Language of document : ECLI:EU:C:2019:473

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 66 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 1(1) u (2)(a) – Materji esklużi – Effetti matrimonjali – Artikolu 54 – Talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat li jiċċertifika li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ oriġini hija eżekuttiva – Deċiżjoni ġudizzjarja dwar dejn li jirriżulta mill-ħall tad-drittijiet ta’ proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ sħubija de facto”

Fil-Kawża C‑361/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Iszekszárdi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Szekszárd, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Ágnes Weil

vs

Géza Gulácsi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2)(a), u tal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ágnes Weil, iddomiċiljata l-Ungerija, u Géza Gulácsi, iddomiċiljat ir-Renju Unit, dwar il-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva mogħtija kontra dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

3        Il-premessi 16 sa 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jistipulaw:

“(16)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)      B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament:

“1.      Parti li tfittex r-Rikonoxximent jew li tapplika għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha tipproduċi kopja tas-sentenza li jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha.

2.      Parti li tapplika għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha wkoll tipproduċi ċ-ċertifikat msemmija fl-Artikolu 54, bla ħsara għal l-Artikolu 55.”

6        L-Artikolu 54 tal-istess regolament jipprevedi:

“Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Memnru fejn kienet ingħatat is-sentenza għandha toħroġ, fuq it-talba ta' xi parti interessata, ċertifikat li juża l-formola normali f’L-Anness V ta’ dan ir-Regolament.”

7        L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 44/2001 jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ma jiġix prodott iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista’ tispeċifika żmien għal preżentazzjoni tiegħu jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li jkollha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, teżenta mil-produzzjoni tiegħu.”

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli bħala li għandhom effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ;

[...]”

9        L-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l‑10 ta’ Jannar 2015.

2.      Minkejja l-Artikolu 80, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

 Id-dritt Ungeriż

 Il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja

10      Il-bírósági végrehajtásról szóló 1994. évi LIII. törvény (il-Liġi Nru LIII tal‑1994 dwar l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja), tipprovdi, fl-Artikolu 31/C(1)(g) tagħha:

“Il-Qorti tal-Ewwel Istanza adita għandha toħroġ, fuq talba, [...] iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 billi tuża l-formolarju li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1215/2012.”

 Il-Kodiċi Ċivili

11      Il-Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal‑1959 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli meta ngħatat id-deċiżjoni li qiegħda tiġi mitluba l-eżekuzzjoni tagħha (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), kien jipprovdi, fl-Artikolu 578/G(1) u (2) tiegħu, li jinsab fil-punt 3, intitolat “Drittijiet tal-proprjetà tal-persuni li jikkoabitaw”, tal-Kapitolu XLVI tat-Titolu IV ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Id-dritt tal-obbligazzjonijiet”:

“1.      Matul il-ħajja tagħhom f’komunjoni, is-sieħba jakkwistaw b’mod komuni fi proporzjon tal-parteċipazzjoni tagħhom għall-akkwisti. Jekk dan il-proporzjon ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, għandu jitqies li l-kontribuzzjoni tagħhom hija identika. Ix-xogħol imwettaq fid-dar jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-parteċipazzjoni għall-akkwisti.

2.      Dawn ir-regoli huma applikabbli wkoll – bl-eċċezzjoni tal-konjuġi u tas-sieħba rreġistrati – għad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ ġenituri oħrajn li jgħixu fl-istess dar.”

12      L-Artikolu 685/A tal-Kodiċi Ċivili, li jinsab fit-Titolu VI ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, kien jipprevedi:

“Hemm relazzjoni ta’ sħubija meta żewġ persuni jgħixu flimkien (f’komunjoni ta’ ħajja) f’relazzjoni emozzjonali u ekonomika mingħajr ma joħolqu żwieġ jew sħubija rreġistrata, meta dawn il-persuni ma jkunux ikkuntrattaw żwieġ, sħubija rreġistrata jew rabta ta’ sħubija ma’ persuni oħrajn u meta ma jkunx hemm bejniethom relazzjoni diretta mid-demm, kollaterali, ta’ qrubija ta’ demm jew tal-utru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      A. Weil u G. Gulácsi kienu sieħba mhux irreġistrati, fis-sens tal-Artikolu 685/A tal-Kodiċi Ċivili, li kellhom ħajja f’komunjoni fil-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2002 u x-xahar ta’ Ottubru 2006.

