Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Marzu 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court of the United Kingdom - ir-Renju Unit) – SM vs Entry Clearance Officer, UK Visa Section

(Kawża C-129/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni – Artikolu 2(2)(ċ) – Kunċett ta’ ‘dixxendent dirett’ – Wild taħt tutela legali permanenti skont is-sistema tal-kafala (għoti ta’ kura) Alġerina – Artikolu 3(2)(a) – Membri oħra tal-familja – Artikolu 7 u Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ħajja tal-familja – L-aħjar interessi tal-wild)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court of the United Kingdom

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SM

Konvenuti: Entry Clearance Officer, UK Visa Section

fil-preżenza ta’: Coram Children’s Legal Centre (CCLC), AIRE Centre

Dispożittiv

Il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix wild li jkun tqiegħed taħt it-tutela legali permanenti ta’ ċittadin tal-Unjoni skont il-kafala Alġerina, peress li dan it-tqegħid ma joħloq ebda rabta ta’ filjazzjoni bejniethom.

Madankollu huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ tali wild inkwantu membru ieħor tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi titwettaq evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha tal-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti differenti u, b’mod partikolari, l-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat. Fil-każ li jiġi stabbilit, fit-tmiem din l-evalwazzjoni, li l-wild u t-tutur tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, huma intiżi sabiex ikollhom ħajja tal-familja effettiva u li l-wild jiddependi mit-tutur tiegħu, ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, jeħtieġu, bħala prinċipju, l-għoti, lil dan il-wild, ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza sabiex ikun jista’ jgħix mat-tutur tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan tal-aħħar.

____________

1     ĠU C 134, 16.4.2018.