Language of document : ECLI:EU:C:2019:409

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

15 ta’ Mejju 2019 (*)

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Sezzjoni ‘Garanzija’, Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Spejjeż esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Regolament (KE) Nru 796/2004 – Skema ta’ għajnuna għas-superfiċji– Kunċett ta’ ‘mergħat permanenti’ – Korrezzjonijiet finanzjarji fissi – Tnaqqis ta’ korrezzjoni preċedenti”

Fil-Kawża C‑341/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-6 ta’ Ġunju 2017

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos kif ukoll minn A. Vasilopoulou u E. Leftheriotou, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Marzu 2017, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑112/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:239), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/950/UE tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Sezzjoni tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2014, L 369, p. 71, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

2        Il-premessi 3, 4, 21 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71, u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) jiddikjaraw:

“(3)      Biex ikun evitat l-abbandun ta’ art agrikola u biex ikun żgurat li tkun miżmuma f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba, għandhom jiġu stabbiliti ‘standards’ li jistgħu jkollhom jew le il-bażi f’dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri. Hu għalhekk xieraq li jkun stabbilit qafas Komunitarju li fih l-Istati Membri jistgħu jadottaw ‘standards’ wara li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona konċernata, inklużi l-ħamrija u l-kondizzjonijiet klimatiċi, sistemi eżistenti ta’ biedja (użu ta’ l-art, newba ta’ l-uċuh tar-raba’ (‘crop rotation’), prattiċi ta’ l-irziezet) u strutturi ta’ l-irziezet.

(4)      Billi l-mergħa permanenti għandha effett pożittiv ambjentali, hu xieraq li jkunu adottati miżuri biex jinkoraġixxu ż-żamma ta’ mergħat permanenti eżistenti biex tiġi evitata konverżjoni massiva f’art li tinħarat.

[...]

(21)      L-iskemi ta’ appoġġ taħt il-politika agrikola komuni jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall-Komunità agrikola. Dan l-għan hu relatat mill-qrib mal-manteniment taż-żoni rurali. Biex tkun evitata l-misallokazzjoni tal-fondi tal-Komunità, l-ebda pagamenti m’għandhom isiru lill-bdiewa li artifiċjalment ħolqu l-kondizzjonijiet mitluba biex jinkisbu tali pagamenti.

[...]

(24)      Tkabbir fil-kompetittività tal-agrikoltura tal-Komunità u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-ikel u ta’ livelli ambjentali neċessarjament iġibu magħhom tnaqqis fil-prezzijiet istituzzjonali tal-prodotti agrikoli u żjieda fil-prezz tal-produzzjoni għall-azjendi agrikoli fil-Komunità. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet u biex ikun hemm promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u orjentata iktar lejn is-suq, hi neċessarja li tkun kompletata il-bidla mill-appoġġ lill-produzzjoni għall-appoġġ lill-produttur billi tiġi ntrodotta sistema ta’ dħul separat għal kull razzett. Waqt li l-imsemmija separazzjoni ma tbiddilx l-ammont attwali li jitħallas lill-bdiewa, iżżid b’mod sinifikanti l-effikaċja tad-dħul f’forma ta’ għajnuna. Hu għalhekk xieraq li l-pagament uniku lir-razzett ikun suġġett għall-kondizzjoni li jkun hemm ‘cross-compliance’ ma’ l-ambjent, sigurtà ta’ l-ikel, saħħa u benesseri ta’ l-annimali, kif ukoll il-manteniment tar-razzett f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.”

3        Dan ir-regolament kien jinkludi Titolu III, intitolat “Skema ta’ pagament uniku”, li fih kien hemm il-Kapitolu 3, marbuta ma’ “[d]rittijiet ta’ pagament”. Is-Sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu, li jirrigwarda “[d]rittijiet għall-pagament ibbażati fuq iż-żoni”, kienet tinkludi l-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, marbut mal- “[u]żu ta’ drittijet għall-pagament”, li l-paragrafu 2 tiegħu kien jipprovdi:

“‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.”

4        Taħt l-istess Titolu III, il-Kapitolu 4, intitolat “Użu ta’ l-art taħt l-iskema ta’ pagament uniku”, kien jinkludi, fis-Sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu, l-Artikolu 51 tal-istess regolament, marbut mal-“[u]żu agrikolu ta’ l-art”. Dan l-artikolu kien jipprovdi:

“Il-bdiewa jistgħu jużaw il-biċċiet ta’ art dikjarati skond l-Artikolu 44(3) għal kull attività agrikola ħlief għall-prodotti permanenti u l-produzzjoni ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix ta’ l-ikel [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 47/2003 tal-10 ta’ Jannar 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 68)], u fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti mill-frott u l-ħaxix ta’ l-ikel proċessati [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 453/2002 tat-13 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 265)] [...]”

5        Fi ħdan it-Titolu IV tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Skemi oħra ta’ għajnuna”, il-Kapitolu 12 marbut mal-“[p]agamenti għaċ-ċanga u l-vitella”, kien jinkludi l-Artikolu 132 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pagament għall-estensjoni”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu:

“Għall-iskopijiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2:

a)      b’deroga mill-Artikolu 131(2)(a), id-densità ta’ ‘stocking’ ta’ l-azjendi għandha tkun determinata billi jittieħed kont ta’ l-ifrat irġiel, baqar u għoġla preżenti fl-azjendi matul is-sena kalendarja konċernata, kif ukoll in-nagħaġ u l-mogħoż li għalihom ġew sottomessi applikazzjonijiet għall-‘premium’ għall-istess sena kalendarja. In-numru ta’ annimali għandu jkun ikkonverit fl-[live stock units (LU)] b’referenza għat-tabella ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 131(2)(a);

b)      [m]ingħajr preġudizzju għat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 131(2)(b), żoni użati għall-produzzjoni ta’ prodotti li jinħartu kif definiti fl-Anness IX m’għandhomx ikunu meqjusa bħala ‘żona għall-għalf’;

ċ)      iż-żona għall-għalf li għandu jittieħed kont tagħha għall-kalkulazzjoni tad-densità ta’ ‘stocking’ għandha tikkonsisti f’mill-inqas 50 % ta’ art għall-mergħa.

‘Art għall-mergħa’ għandha tkun definita mill-Istati Membri. Id-definizzjoni għandha tinkludi mill-inqas il-kriterju li l-art għall-mergħa għandha tkun art bil-ħaxix li, skond prattiċi lokali tal-biedja hi rikonoxxuta bħala li hi maħsuba għall-mergħa ta’ l-ifrat u/jew nagħaġ. Madankollu, dan m’għandux jeskludi l-użu mħallat ta’ l-art għall-mergħa matul l-istess sena (mergħa, tiben, ħżin ta’ ħaxix għall-għalf).”

 Ir-Regolament Nru 796/2004

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u ġestjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 242), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007 tal-20 ta’ Awwissu 2007 (ĠU 2007, L 216, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 796/2004”), kien redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

[...]

1a)      ‘pakkett agrikolu’: tfisser żona kontinwa ta’ art li fiha jiġi kkultivat grupp wieħed ta’ uċuħ tar-raba’ minn bidwi wieħed; madankollu, fejn fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament tkun meħtieġa dikjarazzjoni separata dwar l-użu ta’ l-art fi ħdan grupp ta’ uċuħ tar-raba’, dak l-użu speċifiku għandu jillimita iżjed il-pakkett agrikolu;

[...]

