Language of document : ECLI:EU:T:2019:399

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Riċerka u żvilupp teknoloġiku – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020) – Sejħiet għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC għas-sena 2016 – Deċiżjoni tal-ERCEA li tiċħad talba għal sussidju bħala ineliġibbli – Rikors amministrattiv quddiem il-Kummissjoni – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda – Inammissibbiltà parzjali – Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑478/16,

Regine Frank, residenti f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Conrad, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, L. Mantl u B. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2016 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2016 li jiċħdu rispettivament b’mod impliċitu u espliċitu l-azzjoni amministrattiva ppreżentata mir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku

1        Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Programm Qafas Orizzont 2020”) ġie stabbilit, abbażi tal-Artikoli 173 u 182 TFUE, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 81), u permezz tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6).

2        Il-Kummissjoni Ewropea fdat ċerti kompiti ta’ ġestjoni tal-Programm Qafas Orizzont 2020 lill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA), konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235).

3        Fost il-kompiti fdati mill-Kummissjoni lill-ERCEA jinsabu dawk marbuta mal-finanzjament tal-proġetti li jaqgħu taħt il-parti “Eċċellenza xjentifika”, parti prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU 2013, L 347, p. 965, rettifika fil-ĠU 2015, L 102, p. 96).

4        Għas-sena 2016, il-kriterji ta’ selezzjoni u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tat-talbiet għal sussidju ġew iddefiniti fil-programm ta’ ħidma tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC).

5        Il-proċedura ta’ preżentazzjoni u ta’ evalwazzjoni tat-talbiet għal sussidju hija stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2454 tal-15 ta’ April 2014 dwar ir-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni ta’ proposti u għall-proċeduri relatati ta’ evalwazzjoni, ta’ selezzjoni u ta’ għoti applikabbli għall-programm speċifiku ta’ eżekuzzjoni tal-Programm Qafas Orizzont 2020, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4975 tat-23 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem ir-“regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni”).

6        Il-proċedura ta’ preżentazzjoni u ta’ evalwazzjoni tat-talbiet għal sussidju hija deskritta fil-punti 2.1 sa 2.5 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni.

7        Skont il-punt 2.2 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni, it-talbiet għal sussidju għandhom jiġu ppreżentati minn riċerkatur prinċipali f’isem istituzzjoni ospitanti. L-istituzzjoni ospitanti taġixxi kemm bħala applikant formali kif ukoll bħala parti kontraenti tal-ERCEA għall-ftehim ta’ sussidju li għandu jiġi konkluż.

8        Sabiex tkun ammissibbli, kull kandidatura għandu jkollha magħha, waqt il-preżentazzjoni u mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal sussidju, b’mod partikolari ittra ta’ kunsens tal-istituzzjoni ospitanti. Il-proposti inkompleti għandhom jiġu ddikjarati bħala mhux eliġibbli.

9        Sabiex tiġi evalwata, it-talba għal sussidju ppreżentata għandha tissodisfa wkoll il-kriterji kollha għal eliġibbiltà u għal ammissibbiltà stabbiliti fil-programm ta’ ħidma tal-ERC għas-sena 2016.

10      Dan jgħodd b’mod partikolari, skont il-programm ta’ ħidma tal-ERC għas-sena 2016, għall-klassifikazzjoni fil-kategorija C ta’ kandidatura ppreżentata fl‑2014 jew fl-2015, liema klassifikazzjoni tipprekludi l-preżentazzjoni ta’ talba ġdida għal sussidju għall-programm ta’ ħidma tal-ERC għas-sena 2016 (iktar ’il quddiem, il-“klawżola ta’ żbarra”).

11      Il-kandidati jiġu informati bir-riżultat tal-evalwazzjoni xjentifika tal-kandidatura tagħhom fi żmien massimu ta’ ħames xhur mit-terminu għall-preżentazzjoni ta’ proposti kompleti skont l-Artikolu 20(2)(a) tar-Regolament Nru 1290/2013.

