Language of document : ECLI:EU:C:2019:468

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2019 (1)

Kawża C233/18

Zubair Haqbin

vs

Federaal Agentschap voor de opvang van asielzoekers

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Regoli dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 20 – Limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza – Sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza jew ta’ aġir partikolarment vjolenti – Vjolenza mwettqa minn minuri mhux akkumpanjat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-esklużjoni temporanja tal-benefiċċju tal-għajnuna materjali – Kompatibbiltà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tad-domandi preliminari tagħha, l-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża s-sens tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33/UE (2), b’tali mod li jiġi ddeterminat jekk, u, jekk ikun il-każ, skont liema modalitajiet, Stat Membru jistax jeskludi lil minuri mhux akkumpanjat mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, minħabba l-fatt li jkun wettaq ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza jew ikun adotta aġir partikolarment vjolenti.

2.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jaqa’ fil-kuntest tat-tilwima bejn Zubair Haqbin, minuri mhux akkumpanjat ta’ nazzjonalità Afgana, u l-Federaal agentschap voor de opvang van asielzoekers (l-Aġenzija Federali għall-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil, il-Belġju) (3). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-vjolenza mwettqa minn Z. Haqbin, il-Fedasil imponiet sanzjoni kontrih, fejn irtiratlu temporanjament il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza. Din is-sanzjoni implikat mhux biss l-esklużjoni mill-istruttura ta’ akkoljenza, iżda anki mis-servizzi kollha relatati magħha.

3.        Fil-linja tas-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (4), kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et (5), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tippreċiża l-modalitajiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà, mill-Istat Membru li jilqa’, ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali (6), meta dan tal-aħħar ikun minuri mhux akkumpanjat li l-aġir tiegħu poġġa f’perikolu lill-persunal jew lir-residenti l-oħrajn tal-istruttura ta’ akkoljenza.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2013/33 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli dwar l-akkoljenza ta’ applikanti fl-Istati Membri.

5.        Il-premessi 9, 14, 25 u 35 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu li:

“(9)      Fl-applikazzjoani ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw konformità sħiħa mal-prinċipji tal-aħjar interessi tat-tfal u tal-għaqda tal-familja, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[(7)], il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal‑1989[(8)] u l-Konvenzjoni […] għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[(9)] rispettivament.

[…]

(14)      L-akkoljenza ta’ persuni bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali għandha tkun ta’ interess primarju għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżguraw li tali akkoljenza tkun imfassla b’mod speċifiku biex tissodisfa l-ħtiġijiet speċjali tagħhom ta’ akkoljenza.

[…]

(25)      Il-possibilità ta’ abbuż tas-sistemi ta’ akkoljenza għandha tkun ristretta billi jkunu speċifikati ċ-ċirkustanzi fejn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għall-applikanti jistgħu jkunu ridotti jew tali akkoljenza rtirata filwaqt li fl-istess ħin għandu jkun żgurat standard ta’ ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

[…]

(35)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-[Karta] u trid tiġi implimentata b’dan il-mod.”

6.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(d)      ‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

(e)      ‘minorenni mhux akkompanjati’ tfisser minorenni li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkompanjat minn adult responsabbli għalih/għaliha kemm jekk bil-liġi jew bi prattika tal-Istat Membru kkonċernat u għaż-żmien sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta’ persuna tali; din tinkludi persuna minorenni li titħalla mhux akkompanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

(f)      ‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza’ tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lill-tal-applikanti [lill-applikanti] skont din id-Direttiva;

(g)      ‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]

(i)      ‘ċentru ta’ akkomodazzjoni’ tfisser kull post użat għall-akkomodazzjoni kollettiva tal-applikanti;

[…]”

7.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, fil-paragrafu 2 tiegħu, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja jkun issodisfat fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, skont l-Artikolu 21, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni li huma f’detenzjoni.”

8.        L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, l-unika dispożizzjoni tal-Kapitolu III, intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant:

(a)      jabbanduna l-post ta’ residenza ddeterminat mill-awtorità kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk dan ikun mitlub, mingħajr permess; jew

(b)      ma jikkonformax ruħu ma’ doveri ta’ rrapportar jew ma’ talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura tal-asil matul perjodu raġonevoli stipulat fil-liġi nazzjonali, jew

(c)      ikun iddepożita applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 201[3]/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (10)].

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu wkoll inaqqsu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jkunu jistgħu jistabbilixxu li l-applikant, għall-ebda raġuni ġustifikabbli, ma jkunx iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattiku wara l-wasla f’dak l-Istat Membru.

3.      L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirtiraw il-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika minn kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza indebitament.

4.      L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw sanzjonijiet applikabbli għal ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll għal imġiba serjament vjolenti.

5.      Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni koperti bl-Artikolu 21, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.”

9.        Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Dispożizzjonijiet għal persuni vulnerabbli” jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 21 sa 24.

10.      L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-prinċipju ġenerali”, jipprovdi li, fid-dritt nazzjonali li jittrasponi l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, b’mod partikolari minuri u minuri mhux akkumpanjati.

11.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Evalwazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza ta’ persuni vulnerabbli”, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, u fil-paragrafu 3 tiegħu, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ mogħti lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza skont din id-Direttiva jieħu kont tal- bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tagħhom matul il-proċedura tal-asil u għandhom jipprovdu għall-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni tagħhom.

[…]

3.      Huma biss il-persuni vulnerabbli skont l-Artikolu 21 li jistgħu jitqiesu li għandhom bżonnijiet speċjali u b’hekk jibbenefikaw mill-appoġġ speċifiku mogħti skont din id-Direttiva.”

12.      L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, iddedikat għall-minuri, jistabbilixxi li:

“1.      L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jinvolvu minorenni […]

2.      Meta jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari dawn il-fatturi li ġejjin:

[…]

(b)      il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minorenni, billi titqies b’mod partikolari l-oriġini tal-minorenni;

(c)      konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza, b’mod partikolari fejn hemm riskju li t-tfal ikunu vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin;

[…]”

13.      L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, min-naħa tiegħu, iddedikat għall-minuri mhux akkumpanjati, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li:

“Minorenni mhux akkumpanjati li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom, mill-mument li jkunu ammessi fit-territorju sal-mument li huma obbligati jħallu l-Istat Membru li fih tkun saret jew fejn tkun qiegħda tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jitqiegħdu:

[…]

(c)      f’ċentri ta’ akkomodazzjoni bi provvedimenti speċjali għall-minorenni;

(d)      f’akkomodazzjoni oħra addattata għall-minorenni.

