Language of document : ECLI:EU:T:2019:379

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta l-vettura VW Caddy – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Utent avżat – Impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Oneru tal-prova fuq min jitlob l-invalidità – Rekwiżiti marbuta mar-riproduzzjoni tad-disinn preċedenti”

Fil-Kawża T‑192/18,

Rietze GmbH & Co. KG, stabbilita f’Altdorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Rietze u Volkswagen,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2018,

wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-intervenjenti, Volkswagen AG, hija l-proprjetarja tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tad-disinn ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2010 u rreġistrat fl-istess jum bir-referenza DM/073118–3 mal-Uffiċċju Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) u ppubblikat fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO fil-31 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”).

2        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat huma fil-klassi 12–08 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi bil-mutur”. Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:


Image not found


Image not found



Image not found

Perspettiva 1

Perspettiva 2

Perspettiva 3


Image not found


Image not found


Image not found

Perspettiva 4

Perspettiva 5

Perspettiva 6


Image not found


Image not found


Image not found

Perspettiva 7

Perspettiva 8

Perspettiva 9


Image not found


Perspettiva 10


3        Fil-5 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti, Rietze GmbH & Co. KG, li tikkummerċjalizza minjaturi ta’ karozzi, ippreżentat, quddiem l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO), applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-effetti tad-disinn ikkontestat fl-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq l-Artikolu 106f tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, għar-raġuni li d-disinn ikkontestat kien nieqes min-novità, b’mod konformi mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u minn karattru individwali, b’mod konformi mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

4        Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti argumentat li d-disinn ikkontestat kien disinn li jindika l-vettura MPV VW Caddy imqiegħda fis-suq mill-intervenjenti fl-2011. Sabiex tipprova l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, ir-rikorrenti għamlet riferiment għal mudell preċedenti ta’ din il-vettura, jiġifieri l-mudell VW Caddy (2K) Life, imqiegħed fis-suq mill-intervenjenti fl-2004. Ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha fuq, b’mod partikolari, id-disinn Komunitarju Nru 49895–0002, li r-reġistrazzjoni tiegħu, mitlub mill-intervenjenti fis-7 ta’ Lulju 2003, ġiet ippubblikata fid-9 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”).

5        B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ karattru individwali tiegħu, b’mod konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

6        Fis-7 ta’ Lulju 2016, l-intervenjenti ressqet appell, abbażi tal-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2018 (Każ R 1244/2016–3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ r-rikors, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Huwa ddeċieda li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 u kellu karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

9        L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Essenzjalment, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali peress li l-impressjoni globali li jipproduċi fuq l-utent avżat hija differenti mill-impressjoni globali li d-disinn preċedenti jipproduċi fuq l-utent.

11      Dan il-motiv uniku jinqasam f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat illimitat ruħha li sempliċement jelenka l-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, mingħajr ma kkunsidrahom u mingħajr ma għamel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi. Fit-tieni lok, huwa għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, huwa ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Fit-tielet lok, huwa wettaq żbalji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-libertà tad-disinjatur. Fir-raba’ u l-aħħar lok, huwa naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi.

12      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

13      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 u (KE) Nru 40/94 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ l-Aja dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinji industrijali (ĠU 2006, L 386, p. 14), introduċa, fir-Regolament Nru 6/2002, it-Titolu XIa, li jinkludi l-Artikoli 106a sa 106f.

14      Skont l-Artikolu 106a tar-Regolament Nru 6/2002, kull iskrizzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fir-Reġistru Internazzjonali miżmum mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO għandu jkollha l-istess effetti bħal li kieku kienet saret fir-Reġistru tal-EUIPO, u kull pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea fil-Bullettin tal-Uffiċċju Internazzjonali tal-WIPO tipproduċi l-istess effetti bħal pubblikazzjoni fil-Bullettin tad-Disinnji Komunitarji.

15      L-Artikolu 106f tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fl-Unjoni jistgħu jkunu ddikjarati invalidi totalment jew parzjalment mill-EUIPO, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fit-Titoli VI u VII tar-Regolament Nru 6/2002.