12      Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1290/2013, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tista’ tkun suġġetta għal reviżjoni.

13      Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1290/2013, kull kandidat jista’ jressaq ilment rigward l-involviment tiegħu fil-Programm Qafas Orizzont 2020.

14      Għad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda meħuda minn aġenziji eżekuttivi, l-Artikolu 22(1) sa (5) tar-Regolament Nru 58/2003 jipprevedi stħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Kummissjoni:

“1.      Kwalunkwe att ta’ l-aġenzija eżekuttiva li jikkawża ħsara lil terza parti jista’ jiġi riferit lill-Kummissjoni minn kwalunkwe persuna, direttament jew individwalment konċernat, jew minn Stat Membru għall-istħarriġ dwar il-legalità tiegħu.

Il-proċeduri amministrattivi għandhom jiġu riferiti lill-Kummissjoni fi żmien xahar mill-jum li fih il-parti nteressata jew l-Istat Membru konċernat, ikun sar jaf bl-att ikkontestat.

Wara li tisma’ l-argumenti magħmula mill-parti nteressata jew mill-Istat Membru konċernat u dawk ta’ l-aġenzija eżekuttiva, il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni dwar il-proċeduri amministrattivi fi żmien xahrejn mill-jum li fih ikunu nbdew il-proċeduri. Bla ħsara għall-obbligazzjoni tal-Kummissjoni li twieġeb bil-miktub u tgħati r-raġunijiet dwar id-deċiżjoni, in-nuqqas tal-Kummissjoni li twieġeb f’dak it-terminu għandu jitqies bħala rifjut impliċitu tal-proċeduri.

[…]

5.      Azzjoni sabiex tiġi annullata deċiżjoni espliċita jew impliċita tal-Kummissjoni sabiex tiċħad l-appell amministrattiv tistà tinġieb quddiem il-Qorti [...], skont l-Artikolu [263 TFUE]”.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Fl-1 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż bit-titolu “Sejħiet għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-Programm ta’ Ħidma ERC 2016 taħt Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU 2015, C 253, p. 12).

16      Fis-17 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti, Regine Franck, ippreżentat, permezz tas-sistema ta’ skambju elettroniku mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti fil-kuntest tal-Programm Qafas Orizzont 2020, talba għal sussidju lill-ERCEA għal proġett li jikkonċerna t-trasport tad-dawl fil-kristalli quasi u l-istrutturi mhux perijodiċi (iktar ’il quddiem it-“talba għal sussidju”).

17      It-talba għal sussidju ġiet ippreżentata mir-rikorrenti f’isem l-università teknika ta’ Kaiserslautern (iktar ’il quddiem l-“Università”).

18      Fl-istess jum, it-talba għal sussidju ġiet irtirata mill-Università għaliex ir-rikorrenti ma kinitx awtorizzata tippreżenta tali talba għas-sena 2016 u għaliex l-Università ma kinitx disponibbli sabiex tilqa’ l-proġett sostnut mir-rikorrenti.

19      Fl-istess jum ukoll, ir-rikorrenti ppreżentat għat-tieni darba t-talba għal sussidju, li ġiet mill-ġdid irtirata mill-Università, qabel ma ġiet ippreżentata għat-tielet darba mir-rikorrenti.

20      Fit-30 ta’ Novembru 2015, l-Università indirizzat lill-ERCEA ittra li tindika li hija ma kinitx disponibbli bħala istituzzjoni ospitanti għall-proġett sostnut mir-rikorrenti. L-Università ppreċiżat ukoll li r-rikorrenti kienet użat mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, għas-sejħa għal offerti tal-2016, ittra ta’ kunsens maħruġa mill-Università għas-sejħa għal proposti tal-2015.

21      B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2016, l-ERCEA informat lir-rikorrenti, minn naħa, biċ-ċaħda tat-talba tagħha għal sussidju, minħabba li hija ma kinitx eliġibbli, u, min-naħa l-oħra, bil-possibbiltajiet ta’ rikors (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ERCEA”).