[…]”

B.      Id-dritt Belġjan

14.      Il-wet betreffende de opvang van asielzoekers en van bepaalde andere categorieën van vreemdelingen (il-Liġi dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji ta’ Barranin Oħrajn) (11), tat‑12 ta’ Jannar 2007, kienet għadha ma ġietx emendata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33 fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.

15.      Konformement mal-Artikolu 2(6) tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, l-għajnuna materjali hija ddefinita bħala l-“għajnuna mogħtija [mill-Fedasil] jew is-sieħeb, fi ħdan struttura ta’ akkoljenza, u li tikkonsisti b’mod partikolari fl-akkomodazzjoni, l-ikel, il-ħwejjeġ, l-assistenza medika, soċjali u psikoloġika u l-għoti ta’ allowance ta’ kuljum. Din tinkludi wkoll l-aċċess għall-għajnuna legali, l-aċċess għal servizzi bħall-interpretazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-aċċess għal programm ta’ ritorn volontarju”.

16.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi li “[k]ull applikant għal ażil huwa intitolat għal akkoljenza sabiex ikun jista’ jgħix ħajja f’konformità mad-dinjità tal-bniedem”.

17.      L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jippreċiża li “[b]la ħsara […] għat-Titolu III tal-Ktieb III dwar il-miżuri ta’ ordni u sanzjonijiet, il-benefiċċju tal-għajnuna materjali deskritt f’din il-liġi ma jista’ jitneħħa fl-ebda każ”.

18.      It-Titolu III tal-Ktieb III tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, intitolat “Miżuri ta’ ordni u sanzjonijiet”, fl-Artikolu 45 jipprovdi li:

“Il-benefiċjarju tal-akkoljenza jista’ jiġi suġġett għal sanzjoni f’każ ta’ ksur serju tas-sistema u r-regoli ta’ funzjonament applikabbli għall-istrutturi ta’ akkoljenza msemmija fl-Artikolu 19. Meta tiġi imposta sanzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-importanza tal-ksur, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom twettaq il-ksur.

Jistgħu jiġu imposti biss is-sanzjonijiet li ġejjin:

[…]

7°      l-esklużjoni temporanja tal-benefiċċju tal-għajnuna materjali fi struttura ta’ akkoljenza għal tul massimu ta’ xahar.

Is-sanzjonijiet jiġu imposti mid-direttur jew mill-persuna responsabbli għall-istruttura ta’ akkoljenza. Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) għandha tiġi kkonfermata mid-direttur ġenerali tal-[Fedasil] f’terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol b’effett mill-adozzjoni tas-sanzjoni mid-direttur jew mill-persuna responsabbli għall-istruttura ta’ akkoljenza. F’każ ta’ nuqqas ta’ konferma f’dan it-terminu, is-sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja titneħħa awtomatikament.

Is-sanzjonijiet jistgħu jitnaqqsu jew jitneħħew matul it-twettiq tagħhom mill-awtorità li tkun imponiethom.

Id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni għandha tittieħed b’mod oġġettiv u imparzjali u tkun immotivata.

Bla ħsara għas-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7), l-implimentazzjoni ta’ sanzjoni fl-ebda każ ma tista’ twassal għat-tneħħija totali tal-għajnuna materjali mogħtija skont din il-liġi, u lanqas għat-tnaqqis tal-aċċess għall-assistenza medika. Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) twassal sabiex din il-persuna ma tkun tista’ tibbenefika mill-ebda forma ta’ akkoljenza ħlief l-aċċess għall-assistenza medika, kif previst fl-Artikoli 24 u 25 tal-liġi.

Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) tista’ tiġi imposta biss f’każ ta’ ksur serju ħafna tar-regoli interni tal-istruttura ta’ akkoljenza, b’tali mod li jitpoġġew f’perikolu l-persunal jew ir-residenti l-oħrajn tal-istruttura ta’ akkoljenza jew li jinħolqu riskji manifesti għas-sigurtà jew l-osservanza tal-ordni pubbliku fl-istruttura ta’ akkoljenza.

Il-persuna fil-mira tas-sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja għandha tinstema’ qabel ma din tiġi imposta fuqha.

[…]”.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-fatti

19.      Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, Z. Haqbin, ta’ nazzjonalità Afgana, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Belġjani bħala minuri mhux akkumpanjat. Sussegwentement, huwa ntlaqa’ fiċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ Sugny u ta’ Broechem (il-Belġju) u, konformement mal-liġi nazzjonali applikabbli, inħatar “tutur” responsabbli għalih sabiex jirrappreżentah u jassistih (12).

20.      Fit‑18 ta’ April 2016, Z. Haqbin ipparteċipa f’atti vjolenti li kienu jinvolvu lil residenti ta’ oriġinijiet etniċi differenti fi ħdan iċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Broechem. Għalhekk, il-pulizija pproċediet bl-arrest amministrattiv tiegħu, qabel ma pproċediet bir-rilaxx tiegħu fid‑19 ta’ April 2016. Fl-istess ġurnata, id-direttur ta’ dan iċ-ċentru ta’ akkoljenza ddeċieda li jimponi s-sanzjoni dixxiplinari prevista fl-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza fuq Z. Haqbin (13). Din is-sanzjoni timplika l-esklużjoni temporanja ta’ minuri mhux biss miċ-ċentru ta’ akkoljenza, iżda anki mis-servizzi kollha marbuta miegħu, bħall-ikel, il-ħwejjeġ, l-attivitajiet u, bla ħsara għall-għajnuna medika urġenti, il-waqfien tal-assistenza medika, soċjali u psikoloġika.

21.      Fil‑21 ta’ April 2016, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mid-Direttur Ġenerali tal-Fedasil, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

22.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalhekk, il-persuna kkonċernata raqdet fil-park Maximilien fi Brussell fl-iljieli ta’ bejn id-19 u l-21 ta’ April 2016, u dawk ta’ bejn l-24 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2016. F’dan l-intervall ta’ żmien, fil‑25 ta’ April 2016, it-tutur ta’ Z. Haqbin ippreżenta rikors quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (it-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen, il-Belġju) sabiex jikseb is-sospensjoni tal-miżura ta’ esklużjoni (14). Dan ir-rikors ġie miċħud minħabba li ma kienx ta’ urġenza estrema, ladarba Z. Haqbin naqas milli juri li ma kellux akkomodazzjoni.

23.      Fl‑4 ta’ Mejju 2016, Z. Haqbin intlaqa’ fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Poelcapelle (il-Belġju).