2)      ‘Mergħa permanenti’: għandha tfisser art li tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali (biż-żriegħ waħdu) jew permezz ta’ koltivazzjoni (miżrugħ) u li mhux inkluż fir-rotazzjoni tal-uċuh tar-raba ta’ l-azjenda għal ħames snin jew aktar;

2a)      ‘ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew’: għandha tfisser kull pjanta li tradizzjonalment tinstab fil-mergħat naturali jew normalment inkluża f’taħlita ta’ żerriegħa għal mergħat jew għelieqi fl-Istat Membru (irrispettivament minn jekk jintużawx jew le sabiex biex jintgħalfu l-annimali). L-Istatio Membri jistgħu jinkludu l-ħaxix inkluż fl-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003;’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[...]”

7        F’dan ir-rigward, il-premessa 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005 tal-11 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 42, p. 3), li emenda r-Regolament Nru 796/2004 fil-verżjoni inizjali tiegħu, kienet tiddikjara:

“L-artikolu 2 du Regolament [Nru 796/2004 fil-verżjoni inizjali tiegħu] jinkludi bosta definizzjonijiet li jeħtieġu kjarifika. B’mod partikolari, id-definizzjoni ‘mergħa permanenti’ fil-punt 2 ta’ dak l-Artikolu teħtieġ kjarifika u jinħtieġ li tkun introdotta definizzjoni tat-terminu ‘ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew’. Madankollu, f’dak il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jeħtieġu ċerta flessibilità sabiex ikunu jistgħu jqisu l-kondizzjonijiet agronomiċi lokali.”

8        L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 796/2004, intitolat “Prinċipji ġenerali fir-rigward ta’ pakketti agrikoli” kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Pakkett li jkun fih is-siġar għandu jitqies bħala pakkett agrikolu għall-finijiet tal-iskemi relatati maż-żona kemm-il darba li l-attivitajiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jew, fejn japplika, il-produzzjoni maħsuba tista’ titwettaq b’mod simili bħal dik fuq pakketti mingħajr siġar fl-istess żona.”

9        It-Titolu III ta’ dan ir-regolament, marbut mal-“[k]ontrolli”, kien jinkludi l-Artikolu 30 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Stabbiliment ta’ żoni”. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu :

“L-erja totali tal-ħabel agrikolu tista’ titqies sakemm hi tintuża b’mod sħiħ skont l-istandards tas-soltu tal-Istat Membru jew tar-reġjun konċernat. [traduzzjoni mhux uffiċjali] F’każi oħra għandu jingħata kont taż-żona attwalment utilizzata.

[F]ir-rigward tar-reġjuni fejn ċerti fatturi, b’mod partikolari sisien tal-ħaxix, ħniedaq u ħitan huma tradizzjonalment parti mill-prattiċi ta' agrikoltura tajba għall-uċuh tar-raba jew utilizzazzjoni, l-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona li tikkorrispondi għandhom jitqiesu bħala parti miż-żona utilizzata kollha kemm hi bil-kondizzjoni li majisbqux wisa’ totali li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun in kwistjoni u ma għandhiex tisboq iż-żewġ metri. [...]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

10      Taħt it-Titolu IV, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet u monitoraġġ mill-kummissjoni”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola (ĠU 2005, L 209, p. 1), kien hemm inkluż l-Artikolu 31 ta’ dan tal-aħħar, anki dan intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”. Dan l-artikolu kien jinkludi fih paragrafu 3 li kien redatt kif ġej:

“Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006

11      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162) kien jinkludi l-Artikolu 11, intitolat “L-approvazzjoni tal-konformità”. Dan l-artikolu kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skond ir-regoli Komunitarji, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u għandha tindika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità futura ma’ dawk ir-regoli.

Il-komunikazzjoni għandha tagħmel riferenza għal dan l-Artikolu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha b’konsegwenza ta’ dan. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taqbel li testendi l-perjodu għar-risposta.

Wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju.

2.      Fi żmien xahrejn mid-data meta jiġu riċevuti l-minuti tal-laqgħa bilaterali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jikkomunika kwalunkwe informazzjoni mitluba matul dik il-laqgħa jew kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis li tkun utli għall-eżami li jkun għaddej.

F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni, fuq talba raġunata ta’ l-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu.

Wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li l-Kummissjoni qed tipprevedi li se teskludi mill-finanzjament Komunitarju skond l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1290/2005] u għandha tagħmel riferenza għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.      L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mar-regoli Komunitarji u bid-data effettiva ta’ l-implimentazzjoni tagħhom.

Wara li tkun eżaminat kwalunkwe rapport imħejji mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skond il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 sabiex teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Komunitarji sakemm l-Istat Membru jkun effettivament implimenta l-miżuri korrettivi.

Meta tevalwa l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ tqis kwalunkwe informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru wara li jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, jekk dan ikun meħtieġ għal stima aħjar tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit Komunitarju, sakemm it-trażmissjoni tard ta’ l-informazzjoni tkun iġġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali.”

12      Taħt it-Titolu “Il-Proċedura ta’ Konċiljazzjoni”, l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu :

“Stat Membru jista’ jirreferi kwistjoni lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni fi żmien tletin jum ta’ xogħol minn meta jirċievi l-komunikazzjoni formali tal-Kummissjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(2) billi jibgħat talba raġunata għal konċiljazzjoni lis-segretarjat tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

Il-proċedura li għandha tiġi segwita u l-indirizz tas-segretarjat għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Membri permezz tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

13      L-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608), jistabbilixxi d-definizzjoni li ġejja:

“‘bwar permanenti u mergħat permanenti’, (flimkien imsemmija ‘bwar permanenti’) tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew iktar; tista’ tinkludi speċi oħra, bħal arbuxelli u/jew siġar li jista' jsir ir-ragħa fuqhom dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti kif ukoll, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, art li tista’ tintuża għar-ragħa u li hija parti minn prattiki lokali stabbiliti, fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor mhumiex tradizzjonalment predominanti f'erjas tar-ragħa”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża odjerna, jiġu mqassra kif ġej.

15      Fix-xhur ta’ Settembru 2008 u ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea wettqet żewġ investigazzjonijiet dwar l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika rappreżentanti, rispettivament, għajnuna għas-superfiċji u miżuri ta’ żvilupp rurali, fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Sezzjoni “Garanzija”, kif ukoll tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għas-sena ta’ applikazzjoni 2008.

16      B’hekk, b’ittra tal-21 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rrilevat li l-kontrolli fuq il-post imwettqa waqt l-investigazzjonijiet inkwistjoni kienu wrew li ċerti superfiċji ammessi għall-benefiċċju tal-għajnuna ma kinux josservaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni semmiet assjem ta’ eżempji li tfakkru fil-punt 40 tas-sentenza appellata.

17      Wara l-komunikazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tar-risposti tar-Repubblika Ellenika, saret laqgħa bilaterali fit-8 ta’ April 2010. Fit-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika, li din tal-aħħar wieġbet għalihom fit-2 ta’ Awwissu 2010.

18      Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ellenika li hija kienet iżżomm ferma l-pożizzjoni tagħha dwar l-ammont nett ta’ korrezzjonijiet previsti kif ukoll ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikawhom.

