Language of document : ECLI:EU:C:2019:406

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Mejju 2019 (*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Regolament (UE) 2015/2424 – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali Vermögensmanufaktur – Dikjarazzjoni ta’ invalidità – Dritt għal smigħ xieraq – Eżami ex officio tal-fatti – Retroattività – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Motivazzjoni tas-sentenzi”

Fil-Kawża C‑653/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2017,

VM Vermögens-Management GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn T. Dolde u P. Homann, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

DAT Vermögensmanagement GmbH, stabbilita f’Baldham (il‑Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, VM Vermögens-Management GmbH qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Settembru 2017, VM vs EUIPO – DAT Vermögensmanagement (Vermögensmanufaktur) (T‑374/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:589), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad-29 ta’ April 2015 (Każ R 418/2014‑5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), dwar proċedimenti ta’ invalidità bejn DAT Vermögensmanagement GmbH u VM Vermögens-Management.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009

2        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

(b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(c)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

[...]”

3        L-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi:

“1.      Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appelli.

2.      Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

[...]”

4        Skont l-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament, intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati”:

“Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

5        L-Artikolu 76 tal-istess regolament, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.      L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

 Ir-Regolament (UE) 2015/2424

6        Il-punt 28 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 1), jipprovdi:

“L-Artikolu 28 [tar-Regolament Nru 207/2009] huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 28

Denominazzjoni u klassifikazzjoni ta’ oġġetti u servizzi

[...]

8.      Il-proprjetarji ta’ trademarks tal-UE li għalihom tkun saret applikazzjoni qabel it-22 ta’ Ġunju 2012 li huma rreġistrati fir-rigward tal-intestatura sħiħa ta’ klassi ta’ Nizza, jistgħu jiddikjaraw li l-intenzjoni tagħhom fid-data tal-preżentazzjoni kienet li jfittxu protezzjoni fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi lil hinn minn dawk li huma koperti mit-tifsira litterali tal-intestatura ta’ dik il-klassi, sakemm l-oġġetti jew is-servizzi hekk denominati jkunu inklużi fil-lista alfabetika għal dik il-klassi fl-edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni.

Id-dikjarazzjoni għandha ssir fl-Uffiċċju sal-24 ta’ Settembru 2016, u għandha tindika, b’mod ċar, preċiż u speċifiku, l-oġġetti u s-servizzi, għajr dawk koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet tal-intestatura tal-klassi, oriġinarjament koperti mill-intenzjoni tal-proprjetarju. L-Uffiċċju għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jemenda r-Reġistru skont dan. Il-possibbiltà li ssir dikjarazzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15, l-Artikolu 42(2), l-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 57(2).

It-trademarks tal-UE li għalihom ma ssir l-ebda dikjarazzjoni fi żmien il-perijodu msemmi fit-tieni subparagrafu għandhom jitqiesu li jestendu, minn meta jiskadi dak il-perijodu, biss għal oġġetti jew servizzi koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet inklużi fl-intestatura tal-klassi rilevanti.

9.      Fejn ir-reġistru jkun emendat, id-drittijiet esklużivi mogħtija mit-trademark tal-UE skont l-Artikolu 9 ma għandhomx jipprevjenu lil parti terza milli tkompli tuża trademark fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi meta u sa fejn l-użu tat-trademark għal dawk l-oġġetti jew servizzi:

(a)      jkun beda qabel ma ġie emendat ir-reġistru; u

(b)      ma kisirx id-drittijiet tal-proprjetarju abbażi tat-tifsira litterali tar-rekord tal-oġġetti u s-servizzi fir-reġistru f’dak il-mument.

Barra minn hekk, l-emenda tal-lista ta’ oġġetti jew servizzi rreġistrati fir-reġistru m’għandhiex tagħti lill-proprjetarju tat-trademark tal-UE d-dritt li jopponi jew li japplika għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trademark sussegwenti meta u sa fejn:

(a)      it-trademark sussegwenti kienet jew qed tintuża, jew kienet saret applikazzjoni biex tiġi rreġistrata t-trademark, għal oġġetti jew servizzi qabel ma ġie emendat ir-reġistru; u

(b)      l-użu tat-trademark fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti jew servizzi ma kisirx, jew ma kienx ser jikser, id-drittijiet tal-proprjetarju abbażi tat-tifsira litterali tar-rekord tal-oġġetti u s-servizzi fir-reġistru f’dak il-mument.’”