24.      Għalhekk, it-tutur ta’ Z. Haqbin ikkontesta d-deċiżjonijiet li jeskludu lil dan tal-aħħar miċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Broechem quddiem in-Nederlandstalige arbeidsrechtbank Brussel (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) permezz ta’ rikors fil‑5 ta’ Lulju 2016. Dan it-tutur ikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fedasil kienet obbligata li tipprovdi akkoljenza jew tipprevedi garanziji dwar ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem matul il-perijodu ta’ esklużjoni tal-persuna kkonċernata u talab il-kumpens ta’ euro għad-dannu morali.

25.      Permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2017, in-Nederlandstalige arbeidsrechtbank Brussel (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) ċaħad dan ir-rikors bħala infondat, billi kkunsidra li Z. Haqbin kien talab il-kumpens għal dannu li ma ġiex ipprovat fir-realtà.

26.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fis‑27 ta’ Marzu 2017, it-tutur appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

B.      Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju

27.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, Stat Membru jistax jirtira jew jillimita l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza f’każ ta’ ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza jew ta’ aġir partikolarment vjolenti. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-opinjoni espressa mill-kumitat ta’ kuntatt istitwit sabiex jassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33 (15), kif ukoll għall-opinjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (16). Dawn jikkunsidraw li l-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/33 jistabbilixxi lista eżawrjenti tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, filwaqt li l-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi, konsegwentement, tipi oħrajn ta’ sanzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment ukoll għall-opinjoni mogħtija mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li skontha dan il-qari ma huwiex l-uniku wieħed possibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni u tal-artikolazzjoni tal-Artikolu 20(4) sa (6) ta’ din id-direttiva (17).

28.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-approċċi li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tadotta b’mod konkret sabiex tiżgura, fis-sens tal-Artikolu 20(5) u (6) tad-Direttiva 2013/33, livell ta’ għajxien dinjituż lill-applikanti kollha, inkluż lill-applikant eskluż temporanjament minn ċentru ta’ akkoljenza.

29.      Il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argumenti esposti mill-Fedasil li jgħidu li r-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq it-tutur huma biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt dan l-obbligu. Fuq il-bażi tad-dispożizzjoni nazzjonali dwar it-tutela ta’ minuri barranin mhux akkumpanjati, il-qorti tar-rinviju tinnota li t-tutur ma huwiex legalment obbligat li huwa stess jipprovdi l-akkoljenza lill-minuri mhux akkumpanjat u teskludi kwalunkwe nuqqas fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (18).

30.      Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tesprimi xi dubji fir-rigward tal-approċċi li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tadotta. Hija tinnota li, fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi (19), li rriżulta fil-Liġi li temenda l-Liġi tat‑12 ta’ Jannar 2007 dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji ta’ Barranin Oħrajn, tas‑6 ta’ Lulju 2016 (20), tali obbligu jiġi ssodisfatt ladarba l-Fedasil tehmeż, mad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tagħha, il-lista tal-postijiet ta’ akkoljenza għal persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu li l-applikant jista’ jkollu aċċess għalihom. Huwa biss f’każ li jintwera li l-applikant ma jistax jibbenefika effettivament minn dawn l-infrastrutturi li l-Fedasil għalhekk tkun obbligata li ssib, a posteriori, soluzzjoni alternattiva.

31.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali proċedura tippermettix li jiġi ssodisfatt l-obbligu msemmi fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33 jew jekk il-konformità ma’ dan tal-aħħar teżiġix li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiggarantixxi l-akkomodazzjoni qabel ma l-applikant jiġi eskluż mill-istruttura ta’ akkoljenza.

32.      Fit-tielet lok, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 jistgħu jieħdu l-forma ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 20(5), tal-Artikoli 21 sa 23, kif ukoll tal-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva, tali sanzjonijiet jistgħux jiġu imposti fuq minuri u, b’mod partikolari, minuri mhux akkumpanjat. Hija żżid li, f’dan l-istess kuntest, tqum ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn is-sanzjonijiet imposti fuq minuri mal-Artikoli 1, 3, 4 u 24 tal-Karta, imsemmija fil-premessa 35 tal-imsemmija direttiva (21).

C.      Fuq id-domandi preliminari

33.      L-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell) għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva [2013/33] għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina b’mod eżawrjenti l-każijiet fejn il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jista’ jiġi limitat jew irtirat? Jew mill-Artikolu 20(4) u (5) [ta’ din id-direttiva] jirriżulta li d-dritt għall-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jista’ wkoll jiġi rtirat bħala sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkoljenza kif ukoll fil-każ ta’ aġir partikolarment vjolenti?

2)      L-Artikolu 20(5) u (6) [ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma jiġu imposti sanzjonijiet jew qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza u fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw, matul il-perijodu tal-esklużjoni, id-dritt għal livell ta’ għajxien deċenti? Jew huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati billi jiġi vverifikat, wara d-deċiżjoni li tillimita jew tirtira l-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, jekk il-persuna suġġetta għad-deċiżjoni tgawdix minn livell ta’ għajxien deċenti u, jekk ikun il-każ, billi jiġu adottati miżuri korrettivi f’dak il-mument?

3)      L-Artikolu 20(4), (5) u (6) [tad-Direttiva 2013/33] flimkien mal-Artikoli 14, 21, 22, 23 u 24 [tagħha] u mal-Artikoli 1, 3, 4 u 24 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura jew sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja (jew definittiva) mid-dritt għall-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza tista’ tittieħed kontra minuri u, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat?”

IV.    Analiżi

34.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tar-regoli previsti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33 fejn applikant iwettaq ksur serju tar-regoli ta’ ċentru ta’ akkoljenza jew jadotta aġir partikolarment vjolenti. Filwaqt li l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw it-trattament irriżervat lil kwalunkwe applikant, tkun xi tkun l-età u s-sitwazzjoni tiegħu, it-tielet domanda preliminari hija iktar ċara u tagħmel riferiment speċifiku għas-sitwazzjoni ta’ Z. Haqbin, jiġifieri dik ta’ minuri mhux akkumpanjat.

35.      Naħseb li dawn id-domandi għandhom jiġu indirizzati fir-rigward biss ta’ sitwazzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjat. Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda, l-ewwel nett, il-modalitajiet ta’ akkoljenza fi Stat Membru ta’ minuri mhux akkumpanjat. Is-sitwazzjoni tiegħu teżiġi protezzjoni speċifika u modalitajiet ta’ akkoljenza xierqa, b’tali mod li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33 tkun ibbażata fuq l-artikolazzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari li jirriżultaw mhux biss minn din id-direttiva, iżda anki mill-Karta (22).

