex l-ammont totali tal-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata, iżda biss dik il-parti ta’ dan il-kapital li tikkorrispondi għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fl-iskema tal-pensjoni nazzjonali fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment.

25      Barra minn hekk, l-istess punt tas-sentenza appellata jfakkar espliċitament li l-Kummissjoni hija, għall-kuntrarju, kompetenti sabiex twettaq, mill-ammont totali tal-kapital ittrasferit, tnaqqis li jikkorrispondi għall-ammont tal-parti l-oħra ta’ dan il-kapital, li tikkonsisti fl-apprezzament tad-drittijiet għall-pensjoni bejn id-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv.

26      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-entità kompetenti sabiex twettaq it-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

27      Għalhekk, dan l-aggravju ma huwiex fondat u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-modalitajiet ta’ tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 7(1) tad-DĠI

 L-argumenti tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 23, 31 u 32 tas-sentenza appellata, li huwa biss fil-każ li l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ tikkomunika l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment, u mhux f’kull każ, li l-istituzzjoni tal-Unjoni li fiha jservi dak l-uffiċjal hija intitolata twettaq it-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal billi tapplika r-rata ta’ interessi ta’ 3.1 % li għaliha t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI jirreferi.

29      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi sostniet, fil-punti 23, 26 sa 28 u 33 tas-sentenza appellata, li tali tnaqqis kellu jsir fuq il-bażi tal-kapital “trasferibbli” li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-imsemmi uffiċjal fid-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment. Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddikjara b’mod ċar li dan it-tnaqqis għandu jsir fuq il-bażi tal-kapital “ittrasferit” mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

30      S. Tuerck tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi espost fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1) tad-DĠI jiddikjara, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li t-tnaqqis li għandu jsir mill-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata għandu jikkorrispondi għall-ammont li jirrappreżenta l-apprezzament ta’ dak il-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment u dik tat-trasferiment effettiv, qabel ma jispeċifika, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li, meta l-korp nazzjonali kkonċernat ma jkunx jista’ jikkomunika l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment, tali tnaqqis għandu jsir billi tiġi applikata rata ta’ interessi ta’ 3.1 % fuq il-kapital ittrasferit, għall-perijodu minn din id-data sad-data tat-trasferiment effettiv.

32      Minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, f’każ speċifiku, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata kinitx jew le f’pożizzjoni li tikkomunikalha l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment, huwa biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tasal għal konklużjoni affermattiva f’dan ir-rigward li hija tkun intitolata twettaq it-tnaqqis previst billi tapplika rata fissa ta’ interessi ta’ 3.1 %.

33      Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi li jinsab fil-punt 28 ta’ din is-sentenza ma huwiex fondat.

34      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi msemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tnaqqis imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jsir fuq il-bażi tal-ammont tal-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata, kif indikat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza u kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni.

35      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-kapital “trasferibbli” fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trasferiment bħala bażi li għandha tintuża mhux għall-finijiet ta’ tali tnaqqis, iżda għall-finijiet tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, skont id-drittijiet miksuba mill-uffiċjal applikant fl-iskema tal-pensjoni nazzjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tippreċiża, fil-punti 26 sa 28 u 33 tas-sentenza appellata, li dan il-kalkolu għandu natura provviżorja.

36      Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkritikat lill-Qorti Ġenerali talli qieset li t-tnaqqis tal-apprezzament tal-kapital previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jsir fuq il-bażi tal-kapital “trasferibbli”.

37      Barra minn hekk, l-użu tal-kapital “trasferibbli” bħala l-bażi għall-kalkolu tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni huwa previst espressament fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI, kif ġie indikat fil-punt 21 tas-sentenza appellata.

38      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi li jinsab fil-punt 29 ta’ din is-sentenza huwa infondat.

