Language of document : ECLI:EU:C:2019:496

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ parti minn impriża – Żamma tad‑drittijiet tal-ħaddiema – Kunċett ta’ ‘trasferiment’ – Kunċett ta’ ‘entità ekonomika’ – Trasferiment ta’ parti mill-attività ekonomika ta’ kumpannija omm lil sussidjarja li għadha kemm ġiet stabbilita – Identità – Awtonomija – Tkomplija ta’ attività ekonomika – Kriterju ta’ stabbiltà tat-tkomplija ta’ attività ekonomika – Użu ta’ fatturi ta’ produzzjoni ta’ terzi – Intenzjoni li l-entità ttrasferita tiġi llikwidata”

Fil-Kawża C‑664/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Ellinika Nafpigeia AE

vs

Panagiotis Anagnostopoulos et,

fil-preżenza ta’:

Syllogos Ergazomenon Nafpigeion Skaramagka, I TRIAINA,

Panellinia Omospondia Ergatoÿpallilon Metallou (POEM),

Geniki Synomospondia Ergaton Ellados (GSEE),


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ellinika Nafpigeia AE, minn S. Andriopoulos u D. Zerdelis, dikigoroi,

–        għal P. Anagnostopoulos u 89 impjegat ieħor, Syllogos Ergazomenon Nafpigeion Skaramagka, I TRIAINA u Panellinia Omospondia Ergatoÿpallilon Metallou (POEM), minn V. Pittas, dikigoros,

–        għal D. Karampinis, minn M. Michalopoulos, dikigoros,

–        għal K. Priovolos u K. Kostopoulos, minn A. Tzellis, dikigoros,

–        għal Geniki Synomospondia Ergaton Ellados (GSEE), minn S. Kazakou, dikigoros,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, S. Papaioannou u E.‑M. Mamouna, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ellinika Nafpigeia AE u Panagiotis Anagnostopoulos u 89 impjegat ieħor (iktar ’il quddiem l-“impjegati kkonċernati”) dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol inizjalment konklużi bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat, b’effett mill‑11 ta’ April 2001, id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). Peress li l-avvenimenti rilevanti kollha relatati mat-trasferiment inkwistjoni seħħew wara l‑11 ta’ April 2001, id-Direttiva 2001/23 hija għalhekk applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

4        Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jgħidu:

“(3)      Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.

[...]

(8)      Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

5        L-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“(a)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

(b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq [titkompla] attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

6        L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘min jagħmel it-trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

(b)      ‘min lilu jsir trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju”.

7        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

8        L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.      It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

[...]

2.      Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

9        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).”

 Id-dritt Grieg

10      Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (c) tal-Proedrikó diátagma 178/2002: Métra schetiká me tin prostasía ton dikaiomáton ton ergazoménon se períptosi metavívasis epicheiríseon, enkatastáseon í tmimáton enkatastáseon í epicheiríseon, se symmórfosi pros tin Odigía 98/50/EK tou Symvoulíou (id-Digriet Presidenzjali 178/2002 dwar il-Miżuri relattivi għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema f’Każ ta’ Trasferiment ta’ Impriżi, ta’ Negozji jew ta’ Parti minn Impriżi jew Negozji, għall-Finijiet ta’ Konformità mad-Direttiva 98/50/KE) (FEK A’ 162/12.7.2002, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 178/2002”), id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għal kull trasferiment, konvenzjonali jew legali, ta’ impriżi jew amalgamazzjoni ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet ta’ negozji, li jwassal għal bidla tal-persuna li timpjega u li jista’ jirrigwarda korpi pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi bi skop ta’ lukru jew mingħajr skop ta’ lukru.

11      L-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan id-digriet jiddefinixxi t-“trasferiment” bħala dak ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-iskop li titkompla attività ekonomika, irrispettivament minn jekk l-attività hijiex ċentrali jew anċillari.

12      L-Artikolu 3(1)(a) u (b) tal-imsemmi digriet jiddefinixxi l-kliem “ċedent” u “ċessjonarju” bħala li jindikaw, għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda, kull persuna fiżika jew ġuridika li minħabba trasferiment fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, titlef il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju, u għal dak li jirrigwarda t-tieni waħda, kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba tali trasferiment, tikseb il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju.

13      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002, id-drittijiet u l-obbligi kollha eżistenti li ċ-ċedent kellu skont kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju sa mid-data tat-trasferiment.