36.      Għalhekk, nipproponi li nibda l-eżami ta’ dawn id-domandi billi niffoka fuq is-sitwazzjoni partikolari ta’ minuri mhux akkumpanjat.

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

37.      Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-esklużjoni ta’ minuri mhux akkumpanjat mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, minħabba l-fatt li jkun wettaq ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza fejn huwa kien milqugħ, jew minħabba li jkun adotta aġir partikolarment vjolenti.

38.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar in-natura u l-portata tas-“sanzjonijiet applikabbli” li l-Istat Membru li jilqa’ jista’ jimponi fuq il-bażi tal-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva.

39.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu stabbiliti t-termini u l-istruttura tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni.

1.      It-termini, l-istruttura u l-iskop tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33

40.      In-natura u l-portata tas-“sanzjonijiet applikabbli” imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 iqajmu dubji sa fejn dan l-artikolu huwa intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” u jikkostitwixxi l-uniku artikolu tal-Kapitolu III, bl-istess titolu. Madankollu, il-formulazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni hija differenti b’mod ċar ħafna minn dik tal-paragrafi preċedenti, minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma indikax espressament li l-Istat Membru li jilqa’ jista’ jillimita jew jirtira l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza. Dan sempliċement jippreċiża li l-Istati Membri “jistgħu jiddeterminaw sanzjonijiet applikabbli” għal ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza, kif ukoll għal aġir partikolarment vjolenti.

41.      Din il-formulazzjoni u l-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħti lill-Istat Membru li jilqa’, huma ġġustifikati fid-dawl tan-natura tar-raġunijiet imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

42.      Għall-kuntrarju tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/33, il-“ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni” u l-“imġiba serjament vjolenti” jimplikaw atti li jistgħu mhux biss ifixklu l-ordni u s-sigurtà fl-istruttura ta’ akkoljenza, iżda anki jikkostitwixxu reat kriminali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jagħmel riferiment għal atti li n-natura u l-gravità tagħhom jistgħu jiġu evalwati biss mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fir-rigward tal-liġijiet u r-regoli tal-Istat Membru li jilqa’. Dan il-leġiżlatur jagħmel riferiment anki għal atti li t-twettiq tagħhom jimplika, skont is-sistema ġuridika u l-liġi applikabbli f’dan l-Istat, l-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ sanzjoni partikolari ta’ natura dixxiplinari, amministrattiva jew kriminali, li jistgħu jmorru lil hinn mil-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza.

43.      Għalhekk, għall-kuntrarju tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/33, ir-raġuni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni jeħtieġ li tirrikonoxxi marġni ta’ manuvra lill-Istat Membru li jilqa’. Dan jippermettilu jevalwa sa fejn l-applikant li wettaq ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza jew att partikolarment vjolenti għandu jiġi ssanzjonat fir-rigward tan-natura u tal-livell ta’ gravità tal-att. Dan il-marġni ta’ manuvra jippermetti wkoll li l-Istat Membru li jilqa’ jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi konkreti li fihom twettaq l-att inkwistjoni, kif ukoll l-età, is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi ta’ dak li wettaq l-att.

44.      Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli għalih f’dan ir-rigward għandu l-limiti tiegħu.

45.      Minn naħa, l-Istat Membru li jilqa’ għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif jirriżulta mill-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33. Konsegwentement, l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għandu jinqara u jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 1 u 24 tal-Karta.

46.      Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru li jilqa’ għandu jwettaq l-obbligi msemmija fl-Artikolu 20(5) u (6) tal-imsemmija direttiva.

47.      Konformement mal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33, id-deċiżjoni ta’ limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jew is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta minħabba ksur serju tar-regoli taċ-ċentru ta’ akkoljenza jew aġir partikolarment vjolenti għandha tissodisfa diversi rekwiżiti sostantivi u formali.

48.      L-ewwel nett, din id-deċiżjoni jew din is-sanzjoni għandha tiġi adottata b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun immotivata.

49.      It-tieni nett, din għandha tkun proporzjonata u għandha tiġi adottata fi tmiem eżami individwalizzat, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari u tal-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli.

50.      F’każ li l-att ikun twettaq minn minuri mhux akkumpanjat, l-Istat Membru li jilqa’ jkun b’hekk marbut li jagħti lill-aħjar interessi tat-tfal kunsiderazzjoni primarja, kif jeżiġu l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/33 (23) u l-Artikolu 24(2) tal-Karta. B’mod partikolari, għalhekk għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sikurezza u mas-sigurtà tiegħu, b’mod partikolari fl-assenza ta’ possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà minn min għandu l-awtorità parentali. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li s-sanzjoni imposta ma ċċaħħadx lill-minuri minn garanziji relatati mal-protezzjoni tal-interessi tiegħu u mas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet partikolari tiegħu.

51.      Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw li, f’każ li l-aġir tal-minuri mhux akkumpanjat jiżvela li l-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni jew tal-iżvilupp tiegħu jkunu kompromessi, l-Istat Membru li jilqa’ huwa obbligat jirrikorri għall-mekkaniżmi tad-dritt komuni għall-protezzjoni tat-tfal sabiex jinħoloq appoġġ adatt għall-bżonnijiet tiegħu. Jidhirli li dan il-mekkaniżmu huwa indispensabbli fil-każ ta’ minuri mhux akkumpanjat, li huwa persuna partikolarment vulnerabbli minħabba l-perkors migratorju xi drabi twil u trawmatiku, kif ukoll is-sitwazzjoni prekarja tiegħu, minħabba l-assenza ta’ appoġġ familjari u ta’ riżorsi proprji.

52.      Finalment, it-tielet nett, l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33 jippreċiża li d-deċiżjoni ta’ limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jew tas-sanzjoni applikabbli għandha tiżgura “fiċ-ċirkostanzi kollha” l-aċċess għall-kura medika u tiżgura livell ta’ għajxien dinjituż għall-applikanti kollha.

53.      Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura appoġġ kontinwu u b’rispett tad-dinjità tal-applikant wara li l-Istat Membru li jilqa’ jkun adotta sanzjoni (24).