22      B’ittra tas-16 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għar-reviżjoni tal-evalwazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1290/2013, ikklassifikata mill-ġdid mill-ERCEA bħala talba għal eżami tal-eliġibbiltà tal-Programm Qafas Orizzont 2020, fis-sens tal-Artikolu 17 tal-istess regolament.

23      B’ittra tas-17 ta’ April 2016, ir-rikorrenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, ikkontestat quddiem il-Kummissjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal-ERCEA (iktar ’il quddiem l-“azzjoni amministrattiva”).

24      B’ittra tal-24 ta’ Mejju 2016, l-ERCEA informat lir-rikorrenti li l-eżami mill-ġdid tal-eliġibbiltà tat-talba tagħha għal sussidju kien wassal għal riżultat identiku.

25      B’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti jekk hija kinitx qed issostni l-azzjoni amministrattiva tagħha.

26      Fis-17 ta’ Ġunju 2016, fl-assenza ta’ risposta mill-Kummissjoni għall-azzjoni amministrattiva fit-terminu ta’ xahrejn, stabbilit mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003, l-azzjoni amministrattiva ġiet miċħuda b’mod impliċitu mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda”).

27      B’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hija xtaqet iżżomm l-azzjoni amministrattiva.

28      B’ittra tal-10 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti informat ruħha fuq l-istat ta’ progress tal-azzjoni amministrattiva tagħha.

29      B’ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni rrispondiet li deċiżjoni dwar l-imsemmija azzjoni ser tingħata tul ix-xahar ta’ Settembru.

30      B’ittra tat-30 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni kkomunikat id-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Settembru 2016 li tiċħad l-azzjoni amministrattiva taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, għar-raġuni li talba għal sussidju mingħajr ittra ta’ kunsens valida kienet inammissibbli (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda”).

31      B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti indirizzat ilment ġdid lill-Kummissjoni.

32      B’ittra tat-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-proċedura taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 kienet magħluqa u li d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda setgħet minn dak il-mument tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti talbet li tiġi ammessa sabiex tibbenefika mill-għajnuna legali, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

34      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

35      B’digriet tas-16 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ġiet ammessa sabiex tibbenefika mill-għajnuna legali.

36      B’ittra tat-3 ta’ Mejju 2017, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, konformement mal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, saqsa lill-partijiet jekk xtaqux jinstemgħu.

37      B’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbet li tinstema’ fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

38      Il-Kummissjoni ma rrispondietx fit-terminu stabbilit.

39      Il-partijiet ġew mistiedna għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, li nżammet fis‑26 ta’ Jannar 2018.

40      Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti ressqet talba għal rikuża kontra l-imħallfin tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali u kontra r-Reġistratur (iktar ’il quddiem it-“talba għal rikuża”).

41      Mill-minuti tas-seduta jirriżulta dan li ġej:

“Ir-rappreżentant tar-rikorrenti ressaq talba għal rikuża kontra l-Ħames Awla, filwaqt li speċifika li huwa ma jaqbilx mal-motivazzjoni tal-imsemmija talba. Il-parti konvenuta ma fformulatx osservazzjonijiet fir-rigward tat-talba. Bil-permess tal-President, fil-preżenza u taħt il-kontroll tar-rappreżentant tal-parti rikorrenti, R. Frank ippreżentant nota li ssostni l-motivazzjoni tat-talba għal rikuża.”

42      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2018, il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal rikuża.

43      B’ittra tal-5 ta’ Marzu 2018, ir-rappreżentant tar-rikorrenti informa lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx għadu jaċċetta li jirrappreżenta lir-rikorrenti għaliex din tal-aħħar, mingħajr il-qbil miegħu u mingħajr ma kien jaf, minn naħa, ittrażmettiet diversi dokumenti u ittri elettroniċi lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, iżda wkoll lil xi wħud mill-membri tiegħu u, min-naħa l-oħra, ressqet, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, talba għal rikuża li huwa ma kienx jaqbel magħha. F’din l-ittra huwa enfasizza wkoll li ma jistax jibqa’ jirrappreżenta lir-rikorrenti b’mod kompletament indipendenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u osserva li r-rikorrenti nnifisha indikat bil-miktub lill-Qorti Ġenerali li ma għadhiex tafda fih.