16      L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li disinn Komunitarju għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

17      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju hija żgurata biss sa fejn dan ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

18      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, il-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat, li għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

19      Għalhekk, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déja vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li, għalkemm huma iktar minn dettalji insinjifikattivi, xorta waħda jibqgħu ma jgħatux suffiċjentement fil-għajn sabiex joħolqu impressjonijiet globali differenti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Félin bondissant), T-666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn meta mqabbel ma’ kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju tad-disinni, għandha tiġi kkunsidrata n-natura tal-prodott li għalih japplika d-disinn jew li fih dan huwa inkorporat u, b’mod partikolari, tal-qasam industrijali li taħtu huwa jaqa’, tal-livell ta’ libertà tad-disinjatur fit-tfassil tad-disinn, ta’ eventwali saturazzjoni tal-eċċellenza, li tista’ tkun tali li tagħmel lill-utent avżat iktar sensittiv għad-differenzi bejn id-disinni mqabbla, kif ukoll tal-mod kif il-prodott inkwistjoni jintuża, b’mod partikolari fir-rigward tal-manipulazzjonijiet li huwa suġġett għalihom normalment f’din l-okkażjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Félin bondissant, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk ibbażata fuq dispożizzjonijiet analogi għal dawk ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Murphy vs EUIPO – Nike Innovate (Ċinga ta’ arloġġ tal-polz elettroniku), T-90/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:464, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

23      Huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, qabel ma tiġi analizzata l-ewwel parti, dwar l-evalwazzjoni, mill-perspettiva ta’ dan l-utent, tal-impressjoni globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti, biex imbagħad nipproċedu bl-eżami tal-motiv uniku, fit-tielet u fir-raba’ partijiet tiegħu.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku, dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat

24      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għażel livell eċċessivament għoli ta’ attenzjoni min-naħa tal-utent avżat u, konsegwentement, ta importanza kbira wisq lid-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti.

25      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat ma huwiex f’pożizzjoni li, lil hinn mill-esperjenza li huwa kiseb minħabba l-użu tal-prodott li jinkludi d-disinn ikkontestat, jiddistingwi l-aspetti tad-dehra ddettati mill-funzjoni teknika minn dawk li huma arbitrarji. Id-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti msemmija mill-Bord tal-Appell jikkonċernaw dettalji tekniċi li ma jiġux ipperċepiti minn persuna li għandha ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li normalment ikollhom il-vetturi bil-mutur. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-bampers, għall-indicators u għat-tailgates.

26      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fir-rigward tal-mudelli ta’ vetturi mill-istess manifattur, l-utent avżat huwa inqas attent għad-disinn milli għan-novitajiet tekniċi u għall-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà, ta’ prestazzjoni u ta’ kumdità tas-sewqan. Barra minn hekk, minn naħa, xerrej ma jibbażax id-deċiżjoni tiegħu li jixtri VW Caddy fuq paragun ma’ mudelli preċedenti, iżda fuq paragun ma’ vetturi ta’ manifatturi oħra. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tirreferi għal deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016 fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità rreġistrati bir-referenza ICD 9742. Min-naħa l-oħra, is-suċċess tal-VW Caddy ma huwiex ibbażat fuq l-apparenza, iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu.

27      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq artiklu li deher fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi li jenfasizza n-nuqqas ta’ differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli injora l-kontenut tiegħu, billi rrileva li dan l-artikolu jinkludi indikazzjonijiet konkreti dwar il-perċezzjoni tal-utent avżat.

28      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fuqu jiġi inkorporat id-disinn b’konformità mal-għan li għalih dan il-prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf bid-diversi disinni li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, għandu livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta huwa jużahom (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Tagħmir ta’ komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punti 46 u 47).

29      Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn dan ma jeħtieġ l-ebda għarfien speċifiku u li, ġeneralment, ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ “utent avżat” jista’ jinftiehem bħala li ma jindikax utent li għandu attenzjoni medja iżda utent li għandu viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur inkwistjoni (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

30      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura stess tal-utent avżat timplika li, meta dan ikun possibbli, huwa jwettaq paragun dirett bejn id-disinn preċedenti u d-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Neuman u Galdeano del Sel vs Baena Grup, C‑101/11 P u C‑102/11 P, EU:C:2012:641, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeskriva, fil-punti 18 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent avżat bħala persuna li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, għandu għarfien ta’ diversi disinni li jeżistu fis-settur tal-vetturi bil-mutur, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar il-karatteristiċi li dawn il-vetturi bil-mutur normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom. L-utent avżat ta’ vetturi bil-mutur huwa persuna li tiħu interess f’dawn il-vetturi, issuqhom u tużahom u, abbażi tal-qari tal-ġurnali rilevanti u ta’ frekwentazzjoni ta’ espożizzjonijiet u ta’ konċessjonarji ta’ karozzi, hija familjari mal-mudelli disponibbli fis-suq. Huwa konxju li l-manifatturi jaġġornaw regolarment il-mudelli stabbiliti sew fis-suq, kemm teknikament kif ukoll fl-apparenza tagħhom. Huwa jaf ukoll li din il-“manutenzjoni tal-mudelli” isservi biex jiġu implimentati ċerti tendenzi tal-moda, mingħajr madankollu ma jiġu abbandunati kompletament il-karatteristiċi tad-dehra tal-mudell tal-vettura kkonċernata. Skont il-Bord tal-Appell, ebda waħda mid-differenzi elenkati fil-punti 40 sa 42 iktar ’il quddiem ma taħrab lill-utent avżat kif deskritt.