14      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi li, wara t-trasferiment, iċ-ċedent għandu jibqa’ responsabbli in solidum u b’mod sħiħ maċ-ċessjonarju għall-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt jew minn relazzjoni ta’ xogħol sad-data li fiha ċ-ċessjonarju jieħu l-funzjonijiet tiegħu.

15      Mill-Artikolu 4(2) tal-imsemmi digriet jirriżulta li, wara t-trasferiment, iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol diġà previsti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol, minn deċiżjoni arbitrali, minn regolament jew minn kuntratt ta’ xogħol individwali.

16      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jipprovdi li t-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema. Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet, bla ħsara li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet relattivi għat-tkeċċija, hija awtorizzata kull tkeċċija li tirriżulta neċessarja għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jimplikaw bidliet fil-persunal. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi digriet jipprovdi li, jekk il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol jiġu xolti minħabba li t-trasferiment iwassal għal bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol għad-detriment tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ xogħol.

17      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002, il-konsegwenzi ta’ trasferiment, previsti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi digriet, ma japplikawx fil-każ fejn iċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ kull proċedura simili oħra.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      L-impjegati kkonċernati ġew ingaġġati madwar 30 sena ilu, b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, minn Ellinika Nafpigeia, sabiex jaħdmu fl-istabbilimenti ta’ din il-kumpannija li jinsabu fi Skaramangas (il-Greċja).

19      L-imsemmija kumpannija kienet impriża tas-settur pubbliku mill‑1985, li ġiet ipprivatizzata fl‑2002 u suġġetta għal projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-persunal tagħha sat‑30 ta’ Settembru 2008.

20      Waqt il-privatizzazzjoni tagħha, Ellinika Nafpigeia kienet teżerċita erba’ tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ vapuri tal-gwerra u tal-kummerċ, it-tiswija ta’ vapuri, il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ sottomarini kif ukoll il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ vetturi ferrovjarji. Dawn it-tipi ta’ attivitajiet ġew assenjati rispettivament lil erba’ “direttorati”, jiġifieri d-direttorat tal-inġenji tal-wiċċ, id-direttorat tat-tiswijiet, id-direttorat tas-sottomarini u d-direttorat tal-materjal ferrovjarju. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni strutturali ta’ Ellinika Nafpigeia kienet tinkludi erba’ “diviżjonijiet” ta’ produzzjoni, jiġifieri installazzjoni ta’ laminazzjoni, installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet, mastrudaxxa u ċentru ta’ makkinarju. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn id-“diviżjonijiet” ta’ produzzjoni kienet essenzjali sabiex jitwettaq ix-xogħol li sar fil-kuntest ta’ kull waħda mill-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq, organizzati f’direttorati.

21      Ftit wara l-privatizzazzjoni tagħha, Ellinika Nafpigeia stabbilixxiet sussidjarja fis-settur tal-materjal ferrovjarju, jiġifieri Etaireia Trochaiou Ylikou Ellados ΑΕ (iktar ’il quddiem “ETYE”), sabiex tittrasferixxi lil din tal-aħħar il-ftehimiet ta’ programm pendenti li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-kunsinna ta’ tipi differenti ta’ vetturi ferrovjarji. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fit‑28 ta’ Settembru 2006, Ellinika Nafpigeia u ETYE kkonkludew diversi kuntratti sabiex jippermettu lid-“direttorat tal-materjal ferrovjarju” ta’ Ellinika Nafpigeia jopera, mill‑1 ta’ Ottubru 2006, bħala kumpannija awtonoma, taħt l-isem ta’ ETYE.

22      L-għan ta’ dawn il-kuntratti kien, b’mod partikolari, il-kiri għall-użu professjonali ta’ art ta’ Ellinika Nafpigeia, il-bejgħ u l-kunsinna, minn Ellinika Nafpigeia lil ETYE, ta’ beni mobbli, il-provvista, minn Ellinika Nafpigeia lil ETYE, ta’ servizzi ta’ natura amministrattiva kif ukoll l-għoti, minn Ellinika Nafpigeia lil ETYE, tal-eżekuzzjoni ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont tliet ftehimiet ta’ programm.