 Il-Komunikazzjonijiet Nri 4/03 u 2/12

7        L-ewwel paragrafu tal-punt IV tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-EUIPO tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar l-użu tat-titoli tal-klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u għar-reġistrazzjonijiet ta’ trade mark Komunitarja, kien jipprovdi:

“L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu t-totalità tal-prodotti u tas-servizzi, u għalhekk l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha mogħtija fit-titolu ta’ klassi ta’ klassi partikolari jikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jaqgħu f’din il-klassi partikolari.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-EUIPO adotta l-Komunikazzjoni Nru 2/12, li tħassar il-Komunikazzjoni Nru 4/03 u li tikkonċerna l-użu tat-titoli tal-klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u għar-reġistrazzjonijiet ta’ trade mark Komunitarja. Il-punt V ta’ din il-komunikazzjoni kien jipprevedi:

“Fir-rigward tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ tal-[Komunikazzjoni Nru 2/12] u li jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha mogħtija fit-titolu ta’ klassi partikolari, l-[EUIPO] iqis li l-intenzjoni tal-applikant, fid-dawl tal-kontenut tal-Komunikazzjoni Nru 4/03, kienet li jkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-preżentata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jiġu deskritti fil-qasir bil-mod segwenti.

10      Fit-18 ta’ Diċembru 2009, l-appellanti, VM Vermögens-Management, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet is-sinjal verbali “Vermögensmanufaktur” (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”).

11      Is-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u kienu jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 35: “Reklamar; servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol tal-uffiċċju”;

–        klassi 36: “Assigurazzjonijiet; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; ġestjoni ta’ portafoll, konsultazzjonijiet finanzjarji; affarijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli”.

12      Fit-8 ta’ Frar 2011, l-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 26/2011. Fit-18 ta’ Mejju 2011, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bin-numru 8770042.

13      Fit-30 ta’ Lulju 2012, l-intervenjenti fl-ewwel istanza, DAT Vermögensmanagement, ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-konfront tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi kollha li għalihom kienet ġiet irreġistrata, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem it-“talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”).

14      Fil-15 ta’ Jannar 2013, l-appellanti ppreżentat osservazzjonijiet fejn talbet li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi miċħuda fl-intier tagħha. Fis-7 ta’ Ġunju 2013, l-intervenjenti fl-ewwel istanza ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawk ippreżentati mill-appellanti fil-15 ta’ Jannar 2013 u ppreżentat l-Annessi 7 sa 25, imsemmija fil-punt 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija talbet ukoll estensjoni tat-terminu sabiex tipproduċi l-provi addizzjonali li hija kienet talbet li tikkonsulta mingħand id-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade Marks Ġermaniż), iżda li kienet għadha ma rċevietx.

15      Fit-12 ta’ Awwissu 2013, l-appellanti talbet estensjoni tat-terminu sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, estensjoni li ngħatat mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

16      Fit-23 ta’ Awwissu 2013, l-intervenjenti fl-ewwel istanza ppreżentat osservazzjonijiet ġodda, li magħhom kienu mehmuża l-Annessi 26 sa 30, imsemmija fil-punt 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“Annessi kontenzjużi”). Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kklassifikat, b’mod żbaljat, dawn l-osservazzjonijiet bħala dawk tal-appellanti u fit-2 ta’ Settembru 2013 innotifikathom, bħala tali, lill-intervenjenti fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, hija informat liż-żewġ partijiet li l-fażi kontradittorja tal-proċedimenti kienet ingħalqet. Fl-istess jum, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, wara li ndunat bl-iżball tagħha, annullat il-komunikazzjoni tagħha indirizzata lill-appellanti.

17      Fl-14 ta’ Ottubru 2013, l-EUIPO informa lill-appellanti biċ-ċaħda tat-talba għal estensjoni tat-terminu mressqa mill-intervenjenti fl-ewwel istanza fis-7 ta’ Ġunju 2013, għar-raġuni li din tal-aħħar ma kinitx immotivat din it-talba, u bil-fatt li l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar tat-23 ta’ Awwissu 2013 ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-EUIPO speċifika li kopja tal-ittra tal-intervenjenti fl-ewwel istanza tat-23 ta’ Awwissu 2013 kienet intbagħtitilha biss għal finijiet ta’ informazzjoni.

18      Fit-30 ta’ Ottubru 2013, l-appellanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-intervenjenti fl-ewwel istanza fis-7 ta’ Ġunju 2013.

19      Fit-8 ta’ Novembru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni bagħtet lill-intervenjenti fl-ewwel istanza l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti fit-30 ta’ Ottubru 2013, filwaqt li indikat li dawn l-osservazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-osservazzjonijiet tat-23 ta’ Awwissu 2013 u, għal darba oħra, iddikjarat magħluqa l-fażi kontradittorja tal-proċedimenti.