39      Peress li l-ebda wieħed mill-iżbalji ta’ liġi invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma ġie stabbilit, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi minħabba l-inkompatibbiltà tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI adottata mill-Qorti Ġenerali mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-analiżi ta’ dan il-każ

 L-argumenti tal-partijiet

40      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 23, 31 u 32 tas-sentenza appellata, billi interpretat l-Artikolu 7(1) tad-DĠI fis-sens li r-rata ta’ interessi ta’ 3.1 % li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata biss fil-każ fejn l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ tikkomunikalha l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment, fid-dawl tal-inkompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li timplimenta.

41      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fil-punti 26 sa 30 u 33 tas-sentenza appellata, billi ddikjarat li, f’dan il-każ, id-DRV ma kienx f’pożizzjoni li jikkomunika lill-Kummissjoni l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn S. Tuerck fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal trasferiment, mingħajr madankollu ma tat biżżejjed spjegazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

42      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-ftehim li hija kkonkludiet mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul l‑1994, għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad fil-punt 33 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan il-ftehim kien sar mingħajr effett qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

43      S. Tuerck tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jiddefinixxix fih innifsu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-regola ta’ tnaqqis stabbilita fih, iżda jipprevedi, għal dan il-għan, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni minn kull istituzzjoni tal-Unjoni.

45      L-Artikolu 7(1) tad-DĠI għandu l-għan li jipprevedi dawn il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI li ġiet adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 23, 31 u 32 tas-sentenza appellata setgħet titqies bħala inkompatibbli mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal biss jekk din l-interpretazzjoni kienet ta’ natura li tostakola jew, għall-inqas, tirrendi iktar diffiċli l-implimentazzjoni tar-regola ta’ tnaqqis prevista fl-imsemmi Artikolu 11.

47      Madankollu, l-applikazzjoni tar-rata ta’ interessi ta’ 3.1 % msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI hija preċiżament ta’ natura li tippermetti lill-Kummissjoni tegħleb l-ostakolu tas-sitwazzjoni li fiha l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tkunx tista’ tikkomunikalha l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal trasferiment. Fil-fatt, fl-assenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

48      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 7(1) tad-DĠI b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

49      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li jissemma fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fl-ebda stadju ma ġġustifikat id-deċiżjoni kontenzjuża, quddiem il-Qorti Ġenerali jew saħansitra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biċ-ċirkustanza li d-DRV ma setax jikkomunikalha l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn S. Tuerck. Fil-fatt, il-pożizzjoni tagħha, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 18 u 32 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati fl-appell, kienet li ssostni li r-rata ta’ 3.1 % li għaliha jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI kellha tiġi applikata, b’mod ġenerali, fil-proċeduri kollha ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni u, b’mod iktar speċifiku, fil-kawża preżenti.

50      Peress li l-Kummissjoni għalhekk sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rata inkwistjoni kienet applikabbli f’kull ċirkustanza, u b’hekk, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li l-kundizzjoni ta’ assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI kienet irrilevanti f’dan ir-rigward, hija ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx suffiċjentement l-istħarriġ tagħha tal-osservanza, f’dan il-każ, ta’ tali kundizzjoni.

51      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata hija motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt fuq dan il-punt. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall, fil-punti 26 sa 30 ta’ dik is-sentenza, li d-DRV ma setax jikkomunika lill-Kummissjoni l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn S. Tuerck fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal trasferiment, iżda kien bagħtilha informazzjoni kemm fuq dan l-ammont kif ukoll fuq l-ammont tal-apprezzament tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata bejn dik id-data u dik tat-trasferiment effettiv tal-kapital. Il-Qorti Ġenerali spjegat ukoll, fil-punt 33 tal-imsemmija sentenza, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis din l-informazzjoni bħala preċiża u affidabbli.

52      Għal dak li jirrigwarda, it-tielet u l-aħħar nett, l-argument imsemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-punt 33 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu ħarġu matul il-proċedura.

53      Għal din ir-raġuni, tali motivi għandhom, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu miċħuda bħala inammissibbli, ħlief jekk jikkostitwixxu l-estensjoni ta’ motivi mressqa fl-att promotur u jekk ikunu marbuta mill-qrib ma’ dawn tal-aħħar (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża l-argument tagħha fuq il-formulazzjoni tas-sentenza appellata, u mhux fuq il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

55      Barra minn hekk, dan l-argument ma jistax jitqies li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ dak ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jissemma fl-appell u lanqas li għandu rabta mill-qrib ma’ dan tal-aħħar.