44      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali tat lir-rikorrenti sas-16 ta’ Mejju 2018 sabiex tikkomunika lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-identità tar-rappreżentant il-ġdid tagħha.

45      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti talbet li tiġi ammessa sabiex tibbenefika mill-għajnuna legali, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Din it-talba tressqet bl-għan tal-preżentata ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2018 li tiċħad it-talba tagħha għal rikuża.

47      B’digriet tad-29 ta’ Ġunju 2018, Frank vs Il-Kummissjoni (T‑478/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:417), il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

48      B’digriet tat-22 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talba għal għajnuna legali.

49      Fis-6 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tkompli s-seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża, u ffissat id-data tagħha għall-31 ta’ Jannar 2019.

50      Peress li r-rikorrenti ma kinitx ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali l-isem tar-rappreżentant il-ġdid tagħha, l-istedina għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-31 ta’ Jannar 2019 ġiet innotifikata lil Sebastian Conrad.

51      Fl-20 ta’ Diċembru 2018, S. Conrad indika lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li ma huwa ma kienx ser jirrappreżenta lir-rikorrenti f’din is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

52      Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-31 ta’ Jannar 2019, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali kkonstata li l-partijiet kienu ġew debitament mistiedna, skont l-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

53      Peress li ma kinitx irrappreżentata minn avukat waqt din is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti talbet, personalment, l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

54      Il-Kummissjoni indikat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirreferi għad-dokumenti tagħha.

55      Fi tmiem is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-31 ta’ Jannar 2019, il-fażi orali tal-proċedura f’din il-kawża ġiet magħluqa u nbdiet id-deliberazzjoni tal-kawża.

56      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Fid-dritt

58      Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali u wara l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-nuqqas ta’ rappreżentanza tar-rikorrenti, debitament mistiedna, fis-sens tal-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti talbet, personalment, l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tal-imsemmija regoli.

A.      Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura

59      Skont l-Artikolu 147(1) sa (3) tar-Regoli tal-Proċedura:

“1.      It-talba għal għajnuna legali tista’ titressaq qabel il-preżentata tar-rikors jew sakemm dan ikun għadu pendenti.

2.      It-talba għal għajnuna legali għandha titressaq fuq il-formola li hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li hija disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-Artikolu 74, din il-formola għandha tiġi ffirmata mill-persuna li qed tressaqha jew, meta din ikollha rappreżentant, mill-avukat tagħha. Talba għal għajnuna legali li ma titressaqx permezz tal-formola ma tiġix ikkunsidrata.

3.      It-talba għal għajnuna legali għandha tinkludi l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li qed tressaqha, bħal ma jista’ jkun ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti li jattesta din is-sitwazzjoni ekonomika.”

60      Skont l-Artikolu 148(4) tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]d-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali jista’ jinnomina avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata jekk dan l-avukat ikun ġie propost fit-talba għal għajnuna legali mill-persuna li tkun ressqitha u jkun ta l-kunsens tiegħu li jirrappreżentaha quddiem il-Qorti Ġenerali”.

61      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, “[j]ekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess fit-talba għal għajnuna legali jew wara digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali, jew jekk ma jkunx hemm lok li l-għażla tagħha tiġi kkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat id-digriet li permezz tiegħu tingħata l-għajnuna legali u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat imsemmija fir-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. [...]”

62      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, wara t-talba tagħha tas-26 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ġiet ammessa sabiex tibbenefika mill-għajnuna legali b’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali bid-data tas-16 ta’ Frar 2017.