20      Fl-10 ta’ Diċembru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha. Hija essenzjalment ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li l-kelma Ġermaniża “Manufaktur” ma setax ikollha tifsira konkreta fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, minħabba n-natura intanġibbli tagħhom. Għaldaqstant, skont id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-kombinazzjoni tal-kliem Ġermaniż “Vermögen” u “Manufaktur” kellha, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, karattru distintiv u ma kinitx ta’ natura li tiddeskrivi servizzi.

21      Fil-5 ta’ Frar 2014, l-intervenjenti fl-ewwel istanza ppreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

22      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ dan l-appell. Huwa qies, fl-ewwel lok, li d-dokumenti prodotti quddiemu mill-appellanti u mill-intervenjenti fl-ewwel istanza kienu biss provi li jikkompletaw u jikkonkretizzaw il-provi diġà prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li, għalhekk, huwa kien qiegħed jeżerċita, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jaċċettahom. Huwa qies, fit-tieni lok, li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva u ma kellhiex karattru distintiv. Għaldaqstant, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara invalida t-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-9 ta’ Lulju 2015, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. L-appellanti invokat erba’ motivi insostenn ta’ dan ir-rikors, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-intervenjenti fl-ewwel istanza fit-23 ta’ Awwissu 2013 meta dawn kienu ġew miċħuda minħabba li kienu ġew ippreżentati tard, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-Bord tal-Appell inkluda ex officio, fil-kuntest tal-eżami tiegħu, fatti li l-partijiet ma kinux invokaw fil-ħin, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament li wassal lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tas-servizzi kkonċernati u, fl-aħħar nett, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru distintiv.

24      Wara l-preżentata tar-rikors, fil-15 ta’ Novembru 2016, l-EUIPO informa lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li, fit-23 ta’ Settembru 2016, l-appellanti kienet ippreżentat dikjarazzjoni skont l-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-2016”), sabiex tispeċifika s-servizzi li kellha l-intenzjoni tinkludi fil-kuntest tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. L-EUIPO indika li, skont il-lista ġdida ta’ servizzi, ippubblikata fis-7 ta’ Novembru 2016 fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, minbarra s-servizzi msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, is-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kienu jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn il-klassijiet bid-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ b’irkant; riċerki marbuta mal-kummerċ; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza kummerċjali indirizzati lill-konsumaturi [ċentru ta’ informazzjoni għall-konsumaturi]; previżjonijiet ekonomiċi; servizzi ta’ aġenziji ta’ informazzjoni kummerċjali; investigazzjonijiet marbuta mal-kummerċ; studju tas-suq; [...] servizzi ta’ ħarsa lejn l-istampa; stħarriġ tal-opinjoni; servizzi ta’ paragun tal-prezzijiet; servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi; riċerka ta’ sponsorships”;

–        klassi 36: “Konsultazzjoni fil-qasam finanzjarju; informazzjoni finanzjarja; konsultazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet; informazzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet; servizzi ta’ depożitu f’sejfijiet; sponsorship finanzjarju; depożitu ta’ titoli”.

25      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tal-EUIPO tal-15 ta’ Novembru 2016, l-appellanti talbet lill-Qorti Ġenerali, b’mod sussidjarju, sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward biss tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, u sabiex tiddeċiedi li t-trade mark ikkontestata kellha tibqa’ rreġistrata legalment għas-servizzi koperti mid-dikjarazzjoni tal-2016, u, b’mod iktar sussidjarju, sabiex tikkonferma d-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward biss tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, u sabiex tibgħat il-kawża lura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO sabiex twettaq eżami inizjali fir-rigward tas-servizzi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-2016.

26      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27      L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata:

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

28      L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

29      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), it-tieni wieħed, fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76 tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

30      Permezz tal-ewwel żewġ aggravji tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, billi rrifjutat li tirrikonoxxi, essenzjalment, li, minħabba l-portata retroattiva tal-emenda tar-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“reġistru”) wara d-dikjarazzjoni tal-2016 tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet annullat it-trade mark ikkontestata fir-rigward biss tas-servizzi li jaqgħu fit-tifsira letterali tat-titolu tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u li, għalhekk, fl-ebda mument ma kien possibbli li tiġi vverifikata n-natura reġistrabbli ta’ din it-trade mark għas-servizzi miżjuda għall-ewwel darba permezz ta’ din id-dikjarazzjoni. L-appellanti targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali, minħabba f’hekk, ivvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

31      Fl-ewwel lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, li, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti kienet qiegħda titlobha tibdel id-deċiżjoni kontenzjuża, kif previst fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

32      Issa, fil-punt 153 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, skont l-appellanti, li l-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament kien jippermettilha biss tannulla jew tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO minħabba nuqqas ta’ kompetenza, minħabba ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, minħabba ksur tat-Trattat, tal-imsemmi regolament jew ta’ kwalunke dispożizzjoni legali oħra dwar l-applikazzjoni tagħhom, jew minħabba użu ħażin ta’ poter.