19      Ir-Repubblika Ellenika adixxiet il-korp ta’ konċiljazzjoni, fil-11 ta’ Lulju 2013. Dan tal-aħħar ta l-opinjoni tiegħu fil-31 ta’ Jannar 2014, qabel ma l-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni finali tagħha fis-26 ta’ Marzu 2014. B’din tal-aħħar, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel lok, nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ porzjonijiet agrikoli u tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (iktar ’il quddiem is-“SIPA-SIG”) li jinċidu fuq il-kontroverifiki u l-kontrolli amministrattivi, fit-tieni lok, nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post kif ukoll, fit-tielet lok, kalkoli żbaljati ta’ pagamenti u ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat in-natura rikorrenti ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. B’hekk, l-ammont finali nett tal-korrezzjoni imposta fuq ir-Repubblika Ellenika kien ta’ EUR 86 007 771.11.

20      Konsegwentement, fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li biha hija warrbet mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerti spejjeż sostnuti mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-FAEGG, Sezzjoni “Garanzija”, tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-FAEŻR.

21      B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet b’rata fissa għas-sena ta’ applikazzjoni 2008, minn naħa, fil-qasam tal-għajnuna għas-superfiċji fl-ammont totali ta’ EUR 61 012 096.85, li minnhom hija naqqset ammont ta’ EUR 2 135 439.32. din il-korrezzjoni tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għall-bdiewa li kienu ddikjaraw biss mergħat, jiġifieri EUR 32 542 837.74. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni imponiet korrezzjonijiet fir-rigward tas-sena ta’ applikazzjoni 2008 fil-qasam tal-iżvilupp rurali fl-ammont ta’ EUR 5 007 867.36 attribwit għas-sena finanzjarja 2009 u fl-ammont ta’ EUR 5 496 524.54 attribwit għas-sena finanzjarja, jiġifieri fl-ammont totali ta’ EUR 10 504 391.90, li minnhom hija naqqset ammont totali ta’ EUR 2 588 231.20 korrispondenti għal EUR 2 318 055.75 għas-sena finanzjarja 2009 u EUR 270 175.45 għas-sena finanzjarja 2010. Minn dan jirriżulta li l-effetti finanzjarji naxxenti mid-deċiżjoni kontenzjuża, imposta fuq ir-Repubblika Ellenika, fil-kuntest tal-korrezzjonijiet b’rata fissa fl-oqsma tal-għajnuna għas-superfiċji u tal-iżvilupp rurali kienu ta’ EUR 58 876 657.53 u ta’ EUR 7 916 160.70 rispettivament.

22      Fir-rapport ta’ sinteżi mehmuż mad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmi fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa għar-raġunijiet li ġejjin:

–        fir-rigward tas-SIPA-SIG: id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu tal-opinjoni li ma kinitx konformi mar-rekwiżiti naxxenti mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1782/2003. B’mod partikolari:

–      kienu ġew ikkonstatati żbalji li jikkonċernaw il-limiti tal-porzjonijiet ta’ riferiment u s-superfiċji massima ammissibbli tagħhom, billi din id-data kienet essenzjalment ineżatta. B’mod partikolari, dawn l-iżbalji ġew ikkonstatati inkonnessjoni nas-superfiċji użati bħala mergħat li, skont il-verifiki, ma setgħux jitqiesu dejjem bħala bħala eliġibbli għall-għajnuna abbażi tal-punti 2 u 2a tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Konsegwentement, il-bdiewa ma kinux informati korrettement dwar l-eliġibbiltà tal-porzjonijiet li huma riedu jiddikjaraw. Barra minn hekk, il-kontroverifiki intiżi li jevitaw li l-istess għajnuna tingħata indebitament diversi drabi għall-istess porzjon agrikolu ma kinux konklussivi, ħlief fil-każ li jkunu twettqu kontrolli fuq il-post, li jindividwaw il-lokalizzazzjoni inkorretta tal-porzjoniijet u l-eliġibbiltà tagħhom;

–      sa mis-sena 2009, għad-dikjarazzjonijiet u l-kontroverifiki ġiet użata informazzjoni ġdida fis-SIPA-SIG. Madankollu, ir-riżultati tal-kontroverifiki ma setgħux jintużaw sabiex jiġi evalwat ir-riskju għall-Fond għas-sena 2008. Fil-fatt, fl-2008, il-bdiewa kienu jiddikjaraw il-porzjonijiet tagħhom abbażi tas-SIPA-SIG l-antiki. Issa, minkejja li s-sistema kienet ħadmet b’mod korrett fl-2008, parti minn dawn il-porzjonijiet ġiet irrifjutata bħala ineliġibbli, fosthom proporzjon kbir li jikkonċerna l-mergħat permanenti li l-awtoritajiet Griegi kienu jqisu bħala eliġibbli u li għalihom il-Kummissjoni, fil-korrispondenza preċedenti, kienet diġà indikat l-ineliġibbiltà tagħhom minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

–        il-kontrolli fuq il-post għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 23 u 30 tar-Regolament Nru 796/2004. B’mod partikolari:

–      fir-rigward tal-mergħat: l-assenza ta’ kejl tal-mergħat tqis partikolarment preokkupanti. F’diversi każijiet, is-superfiċji eliġibbli kienu miksija bi pjanti għudin u porzjonijiet oħra kienu parzjalment miksija bi pjanti għall-għalf fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali, b’mod li huma ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ “mergħat permanenti” tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Is-superfiċji ddikjarati ta’ spiss kienu jinsabu f’żoni mwarrba, mingħajr limiti viżibbli u l-aċċess għalihom kien diffiċli. Ġie kkonstatat li l-ispetturi ma kinux kejlu s-superfiċji konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 796/2004. Filwaqt li r-Repubblika Ellenika f’diversi okkażjonijiet kienet indikat li s-superfiċji kkontestati kienu dejjem intużaw bħala mergħat mingħajr ma l-eliġibbiltà tagħhom ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, dawn is-superfiċji kienu wkoll ineliġibbli fir-rigward tar-regoli applikabbli qabel l‑2006 u d-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura” kien ukoll ikkritika l-eliġibbiltà tagħhom (Investigazzjoni AP/2001/06);

–      fir-rigward tal-kontrolli permezz tal-osservazzjoni remota, il-proċedura applikata ma kinitx konformi mar-rekwiżiti f’dan il-qasam. Konsegwentement, tħallset għajnuna favur il-porzjonijiet ineliġibbli skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004;

–      fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post klassiċi, il-“kejl mill-ġdid” wera differenzi mingħajr madankollu ma ntwera nuqqas sistematiku fil-funzjonijiet ta’ dan it-tip ta’ kontroll, ħlief għall-mergħat. Fl-2008, fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ SIPA-SIG ġdida, fiha r-Repubblika Ellenika ma daħħlitx l-informazzjoni tal-pakketti suġġetti għall-kontrolli fuq il-post klassiċi. Konsegwentement, ma kienet teżisti ebda rappreżentazzjoni grafika li tippermetti li jiġu individwati dikjarazzjonijiet multipli;

–      il-lakuni kkonstatati kienu jikkostitwixxu nuqqas kontinwu fil-funzjonament tal-kontrolli prinċipali u tal-kontrolli sekondarji u kienu joħolqu riskju għall-Fond fir-rigward tal-għajnuna skont is-superfiċji. Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet kienu rikorrenti.