63      Permezz tal-imsemmi digriet, l-avukat propost mir-rikorrenti ġie maħtur mill-Qorti Ġenerali sabiex jirrappreżentaha f’din il-kawża għall-proċedura kollha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet li tammetti lir-rikorrenti għall-benefiċċju tal-għajnuna legali billi kkonfermat l-għażla tagħha rigward l-identità tar-rappreżentant tagħha.

64      Madankollu, fil-5 ta’ Marzu 2018, l-avukat maħtur mill-Qorti Ġenerali informa lil din tal-aħħar li huwa ma kienx għadu jaċċetta li jirrappreżenta lir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali informat lir-rikorrenti li hija kellha tagħżel avukat ieħor għall-finijiet tar-rappreżentanza tagħha waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-31 ta’ Jannar 2019. Fil-jum tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrenti ma kinitx segwiet dan il-parir min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Huwa f’dan il-kuntest li, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-31 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti talbet, personalment, l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

65      Fil-kuntest ta’ talba għal għajnuna legali, l-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom avukat jista’ jintgħażel, fuq l-inizjattiva tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, sabiex jirrappreżenta parti quddiem il-Qorti Ġenerali.

66      Mill-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali għandu jibgħat lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-atti msemmija fih fil-każ li l-persuna kkonċernata, fit-talba tagħha għal għajnuna legali jew wara li tintlaqa’ din it-talba, ma tkunx ipproponiet hija nnifisha avukat, jew fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tkunx ikkonfermat l-għażla tal-persuna kkonċernata.

67      Għaldaqstant, fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ipproponiet hija nnifisha avukat, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura għall-finijiet tas-sostituzzjoni tal-imsemmi avukat b’ieħor teżiġi t-tressiq ta’ talba ġdida għal għajnuna legali skont il-kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 147(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tinkludi d-dokumenti mitluba skont l-Artikolu 147(3) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet sostantivi għadhomx issodisfatti. It-tieni nett, tali sostituzzjoni tista’ ssir taħt l-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura biss jekk hija ssir neċessarja minħabba ċirkustanzi oġġettivi u indipendenti mill-aġir jew mill-volontà tal-persuna kkonċernata, bħall-mewt, l-irtirar jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi professjonali jew ta’ etika tal-avukat.

68      Fil-fatt, minn naħa, l-għajnuna legali tikkostitwixxi benefiċċju offrut b’xejn lill-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant hija l-imsemmija persuna kkonċernata li għandha tagħmel użu minn dan il-benefiċċju b’mod li jirrispetta r-rwol li s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni tagħti lill-funzjoni ta’ avukat. Dan tal-aħħar huwa kollaboratur tal-ġustizzja, imsejjaħ sabiex jipprovdi, f’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri ta’ din, l-għajnuna legali li l-klijent ikollu bżonn [digriet tas-17 ta’ Mejju 2017, Olivetel vs EUIPO – Polyrack Electronic Aufbausysteme (POLY RACK), T-28/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:404, punt 11]. Il-fatt li avukat jirrinunzja li jirrappreżenta lil parti fit-tilwima billi jinvoka aġir ta’ din tal-aħħar li għandu mnejn jillimita b’mod drastiku l-missjoni ta’ rappreżentant kif iddefinita hawn fuq ma jistax għaldaqstant jitqies bħala raġuni valida sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

69      Kif ġie espost fil-punti 62 u 63 hawn fuq, fit-talba tagħha għal għajnuna legali mressqa fis-26 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti pproponiet l-isem ta’ S. Conrad inkwantu avukat rappreżentant, għażla li ġiet ikkonfermata fid-digriet tas-16 ta’ Frar 2017.

70      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura jista’ jiġi applikat f’dan il-każ biss wara talba ġdida għal għajnuna legali mressqa skont l-Artikolu 147(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura.

71      Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ma ressqitx quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tali talba. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, iċ-ċirkustanzi deskritti minn S. Conrad (ara l-punt 43 hawn fuq) ma jistgħux, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet esposti fil-punt 68 hawn fuq, jitqiesu li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan il-kuntest, il-fatt li r-rikorrenti invokat it-telf ta’ fiduċja fil-konfront ta’ S. Conrad ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 148(5) tar-Regoli tal-Proċedura, għaliex xejn ma kien jipprekludiha milli tagħżel avukat ieħor għall-finijiet tar-rappreżentanza tagħha.