33      Wara li fakkret li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tibdel tali deċiżjoni għal raġunijiet li joħorġu wara l-adozzjoni tagħha, fil-punt 154 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat, skont l-appellanti, li d-dikjarazzjoni tal-2016 kienet sussegwenti għad-deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, warrbet bħala inammissibbli, fil-punt 155 ta’ dik is-sentenza, it-talbiet imressqa mill-appellanti fl-osservazzjonijiet tagħha msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

34      Madankollu, l-appellanti ssostni li l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi eskluża jekk twassal sabiex l-interessi tagħha, li huma protetti minn prinċipji fundamentali, jintlaqtu mingħajr ġustifikazzjoni fattwali jew motivazzjoni ddettaljata, li huwa l-każ hawnhekk.

35      Skont l-appellanti, b’reazzjoni għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), l-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, jipprevedi, sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea, perijodu tranżitorju li matulu dawn il-proprjetarji, li kienu bbażaw ruħhom fuq il-prattika tal-EUIPO li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien u li kienu rreġistraw it-trade marks tagħhom għat-titolu kollu ta’ klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice, setgħu jiddikjaraw li l-intenzjoni tagħhom, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħhom, kienet li jitolbu l-protezzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi lil hinn mit-tifsira letterali tat-titolu ta’ dawn il-klassijiet, bil-kundizzjoni li l-prodotti jew is-servizzi hekk indikati jinsabu fil-lista alfabetika ta’ dawn il-klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice.

36      Bir-riferiment, b’mod partikolari, f’din id-dispożizzjoni, għall-intenzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, kien intiż li l-emenda tar-reġistru, wara dikjarazzjoni magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, tkun retroattiva għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

37      Għaldaqstant, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kien imissha kkunsidrat it-trade mark ikkontestata daqslikieku, fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, kienet ġiet irreġistrata mhux biss fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġenerali tat-titoli tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, iżda wkoll fir-rigward tas-servizzi miżjuda għall-ewwel darba permezz tad-dikjarazzjoni tal-2016.

38      Issa, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata retroattiva tal-emenda tar-reġistru li tirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-2016 meta kkonstatat, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li t-talbiet tal-appellanti kienu bbażati fuq fatt li ħareġ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

39      L-appellanti ssostni li b’hekk il-Qorti Ġenerali ċaħditha mill-possibbiltà li tiġi żgurata l-verifika tan-natura reġistrabbli, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, tal-espressjoni “Vermögensmanufaktur” fir-rigward tas-servizzi li kienu ġew inklużi permezz tad-dikjarazzjoni tal-2016 u, għaldaqstant, kisret b’mod inġustifikat il-protezzjoni tad-dritt tagħha għall-proprjetà intellettwali previst fl-Artikolu 17 tal-Karta u wettqet ksur tad-dritt għal smigħ tagħha li joħroġ mill-Artikolu 47 tal-Karta.

40      Fit-tieni lok, l-appellanti targumenta li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 149 sa 155 tas-sentenza appellata, li wassalha sabiex tiċħad bħala inammissibbli l-argumenti li fuq il-bażi tagħhom l-appellanti kienet talbitha tirrikonoxxi, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx annullat it-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi koperti mid-dikjarazzjoni tal-2016, huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

41      Skont l-appellanti, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-appellanti tosserva li, għalkemm il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, huwa madankollu meħtieġ li l-Qorti Ġenerali teżamina b’mod suffiċjenti t-talbiet u l-punti prinċipali kollha tal-argumenti tal-partijiet.

42      Issa, skont l-appellanti, bħala motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punti 152 sa 154 tas-sentenza appellata, il-fatt li hija ma tistax tannulla jew tibdel id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-bażi ta’ raġunijiet li joħorġu wara l-adozzjoni tagħha, mingħajr ma teżamina l-effett retroattiv tal-emenda tar-reġistru minħabba d-dikjarazzjoni tal-2016. B’hekk, minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina punt essenzjali tal-argumenti tagħha.