–      il-lakuni kkonstatati kienu jiġu riflessi fuq l-għajnuna addizzjonali “skont” is-superfiċji.

23      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet dwar in-nuqqasijiet fis-SIPA-SIG u fil-kontrolli fuq il-post, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet imqassma skont il-klassifikazzjoni segwenti:

–      għall-bdiewa li jiddikjaraw biss mergħat, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % minħabba sitwazzjoni problematika fis-SIPA u fil-kontrolli fuq il-post, li jindikaw rata għolja ta’ żbalji u, għaldaqstant, ta’ irregolaritajiet kbar minkejja li, skont il-Kummissjoni, hija ġġustifikata korrezzjoni ta’ 25 %, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % dehret iktar xierqa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-“effett mitiganti”;

–      għall-bdiewa li ma kinux iddikjaraw mergħat, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % b’teħid inkunsiderazzjoni tal-“effett mitiganti”, tat-titjib tal-kontrolli fuq il-post klassiċi u minħabba li, f’din il-kategorija ta’ bdiewa, il-livell ta’ irregolaritajiet identifikati kien iktar baxx u l-kontrolli fuq il-post klassiċi kienu jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-kontrolli;

–      għall-għajnuna addizzjonali skont is-superfiċji, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % minħabba l-effett negattiv fuqhom mit-tnedija tardiva ta’ kontrolli fuq il-post u minħabba l-assenza tal-“effett mitiganti”;

–      għall-miżuri kollha ta’ żvilupp rurali bbażati fuq is-superfiċji, ġiet imposta korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

24      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi invokat, essenzjalment, tliet motivi.

25      L-ewwel motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % applikata għall-bdiewa li kienu ddikjaraw biss mergħat fl-ammont ta’ EUR 32 542 837.74, kien ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. It-tieni motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % għall-għajnuna relatata addizzjonali, kien ibbażat fuq żball ta’ fatt, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet motiv, dwar il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), iddedikat għall-iżvilupp rurali, kien ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ fatt u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel żewġ motivi u ċaħdet it-tielet motiv. Għaldaqstant, b’dan, fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża “sa fejn tikkonċerna l-ammonti tal-korrezzjoni ta’ EUR 5 007 867.36, tat-tnaqqis ta’ EUR 2 318 055.75 u tal-effett finanzjarju ta’ EUR 2 689 811.61, fir-rigward tal-infiq imġarrab mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-iżvilupp rurali Feader Axe 2 (2007‑2013, miżuri marbuta mas-superfiċji), għas-sena fiskali 2009, għan-nuqqasijiet li jikkonċernaw is-[SIPA] u l-kontrolli fuq il-post (it-tieni pilastru, sena ta’ applikazzjoni 2008)” u, fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

29      Ir-Renju ta’ Spanja, intervenjenti insostenn tar-Repubblika Ellenika, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

30      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tqajjem sitt aggravji. L-ewwel tliet aggravji huma marbuta mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % applikata għall-għajnuna għas-superfiċji għall-bdiewa li ddikjaraw mergħat biss. Ir-raba’ u l-ħames aggravji jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna marbuta mas-superfiċji addizzjonali. Is-sitt aggravju jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-PAK, iddedikat għall-iżvilupp rurali.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

31      L-ewwel aggravju jinqasam fi tliet partijiet.

32      Bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat, fil-punti 24 sa 67 tas-sentenza appellata, il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 li jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti”. B’mod iktar partikolari, hija tallega li l-Qorti Ġenerali adottat, fil-punti 34 sa 36 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni wisq dejqa ta’ dan il-kunċett, billi adottat kriterju marbut esklużivament mat-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċji inkwistjoni. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Ellenika, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tiddefendi aċċettazzjoni wiesgħa tal-kunċett, li kienet tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li kienet tkopri l-mergħat imsejħa “mediterranji”, jiġifieri is-supefiċji koperti minn veġetazzjoni għudija jew imsaġġra li tista’ tintuża għar-ragħa u fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċej ieħor ma jkunux tradizzjonalment predominanti.

33      Skont ir-Repubblika Ellenika, dan l-interpretazzjoni hija awtorizzata mill-kliem tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kif ukoll mill-kuntest u l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament. B’hekk, hija tenfasizza li din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” tirriżulta kemm mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 kif ukoll mill-gwida maħsuba sabiex tagħti lill-Istati Membri orjentazzjonijiet fuq l-aħjar metodi sabiex jiġu josservaw id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ marbuta mal-PAK, ippubblikata miċ-Ċentru Komuni tar-Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ April 2008, kif ukoll mill-pjan ta’ azzjoni, elaborat fix-xahar ta’ Ottubru 2012, mill-awtoritajiet Elleniċi u mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni tal-2012”).

34      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest kollu u l-għanijiet kollha segwiti mir-Regolament Nru 1782/2003, li fosthom hemm iż-żamma ta’ ċerti pagamenti assoċjati mal-produzzjoni. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 1782/2003, marbut mal-primjum għall-estensifikazzjoni, kien jagħmel riferiment għall-mergħat mingħajr ma jispeċifika li dawn tal-aħħar għandhom ikunu koperti esklużivament b’veġetazzjoni erbaċea.

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat korrettement il-kunċett ta’ “mergħat permanenti” li jinsab fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Minn din id-definizzjoni kien jirriżulta li l-kriterju marbut man-natura tal-veġetazzjoni li tkopri s-superfiċju agrikolu kkonċernat kien determinanti. Barra minn hekk, la l-orjentazzjonijiet previsti fil-punt 33 tas-sentenza odjerna, la l-pjan ta’ azzjoni tal-2012, u lanqas ir-Regolament Nru 1307/2013, applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2015, u li fih id-definizzjoni estiża tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” ma kienu rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli fil-mument tal-fatti tal-kawża kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja deċiża mill-Kummissjoni.

36      Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, qieset li, indipendentement mill-interpretazzjoni adottata tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, is-superfiċji kontenzjużi jibqgħu ineliġibbli, fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni tar-regoli marbuta mal-mergħat u fil-funzjonament tas-sistema ta’ kontrolli tas-SIPA-SIG.

37      Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika tqis li, bl-applikazzjoni tal-“effett mitiganti”, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeduċi min-nuqqasijiet marbuta mal-ħin ikkonstatati fil-funzjonament tas-SIPA-SIG għal xi porzjonijiet identifikati fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, is-superfiċji kollha ddikjarati bħala mergħat fir-rigward tas-sena 2008 u suġġetti mill-korrezzjoni finanzjarja kienu ineliġibbli kemm jekk tintuża d-definizzjoni dejqa tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kif ukoll jekk jintużaw dawk iktar favorevoli, naxxenti mill-pjan ta’ azzjoni tal-2012, jew tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013.

38      Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

39      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika tattribwixxi lill-Qorti Ġenerali b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn, fil-punti 20 sa 22 tas-sentenza appellata, hija tinserixxi l-evalwazzjoni tagħha fil-mewġa tal-ġurisprudenza marbuta mat-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Issa, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004.

40      Il-Kummissjoni tikkontendi li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tiddubita mill-ammissibbiltà tal-appell sa fejn ir-Repubblika Ellenika sempliċement irrepetiet l-argument tagħha ppreżentat fl-ewwel istanza.

42      Jeħtieġ madankollu jiġi miċħud dan l-argument tal-Kummissjoni.

43      Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34).