72      Peress li l-partijiet ippreżentaw b’mod validu n-noti tagħhom matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li l-fażi orali tal-proċedura ngħalqet, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti fil-proċess sabiex tiddeċiedi f’din il-kawża.

B.      Fuq it-talbiet għal annullament

73      Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda.

1.      Fuq it-talbiet għal annullament diretti kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda

74      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 22(1) u (5) tar-Regolament Nru 58/2003, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-azzjoni amministrattiva fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentata tagħha. Bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tirrispondi bil-miktub u li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni f’dan it-terminu jitqies bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-azzjoni.

75      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar l-azzjoni amministrattiva, ippreżentata fis-17 ta’ April 2016 mir-rikorrenti, fi żmien xahrejn.

76      B’dan il-mod, l-assenza ta’ risposta tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Ġunju 2016 titqies bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-azzjoni amministrattiva, liema deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 58/2003.

77      Madankollu, fis-16 ta’ Settembru 2016, jiġifieri qabel il-preżentata tar-rikors f’din il-kawża, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiċħad b’mod espliċitu l-azzjoni amministrattiva, li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2016.

78      Għalhekk, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda, il-Kummissjoni rtirat id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 45).

79      Issa, meta att jiġi rtirat, huwa jgħib għal kollox mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2011, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑411/09, EU:T:2011:4, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Għaldaqstant, sa fejn huwa intiż sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2.      Fuq it-talbiet għal annullament diretti kontra d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda

81      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi.

a)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti

82      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tafferma, essenzjalment, li l-ipproċessar tardiv mill-Kummissjoni tal-azzjoni amministrattiva tagħha jikser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

83      Hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx id-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni amministrattiva fit-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003. L-osservanza tal-imsemmi terminu hija ta’ importanza kbira, għaliex deċiżjoni tardiva għandha mnejn tqarraq bid-destinatarji, b’mod partikolari fir-rigward tat-terminu li għandu jiġi osservat għall-preżentata ta’ rikors.

84      Hija tqis li l-istess jgħodd meta l-Kummissjoni tħabbar li tixtieq tiddikjara ruħha b’mod espliċitu dwar l-azzjoni amministrattiva fil-mument li fih it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra ċ-ċaħda impliċita jkun diġà beda jiddekorri.

85      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 22(1) u (5) tar-Regolament Nru 58/2003, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-azzjoni amministrattiva fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentazzjoni tagħha. Bla ħsara għall-obbligu tal-Kummissjoni li tirrispondi bil-miktub u li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni tagħha, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni f’dan it-terminu jitqies bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-azzjoni. Id-deċiżjoni espliċita jew id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-azzjoni amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE.

86      It-tieni nett, l-ebda prinċipju ġuridiku ma jtellef lill-amministrazzjoni mill-kompetenza tagħha li tirrispondi għal applikazzjoni, anki barra mit-termini stabbiliti għal dan il-għan. Il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġie stabbilit bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tagħtix risposta għal applikazzjoni u taħrab minn kull stħarriġ ġudizzjarju, u mhux biex jirrendi illegali kull deċiżjoni tardiva. L-amministrazzjoni għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi, anki jekk tard, risposta mmotivata għal kull applikazzjoni li ssir minn ċittadin. Tali soluzzjoni hija konformi mal-funzjoni tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tikkonsisti f’li tippermetti liċ-ċittadini li jikkontestaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni bil-għan li jiksbu risposta mmotivata mingħandha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, EU:T:2010:15, punt 59).

87      It-tielet nett, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

88      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda, ippreġudikat id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u dan minkejja li l-adozzjoni tad-deċiżjoni seħħet wara t-terminu ta’ xahrejn stabbilit għall-Kummissjoni fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003 sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni amministrattiva.