54.      Dan l-appoġġ jiġi ġġustifikat sa fejn l-adozzjoni ta’ tali sanzjoni ma tfissirx li d-dritt għall-akkoljenza intemm legalment. Sakemm il-minuri jitħalla jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li jilqa’ għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu (25) u sakemm ma jkollux il-mezzi proprji sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali tiegħu (26), dan l-Istat għandu jiżgura l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li lill-minuri jippermettulu aċċess għall-kura tas-saħħa u l-għajxien dinjituż (27). Anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jippreċiżax il-miżuri li l-Istat Membru li jilqa’ huwa obbligat li jadotta sabiex jiggarantixxi livell ta’ għajxien dinjituż, dawn il-miżuri għandhom ikopru l-iktar drittijiet essenzjali fi żmien meta l-applikant ma jkollux sorsi ta’ dħul, jiġifieri l-possibbiltà li jkollu fejn jgħix, x’jiekol u x’jilbes (28).

55.      Konformement mal-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33, il-prinċipju msemmi fl-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva huwa kkontrollat mill-fatt li din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u għandha l-għan li, b’mod partikolari, tiżgura rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem.

56.      L-iskop ta’ dan il-prinċipju huwa li tiġi ggarantita l-protezzjoni effettiva tal-applikant fit-territorju tal-Istat Membru li jilqa’, u għalhekk jgħin sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ marġinalizzazzjoni li l-applikant huwa espost għalih u ta’ “ċaqliq sekondarju” li jista’ jħajru (29).

57.      L-osservanza ta’ dan il-prinċipju tippermetti lill-applikant jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ ażil u ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, konformement mad-drittijiet li huma rrikonoxxuti lilu u mal-obbligi imposti fuqu skont id-Direttivi 2011/95/UE (30) u 2013/32. Dawn id-drittijiet ma jkollhomx effett reali u dawn l-obbligi ma jkollhomx effett utli jekk ma jiġux ikkomplementati minn appoġġ kontinwu għall-iktar bżonnijiet elementari tal-applikant. Dan l-appoġġ jippermetti wkoll lill-Istat Membru li jilqa’ jwettaq eżami diliġenti tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, minħabba li, minkejja s-sanzjoni adottata, dan l-Istat jista’ jillokalizza lill-applikant għall-finijiet tan-notifika ta’ konvokazzjonijiet u laqgħat differenti (31).

58.      Il-prinċipju msemmi fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33 huwa kkompletat bid-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 20(6) ta’ din id-direttiva, li l-portata tagħhom ser nispjegaha fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari.

59.      Ladarba ġew ippreżentati dawn l-elementi, issa għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, skont liema modalitajiet, l-Istat Membru li jilqa’ jistax jiddikjara l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni.

2.      In-natura tal-miżuri applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33

a)      Is-sens u l-portata tal-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza fil-kuntest tal-Artikolu 20(1) u (3) tad-Direttiva 2013/33

60.      L-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza huwa deċiżjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi strettament fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, sa fejn din id-deċiżjoni twassal biex iċċaħħad għalkollox lill-applikant dipendenti mill-għajnuna pubblika għall-akkomodazzjoni, għall-ikel, għall-ħwejjeġ u għall-allowance ta’ kuljum (32).

61.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza lill-Istat Membru li jilqa’ jieħu tali deċiżjoni f’żewġ każijiet.

62.      L-ewwel każ huwa dak imsemmi fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2013/33 u jkopri s-sitwazzjoni fejn jeżisti abbuż ta’ dritt. L-irtirar jista’ jiġi previst f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati fejn l-applikant ma jissodisfax l-obbligi meħtieġa għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, minħabba li jkun telaq mill-post ta’ residenza obbligatorju jew ikun naqas milli jidher quddiem l-awtoritajiet, jew anki fejn l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għall-uniku skop li jibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ akkoljenza.

63.      It-tieni każ huwa dak imsemmi fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2013/33 u jkopri s-sitwazzjoni fejn l-applikant ikun ħeba r-riżorsi finanzjarji tiegħu u, fir-realtà, jista’ jissodisfa l-bżonnijiet proprji. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, li jippreċiża li l-Istat Membru li jilqa’ jista’ jissuġġetta l-għoti tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza kollha jew xi wħud minnhom u l-kura tas-saħħa, għall-kundizzjoni li l-applikant ma jkollux mezzi suffiċjenti sabiex ikollu livell ta’ ħajja adegwat għal saħħtu u sabiex jagħmel possibbli s-sussistenza tiegħu.

64.      Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien kawt fir-rigward tal-każijiet fejn l-Istat Membru li jilqa’ jista’ jirtira l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza.

65.      Għandha tintwera l-istess kawtela fil-kuntest tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, sa fejn, għall-kuntrarju taż-żewġ każijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-applikant huwa dejjem, a priori, il-benefiċjarju tad-dritt għall-akkoljenza u ma għandux ir-riżorsi sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu. Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi jitolbu li l-miżura ta’ rtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet stretti, b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-gravità tal-att imwettaq, iżda anki tal-età, is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet partikolari tal-minuri mhux akkumpanjat.

b)      Is-sens u l-portata tal-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza fil-kuntest tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33

66.      Kwalunkwe applikant għandu xi dmirijiet fil-konfront tal-Istat Membru li lilu qiegħed jitlob protezzjoni internazzjonali. Dawn id-dmirijiet jimplikaw, b’mod partikolari, li l-applikant josserva l-liġijiet u r-regoli tal-Istat u li josserva kwalunkwe miżura li żżomm is-sigurtà u l-ordni pubbliku (33). Għalhekk, huwa leġittimu li l-Istat Membru li jilqa’ jwettaq arranġamenti min-naħa tiegħu sabiex jiżgura s-sigurtà fiżika u morali tal-persunal u tar-residenti taċ-ċentru ta’ akkoljenza, b’mod partikolari meta l-att imwettaq ikun ħoloq riskji manifesti għas-sigurtà tagħhom u għall-osservanza tal-ordni pubbliku f’din l-istruttura.

67.      Dan l-att jimplika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, iżda jixhed b’mod speċjali l-ħtieġa li jingħata appoġġ differenti minn dak offrut fil-kuntest tal-akkoljenza, iktar minn hekk meta dan l-att ikun vjolenti u repetut. Fil-fatt, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tal-minuri kkonċernat u l-gravità tal-att imwettaq, l-età minuri tiegħu tiġġustifika l-fatt li għandu jiġi protett.

68.      Il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza ma tistax tkun miżura adatta għas-sitwazzjoni ta’ dan il-minuri, u lanqas ma tissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu (34).