44      Madankollu, f’dan il-każ, ir- Repubblika Ellenika ma tillimitax ruħha biss għal repetizzjoni u għal riproduzzjoni testwali tal-aggravji u tal-argumenti li hija kienet ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

45      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi evalwat il-mertu tal-aggravji invokati mir-Repubblika Ellenika.

46      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mill-korp ta’ regoli li tifforma parti minnu.

47      Skont il-kliem tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, “mergħa permanenti” tfisser “art li tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali (biż-żriegħ waħdu) jew permezz ta’ koltivazzjoni (miżrugħ) u li mhux inkluż fir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ ta’ l-azjenda għal ħames snin jew aktar”.

48      Minn dan jirriżulta li, għalkemm dan l-artikolu jsemmi espressament il-preżenza ta’ “ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix”, b’tali mod li superfiċji li fuqha jkunu preżenti esklużivament pjanti erbaċej tikkostitwixxi ċertament “mergħa permanenti”, ma hijiex eskluża l-preżenza ta’ tipi oħra ta’ veġetazzjoni, bħall-veġetazzjonijiet għudija jew imsaġġra. Għaldaqstant, bl-istess mod bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jibqa’ ambigwu fuq il-punt dwar jekk il-klassifikazzjoni bħala “mergħat permanenti” hijiex suġġetta għall-kriterju marbut mat-tip ta’ veġetazzjoni li jkopri s-superfiċji kkonċernata u, għaldaqstant, hijiex irriżervata għall-preżenza eklużiva ta’ ħaxix jew pjanti oħra erbaċej.

49      Fir-rigward tal-kuntest li jaqa’ fih il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, jirriżulta, qabelxejn, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 239/2005 li, fid-dawl tal-bżonn ta’ kjarifika tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li tiġi rriżervata lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà sabiex jieħdu kont tad-diversi kundizzjonijiet agronomiċi lokali.

50      Sussegwentement, mill-kliem stess tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1782/2003, jirriżulta li l-użu agrikolu effettiv ta’ superfiċji agrikola jikkostitwixxi kriterju iktar rilevanti minn dak tat-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċji kkonċernata. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu 8(1), għandu jitqies bħala “pakkett [porzjon] agrikolu” il-porzjon imsaġġar li fuqu l-produzzjoni prevista tista’ ssir bħalma ssir fuq porzjon mhux imsaġġar fl-istess żona.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju marbut mat-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċji kkonċernata huwa wkoll irrelattivizzat fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 796/2004, fil-kuntest tal-kontroll tas-superfiċji ta’ porzjon agrikolu. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu li s-superfiċji totali ta’ porzjon agrikolu jista’ jkopri s-superfiċji okkupat minn sisien, dment li din il-karatterstika tkun tradizzjonalment tifforma parti minn prattiki agrikoli tajbin fil-qasam tal-użu tal-art.

52      Fl-aħħar, sa fejn id-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti” hija inkluża fi ħdan ir-Regolament Nru 796/2004, li huwa intiż li jimplimenta r-Regolament Nru 1782/2003, jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan il-kunċett jiġi interpretat f’konformità mal-att bażiku (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C-696/15 P, EU:C:2017:595, punt 33).

53      Issa, ir-Regolament Nru 1782/2003 ma jissubordinax il-klassifikazzjoni ta’ “mergħat permanenti” għall-preżenza ta’ veġetazzjoni ta’ tip partikolari, billi l-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament jeskludi mill-kwalità ta’ “ettaru eliġibbli” biss iż-“żoni kkultivati bi prodotti permanenti”, il-“foresti” kif ukoll iż-“żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli”.

54      Għaldaqstant, minn dak li ntqal jirriżulta li, kif espost mill-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju determinanti fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti” ma huwiex it-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċji agrikola, iżda l-użu effettiv tal-imsemmija superfiċji għal attività agrikola tipika għall-finijiet ta’ “mergħat permanenti”. Konsegwentement, il-preżenza ta’ pjanti għudija jew imsaġġra ma jistgħux, bħala tali, jostakolaw il-klassifikazzjoni ta’ superfiċji bħala “mergħat permanenti”, dment li tali preżenza ma tkunx tippreġudika l-użu effettiv tal-imsemmija superfiċji għal attività agrikola (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Planes Bresco, C‑333/15 u C‑334/15, EU:C:2016:426, punt 35).

55      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri l-istabbilizzazzjoni tad-dħul agrikolu u l-protezzjoni tal-ambjent.

56      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan ta’ stabbilizzazzjoni tad-dħul agrikolu, mill-premessi 21 u 24 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li l-iskema ta’ pagament uniku hija ssubordinata għaż-żamma tal-attività f’kundizzjoniijet agrikoli u ambjentali tajba u hija intiża sabiex tiżgura livell ta’ għejxien ġust għall-bdiewa. Barra minn hekk, din l-iskema ta’ pagament uniku hija intiża sabiex tapplika għal dawn tal-aħħar kollha, b’tali mod li l-aċċess għal dan il-pagament ma jistax jiġi ddeterminat mit-tip ta’ veġetazzjoni preżenti fuq is-superfiċji kkonċernati.

57      Fit-tieni lok, il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 1782/2003 jenfasizzaw l-effett pożittiv fuq l-ambjent ta’ mergħat permanenti u jattribwixxu lir-Regolament Nru 1782/2003 it-tfittxija ta’ għan doppju, jiġifieri l-prevenzjoni, minn naħa, tal-abbandun ta’ superfiċji agrikoli u, min-naħa l-oħra, it-trasformazzjoni ta’ mergħat permanenti eżistenti f’artijiet li jinħadmu. Minn dan isegwi, kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, li t-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet ma tintlaħaqx b’interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, li huwa marbut biss mat-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċju agrikolu.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-superfiċji kkonċernata għandhiex tiġi kklassifikata bħala “mergħat permanenti”, fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, il-kriterju determinanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex it-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri din is-superfiċji, iżda l-użu effettiv li jsir minnha għal attività agrikola tipika ta’ “mergħat permanenti”.

59      Għaldaqstant, billi ddeċidiet fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, li l-kriterju rilevanti kien it-tip ta’ veġetazzjoni preżenti fuq is-superfiċji inkwistjoni u billi sussegwentement wettqet l-eżami tagħha fir-rigward ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li skontha r-Repubblika Ellenika tibqa’ ma turix l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija żbaljata.

60      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % applikata għall-bdiewa li kienu ddikjaraw biss mergħat hija ġġustifikata, fir-rapport ta’ sinteżi, fid-dawl ta’ assjem ta’ nuqqasijiet esposti fil-punti 16, 21 u 22 ta’ din is-sentenza, li essenzjalment jirriproduċu l-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata. B’hekk, il-Kummissjoni ġġustifikat din ir-rata ta’ korrezzjoni fid-dawl, minn naħa, tan-nuqqasijiet fis-SIPA-SIG li jinċidu fuq in-natura probatorja tal-proċeduri amministrattivi u tal-kontroverifiki u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post.

61      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat quddiemha, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 23 sa 106 tas-sentenza appellata, li r-rata ta’ 10 % applikata għall-bdiewa li kienu ddikjaraw biss mergħat baqgħet madankollu ġġustifikata fid-dawl tan-nuqqasijiet l-oħra kkonstatati.