14      Permezz ta’ sentenza tas-Szekszárdi Városi Bíróság (il-Qorti Muniċipali ta’ Szekszárd, l-Ungerija) li saret definittiva u eżekuttiva fit‑23 ta’ April 2009, G. Gulácsi ġie kkundannat iħallas lil A. Weil is-somma ta’ HUF 665 133 (madwar EUR 2 060), flimkien ma’ interessi moratorji, wara l-ħall tad-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw mir-relazzjoni tagħhom ta’ sħubija de facto.

15      Sabiex tikseb il-ħlas ta’ dan il-kreditu, A. Weil bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fl-Ungerija fil-konfront ta’ G. Gulácsi, proċedura li ma rnexxietx, minħabba nuqqas ta’ assi fil-patrimonju ta’ dan tal-aħħar.

16      Peress li kienet taf li, sa mis-sena 2006, G. Gulácsi kien jgħix fir-Renju Unit fejn kellu dħul regolari, A. Weil ippreżentat, fit‑22 ta’ Novembru 2017, quddiem is-Szekszárdi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Szekszárd, l-Ungerija), l-istess qorti bħal dik li tat is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, talba intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

17      Adita b’din it-talba, il-qorti tar-rinviju għandha, fl-ewwel lok, xi dubji dwar il-possibbiltà li jiġi vverifikat, fil-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, jekk l-azzjoni li wasslet għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2009 taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

18      F’dan ir-rigward, hija targumenta li t-tneħħija tal-exequatur bir-Regolament Nru 1215/2012 tinvolvi li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ tagħmel biss stħarriġ formali ta’ talba ta’ eżekuzzjoni. Konsegwentement, li kieku l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini kellha tkun obbligata toħroġ awtomatikament iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, kien ikun jeżisti r-riskju li xi kawżi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ikunu suġġetti għas-sistema ta’ eżekuzzjoni stabbilita minnu, peress li l-motivi ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni huma previsti b’mod eżawrjenti mill-imsemmi regolament.

19      Fl-ipoteżi li l-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jkunx awtomatiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk id-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ sħubija de facto jaqgħux taħt materji ċivili jew kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jew jekk humiex relatati mal-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari mad-drittijiet ta’ proprjetà li jirriżultaw minn relazzjonijiet li, skont il-liġi li hija applikabbli għalihom, jitqiesu li għandhom effetti paragunabbli għaż-żwieġ, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tal-imsemmi regolament.

20      F’dan ir-rigward, din il-qorti targumenta li, skont l-Artikolu 578/G(1) tal-Kodiċi Ċivili, id-drittijiet tal-proprjetà bejn sieħba de facto kienu jaqgħu taħt id-dritt tal-obbligazzjonijiet.

21      L-imsemmija qorti tenfasizza wkoll li, fil-verżjoni fil-lingwa Ungeriża tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, b’differenza għal verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni, l-espressjoni “effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ” ġiet tradotta għal “effetti ġuridiċi komparabbli għal dawk taż-żwieġ”. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk għandhiex tingħata iktar importanza għal x’tinkludi relazzjoni ta’ sħubija de facto jew għall-effetti ġuridiċi tagħha. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, mill-perspettiva ta’ x’tinkludi r-relazzjoni, ma hemmx differenza fundamentali bejn tali relazzjoni ta’ sħubija u ż-żwieġ, peress li t-tnejn huma bbażati fuq relazzjoni emozzjonali u ekonomika. Min-naħa l-oħra, mill-perspettiva legali, id-dritt Ungeriż kien jirregola b’mod differenti ż-żewġ forom ta’ komunjoni tal-ħajja, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kif jinqasmu l-beni inkomun, l-obbligu ta’ manteniment, l-użu tal-akkomodazzjoni u s-suċċessjoni. Madankollu, ma kienx hemm differenzi kbar bejn il-konjuġi u s-sieħba de facto f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji soċjali, il-vantaġġi fiskali għall-familji u l-għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-familji.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szekszárdi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Szekszárd) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 53 tar-Regolament [...] Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li tkun adottat id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi awtomatikament, fuq talba ta’ parti, iċ-ċertifikat dwar id-deċiżjoni mingħajr ma tivverifika li l-kawża taqa’ taħt ir-Regolament [...] Nru 1215/2012?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament [...] Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal rimbors bejn sieħba de facto taqa’ taħt id-drittijiet tal-proprjetà relatati ma’ relazzjonijiet li huma meqjusa li għandhom effetti (ġuridiċi) komparabbli ma’ dawk taż-żwieġ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq ir-regolament applikabbli