69.      L-adattament ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ wkoll ma jkunx miżura adegwata. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ikkombinati previsti fl-Artikolu 18(9)(a) (35), u fl-Artikolu 22(1) u (3) tad-Direttiva 2013/33 (36) huma indirizzati qabel kollox lill-persuni li l-vulnerabbiltà tagħhom tista’ tiżdied fir-rigward tal-istat tagħhom, pereżempju n-nisa tqal, il-persuni li jsofru minn mard serju jew il-persuni b’disturbi mentali jew anki l-vittmi ta’ stupru jew tat-traffikar tal-bnedmin. Fil-fehma tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli f’każ li jkun jista’ jiġi preżunt li, fid-dawl tal-vjolenzi repetuti li jkun wettaq minuri mhux akkumpanjat, ikunu ġew kompromessi l-kundizzjonijiet tal-edukazzjoni jew tal-iżvilupp tiegħu.

70.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza huwa deċiżjoni li tista’ tittieħed sa fejn il-minuri mhux akkumpanjat għandu jingħatalu appoġġ li, minħabba l-mezzi li jeħtieġ u l-għanijiet li jfittex, ma jistax jiġi inkluż fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ akkoljenza previst mid-Direttiva 2013/33.

71.      Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ rtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali inizjalment mogħtija tista’ tittieħed biss sa fejn din tiġi kkomplementata mir-riferiment lis-servizzi ta’ għajnuna u/jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal. Dawn tal-aħħar jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-minuri, billi b’mod partikolari jordnaw miżuri ta’ assistenza implimentati mill-persunal ikkwalifikat fil-kuntest ta’ akkomodazzjoni adatta.

72.      Din it-tabella ta’ analiżi tapplika a fortiori meta l-att imwettaq bi ksur tal-liġijiet u r-regoli tal-Istat Membru ta’ akkoljenza jikkostitwixxi reat kriminali. Fil-fatt, it-twettiq ta’ att kriminali jimplika ipso facto r-riferiment lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal, kif ukoll id-detenzjoni jew il-priġunerija tal-minuri fil-kuntest ta’ struttura adatta u, fl-istess ħin, l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza. Dan l-irtirar jiġri hawn fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li tista’ tiggarantixxi d-drittijiet kollha tal-minuri u huwa kkomplementat, konsegwentement, minn miżuri ta’ natura edukattiva u obbligatorja li jkunu ġġustifikati mis-sitwazzjoni tal-minuri u l-gravità tal-att.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

73.      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-proċeduri li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tadotta b’mod konkret fuq il-bażi tal-Artikolu 20(5) u (6) tad-Direttiva 2013/33, sabiex tiżgura livell ta’ għajxien dinjituż lill-minuri mhux akkumpanjat eskluż temporanjament minn ċentru ta’ akkoljenza.

74.      B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk a) l-obbligu msemmi fl-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva jiġix issodisfatt meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tannessa, mad-deċiżjoni tagħha ta’ esklużjoni miċ-ċentru ta’ akkoljenza, lista tal-postijiet ta’ akkoljenza għal persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu li l-applikant ikun jista’ juża, jew b) jekk, min-naħa l-oħra, huwiex meħtieġ li din l-awtorità ssib soluzzjoni ta’ akkomodazzjoni alternattiva qabel ma tittieħed tali deċiżjoni.

75.      Ir-risposta għal din id-domanda tinsab fl-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2013/33, li skontu “[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5 [ta’ din id-dispożizzjoni]” (37), u tiġi imposta fir-rigward tal-istruttura ġenerali u l-iskop ta’ din id-direttiva.

76.      Qabel kollox, l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2013/33 jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura proċedurali li tippermetti li, wara sanzjoni li jkun adotta l-Istat Membru li jilqa’, jiġi żgurat appoġġ kontinwu u b’rispett tad-dinjità tal-applikant, konformement mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva (38).

77.      Il-prinċipju tal-kontinwità tal-appoġġ jinsab ukoll fil-premessa 8 ta’ din id-direttiva, li tippreċiża li din “għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemm jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti”.

78.      Dan il-prinċipju għandu jiżgura mhux biss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-applikant, iżda wkoll l-effett utli tad-Direttiva 2013/33. Kif diġà indikajt, id-drittijiet li jibbenefika minnhom l-applikant u l-obbligi imposti fuqu, skont id-Direttivi 2011/95 u 2013/32, ma jkollhomx effett reali jekk ma jiġux ikkomplementati minn appoġġ għall-iktar bżonnijiet essenzjali, anki għal tul ta’ żmien qasir ħafna, b’mod partikolari meta l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà stabbilixxiet dan il-prinċipju fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et (39), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/9/KE (40). Hija ddeċidiet li “l-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 2003/9 kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-[Karta] skont liema d-dinjità umana għandha tiġi rispettata u protetta, jipprekludu li applikant għall-ażil jiġi mċaħħad, anki matul perijodu temporanju wara l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil, mill-protezzjoni tal-istandards minimi stabbiliti minn din id-direttiva” (41).

80.      Dan il-prinċipju jinsab ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fis-sentenza Winterstein et vs Franza (42), li tirrigwarda l-legalità ta’ proċedura ta’ tkeċċija mibdija kontra xi nomadi, din il-qorti ddeċidiet li l-konsegwenzi tat-tkeċċija u tal-vulnerabbiltà tar-rikorrenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet qabel ma tibda l-proċedura ta’ tkeċċija.

81.      Għalhekk, l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2013/33 ma jaċċetta l-ebda interruzzjoni fil-kontinwità tal-appoġġ għall-minuri, minħabba li dan jeżiġi li dan tal-aħħar ma għandux jiġi mċaħħad, lanqas għal tul ta’ żmien qasir ħafna, mill-garanziji li jagħtih l-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva.

82.      L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tfisser li l-Istat Membru li jilqa’ għandu jiżgura, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ limitazzjoni jew ta’ rtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jew ta’ sanzjoni msemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, l-appoġġ għall-bżonnijiet bażiċi tal-applikant, b’tali mod li tiġi żgurata s-sussistenza tiegħu, kif ukoll livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għas-saħħa tiegħu, billi jipprovdilu, b’mod partikolari, fejn joqgħod, x’jiekol, x’jilbes u billi jqis, jekk ikun il-każ, il-bżonnijiet partikolari tiegħu.

83.      Fil-kuntest tal-esklużjoni ta’ minuri mhux akkumpanjat minn ċentru ta’ akkoljenza, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, tagħmel riferiment lis-servizzi ta’ għajnuna u/jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal, b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jqiegħdu lill-minuri fi struttura adatta għall-bżonnijiet tiegħu u, jekk il-fatti u s-sitwazzjoni tal-minuri jiġġustifikaw dan, jordnaw miżuri ta’ assistenza.

84.      Għalhekk, kif tissuġġerixxi l-Fedasil, ma huwiex biżżejjed li tiġi annessa, mad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, lista tal-postijiet ta’ akkoljenza għall-persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu li l-minuri mhux akkumpanjat jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ juża.