23      Matul l‑2007, Ellinika Nafpigeia u ETYE kkonkludew kuntratti oħra li b’mod partikolari kellhom bħala għan is-self ta’ persunal ta’ ETYE lil Ellinika Nafpigeia, l-għoti, minn Ellinika Nafpigeia lil ETYE, ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont ftehim ta’ programm kif ukoll il-provvista ta’ servizzi minn ETYE lil Ellinika Nafpigeia.

24      Fit‑28 ta’ Settembru 2007, Ellinika Nafpigeia u ETYE kkonkludew ftehim qafas li jipprevedi l-likwidazzjoni ta’ din tal-aħħar sat‑30 ta’ Settembru 2008. Barra minn hekk, ġie miftiehem li Ellinika Nafpigeia kellha tbati l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ekwivalenti għall-ispiża stmata għat-tkeċċija ta’ 160 impjegat ta’ ETYE. Id-data prevista għal din il-likwidazzjoni kienet madankollu posposta permezz ta’ emenda tal-imsemmi ftehim qafas li saret fl‑10 ta’ Settembru 2008.

25      Fl‑1 ta’ Ottubru 2007, l-ishma kollha ta’ ETYE saru l-proprjetà ta’ ΙΝΤΕΙ Industriebeteiligungsgesellschaft mbH (ΙΝΤΕΙ) u ta’ Industriegesellschaft Waggonbau Ammendorf mbH (ΙGWA), grupp ta’ kumpanniji Ġermaniżi b’responsabbiltà limitata.

26      Permezz ta’ komunikazzjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2007, l-impjegati kkonċernati ġew informati dwar it-trasferiment ta’ ETYE lil dan il-grupp ta’ kumpanniji. Ftehim kollettiv ta’ impriża dwar il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u ta’ xogħol tal-impjegati kollha ta’ ETYE ġie konkluż fit‑13 ta’ Mejju 2008.

27      Fl‑2010, il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) iddikjarat il-falliment ta’ ETYE.

28      Fl‑1 ta’ Ġunju 2009, l-impjegati kkonċernati adixxew lill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja) b’rikors intiż sabiex tiddeċiedi li huma kienu għadhom marbuta ma’ Ellinika Nafpigeia b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, li Ellinika Nafpigeia kellha tħallashom ir-remunerazzjonijiet legalment previsti b’mod partikolari matul il-perijodu kollu taż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom u li, f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol, Ellinika Nafpigeia kellha tħallas l-allowances legali ta’ tkeċċija lil kull impjegat.

29      Billi l-qorti laqgħet dan ir-rikors, Ellinika Nafpigeia appellat quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja). Din il-qorti kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, billi qieset, b’mod partikolari, li ETYE qatt ma kkostitwixxiet entità awtonoma. Fl-ewwel lok, hija qieset li ETYE ma kinitx unità ta’ produzzjoni awtonoma, għar-raġuni li l-kontribuzzjoni tal-erba’ diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ Ellinika Nafpigeia kienet indispensabbli għall-produzzjoni u għat-tiswija tal-materjal ferrovjarju u li, kieku Ellinika Nafpigeia waqqfet kull attività, kien ikun impossibbli li ETYE tibni u ssewwi l-materjal ferrovjarju. Fit-tieni lok, ETYE ma kellhiex sostenn amministrattiv tagħha stess, billi dan tal-aħħar kien jiġi pprovdut minn Ellinika Nafpigeia u, fit-tielet lok, hija ma kellhiex awtonomija finanzjarja, billi l-ġestjoni finanzjarja kellha tiġi żgurata minn Ellinika Nafpigeia. Minn dan, l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni) iddeduċiet li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ partijiet minn negozju, u li, konsegwentement, Ellinika Nafpigeia baqgħet il-persuna li timpjega lill-imjegati kkonċernati.

30      Ellinika Nafpigeia ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja). Kien hemm differenza ta’ fehmiet fi ħdan l-awla tal-imsemmija qorti adita bil-kawża għal dak li jirrigwarda l-portata tal-kliem “entità ekonomika” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/23.