62      B’mod iktar partikolari, fil-punti 66, 88 u 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-insuffiċjenzi tas-SIPA-SIG jiġġustfikaw, indipendentement mill-kontroversja li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti”, l-istabbiliment ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għall-bdiewa li kienu ddikjaraw mergħat biss. F’din iċ-ċirkustanza, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, kif espost fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ma jinċidix fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata, peress li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 66, 88 u 95 ta’ din tal-aħħar huma suffiċjenti biex jiġġustifikawh.

63      Għaldaqstant, l-żball ta’ liġi identifikat fil-punt 59 tas-sentenza odjerna ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

64      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeċidiet li, anki jekk jiġi preżunt li d-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti”, kif ġiet applikata, ma kinitx konformi mal-kliem tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, “fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-mergħat u fil-funzjonament tas-sistema tal-kontrolli tas-SIPA-SIG, imsemmija fil-punti 40 u 41 [tas-sentenza appellata]”, is-superfiċji kontenzjużi kienu fi kwalunkwe każ ineliġibbli.

65      Fil-fatt, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali elenkat numru ta’ eżempji ta’ porzjonijiet magħżula mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-korrezzjoni b’rata fissa u li, anki jekk jiġi preżunt li jistgħu jiġu llokalizzati, ma josservawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, sa fejn ma kinux użati għal attivitajiet agrikoli.

66      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi mwarrba u miċħuda bħala infondata.

67      Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punti 20 sa 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret qabel l-evalwazzjoni speċifika tagħha ta’ kull motiv invokat mir-Repubblika Ellenika u mingħajr ma siltet, f’dak l-istadju, l-konsegwenzi legali, il-prinċipji ġenerali naxxenti mill-ġurisprudenza stabbilita marbuta mat-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-kawżi fil-qasam tal-fondi Ewropej bejn il-Kummissjoni, minn naħa, u l-Istat Membru kkonċernat, min-naħa oħra.

68      Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

69      Għaldaqstant, anki jekk l-ewwel aggravju huwa ammissibbli fl-ewwel parti tiegħu, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel aggravju għandu jitwarrab parzjalment bħala ineffettiv, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

71      Permezz tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment tallega li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, fil-punti 68 sa 76 tas-sentenza appellata, sa fejn naqset milli twieġeb għall-argumenti kollha esposti mir-Repubblika Ellenika marbuta mal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” u b’mod partikolari mal-kunċett ta’ “mergħat mediterranji”.

72      Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li hija obbligata twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari jekk dan ma jkunx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma jkunx imsejjes fuq provi ddettaljati (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:6, punt 90).

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ddedikat il-punti 24 sa 65 tas-sentenza appellata għal eżami ddettaljat tal-argumenti tar-Repubblika Ellenika dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” u, b’mod partikolari, dwar l-importanza tat-tip ta’ veġetazzjoni li tkun tkopri s-superfiċji agrikoli.

75      Min-naħa l-oħra, fil-punti 15 u 16 tar-rikors promotur ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sempliċement allegat il-“karatteristiċi partikolari tal-mergħat kollha tat-tip mediterranju” liema karatteristiċi “[kienu] jippreżentaw valur ambjentali kbir”. Peress li din l-allegazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni rikjesta, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għalihom b’mod speċifiku.

76      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma naqsetx mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

77      It-tielet aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

78      Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali naqset minn diversi lati milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-punti 88 sa 103 tas-sentenza appellata. Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkompletat b’mod illegali l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża billi qieset li l-irregolaritajiet tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kienu suffiċjenti waħidhom sabiex jiġġustifikaw ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 %, filwaqt li jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi li din ir-rata ta’ korrezzjoni hija ġġustifikata biss fid-dawl tal-ineliġġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati bħala “mergħat permanenti”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod debitu, id-deċiżjoni tagħha la fir-rigward taż-żieda tar-rata ta’ korrezzjoni għal 10 % meta mqabbla mar-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % adottata għas-sena preċedenti u lanqas fir-rigward tat-titjib ikkonstatat waqt il-kontrolli fuq il-post. Fl-aħħar, ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx suffiċjentement kont tal-“effett mitiganti”.

79      Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ssanzjonat, fil-punti 88 sa 103 tas-sentenza appellata, ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 10 % inkonnessjoni mal-għajnuna għall-bdiewa li ddikjaraw biss mergħat. Skont ir-Repubblika Ellenika, rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % kienet iġġustifikata b’mod partikolari fid-dawl tal-“effett mitiganti”.

80      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, jeħtieġ li jiġi rrilevat qabelxejn li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, ir-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % adottata mill-Kummissjoni ma hijiex imsejsa unikament fuq l-ineliġibbiltà tas-superfiċji kkonċernati, iżda fuq assjem ta’ insuffiċjenzi tas-sistema ta’ kontroll li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi u li tfakkru mill-Qorti Ġenerali fil-punti 10 u 89 sa 94 tas-sentenza appellata.

82      Addizzjonalment, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta qieset, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li huma n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll, meqjusa flimkien man-nuqqasijiet l-oħra kollha kkonstatati, li jikkostitwixxu implimentazzjoni serjament defiċjenti tas-sistema ta’ kontroll li timplika livell għoli ta’ żbalji.

83      Minn dan isegwi li l-allegazzjoni tar-Repubblika Ellenika li skontha jirriżulta mir-rapport ta’ sinteżi li r-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % hija ġġustifikata biss fir-rigward tal-ineliġibbiltà tas-superfiċji ddikjarati bħala “mergħat permanenti” għandha titwarrab.

84      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjoni marbuta mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-titjib ikkonstatat inkonnessjoni mal-kontrolli fuq il-post kif ukoll tar-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % adottata għas-sena ta’ applikazzjoni 2007, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali evalwat l-importanza ta’ dawn l-elementi fil-punti 98 sa 101 tas-sentenza appellata.

85      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li, għalkemm ir-rapport ta’ sinteżi kien jikkonstata titjib kwantitattiv tal-kontrolli fuq il-post matul is-sena 2008, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-rapport kien jirrileva wkoll li l-kontrolli fuq il-post ma kinux tjiebu mill-perspettiva kwalitattiva. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni u fuq dik li skont ir-Repubblika Ellenika tibqa’ tirfed l-allegazzjoni tagħha inkonnessjoni mat-titjib kwalitattiv tal-kontrolli fuq il-post, il-Qorti Ġenerali setgħet validament, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, tiċħad din l-aħħar imsemmija allegazzjoni mingħajr ma tmur kontra l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

86      Għaldaqstant, tali allegazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata u għalhekk hija infondata fil-fatt.

87      Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni marbuta mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-“effett mitiganti” mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti 95, 102 u 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan l-effett.

88      B’mod iktar partikolari, wara l-eżami tagħha marbut mal-eżistenza ta’ implimentazzjoni serjament defiċjenti tas-sistema ta’ kontroll, fil-punti 85 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li n-nuqqasijiet kollha fis-sistema ta’ kontroll, meħudin flimkien, kienu jikkostitwixxu tali implimentazzjoni serjament defiċjenti, li b’hekk tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %. B’hekk, f’dak il-punt 95 tas-sentenza appellata, hija qieset li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni r-riskju inferjuri tat-telf sostnut mill-fondi naxxenti mill-“effett mitiganti”, li permezz tiegħu parti biss mis-superfiċji ddikjarati tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu attivati drittijiet għal ħlas, sabiex tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % mingħajr ma twettaq żball.