85.      Tali proċedura ma taqbilx mal-kunsiderazzjoni li hija għall-aħjar interessi tat-tfal. Din toħloq riskju ta’ interruzzjoni fil-kontinwità tal-appoġġ għall-minuri, u dan jidher fil-kawża inkwistjoni. Huwa riskju li jiġi mistenni li l-minuri jsib akkomodazzjoni abbażi ta’ lista tal-postijiet ta’ akkoljenza, anki bl-għajnuna tat-tutur tiegħu, minħabba li, jekk jeżistu possibbiltajiet ta’ akkomodazzjoni, xorta waħda huwa meħtieġ li dawn l-akkomodazzjonijiet ikunu disponibbli u adatti għas-sitwazzjoni ta’ minuri barrani mhux akkumpanjat. Madankollu, il-postijiet ta’ akkoljenza għal persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu ma jippermettux li jiġi żgurat li l-minuri jkollu fejn jgħix u jingħata x’jiekol u x’jilbes matul l-esklużjoni tiegħu, u lanqas ma jippermettu li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet speċifiċi skont l-età, l-istatus u s-sitwazzjoni tiegħu (43).

86.      L-interpretazzjoni sostnuta mill-Fedasil quddiem il-qorti tar-rinviju ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prekarja, vulnerabbli u ta’ deprivazzjoni li minuri mhux akkumpanjat jista’ jsib ruħu fiha u ma tiżgurax ir-rispett tad-drittijiet li dan tal-aħħar jibbenefika minnhom skont id-Direttiva 2013/33 u l-Karta.

87.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fl-opinjoni tiegħi, f’każ li minuri mhux akkumpanjat iwettaq ksur serju tar-regoli ta’ ċentru ta’ akkoljenza jew jadotta aġir partikolarment vjolenti, b’tali mod li jinħolqu riskji manifesti għall-osservanza tal-ordni pubbliku f’dan iċ-ċentru jew għas-sigurtà tal-persunal jew tar-residenti l-oħrajn ta’ dan iċ-ċentru, l-Artikolu 20(5) u (6) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni, tagħmel riferiment lis-servizzi ta’ għajnuna u/jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal, b’tali mod li jiġi żgurat li dan il-minuri jibbenefika minn appoġġ kontinwu u adatt għall-bżonnijiet speċifiċi skont l-età, l-istatus u s-sitwazzjoni tiegħu.

V.      Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari tal-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju) kif ġej:

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, fejn minuri mhux akkumpanjat wettaq att partikolarment vjolenti, b’tali mod li nħolqu riskji manifesti għall-osservanza tal-ordni u tas-sigurtà fi ħdan struttura ta’ akkoljenza, l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irtirar tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, sakemm din id-deċiżjoni tkun ikkomplementata mir-riferiment minn qabel lis-servizzi ta’ għajnuna u/jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal, b’tali mod li jiġi żgurat li dan il-minuri jibbenefika minn appoġġ kontinwu u adatt għall-bżonnijiet speċifiċi skont l-età, l-istatus u s-sitwazzjoni tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96). Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet it-tfassil mill-ġdid ta’ din id-direttiva fil-kuntest tal-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (COM(2016) 465 final).


3      Iktar ’il quddiem il-“Fedasil”.


4      C‑179/11, EU:C:2012:594.


5      C‑79/13, EU:C:2014:103.


6      Iktar ’il quddiem l-“applikant”.


7      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


8      Adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-riżoluzzjoni tagħha 44/25 tal‑20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990.


9      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


10      ĠU 2013, L 180, p. 60.


11      Belgisch Staatsblad, 7 ta’ Mejju 2007, p. 24027, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Akkoljenza”.


12      Kif ippreċiża l-Gvern Belġjan matul is-seduta, it-tutur għandu jitqies bħala r-“rappreżentant” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2013/33.


13      Skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, is-sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja minn ċentru ta’ akkoljenza tista’ tiġi imposta biss f’każ ta’ ksur serju ħafna tar-regoli interni tal-istruttura ta’ akkoljenza, b’tali mod li jitpoġġew f’perikolu l-persunal jew ir-residenti l-oħrajn tal-istruttura ta’ akkoljenza jew li jinħolqu riskji manifesti għas-sigurtà jew l-osservanza tal-ordni pubbliku fl-istruttura ta’ akkoljenza. Il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Lulju 2011, Nru 135/2011, ivvalidat il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni billi qieset li s-sanzjoni prevista ma kinitx sproporzjonata fir-rigward tal-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlatur nazzjonali u ma naqqsitx b’mod sinjifikattiv il-livell ta’ protezzjoni fil-qasam tal-għajnuna soċjali (ara, b’mod partikolari, il-punti B.18.1 et seq. ta’ din is-sentenza). F’dan ir-rigward, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) innotat li, fir-rigward tax-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-leġiżlazzjoni, “din il-miżura estrema [għandha tiġi] meħuda biss jekk jiġi stabbilit li miżuri oħrajn li huma inqas intrużivi għad-drittijiet u l-libertajiet tal-benefiċjarju tal-akkoljenza (b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem) ma ppermettewx jew ma jippermettux li jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi żgurata akkoljenza sigura għar-residenti kollha taċ-ċentru”.


14      Fil-fatt, l-arbeidsrechtbank (it-Tribunal Industrijali, il-Belġju) jieħu konjizzjoni tal-kontestazzjonijiet relatati ma’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet iggarantiti lill-benefiċjarji ta’ akkoljenza mill-Kotba II u III tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, konformement mal-Artikolu 580(8)(f) tal-gerechtelijk wetboek (il-Kodiċi Ġudizzjarju), kif ukoll tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi previsti f’dawn il-kotba, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 583 tal-Kodiċi Ġudizzjarju.


15      Contact Committee “Reception Condition Directive” (2013/33/EC). Wara l-laqgħa tat‑12 ta’ Settembru 2013, dan il-kumitat ta’ kuntatt ikkunsidra li l-Artikolu 20(1) u (3) tad-Direttiva 2013/33 kien jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, filwaqt li l-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi, konsegwentement, tipi oħrajn ta’ sanzjonijiet.


