Language of document : ECLI:EU:T:2019:377

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta vettura bil-mutur – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġuni ta’ invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑209/18,

Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Autec AG, stabbilita fi Nuremberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑19 ta’ Jannar 2018 (Każ R 945/2016-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Autec AG u Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, N. Półtorak u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Lulju 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Lulju 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2018 li rrifjutat li tiddaħħal fil-proċess l-ittra tar-rikorrenti tat‑23 ta’ Lulju 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2018 li rrifjutat li tiddaħħal fil-proċess l-ittra tar-rikorrenti tat‑13 ta’ Awwissu 2018,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2018 li rrifjutat li jingħaqdu l-Kawżi T‑43/18, T‑191/18, T‑192/18, T‑209/18 u T‑210/18,

wara li rat il-ħatra ta’ mħallef ieħor biex jikkompleta l-awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2018 li ċaħdet li jingħaqdu l-Kawżi T‑209/18 u T‑210/18 għall-finijiet tal-fażi orali tal-kawża,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑20 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti, Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn Komunitarju li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu huwa rrappreżentat kif ġej (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat” jew id-“disinn tas-serje 991 tal-karozza ‘Porsche 911’”):

Image not foundImage not found

Image not foundImage not foundImage not found

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 12.08 fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-Disinji Industrijali tat‑8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni kif ġej: “Vetturi bil-mutur”.

4        Id-disinn ikkontestat kien ġie ppubblikat fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji Nru 2010/2006 tas‑6 ta’ Settembru 2010, bid-data ta’ prijorità tas‑27 ta’ April 2010, u x-xbihat ta’ dak id-disinn ġew ippubblikati fil-Bullettin tad-Disinni Komunitarji Nru 2012/172 tas‑7 ta’ Settembru 2012.

5        Fit‑8 ta’ Lulju 2014, l-intervenjenti, Autec AG, ressqet quddiem il-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Din it-talba saret abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 4(1) u l-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

6        Essenzjalment, l-intervenjenti qieset li d-disinn tas-serje 991 tal-karozza “Porsche 911” la kien ġdid u lanqas ma kellu karattru individwali, li kien jipprekludi l-protezzjoni tiegħu. Insostenn għat-talba tagħha, hija sostniet essenzjalment li d-disinn ikkontestat ma kienx differenti b’mod sinjifikattiv mid-disinni l-oħra tal-karozza “Porsche 911” imqiegħda fis-suq mill-verżjoni oriġinali tal-1963.

7        F’dan ir-rigward, l-intervenjenti invokat, b’mod partikolari, id-disinni Komunitarji li ġejjin:

–        id-disinn Komunitarju Nru 735428-0001 (iktar ’il quddiem “id-disinn preċedenti” jew “id-disinn tas-serje 997 tal-vettura ‘Porsche 911’”), irreġistrat għal “vetturi bil-mutur” u ppubblikat fit-23 ta’ Ġunju 2008 , li hija riprodotta kif ġej:

Image not foundImage not foundImage not found

Image not foundImage not found

Image not foundImage not found

–        id-disinn Komunitarju Nru 633748-0001, irreġistrat għal “karozzi” u ppubblikat fid-9 ta’ Jannar 2007, li huwa riprodott kif ġej:

Image not foundImage not found

Image not foundImage not foundImage not found

Image not foundImage not found

8        L-intervenjenti annettiet ukoll mat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità diversi artikoli tal-istampa dwar id-disinn tal-karozza “Porsche 911”.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ddikjarat invalidu d-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ karattru individwali.

10      Fit-23 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell minħabba l-assenza ta’ karattru individwali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

12      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li, fil-każ ta’ karozzi, il-libertà tal-kreatur kienet limitata mill-karatteristiċi tekniċi tal-prodott inkwistjoni, bħal dawk li jkollhom karozzerija u roti, kif ukoll minn regoli legali, b’mod partikolari dawk dwar is-sigurtà fit-toroq, bħal, pereżempju li jkun hemm fanali, mirja jħarsu lura u dwal ta’ wara.