32      Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat esposta iktar ’il fuq.

33      Għandu jiġi miċħud, qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat ma huwiex kapaċi jipperċepixxi d-differenzi identifikati mill-Bord tal-Appell dwar il-bampers, il-fanali, l-indicators u t-tailgates, għaliex jikkonċernaw dettalji tekniċi. Minn naħa, il-Bord tal-Appell ma indikax differenzi bejn l-indicators tad-disinni kunfliġġenti. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-differenzi indikati mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-bampers, tal-fanali u tat-tailgates jikkonċernaw id-dehra tagħhom, u mhux id-dettalji tekniċi tagħhom. Għaldaqstant, l-utent avżat huwa kapaċi li jipperċepixxihom. Il-fatt li tibdil imwettaq f’uħud minn dawn il-partijiet tal-karozzi jista’ jkollu wkoll effett tekniku huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

34      Sussegwentement, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-utent avżat jagħti inqas importanza lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi tal-istess manifattur li jsegwu lil xulxin direttament milli lid-differenzi bejn il-mudelli ta’ vetturi ta’ manifatturi differenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tressaq ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn ta’ dan l-argument li jista’ jqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat fil-kuntest tal-paragun tad-disinni kunfliġġenti. Il-parti tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2016, iċċitata mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward peress li ma tikkonċernax il-livell ta’ attenzjoni li l-utent avżat jagħti lil mudelli suċċessivi tal-istess manifattur meta mqabbel ma’ dak mogħti lil mudelli ta’ manifatturi oħra. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ xiri u l-fatt li, fil-fehma tagħha, is-suċċess ta’ VW Caddy ma jiddependix fuq l-apparenza tiegħu iżda fuq l-affidabbiltà tiegħu huma irrilevanti.

35      Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fehmiet espressi fl-istampa Ġermaniża dwar il-karozzi għandu jiġi miċħud. Ma jistax jiġi eskluż li artikli tal-istampa jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jagħmel dan meta jqis, bħal f’dan il-każ, li l-fehmiet espressi ma humiex rilevanti peress li ma jirriflettux l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat.

36      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku, dwar l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat

37      Ir-rikorrenti tiddikjara li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-EUIPO għandu jwieżen il-karatteristiċi tad-disinni kunfliġġenti peress li d-diversi karatteristiċi jistgħu ftit jew wisq jinfluwenzaw id-dehra tad-disinni. Għalhekk, minn naħa, il-Bord tal-Appell kellu janalizza l-punti komuni bejn id-disinni kunfliġġenti. Tali analiżi kienet twasslu sabiex jiddeċiedi li d-disinni kunfliġġenti kienu kważi identiċi fil-forma bażika tal-karrozzerija, tas-siluwett, fil-forma u fil-pożizzjonament tat-twieqi, fil-windscreen u fil-bonet, fix-xibka tar-radjatur u fil-fanali tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa kellu jagħmel distinzjoni bejn il-karatteristiċi estetiċi u l-karatteristiċi tekniċi minħabba li, fid-dawl tal-funzjoni prinċipalment teknika tal-fanali kif ukoll tad-differenzi li jikkonċernaw biss il-kuluri tal-bampers u tax-xbieki tar-radjaturi, l-utent avżat jagħtihom biss importanza sekondarja fl-impressjoni globali tiegħu. Min-naħa l-oħra, sempliċi elenkar tal-allegati differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, bħal dak imwettaq mill-Bord tal-Appell fil-punti 24 et seq. u 33 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettix li huwa jiddeċiedi jekk l-impressjoni globali tal-utent avżat hijiex ser tkun differenti.

38      Għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell evalwa, fil-punti 23 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fil-konfront tad-disinn preċedenti. Huwa uża bħala bażi ta’ evalwazzjoni l-perspetivi li ġejjin tad-disinni kunfliġġenti:

Disinn ikkontestat

Disinn preċedenti


Image not found


Image not found


Image not found