16      Iktar ’il quddiem l-“UNHCR”. Kummenti tal-UNHCR dwar l-abbozz preliminari ta’ liġi li rriżulta fil-wet tot wijziging van 12 januari 2007 betreffende de opvang van asielzoekers en van bepaalde andere categorieën van vreemdelingen (il-Liġi li temenda l-Liġi tat‑12 ta’ Jannar 2007 dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji ta’ Barranin Oħrajn), tas‑6 ta’ Lulju 2016 (Belgisch Staatsblad, 5 ta’ Awwissu 2016, p. 47647), adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2013/33, disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.refworld.org/docid/5746b44b4.html, fejn l-UNHCR jaqbel mal-opinjoni espressa minn dan il-kumitat ta’ kuntatt.


17      Opinjoni tas‑27 ta’ April 2016, Nru 59.196/4.


18      L-obbligi li jaqgħu fuq it-tutur huma ddefiniti fil-Programmawet (il-Liġi Programm) tal‑24 ta’ Diċembru 2002 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 2002, p. 58686). B’mod partikolari, għandu jsir riferiment għall-Artikoli 9 sa 13 li jinsabu fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XIII ta’ din il-liġi, intitolat “Tutela ta’ minuri barranin mhux akkumpanjati”. Din il-leġiżlazzjoni hija kkompletata bid-dispożizzjonijiet previsti, minn naħa, mill-Koninklijk besluit tot uitvoering van Titel XIII, Hoofdstuk 6 “Voogdij over niet‑begeleide minderjarige vreemdelingen” van de programmawet van 24 december 2002 (id-Digriet Irjali dwar l-Eżekuzzjoni tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XIII “Tutela ta’ minuri barranin mhux akkumpanjati” tal-Liġi Programm tal‑24 ta’ Diċembru 2002), tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (Belgisch Staatsblad, 29 ta’ Jannar 2004, p. 5538), kif ukoll, min-naħa l-oħra, mid-direttivi ġenerali għat-tuturi ta’ minuri barranin mhux akkumpanjati, tat‑2 ta’ Diċembru 2013, disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://justice.belgium.be/sites/default/files/directives_generales_pour_tuteurs_-_02_12_2013.pdf (ara, b’mod partikolari, punt 2.8(66) sa (73) ta’ dawn id-direttivi).


19      Wetsontwerp tot wijziging van de wet van 12 januari 2007 betreffende de opvang van asielzoekers en van bepaalde andere categorieën van vreemdelingen (l-Abbozz ta’ liġi li temenda il-Liġi tat‑12 ta’ Jannar 2007 dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji ta’ Barranin Oħrajn) tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju, tat‑18 ta’ Mejju 2016 (Dok 54, 1839/001).


20      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


21      Jiena ninnota li l-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33 tagħmel riferiment għall-Artikoli 1, 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-Karta.


22      Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑12 ta’ April 2017, intitolata “Il-protezzjoni tat-tfal migranti” (COM(2017) 211 finali), kif ukoll gwidi tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil dwar il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza: standards u indikaturi operattivi, Settembru 2016 (disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.easo.europa.eu/sites/default/files/Guidance-on-ReceptionConditions-MT.pdf), u dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-minuri mhux akkumpanjati: standards u indikaturi operattivi, Diċembru 2018 (disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://www.easo.europa.eu/sites/default/files/Guidance-on%20reception-%20conditions-%20for-unaccompanied-children.pdf).


23      Ara wkoll il-premessi 9, 14 u 22 ta’ din id-direttiva.


24      Dan il-prinċipju jirriżulta mill-premessi 11 u 25 tad-Direttiva 2013/33.


25      Ara, f’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32.


26      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2013/33.


27      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 59 sa 62) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut jipprovdi, sa fejn huwa possibbli, il-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda serja, li qiegħed jistenna sabiex jitneħħa, fil-każ li huwa stess ma jkollux il-mezzi li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu.


28      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi jinkludu, b’mod partikolari, dawk li wieħed jiekol, jinħasel u jkollu fejn jgħix.


29      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 12 tad-Direttiva 2013/33.


30      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


31      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2013/33 jippermetti li l-Istat Membru li jilqa’ jiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-applikant sabiex jiżgura li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata malajr u b’mod effikaċi.


32      Meta l-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jieħdu l-forma ta’ allowance finanzjarja, l-irtirar jirriżulta fit-tneħħija tal-ħlas ta’ din l-allowance.


33      Ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni kondiviża mill-UNHCR fil-kuntest tal-kummenti tiegħu ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet (https://www.refworld.org/docid/5746b44b4.html, punt 20).


34      Fil-Belġju, fejn l-għajnuna materjali tkopri numru ikbar ta’ servizzi minn dawk koperti mill-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza ddefiniti mid-Direttiva 2013/33, din il-limitazzjoni tista’ tkun relatata mal-aċċess għal ċerti servizzi. L-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza għalhekk jawtorizza lill-Fedasil sabiex tirrestrinġi l-aċċess għal ċerti servizzi, jew anki sabiex tneħħi jew tnaqqas b’mod temporanju l-allowance ta’ kuljum. Din is-sanzjoni tirrigwarda atti inqas serji minn dawk inkwistjoni.


35      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li jilqa’ jista’, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet debitament iġġustifikati, jiffissa modalitajiet differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza meta jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuna vulnerabbli.


36      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li jilqa’ huwa obbligat li jissorvelja b’mod xieraq is-sitwazzjoni tal-applikant u jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tiegħu, jekk dawn jintwerew fi stadju ulterjuri tal-proċedura tal-ażil, sabiex tingħatalu għajnuna speċifika.


37      Enfasi miżjuda minni.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 263), fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li s-sitwazzjoni ta’ applikant għal ażil li “matul diversi xhur sab ruħu jgħix fit-triq, mingħajr riżorsi, mingħajr aċċess għal faċilitajiet sanitarji, u mingħajr ebda mezz sabiex jissodisfa l-bżonnijiet essenzjali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] laħqet il-livell tal-gravità mitlub mill-Artikolu 3 tal-KEDB. Ara wkoll, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ġunju 2009, Budina vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2009:0618DEC004560305).


39      C‑79/13, EU:C:2014:103.


40      Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).


41      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et (C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), enfasi miżjuda minni.


42      Sentenza tal-Qorti EDB, 17 ta’ Ottubru 2013 (CE:ECHR:2013:1017JUD002701307, punt 161).


43      Kif jirriżulta mill-Artikolu 18 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza, ir-residenza fi struttura ta’ akkoljenza ta’ urġenza ma tistax taqbeż għaxart ijiem u l-bżonnijiet fundamentali tal-benefiċjarju tal-akkoljenza għandhom jiġu ssodisfatti. Dawn jinkludu l-assistenza neċessarja kollha u, b’mod partikolari, l-ikel, l-akkomodazzjoni, l-aċċess għall-faċilitajiet sanitarji u l-assistenza medika.