31      Fil-fatt, skont tliet membri ta’ din l-awla, ETYE ma kellhiex il-possibbiltà li tkompli l-attività li għaliha hija kienet responsabbli, sa fejn hija ma kellhiex, qabel it-trasferiment inkwistjoni, l-infrastruttura materjali jew teknika neċessarja u sa fejn id-direttorat tal-materjal ferrovjarju li donnu ġie ttrasferit lilha ma setax jiffunzjona mingħajr is-sostenn tad-diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ Ellinika Nafpigeia, kif ukoll tas-servizzi amministrattivi u finanzjarji tagħha. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-volum żgħir ta’ xogħol imwettaq minn ETYE li wassal għall-falliment tagħha. Barra minn hekk, dan jappoġġja wkoll il-pożizzjoni tal-impjegati kkonċernati li jsostnu li l-għan tat-trasferiment inkwistjoni kien li titwaqqaf l-attività ta’ kostruzzjoni u ta’ tiswija ta’ vetturi ferrovjarji ta’ Ellinika Nafpigeia u li jiġu tterminati l-postijiet ta’ xogħol marbuta magħha mingħajr ma hija tassumi l-konsegwenzi finanzjarji negattivi.

32      Min-naħa l-oħra, żewġ membri tal-awla adita huma tal-opinjoni li l-unità ttrasferita kellha awtonomija suffiċjenti, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment inkwistjoni, sabiex teżerċita l-attività ekonomika tagħha. Fil-fatt, f’każ ta’ trasferiment ta’ unità inqas importanti, l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” jistgħu jinftiehmu b’mod inqas strett milli fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża sħiħa jew ta’ attività prinċipali. Il-fatt li ċ-ċessjonarju kien, bħala sussidjarju, sostnut miċ-ċedent sabiex jeżerċita l-attività akkwistata ma jeskludix l-eżistenza ta’ trasferiment, peress li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni forom attwali tal-“azzjoni ta’ intrapriża”, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi ta’ terzi. Finalment, l-intenzjoni taċ-ċedent jew taċ-ċessjonarju li jillikwida l-impriża ma hijiex indizju li jeskludi l-preżenza ta’ trasferiment, iżda element li jippermetti, skont il-każ, li jiġi konkluż, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, li kien hemm tibdil unilaterali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u terminazzjoni tal-imsemmi kuntratt mill-persuna li timpjega ċedenti.

33      Konsegwentement, l-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Skont dak li jipprevedi l-Artikolu 1 tad-Direttiva [2001/23] u sabiex jiġi kkonfermat jekk hemmx jew le trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew minn negozju, “entità ekonomika” għandha tinftiehem li hija unità ta’ produzzjoni kompletament awtonoma, li tista’ tiffunzjona sabiex tilħaq l-iskop ekonomiku tagħha mingħajr l-ebda użu (permezz ta’ xiri, self, kiri jew mod ieħor) tal-fatturi ta’ produzzjoni (materja prima, riżorsi umani, makkinarju, komponenti ta’ prodotti lesti, servizzi ta’ sostenn, riżorsi ekonomiċi u oħrajn) ta’ terzi? Jew huwa biżżejjed, għall-kuntrarju, sabiex ikun hemm “entità ekonomika”, li l-iskop tal-attività tal-unità ta’ produzzjoni jkun distint, li din l-attività jkollha realment l-iskop ta’ impriża ekonomika u li jkun possibbli li torganizza b’mod effettiv il-fatturi tal-produzzjoni (materja prima, magni u tagħmir ieħor, riżorsi umani u servizzi ta’ sostenn) sabiex dan l-iskop jintlaħaq, irrispettivament mill-fatt jekk l-operatur il-ġdid tal-attività jużax fatturi ta’ produzzjoni inklużi dawk esterni, jew jekk ma jirnexxilux jilħaq l-iskop tiegħu f’sitwazzjoni partikolari?

2)      Skont kif previst mill-Artikolu 1 tad-Direttiva [2001/23], għandu jew le jiġi eskluż trasferiment fil-każ li min isirlu t-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew it-tnejn li huma jipprevedu mhux biss il-kontinwazzjoni b’suċċess tal-attività mill-operatur il-ġdid, iżda wkoll li fil-futur tispiċċa l-impriża minħabba stralċ tal-impriża?”

 Fuq id-domandi preliminari

34      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-trasferiment ta’ unità ta’ produzzjoni meta, minn naħa, iċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien jaġixxu bil-għan li l-attività ekonomika eżerċitata miċ-ċedent titkompla miċ-ċessjonarju, iżda wkoll bil-għan tat-tmiem tal-eżistenza taċ-ċessjonarju nnifsu, fil-kuntest ta’ likwidazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-unità inkwistjoni, li ma jkollhiex il-kapaċità li tilħaq l-għan ekonomiku tagħha mingħajr ma tuża fatturi ta’ produzzjoni minn terzi, ma tkunx kompletament awtonoma.