23      Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi tagħha fid-dawl tar-Regolament Nru 1215/2012 billi tieħu inkunsiderazzjoni d-data ta’ meta ġiet ippreżentata t-talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat, jiġifieri t‑22 ta’ Novembru 2017.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan għandu japplika b’mod partikolari għall-azzjonijiet ġudizzjarji istitwiti sa mill‑10 ta’ Jannar 2015, u r-Regolament Nru 44/2001 jibqa’ jkun applikabbli għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-azzjonijiet ġudizzjarji istitwiti qabel l‑10 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-regolament applikabbli ratione temporis, għandha tittieħed bħala punt ta’ tluq id-data tal-istituzzjoni tal-azzjoni li wasslet għal deċiżjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, u mhux data ulterjuri, bħad-data tat-talba intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat li juri n-natura eżekuttiva ta’ tali deċiżjoni.

25      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni li fir-rigward tagħha huwa mitlub il-ħruġ taċ-ċertifikat li juri n-natura eżekuttiva tagħha ngħatat fit‑23 ta’ April 2009. Għaldaqstant, evidentement, l-azzjoni li wasslet għall-imsemmija deċiżjoni wkoll ġiet istitwita qabel id-data rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri l‑10 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, bħalma kkonstataw il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea, li, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis.

26      Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda għal deċiżjoni preliminari tagħha billi għamlet riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tipprekludix, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija tkun adita biha, sew jekk hija tkun għamlet riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43, kif ukoll tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑671/16, EU:C:2018:403, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel domanda

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 23 sa 26 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru, adita b’talba għal ħruġ ta’ ċertifikat li jiċċertifika li deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ oriġini hija eżekuttiva, għandha tivverifika jekk it-tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jew le, jew jekk hijiex obbligata toħroġ dan iċ-ċertifikat b’mod awtomatiku.

28      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża jaqblu li jirrikonoxxu lil qorti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-setgħa li tivverifika jekk it-tilwima li wasslet għad-deċiżjoni li fir-rigward tagħha huwa mitlub iċ-ċertifikat li jiċċertifika n-natura eżekuttiva tagħha, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument legali li jipprevedi l-ħruġ ta’ tali ċertifikat, irrispettivament minn jekk dan huwiex ir-Regolament Nru 44/2001 jew ir-Regolament Nru 1215/2012.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Tali fiduċja teżiġi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru mhux biss ikunu rrikonoxxuti awtomatikament fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża li tagħmel dawn id-deċiżjonijiet eżekuttivi f’dan l-Istat Membru tal-aħħar tkun effikaċi u rapida (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 27).

30      Tali proċedura, skont il-kliem tal-premessa 17 tal-imsemmi regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi kontroll formali tad-dokumenti meħtieġa għall-għoti tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 28).

31      Għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 44/2001, il-parti li titlob il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni għandha tipproduċi kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha kif ukoll iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 29).

32      Konsegwentement, il-funzjoni mogħtija liċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 tikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat il-ħruġ tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni adottata fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tagħmel l-għoti ta’ dan il-ħruġ kważi awtomatiku, kif huwa stabbilit espressament fil-premessa 17 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 41).