89      Fil-fatt, id-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tinforma lir-rikorrenti bil-possibbiltà li titlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li ġie ppreżentat fit-termini mitluba, sa fejn ir-rikors ġie ppreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2016, jiġifieri inqas minn xahrejn wara l-komunikazzjoni, fit-30 ta’ Settembru 2016, tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda.

90      Għaldaqstant, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi

91      It-tieni motiv tar-rikors huwa magħmul minn żewġ partijiet.

1)      Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq applikazzjoni illegali tal-klawżola ta’ żbarra

92      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda għandha tiġi annullata, sa fejn il-Kummissjoni baqgħet lura milli tikkoreġi illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ERCEA, li b’mod partikolari bbażat iċ-ċaħda tat-talba għal sussidju fuq il-klassifikazzjoni fil-kategorija C ta’ talba preċedenti għal sussidju għas-sejħa għal proposti tal-2015, meta din il-klassifikazzjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ERCEA ġiet ibbażata fuq diversi raġunijiet, jiġifieri, prinċipalment, l-assenza ta’ ittra ta’ kunsens valida ta’ istituzzjoni ospitanti u, sussidjarjament, il-klawżola ta’ żbarra, id-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda hija bbażata biss fuq l-ewwel waħda fost dawn ir-raġunijiet.

94      Għaldaqstant, jekk jingħad li t-tieni waħda minn dawn ir-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ERCEA kienet żbaljata, jibqa’ l-fatt li din ma tikkostitwixxix raġuni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

2)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-eliġibbiltà tat-talba għal sussidju

95      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li la istituzzjoni ospitanti u lanqas ittra ta’ kunsens ma kienu neċessarji sabiex tiġi ppreżentata t-talba tagħha għal sussidju.

96      Fl-ewwel lok, hija ssostni li pproduċiet ittra ta’ kunsens valida, peress li l-ebda element tal-ittra tal-Università tat-30 ta’ Jannar 2015, mehmuża mat-talba għal sussidju, ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ittra kienet tirreferi biss għas-sejħa għal proposti tal-2015.

97      Issa, f’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar mill-ittra ta’ kunsens tal-Università tat-30 ta’ Jannar 2015, b’mod iktar preċiż mis-suġġett tagħha, li din tal-aħħar impenjat ruħha esklużivament inkwantu istituzzjoni ospitanti għas-sejħiet għal proposti tal‑2015.

98      Fi kwalunkwe każ, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Università rtirat darbtejn it-talba għal sussidju u ddikjarat li ma hijiex disponibbli inkwantu istituzzjoni ospitanti għall-proġett sostnut mir-rikorrenti (ara l-punti 18 sa 20 hawn fuq).

99      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

100    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Università ma kinitx awtorizzata tirtira unilateralment il-kunsens tagħha qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal sussidju. Hija tqis li r-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni ma jipprevedux tali setgħa.

101    Issa, tali raġunament huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri dik li l-Università mmanifestat il-kunsens tagħha għat-talba għal sussidju.

102    Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentat it-talba tagħha għal sussidju mingħajr ittra ta’ kunsens valida min-naħa tal-Università, li wkoll, b’ittra tat-30 ta’ Novembru 2015, informat lill-ERCEA li hija ma kinitx disponibbli inkwantu istituzzjoni ospitanti għall-proġett ippreżentat mir-rikorrenti.

103    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kunsens validu u a fortiori fil-preżenza ta’ żewġ azzjonijiet ta’ rtirar tat-talba għal sussidju mill-Università, ir-rikorrenti ma tistax raġonevolment issostni li l-Università ma setgħetx tirtira l-kunsens tagħha wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal sussidju.

104    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tinvoka d-dritt li tippreżenta talba inkwantu individwu.

105    F’dan ir-rigward, jirriżulta, huwa minnu, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 15 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni li, “[e]ċċezzjonalment, ir-riċerkatur prinċipali jista’ huwa nnifsu jagħmilha ta’ entità ġuridika applikanti, jekk huwa jaġixxi inkwantu entità ġuriidka b’mod indipendenti”.