43      Barra minn hekk, fir-replika tagħha l-appellanti sostniet li l-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-allegata impossibbiltà li tiġi rreġistrata, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-espressjoni “Vermögensmanufaktur” għall-indikazzjonijiet ġenerali tat-titoli tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice ma tistax tiġi sempliċement trasposta għas-servizzi li ġew miżjuda permezz tad-dikjarazzjoni tal-2016.

44      Tali traspożizzjoni hija possibbli biss, skont l-appellanti, għas-servizzi li għandhom rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-indikazzjonijiet ġenerali tat-titoli tal-klassijiet tal-ftehim ta’ Nice tant li jifformaw kategorija ta’ servizzi omoġena.

45      Issa, la l-EUIPO u lanqas il-Qorti Ġenerali ma wrew li l-motivazzjoni dwar l-allegata impossibbiltà li t-trade mark ikkontestata tiġi rreġistrata ma tapplikax biss għall-indikazzjonijiet ġenerali tat-titoli tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice iżda tapplika wkoll għas-servizzi miżjuda għall-ewwel darba permezz tad-dikjarazzjoni tal-2016.

46      L-EUIPO jsostni li l-ewwel żewġ aggravji ma mhumiex fondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Sa fejn l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 149 sa 155 tas-sentenza appellata, minn naħa, kisret l-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, ivvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi osservat li l-argumenti mqajma minnha huma bbażati fuq il-premessa li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, u għalhekk id-deċiżjoni kontenzjuża suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, tikkonċerna biss l-indikazzjonijiet ġenerali tat-titoli tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, bil-konsegwenza li l-protezzjoni ta’ din it-trade mark kienet ġiet estiża, minħabba d-dikjarazzjoni tal-2016, għas-servizzi miżjuda permezz tagħha, li għaldaqstant ma kinux is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża li tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata.

48      Issa, għandu jiġi osservat li, konformement mal-approċċ espost fl-ewwel paragrafu tal-punt IV tal-Komunikazzjoni Nru 4/03, kif ukoll fil-punt V tal-Komunikazzjoni Nru 2/12, l-indikazzjoni tat-titoli tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice fl-applikazzjoni għat-trade mark Vermögensmanufaktur kienet maħsuba sabiex din it-trade mark tiġi protetta fir-rigward tat-totalità tas-servizzi li jinsabu fil-lista alfabetika ta’ dawn il-klassijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India, C‑577/14 P, EU:C:2017:122, punti 31 u 32).

49      Minn dan isegwi li, fid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, il-protezzjoni li kienet tibbenefika minnha t-trade mark ikkontestata kienet diġà tinkludi s-servizzi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-2016. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, jipprevedi li t-trade marks li fir-rigward tagħhom ma ġietx ippreżentata dikjarazzjoni għandhom jitqiesu, b’effett mill-24 ta’ Settembru 2016, li jkopru biss il-prodotti jew is-servizzi li jaqgħu b’mod ċar fit-tifsira letterali tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-titolu tal-klassi kkonċernata tal-Ftehim ta’ Nice.

50      B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-appellanti, id-dikjarazzjoni tal-2016 ma kellhiex l-għan li żżid servizzi ġodda mal-protezzjoni li tibbenefika minnha t-trade mark ikkontestata iżda li tiżgura li, b’effett mill-iskadenza tat-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, is-servizzi koperti minn din id-dikjarazzjoni jibqgħu jibbenefikaw minn din il-protezzjoni minkejja l-fatt li ma jaqgħux b’mod ċar fit-tifsira letterali tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-titolu tal-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

51      Għaldaqstant, kif osserva ġustament l-EUIPO fl-atti tiegħu, filwaqt li d-deċiżjoni kontenzjuża ngħatat qabel id-dikjarazzjoni tal-2016, hija kienet tikkonċerna s-servizzi kollha li fir-rigward tagħhom it-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata u għalhekk is-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, inklużi dawk koperti minn din id-dikjarazzjoni, b’tali mod li din id-deċiżjoni ddikjarat l-invalidità ta’ din it-trade mark fir-rigward ta’ dawn is-servizzi kollha.

52      Għaldaqstant, sa fejn huma bbażati fuq premessa li ma tikkorrispondix mal-portata tal-protezzjoni li kienet effettivament tibbenefika minnha t-trade mark ikkontestata, l-argumenti żviluppati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel żewġ aggravji huma bbażati fuq premessa legalment żbaljata.

53      Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni li tippermetti lill-appellanti tidentifika r-raġunijiet għaliex ċaħdet it-talbiet tagħha għal bidla tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata, f’dan ir-rigward, minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

54      Għaldaqstant, l-ewwel żewġ aggravji għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

55      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 meta kkonstatat li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva fir-rigward tas-servizzi kollha koperti minn din it-trade mark, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ “reklamar” u ta’ “xogħol tal-uffiċċju”.