89      Għaldaqstant, tali allegazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata u b’hekk hija infondata fil-fatt.

90      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

91      It-tieni parti tat-tielet aggravju hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Qorti Ġenerali sa fejn ir-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ma setgħetx tammonta għal 10 %, iżda għal 5 % fid-dawl tan-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll.

92      F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li, fit-tmiem ta’ analiżi ddettaljata fil-punti 85 sa 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll, meħuda flimkien man-nuqqasijiet l-oħra kollha kkonstatati, kienu jikkostitwixxu implimentazzjoni serjament defiċjenti tas-sistema ta’ kontroll li timplika livell għoli ta’ żbalji li jikkonfermaw irregolaritajiet iġġeneralizzati, li wasslu b’mod verosimili għal telf estremament għoli għall-fondi.

93      Issa, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet ikkritikata dwar dan il-punt mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-appell odjern, li mid-Dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 1997 li jiddefinixxi l-orjentazzjonijiet fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li tali implimentazzjoni defiċjenti tas-sistema ta’ kontroll tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ 25 % tal-ispejjeż, dment li jeżisti riskju ta’ telf partikolarment kbir għall-fondi.

94      Għaldaqstant, billi kkonstatat, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

95      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

96      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

97      Ir-raba’ aggravju essenzjalment huwa bbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 110 sa 120 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti. B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika Ellenika ssostni essenzjalment li jikkostitwixxi ksur tal-garanziji proċedurali tagħha, in-nuqqas tal-Kummissjoni meta ma stednithiex tiddiskuti waqt il-laqgħa bilaterali dwar il-konstatazzjonijiet ta’ din tal-aħħar marbuta mad-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-post inkonnessjoni mal-għajnuna għas-superfiċji addizzjonali.

98      Il-Kummissjoni ttenni li hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005, jirriżulta li, qabel kull deċiżjoni ta’ rifjut tal-finanzjament, ir-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposti tal-Istat Membru kkonċernat jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet jippruvaw jilħqu ftehim fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu.

100    Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jikkonkretizza din il-proċedura billi jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ din tal-aħħar. B’hekk, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, jekk, wara investigazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż ma twettqux konformement mad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tikkomunika l-konstatazzjonijiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat u tindikalu l-miżuri korrettivi imposti fuqu. Sussegwentement, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Istat Membru għandu jwieġeb f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tista’, konsegwentement, temenda l-pożizzjoni tagħha. Fl-aħħar, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(1) tal-istess regolament jistabbilixxi li, fi tmiem it-terminu għar-risposta, il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħa bilaterali u ż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jaslu għal ftehim fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-danni finanzjarji kkawżati lill-Unjoni.

101    B’hekk jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 li l-Kummissjoni tista’ temenda l-pożizzjoni tagħha skont l-elementi tar-risposta pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament li l-istedina għal-laqgħa bilaterali ma tobbligax lill-Kummissjoni li hija tispeċifika l-aspetti kollha tal-konstatazzjonijiet li jkunu s-suġġett tad-diskussjoni waqt din il-laqgħa.

102    Għall-kuntrarju, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tagħha, l-organizzazzjoni tal-laqgħa bilaterali la hija intiża sabiex tinforma lil dan l-Istat Membru dwar il-portata tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u lanqas li tirrendi possibbli, abbażi tal-iskambju ta’ informazzjoni li sar qabel, il-ftehim rikjest mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu.

103    Minn dan isegwi li l-allegazzjoni tar-Repubblika Ellenika marbuta ma’ allegat ksur tal-garanziji proċedurali tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 sa fejn il-Kummissjoni ma stednithiex tiddiskuti, waqt il-laqgħa bilaterali, id-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-post inkonnessjoni mal-għajnuna għas-superfiċji addizzjonali, għandha titwarrab.

104    Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Repubblika Ellenika bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kuntradittorja tas-sentenza appellata, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, wara li esponiet l-importanza tal-ewwel komunikazzjoni bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, fil-punti 113 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fi tmiem analiżi ċara u ddettaljata fil-punti 118 sa 120 ta’ din is-sentenza, li l-komunikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjoni kienet tidentifika sal-grad rikjest mil-liġi d-dewmien tal-kontrolli fuq il-post inkonnessjoni mal-għajnuna għas-superfiċji addizzjonali.

105    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

106    Fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkompletat, fil-punti 126 sa 128 u 132 sa 133 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġġustifika r-rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % stabbilita fir-rigward tal-għajnuna marbuta mas-superfiċji addizzjonali. B’mod iktar preċiż, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kkompletat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġġustifika d-differenza bejn ir-rata ta’ korrezzjoni applikata għall-għajnuna marbuta mas-superfiċji addizzjonali ffissata għal 5 % u dik applikata għall-għajnuna għas-superfiċji li ma humiex il-mergħat, iffissata għal 2 %.

107    Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud, prinċipalment, bħala inammissibbli, b’applikazzjoni tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn dan l-aggravju huwa fformulat b’mod qasir u vag wisq. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza appellata hija mmotivata korrettement. Minn dan isegwi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq in-natura vaga u qasira tal-ħames aggravju, li wasslet għall-impossibbiltà tagħha li twieġeb għalih, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. F’dan ir-rigward, huwa speċifikat, fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-aggravji u l-argumenti fid-dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-197/13 P, EU:C:2014:2157, punti 42 u 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika identifikat, fil-punt 79 tal-appell tagħha, il-punti preċiżi tas-sentenza appellata kkritikati fil-kuntest tal-ħames aggravju, u żviluppat argument suffiċjentement konkret sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina dan l-aggravju. Għaldaqstant, il-ħames aggravju tar-Repubblika Ellenika huwa ammissibbli.

110    B’hekk, rigward il-mertu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, fil-punti 126 sa 128 kif ukoll 132 u 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkompletatx il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġġustifika d-differenza bejn ir-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % stabbilita għall-għajnuna marbuta mas-superfiċji addizzjonali u dik ta’ 2 % stabbilita għall-għajnuna marbuta mas-superfiċji li ma humiex il-mergħat.

111    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 123 sa 131 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni ġġustifikat ir-rata ta’ 5 % fir-rapport ta’ sinteżi tagħha fir-rigward tal-irregolaritajiet tas-sistema ta’ kontroll li jikkonċernaw kontrolli prinċipali. Fit-tieni lok, mill-punt 136 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-rata ta’ 2 % stabbilita għall-għajnuna għas-superfiċji li ma humiex mergħat hija ġġustifikata minħabba l-“effett mitiganti”. Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 118 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-“effett mitiganti” ma huwiex rilevanti għall-għajnuna marbuta mas-superfiċji addizzjonali, sa fejn din tal-aħħar hija marbuta mal-produzzjoni, mingħajr ma jintużaw id-drittijiet għal ħlas. Fl-aħħar lok, u sa fejn ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-punt 133 tas-sentenza appellata, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement twettaq evalwazzjoni tan-natura fattwali billi rrifjutat li t-titjib allegat għas-SIPA-SIG ġie applikat matul is-sena ta’ applikazzjoni 2008.