106    Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti użat il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-Università meta ppreżentat it-talba tagħha għal sussidju.

107    Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rikorrenti, huwa minnu, talbet kodiċi ta’ identifikazzjoni personali, din it-talbet saret biss wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal sussidju, b’tali mod li huwa ma setax jintuża għal dan il-għan.

108    Barra minn hekk, it-talba għal sussidju ġiet ippreżentata f’isem l-Università u mhux f’isem ir-rikorrenti, b’tali mod li din tal-aħħar kellha tikseb, qabel il-preżentazzjoni tat-talba tagħha, il-kunsens tal-Università.

109    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

110    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tafferma li l-ERCEA kienet marbuta li titlobha kjarifiki rigward it-talba tagħha għal sussidju, skont il-punt 2.3 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni, u li tagħtiha l-possibbiltà li tfittex istituzzjoni ospitanti oħra, meta rriżulta, fid-dawl tal-ittra tat-30 ta’ Novembru 2015 tal-Università, li l-ittra ta’ kunsens ta’ din tal-aħħar ma kinitx marbuta mas-sejħa għal proposti tal-2016. Iċ-ċaħda awtomatika tat-talba għal sussidju ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fil-programm ta’ ħidma tal-ERC għas-sena 2016.

111    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa minnu li mill-Artikolu 96(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), li għalih jirreferi l-punt 2.3 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni, jirriżulta li, “[f]ejn, minħabba żball ta’ kopjar evidenti min-naħa tal-applikant jew tal-offerent, l-applikant jew tal-offerent jonqos milli jippreżenta provi jew jagħmel dikjarazzjonijiet, il-kumitat ta’ valutazzjoni jew, jekk ikun il-każ, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, jitlob lill-applikant jew lill-offerent iforni l-informazzjoni nieqsa jew jiċċara l-provi dokumentarji” u li “[t]ali informazzjoni jew kjarifiki ma għandhomx jimmodifikaw sostanzjalment il-proposta jew jalteraw it-termini tas-sejħa għall-offerti”.

112    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56a tal-mudell tal-ftehim ta’ għotja tal-ERC, li għalih ir-rikorrenti tirreferi, essenzjalment, fir-replika, jipprevedi l-ipoteżi ta’ bdil ta’ istituzzjoni ospitanti matul il-perijodu ta’ finanzjament.

113    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-ERCEA li ma ħallithiex tibdel l-istituzzjoni mit-30 ta’ Novembru 2015.

114    Fil-fatt, l-identità tal-istituzzjoni ospitanti tirriżulta li hija element essenzjali fil-kuntest ta’ talba għal sussidju u ma tistax, inkwantu tali, tkun is-suġġett ta’ sostituzzjoni jew żieda, sakemm ma tinbidilx sostanzjalment din it-talba. Għaldaqstant din il-kwistjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “żball ta’ kopjar evidenti” u tinsab għaldaqstant barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2.3 tar-regoli tal-ERC għall-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni.

115    Barra minn hekk, l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 56a tal-mudell tal-ftehim ta’ għotja tal-ERC ma tikkonċernax bdil ta’ istituzzjoni ospitanti matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tat-talbiet għal sussidju, iżda bdil matul il-perijodu kopert mis-sussidju.

116    B’dan il-mod, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-ERCEA li ma ħallithiex tfittex istituzzjoni ospitanti ġdida, b’tali mod li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

117    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda kkostitwita mill-assenza ta’ risposta mill-Kummissjoni għall-azzjoni amministrattiva ppreżentata mir-rikorrenti, u bħala infondat, sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2016.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 149(5) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, it-Qorti Ġenerali tista’, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fid-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, tordna li waħda jew iktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali bħala għajnuna legali.

119    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti hija benefiċjarja tal-għajnuna legali u peress li hija tilfet, għal raġunijiet ta’ ekwità huwa meħtieġ li kull parti f’din il-proċedura tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2019.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.