56      Fl-ewwel lok, l-appellanti targumenta li s-sentenza appellata hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ineżatti fir-rigward tal-perċezzjoni, mill-pubbliku rilevanti, tal-espressjoni “Vermögensmanufaktur”.

57      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li dan il-pubbliku kellu l-kapaċità jifhem it-tifsira tal-kliem Ġermaniż “Vermögen” u “Manufaktur”. Min-naħa l-oħra, fil-punti 57 u 58 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kelmiet kellha tifsira ċara u inekwivoka, jiġifieri dik tal-“manifattura ta’ patrimonju”, li ma tmurx lil hinn mis-somma tal-indikazzjonijiet mogħtija minn dawn iż-żewġ elementi, u minn dan iddeduċiet li l-pubbliku rilevanti kellu l-kapaċità jifhem li t-trade mark ikkontestata kienet tirreferi għal struttura jew għal post partikolari fejn kienu prodotti jew proposti, b’mod mhux standardizzat, servizzi b’kontenut tematiku li kien preċiż ħafna u li kellu relazzjoni mill-qrib mal-patrimonju u mal-finanzi.

58      Issa, skont l-appellanti, il-kelma “Manufaktur” tintuża fil-lingwa kurrenti fir-rigward tal-merkanzija biss. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ servizzi, il-kelma “Vermögensmanufaktur” tiskatta, għall-pubbliku rilevanti, proċess ta’ riflessjoni u ma tkunx assoċjata direttament u immedjatament ma’ servizzi individwalizzati ta’ kwalità għolja.

59      Fit-tieni lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat in-natura deskrittiva tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-“servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju” u tas-servizzi ta’ “amministrazzjoni kummerċjali”, li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

60      L-ewwel nett, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-kelma “Manufaktur” tista’ tirreferi għall-post tal-provvista tas-servizzi u li l-espressjoni “Vermögensmanufaktur” tista’ għalhekk titqies bħala l-indikazzjoni ta’ tali post. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li s-“servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju” kif ukoll is-servizzi ta’ “amministrazzjoni kummerċjali” jistgħu jiġu pprovduti f’tali “manifattura ta’ patrimonju”.

61      It-tieni nett, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-kelma “Manufaktur” tista’ tirreferi għal servizzi individwalizzati ta’ kwalità għolja, b’tali mod li l-espressjoni “manifattura ta’ patrimonju” tiddeskrivi l-użu intenzjonat tas-“servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju” u tas-servizzi ta’ “amministrazzjoni kummerċjali” fis-sens li l-imsemmija servizzi ser jinftiehmu bħala servizzi ta’ kwalità superjuri li jippermettu l-kisba ta’ patrimonju b’mod individwalizzat.

62      Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jeżiġi l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark ikkontestata ma tikkonsistix esklużivament f’indikazzjoni li tintuża, fil-kummerċ, sabiex jiġi indikat l-użu intenzjonat ta’ tali servizzi. Is-“servizzi ta’ ġestjoni tan-negozju” u s-servizzi ta’ “amministrazzjoni kummerċjali” huma maħsuba sabiex jiġi żgurat is-suċċess operazzjonali u ekonomiku ta’ impriża. Dawn is-servizzi għalhekk ma humiex intiżi għall-kisba ta’ patrimonju.

63      Bl-istess mod, l-eventwali indikazzjonijiet dwar servizzi ta’ “kwalità partikolarment għolja” jew dwar “servizzi individwalizzati” ma jagħtux informazzjoni dwar l-użu intenzjonat ta’ dawn is-servizzi.

64      Fit-tielet lok, dejjem skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2007 meta kkonkludiet, fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata hija deskrittiva fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

65      Tali raġunament huwa bbażat esklużivament fuq l-allegazzjoni li l-kelma “Vermögensmanufaktur” ser tinftiehem bħala l-post fejn jiġu pprovduti s-servizzi li jaqgħu fl-imsemmija klassi 36. Issa, b’dan jiġi identifikat biss, l-iktar l-iktar, il-fornitur ta’ dawn is-servizzi, u mhux karatteristika tal-imsemmija servizzi.

66      Barra minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija, skont l-appellanti, kontradittorja. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali tqis, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, li l-kelma “Manufaktur” ser tinftiehem lil hinn mit-tifsira oriġinali tagħha bħala marbuta ma’ servizzi ta’ kwalità għolja, mill-punt 69 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, din il-kelma għandha żżomm it-tifsira oriġinali tagħha u tirreferi għall-post preċiż fejn jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati.