33      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li n-neċessità li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li tinżamm iċ-ċertezza legali li hija bbażata fuqha l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, tiġġustifika, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti li tat id-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita ma tkunx iddeċidiet, fl-adozzjoni tagħha, fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001, li l-qorti adita bit-talba għall-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat tivverifika, f’dan l-istadju, jekk it-tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

34      Iċ-ċirkustanza li, skont l-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, il-produzzjoni ta’ tali ċertifikat għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ma hijiex obbligatorja, ma tistax tpoġġi f’dubju l-obbligu ta’ qorti adita li toħorġu li tivverifika jekk il-kawża li fit-tmiem tagħha ngħatat id-deċiżjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

35      Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, skont ir-Regolament Nru 44/2001, tipprekludi, bħall-eżekuzzjoni skont ir-Regolament Nru 1215/2012, kull stħarriġ ulterjuri min-naħa ta’ qorti tal-Istat Membru rikjest fuq il-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li hija mitluba l-eżekuzzjoni tagħha taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-motivi għal rikors kontra d-dikjarazzjoni dwar is-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni huma previsti b’mod eżawrjenti minn dan ir-regolament.

36      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li, billi tivverifika jekk għandhiex kompetenza sabiex toħroġ iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001, qorti tidħol fil-kontinwità tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, billi tiżgura l-effikaċità sħiħa tagħha u teżerċita proċedura ta’ natura ġudizzjarja, b’tali mod li qorti nazzjonali adita fil-qafas ta’ tali proċedura tkun tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punti 39 u 41).

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għal ħruġ ta’ ċertifikat li jiċċertifika li deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ oriġini hija eżekuttiva għandha, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-qorti li tat id-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita ma tkunx iddeċidiet, fl-adozzjoni tagħha, dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, tivverifika jekk it-tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni domanda

38      Fid-dawl tal-preċiżjonijiet magħmula fil-punti 23 sa 26 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett talba għall-ħall tad-drittijiet ta’ proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ sħubija de facto taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu (1), u tidħolx, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

39      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-effetti matrimonjali. L-estensjoni ta’ din l-esklużjoni għad-drittijiet ta’ proprjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet li, skont il-liġi li hija applikabbli għalihom, huma meqjusa bħala li għandhom effetti paragunabbli għaż-żwieġ ġiet introdotta biss bir-Regolament Nru 1215/2012.

40      Għandu jitfakkar ukoll li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti Komunitarji jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija konvenzjoni, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, minkejja li, bħalma tfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tapplika wkoll għat-tieni waħda, il-kunċett ta’ “drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali” ikopri d-drittijiet ta’ proprjetà li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mill-ħall tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

42      Sa fejn, bħalma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma kinux marbuta b’rabta konjugali, id-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw mis-sħubija de facto tagħhom ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-esklużjoni inkluża fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 tikkostitwixxi eċċezzjoni li, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Fil-fatt, billi bbażat ruħha fuq l-għan tar-Regolament Nru 44/2001 li jinżamm u li jiġi żviluppat spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi jiġi inkoraġġut il-moviment liberu tas-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li, bħal kull eċċezzjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 27).

44      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, skont liema relazzjoni ta’ sħubija de facto, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt din id-dispożizzjoni, hija sostnuta bl-emenda leġiżlattiva magħmula għal din l-esklużjoni tal-aħħar bir-Regolament Nru 1215/2012. Bħalma ġie osservat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija esklużjoni ġiet estiża b’dan ir-regolament tal-aħħar lil hinn mid-drittijiet ta’ proprjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, u dan biss f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet meqjusa bħala paragunabbli għaż-żwieġ. Għaldaqstant, sabiex ma jitneħħiex kwalunkwe sens minn din l-emenda tal-aħħar, l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jiġi interpretat bħala li huwa applikabbli għal relazzjoni ta’ sħubija de facto bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

45      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett talba għall-ħall tad-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ sħubija de facto, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu (1), u tidħol, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għal ħruġ ta’ ċertifikat li jiċċertifika li deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ oriġini hija eżekuttiva għandha, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-qorti li tat id-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita ma ddeċidietx, fl-adozzjoni tagħha, dwar lapplikabbiltà ta’ dan ir-regolament, tivverifika jekk it-tilwima taqax filkamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

2)      L-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett talba għall-ħall tad-drittijiet tal-proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ sħubija de facto taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu (1), u tidħol, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.