112    Konsegwentement, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

113    Permezz tas-sitt aggravju, ir-Repubblika Ellenika tallega l-assenza totali ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward taċ-ċaħda tat-tieni lment invokat fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, marbut mal-korrezzjoni imposta fil-qasam tal-iżvilupp rurali, li skontu d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata sa fejn il-korrezzjonijiet imposti b’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni ma ġewx imnaqqsa mill-ammont tal-korrezzjonijiet applikati u imputati fil-kuntest tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali llimitat, mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni f’dan ir-rigward, il-kap tat-talbiet tar-Repubblika Ellenika għall-ammont ta’ EUR 5 007 867.36 korrispondenti għall-korrezzjoni imputata lis-sena finanzjarja 2009, filwaqt li hija kienet tikkontesta l-ammont totali tal-korrezzjoni imposta bid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri ammont ta’ EUR 10 504 391.90, korrispondenti għat-total tal-korrezzjonijiet imputati għas-snin finanzjarji 2009 (EUR 5 007 867.36) u 2010 (EUR 5 496 524.54).

114    Il-Kummissjoni ttenni li dan l-aggravju huwa inammissibbli. Minn naħa, ir-Repubblika Ellenika sempliċement tikkontesta l-ammont finali nett tal-korrezzjoni imposta bid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll l-ammont li bih il-korrezzjoni finali ġiet imnaqqsa, fatt li kien jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, kontestazzjoni tan-natura fattwali li tevadi l-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Min-naħa l-oħra, l-ilment tar-Repubblika Ellenika dwar l-ammont gross ta’ EUR 10 504 391.90 ma ġie kkontestat fl-ebda mument tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li billi dan l-ilment kien jikkostitwixxi estensjoni tal-għan tar-rikors fil-kuntest tal-appell u għandu jiġi analizzat bħala aggravju ġdid, għandu fuq din il-bażi, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-punti 9 u 41 sa 43 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ir-Repubblika Ellenika talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tipprevedi l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa fil-qasam tal-għajnuna għas-superfiċji ta’ 5 % tal-ammont totali tal-ispejjeż sostnuti fil-qasam tal-iżvilupp tal-ispazju rurali fl-ammont ta’ EUR 10 504 391.90, korrispondenti għat-total tal-korrezzjonijiet imputati għas-snin finanzjarji 2009 (EUR 5 007 867.36) u 2010 (EUR 5 496 524.54). B’mod iktar preċiż, ir-Repubblika Ellenika kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali t-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-korrezzjoni preċedenti applikata skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/214/UE tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2013, L 123, p. 11) fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali, inkonnessjoni mas-sena ta’ applikazzjoni 2008, għas-snin finanzjarji 2009 u 2010.

116    Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-kawża odjerna, fil-punti 155 sa 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika billi llimitat l-eżami tagħha, mingħajr ebda forma oħra ta’ motivazzjoni, għall-unika korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 inkonnessjoni mas-sena finanzjarja 2009.

117    Għaldaqstant, billi naqset b’hekk li tirrispondi għal parti ċentrali mill-argumentazzjoni tar-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija imposta fuqha skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għaliha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

118    Konsegwentement, is-sitt aggravju tar-Repubblika Ellenika għandu jintlaqa’ sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiemha billi llimitat l-eżami tagħha tat-tieni lment insostenn tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors għall-unika korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 imputata lis-sena finanzjarja 2009.

119    Minn dan isegwi li peress li s-sitt aggravju għandu jiġi ddikjarat fondat, hemm lok li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika billi llimitat l-eżami tagħha għall-korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 imputata għas-sena finanzjarja 2009 fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-PAK, iddedikat għall-iżvilupp rurali u billi ma eżaminatx il-korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 imputata lis-sena finanzjarja 2010 fl-ammont ta’ EUR 5 496 524.54 inkonnessjoni mal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-PAK, iddedikat għall-iżvilupp rurali.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

120    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

121    Fir-rirgward tat-tieni lment insostenn tat-tielet motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, mill-punti 155 sa 168 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali llimitat il-portata tat-talba tar-Repubblika Ellenika dwar l-eżistenza ta’ korrezzjoni doppja fir-rigward biss tas-sena finanzjarja 2009 filwaqt li, fir-rikors promotur tagħha, ir-Repubblika Ellenika indirizzat kemm is-sena finanzjarja 2009 kif ukoll is-sena finanzjarja 2010.

122    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-korrezzjoni li tirrigwarda s-sena ta’ applikazzjoni 2008 inkonnessjoni mas-sena finanzjarja 2010, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tispeċifikax sal-grad rikjest mil-liġi sa fejn il-korrezzjoni imposta skont id-Deċiżjoni 2013/214 ġiet riflessa fl-ammont tal-korrezzjoni deċiża skont id-deċiżjoni kontenzjuża sabiex tiġi evitata korrezzjoni doppja.

123    Fit-tieni lok, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jippermettix li jiġi ddeterminat sal-grad rikjest mil-liġi jekk – u jekk applikabbli sa liema punt – il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2013/214 fil-kalkolu tal-korrezzjoni marbuta mas-sena ta’ applikazzjoni 2008 inkonnessjoni mas-sena finanzjarja 2010.

124    Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqa’ t-tieni lment insostenn tat-tielet motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn din tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/214 waqt il-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni ta’ EUR 5 496 524.54, tat-tnaqqis ta’ EUR 270 175.45 u tal-effett finanzjarju ta’ EUR 5 226 349.09, inkonnessjoni mal-ispejjeż imwettqa mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-iżvilupp rurali FAEŻR Axe 2 (2007-2013, miżuri marbuta mas-superfiċji) u imposti fir-rigward tas-sena finanzjarja 2010, minħabba n-nuqqasijiet li jikkonċernaw is-SIPA u l-kontrolli fuq il-post (it-tieni pilastru, sena ta’ applikazzjoni 2008).

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

126    Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

127    Peress li li r-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni tilfu f’waħda jew iktar mill-kapijiet tat-talba tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza jew tal-appell.

128    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

129    Ir-Renju ta’ Spanja, bħala parti intervenjenti fl-appell, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Marzu 2017, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T112/15, EU:T:2017:239), huma annullati sa fejn, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika billi llimitat l-eżami tagħha għall-korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 imputata lis-sena finanzjarja 2009 fir-rigward tal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-politika agrikola komuni (PAK), iddedikat għall-iżvilupp rurali u billi ma eżaminatx il-korrezzjoni għas-sena ta’ applikazzjoni 2008 imputata lis-sena finanzjarja 2010 fl-ammont ta’ EUR 5 496 524.54 inkonnessjoni mal-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-PAK, iddedikat għall-iżvilupp rurali u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet fuq l-ispejjeż.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/950/UE tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont it-Sezzjoni tal-Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn din tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/214/UE tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fil-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni ta’ EUR 5 496 524.54, tat-tnaqqis ta’ EUR 270 175.45 u tal-effett finanzjarju ta’ EUR5 226 349.09, inkonnessjoni mal-ispejjeż imwettqa mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-iżvilupp rurali FAEŻR Axe 2 (2007-2013, miżuri marbuta mas-superfiċji) u imposti fir-rigward tas-sena finanzjarja 2010, minħabba n-nuqqasijiet li jikkonċernaw is-SIPA u l-kontrolli fuq il-post (it-tieni pilastru, sena ta’ applikazzjoni 2008).

4)      Ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell.

5)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż proprji tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.