67      L-EUIPO jsostni li t-tielet aggravju huwa manifestament infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tinvoka interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u motivazzjoni allegatament kontradittorja tas-sentenza appellata, l-appellanti qiegħda tikkontesta biss l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata mill-pubbliku rilevanti u fir-rigward tal-karattru deskrittiv tagħha fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

70      B’hekk, fil-verità, l-appellanti qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi bl-analiżi tagħha l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti u tal-provi, mingħajr ma tallega madankollu ebda żnaturament tagħhom.

71      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

72      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u b’hekk ikkonkludiet, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru distintiv.

73      Hija ssostni, l-ewwel nett, li, fil-punt 110 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat biss li, fid-dawl tas-servizzi kkonċernati, din it-trade mark hija pperċepita, b’mod ċar u dirett, mill-pubbliku rilevanti bħala li tirreferi għal servizzi ta’ kwalità għolja u bħala li tippermettilu jittama li l-provvista ta’ dawn is-servizzi ser twassal għal tkattir tal-patrimonju tiegħu.

74      It-tieni nett, fil-punt 111 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat biss li t-trade mark ikkontestata la hija suffiċjentement oriġinali jew notevoli u lanqas ma hija suffiċjentement inabitwali mill-aspett tal-istruttura formali tagħha sabiex teżiġi xi tip ta’ sforz ta’ interpretazzjoni, ta’ riflessjoni jew ta’ analiżi min-naħa tal-pubbliku rilevanti, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 47), l-eżistenza ta’ tali karatteristiċi ma hijiex kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ referenza ta’ tifħir.

75      B’hekk, b’mod partikolari fil-punti 112 u 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, immotivat il-konklużjoni tagħha li t-trade mark ikkontestata ma għandhiex karattru distintiv billi sostniet biss li din kienet ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala referenza ta’ tifħir jew bħala informazzjoni promozzjonali marbuta mal-effettività tas-servizzi kkonċernati.

76      B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li trade mark ma għandhiex karattru distintiv, peress li din tista’ tiġi pperċepita fl-istess ħin bħala informazzjoni promozzjonali u bħala indikazzjoni tal-oriġini, li għandha karattru distintiv (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 44).

77      Għaldaqstant, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali la stabbilixxiet u lanqas ma mmotivat b’mod suffiċjenti l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, u tali assenza lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-karattru allegatament deskrittiv tal-espressjoni “Vermögensmanufaktur”, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma humiex issodisfatti.

78      L-EUIPO jsostni li r-raba’ aggravju huwa manifestament infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79      L-argument tal-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għas-sempliċi raġuni li l-espressjoni “Vermögensmanufaktur” tikkostitwixxi referenza ta’ tifħir, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li trade mark li hija deskrittiva, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jkollhiex, għal din ir-raġuni, karattru distintiv.

81      Min-naħa l-oħra, fil-punt 96 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għall-kuntrarju, jekk trade mark ma tkunx deskrittiva fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija ma tkunx, għal din ir-raġuni, neċessarjament distintiva u li, f’tali każ, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, intrinsikament, din it-trade mark hijiex ta’ natura tali li tissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni sabiex tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz identifikati mit-trade mark jagħmel, fil-kuntest ta’ akkwist ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta waħda pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk l-esperjenza tirriżulta waħda negattiva.

82      Barra minn hekk, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konnotazzjoni ta’ tifħir ta’ trade mark verbali ma teskludix li din hija ta’ natura tali li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi identifikati minnha. B’hekk, trade mark tista’, fl-istess ħin, tiġi pperċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala formola promozzjonali u bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi identifikati minnha (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 45).

83      Madankollu, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li t-trade mark ikkontestata la hija suffiċjentement oriġinali, la hija notevoli, u lanqas ma għandha struttura formalment inabitwali sabiex teżiġi xi tip ta’ sforz ta’ interpretazzjoni, ta’ riflessjoni jew ta’ analiżi min-naħa tal-pubbliku rilevanti, b’tali mod li dan tal-aħħar b’hekk jassoċjaha qabel kollox mas-servizzi identifikati minnha.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali minn dan ikkonkludiet li ma jistax jiġi aċċettat li impriża għandha tkun tista’ timmonopolizza l-espressjoni “Vermögensmanufaktur” bħala trade mark tal-Unjoni meta din l-espressjoni ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi s-servizzi pprovduti minn din l-impriża minn dawk ipprovduti minn impriża oħra fl-istess settur ta’ attività.