56      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-kontestazzjoni ta’ motivazzjoni ta’ att, li tkun taqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, u l-kontestazzjoni tal-fondatezza ta’ dan l-att, li tkun tirrigwarda l-legalità tiegħu fuq il-mertu, jikkostitwixxu żewġ motivi distinti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew ta’ appell (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 111).

57      Għaldaqstant, l-imsemmi argument huwa inammissibbli.

58      Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat, minn naħa, fuq żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien hemm arrikkiment indebitu

 L-argumenti tal-partijiet

59      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li l-fatt li tkun tista’ twettaq tnaqqis billi tapplika rata ta’ interessi fuq il-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata jwassal għal arrikkiment indebitu, għad-detriment tal-uffiċjal applikant. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, hija l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li għandha l-għan li tevita arrikkiment indebitu favur l-uffiċjal ikkonċernat, billi tiżgura li t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi skema tal-pensjoni nazzjonali lejn skema tal-pensjoni tal-Unjoni jkun jirrigwarda biss l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata fid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal trasferiment, bl-esklużjoni tal-ammont tal-apprezzament ta’ dawn id-drittijiet bejn dik id-data u dik tat-trasferiment effettiv tal-imsemmi kapital.

60      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ammont li jeċċedi l-applikazzjoni tar-rata ta’ interessi ta’ 3.1 % li għaliha jirreferi l-Artikolu 7(1) tad-DĠI jiġi rrimborsat, f’kull każ konkret, lill-uffiċjal applikant.

61      S. Tuerck tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi msemmi fil-punt 59 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni titħalla twettaq it-tnaqqis previst fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal billi tapplika rata ta’ interessi fuq il-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata kien ta’ natura li jwassal għal arrikkiment indebitu, għad-detriment tal-uffiċjal applikant, fil-każ, bħal dak ineżami, fejn il-Kummissjoni tkun ingħatat l-ammont preċiż tad-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna kkonċernata u fejn għalhekk hija tkun tista’ tipproċedi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-DĠI.

63      Issa, anki jekk l-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ interessi ma jkollhiex l-effett awtomatiku, f’tali sitwazzjoni, li twassal għal arrikkiment indebitu, hija xorta waħda għandha l-konsegwenza inerenti li toħloq riskju ta’ arrikkiment indebitu, sa fejn huwa possibbli li din twassal lill-Kummissjoni sabiex twettaq, fuq il-kapital ittrasferit mill-awtorità nazzjonali kkonċernata, tnaqqis ta’ ammont ogħla mill-apprezzament reali tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal applikant u b’hekk sabiex tieħu parti minn dawn id-drittijiet għall-pensjoni.

64      Fid-dawl tal-eżistenza ta’ tali riskju, ma jistax jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet il-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza.

65      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan l-obbligu ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tirrispondi għal kull wieħed mill-argumenti tal-partijiet, iżda biss li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod li tippermetti lil dawn tal-aħħar ikunu jafu r-raġunijiet li jiġġustifikawhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha fil-każ ta’ appell (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2012, Przes Urzędu Kommunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 48).

66      Fil-każ preżenti, l-ipoteżi ta’ arrikkiment indebitu prevista mill-Qorti Ġenerali timplika, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, li l-ammont reali tal-apprezzament tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal partikolari jkun inqas mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rata fissa ta’ interessi ta’ 3.1 %.

67      Issa, l-argument ta’ dik l-istituzzjoni jirreferi għall-ipoteżi bil-maqlub, li fiha l-ammont irċevut ikun jeċċedi l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ interessi, u għalhekk ma għandu l-ebda rabta mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx pożizzjoni dwar l-imsemmi argument.

68      Għalhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

69      Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

71      F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub minn S. Tuerck.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.