13      Dan il-bord imbagħad qies li, fir-rigward tat-tfassil ta’ tali karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika jew mid-dispożizzjonijiet legali, il-libertà tal-kreatur, min-naħa l-oħra, ma kienet, bħala tali, suġġetta għal ebda restrizzjoni. Huwa ddikjara wkoll li l-utent tal-prodotti inkwistjoni kien l-utent avżat dwar karozzi b’mod ġenerali, jiġifieri persuna li saqet, użat u kienet taf bid-disinni ta’ karozzi disponibbli fis-suq.

14      F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-disinni kunfliġġenti kienu fl-aħħar mill-aħħar jikkoinċidu mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, bħall-forma jew is-silwett tal-karozzerija tagħhom, il-bibien u t-twieqi tagħhom.

15      Il-Bord tal-Appell b’hekk ikkonkluda li l-eżistenza tad-disinn tas-serje 997 tal-karozza “Porsche 911” kienet biżżejjed sabiex tipprekludi l-karattru individwali tad-disinn tas-serje 991 ta’ din l-istess karozza u li għaldaqstant ma kienx meħtieġ li jsir l-eżami tad-disinn Komunitarju Nru 633748-0001, invokat mill-intervenjenti, u lanqas li tiġi ddubitata n-novità tad-disinn ikkontestat.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità “tad-disinn [...] Nru 198387-0001”.

17      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

19      F’dan il-kuntest, hija ssostni, essenzjalment, li l-impressjoni globali li d-disinn ikkontestat jipproduċi fuq l-utent avżat ta’ dan it-tip ta’ karozza hija differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti invokat mill-intervenjenti inkwistjoni insostenn tat-talba tagħha għal invalidità. Fil-fatt, iż-żewġ disinni kunfliġġenti jvarjaw fid-“dehra esterna” tagħhom b’mod “konsiderevoli” u “tant ovvju” li l-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

20      Ladarba dan il-motiv nġabar fil-qosor għandu jitfakkar, bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li disinn Komunitarju jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan l-istess regolament.

21      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jispeċifika li l-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju ma huwiex żgurat salv sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

 Fuq l-ewwel parti tal-uniku motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament

22      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali ta’ disinn irreġistrat għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, fid-dawl tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI – Dusyma (Logħob), T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat għandha tkun ukoll differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ din il-prijorità.

23      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li għandu jitqies, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali kkonċernat, il-grad ta’ libertà tal-kreatur fit-tfassil tad-disinn inkwistjoni.

24      Wara li tfakkru dawn il-kundizzjonijiet legali, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza rilevanti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-karattru individwali ta’ disinn għandu jirriżulta minn impressjoni globali, mill-perspettiva tal-utent avżat, tad-differenza, jew assenza ta’ “déjà vu”, imqabbel ma’ kwalunkwe disinn preċedenti. F’din il-perspettiva, id-differenzi li ma humiex immarkati biżżejjed sabiex jaffettwaw din l-impressjoni globali ma jistgħux jiġu kkunsidrati, huma biss id-differenzi mmarkati biżżejjed sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali dissimili li jistgħu jkunu deċiżivi (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI –– Puma (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk, mill-perspettiva tal-utent infurmat u meta jitqies il-grad ta’ libertà li l-kreatur tad-disinn jista’ jkollu f’din il-kawża, l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat hija differenti minn dik prodotta mid-disinn preċedenti.

 Fuq l-utent avżat

26      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ utent avżat, hemm lok l-ewwel nett li jiġi kkunsidrat li l-kwalità ta’ “utent avżat” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn, konformement mal-għan li għalih l-istess prodott huwa intiż. Il-kwalifika “avżat” tissuġġerixxi wkoll li, għalkemm ma huwiex neċessarjament espert tekniku, l-utent inkwistjoni jaf bid-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, bil-fatt tal-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juri grad relattivament għoli ta’ attenzjoni meta juża dawn il-prodotti (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59, u tat‑28 ta’ Settembru 2017, Rühland vs EUIPO – disinn 8 staġuni (Lampa f’forma ta’ stilla), T‑779/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:674, punt 19).

27      Il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tas-sengħa, jiġifieri espert li għandu ċerti kompetenzi tekniċi. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem li jindika utent li għandu mhux attenzjoni medja imma viġilanza partikolari fir-rigward tal-prodotti kkon