85      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 112 tal-imsemmija sentenza, li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ser jasal sabiex jipperċepixxi fit-trade mark ikkontestata, lil hinn minn informazzjoni promozzjonali, indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali partikolari li tippermettilu jagħmel, fil-kuntest ta’ akkwist ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tirriżulta waħda pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk l-esperjenza tirriżulta waħda negattiva.

86      Minn dan isegwi li l-appellanti ma tistax issostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li, kif jirriżulta mill-punt 113 tas-sentenza appellata, it-trade mark ikkontestata ma għandhiex karattru distintiv hija motivata biss mill-karattru ta’ tifħir ta’ din it-trade mark.

87      Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames u s-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

88      Permezz tal-ħames u tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, meta kkunsidrat, fil-punti 123 sa 133 u 135 sa 148 tas-sentenza appellata, li l-Annessi kontenzjużi 26 sa 30 prodotti mill-intervenjenti fl-ewwel istanza ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod determinanti mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tiegħu tan-natura reġistrabbli tat-trade mark ikkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret, minn naħa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-EUIPO ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li l-partijiet ma jkunux ipproduċew fil-ħin.

89      Skont l-appellanti, fir-rigward tal-Annessi kontenzjużi 27, 29 u 30, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 125 u 141 tas-sentenza appellata, li dawn l-annessi ma ssemmewx b’mod espliċitu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

90      Issa, filwaqt li tammetti li l-Bord tal-Appell ma semmiex espliċitament dawn l-annessi, l-appellanti ssostni li l-punti 29 u 40 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriproduċu t-termini tal-Anness kontenzjuż 29. Għaldaqstant, skont l-appellanti, dan l-anness ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, mingħajr ma kellha l-possibbiltà tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-annessi kontenzjużi.

91      L-appellanti targumenta, barra minn hekk, li, peress li warrbet l-ilmenti bbażati fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għas-sempliċi raġuni li l-Annessi kontenzjużi 27, 29 u 30 ma ssemmewx b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk dawn l-annessi kinux fatturi determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell jew kinux sempliċement provi supplimentari.

92      Fir-rigward tal-Annessi kontenzjużi 26 u 28, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari fil-punt 128, 132 u 142 tas-sentenza appellata, li dawn ma kinux determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell u li kienu biss provi komplementari.

93      Issa, fir-rigward tal-Anness kontenzjuż 28, dan jikkonċerna preċiżament l-istess trade mark Ġermaniża Finanzmanufaktur bħal dik imsemmija fl-Anness kontenzjuż 29, li ġie riprodott bl-istess termini mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, skont l-appellanti, huwa evidenti li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni wkoll dan l-anness 28 fl-evalwazzjoni tiegħu.

94      Fir-rigward tal-Anness kontenzjuż 26, dan jikkonċerna deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade Marks Ġermaniż dwar in-natura reġistrabbli tat-trade mark Kreditmanufaktur. Peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ġiet riprodotta kważi b’mod identiku mill-Bord tal-Appell, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dan l-anness huwa biss prova addizzjonali u ma kienx determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija, skont l-appellanti, żbaljata.

95      L-EUIPO jsostni li l-ħames u s-sitt aggravju huma manifestament infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Sa fejn huwa possibbli li jiġi osservat xebh bejn l-Annessi kontenzjużi u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif issostni l-appellanti, ma jistax jiġi nnegat li jista’ jiġi kkritikat il-fatt li ġew riprodotti provi li ma ġewx ippreżentati fil-ħin u li dwarhom il-partijiet ma setgħux jieħdu pożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-punti 128, 130 u 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Bord tal-Appell seta’ jibbaża r-raġunament tiegħu fuq annessi oħra ppreżentati mill-intervenjenti fl-ewwel istanza, imsemmija b’mod partikolari fil-punti 43 u 50 tas-sentenza appellata, u li fir-rigward tagħhom ma huwiex ikkontestat li ġew ippreżentati fil-ħin, li l-appellanti kienet ħadet konoxxenza tagħhom u li hija setgħet tieħu pożizzjoni dwarhom.

97      Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 132 u 142 tas-sentenza appellata, li l-Annessi kontenzjużi ma kinux determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell u li kienu biss provi supplimentari.

98      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-appell tagħha, l-appellanti qiegħda sempliċement ittenni, essenzjalment, l-argumenti li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza mingħajr ma tindika b’liema mod il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 134 u 144 tas-sentenza appellata, li l-motivi bbażati fuq eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-Annessi kontenzjużi mill-Bord tal-Appell kienu ineffettivi.

99      Għaldaqstant, il-ħames u s-sitt aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

100    Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

102    Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

103    Peress li l-EUIPO talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-EUIPO.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      VM Vermögens-Management GmbH għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.