35      Qabelxejn, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li din hija applikabbli għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

36      Bla ħsara għall-fatt li għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, it-trasferiment għandu jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, jiġifieri għandu jirrigwarda entità ekonomika, li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bil-għan li titkompla attività ekonomika, irrispettivament minn jekk l-attività hijiex ċentrali jew anċillari.

37      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(b) tagħha, tistax tapplika f’sitwazzjoni fejn iċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien ikollhom bħala għan mhux biss it-tkomplija, miċ-ċessjonarju, tal-attività tal-entità ttrasferita, iżda wkoll il-likwidazzjoni futura taċ-ċessjonarju nnifsu. Fil-fatt, huwa biss jekk tingħata risposta affermattiva li jkun hemm lok, sussegwentement, li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk entità ttrasferita, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax taqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23.

38      Qabelxejn, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi li t-trasferiment għandu jitwettaq “bl-objettiv li twettaq [titkompla] attività ekonomika”, minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax madankollu li tali tkomplija ta’ attività għandha tkun għal perijodu mingħajr limitu u lanqas li ċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien ma jistgħux ikollhom l-intenzjoni li jtemmu, sussegwentement, wara li titkompla l-attività inkwistjoni, l-eżistenza taċ-ċessjonarju nnifsu.

39      Għaldaqstant, minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/23 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva għall-kundizzjoni li ċ-ċessjonarju jkompli jeżisti lil hinn minn perijodu partikolari.

40      Għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, li l-interpretazzjoni li twassal għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 ta’ trasferiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-għan ewlieni ta’ din id-direttiva.

41      Fil-fatt, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, it-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li twettaq b’mod partikolari bil-għan li titkompla l-attività ekonomika mill-operatur il-ġdid, b’tali mod li t-tkomplija tar-relazzjonijiet ta’ xogħol iggarantita mid-Direttiva 2001/23 għandha, f’dan il-każ, tiġi żgurata.

43      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, li jikkostitwixxi element tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva.

44      Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, l-Artikoli 3 u 4 tagħha ma japplikawx, bħala prinċipju, meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment jew proċeduri simili ta’ insolvenza mibdija bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent.

45      Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija, fil-konfront tal-ħaddiema, mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 x’aktarx tieqaf biss fil-każ li jkun iċ-ċedent li huwa s-suġġett ta’ tali proċedura fid-data tat-trasferiment.

46      Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li, minn naħa, iċ-ċedent ma huwiex is-suġġett ta’ tali proċedura u li, min-naħa l-oħra, il-waqfien tal-attività ekonomika ttrasferita huwa previst biss fil-futur, fil-kuntest tal-likwidazzjoni taċ-ċessjonarju.

47      Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ħaddiema kkonċernati mit-trasferiment ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-protezzjoni mogħtija lilhom mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23.

48      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(b) tagħha, tista’, bħala prinċipju, tapplika f’sitwazzjoni fejn iċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien ikollhom bħala għan mhux biss it-tkomplija, miċ-ċessjonarju, tal-attività tal-entità ttrasferita, iżda wkoll il-likwidazzjoni futura taċ-ċessjonarju nnifsu.

49      Kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju madankollu tidher li għandha dubji dwar jekk, fil-kawża pendenti quddiemha, it-trasferiment jinvolvix abbuż miċ-ċedent, miċ-ċessjonarju jew minn dawn iż-żewġ persuni flimkien, sabiex jaħbu l-intenzjoni vera tagħhom li hija li tiġi ffaċilitata l-likwidazzjoni tal-entità ttrasferita mingħajr ma jkollhom jassumu l-konsegwenzi finanzjarji.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jgħid li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 96 sa 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan jirriżulta li l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi rrifjutat meta dawn ma jkunux invokati sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju minn vantaġġ mogħti mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li r-rekwiżiti sabiex jinkiseb benefiċċju minn dan il-vantaġġ huma biss formalment issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et, C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 98).

52      Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet utli sabiex tivverifika jekk iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju osservawx jew le l-prinċipju mfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

53      F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jissuġġetta l-applikabbiltà tagħha għall-kundizzjoni li titkompla l-attività ekonomika wara t-trasferiment, is-sempliċi tkomplija ta’ din l-attività ma tistax, fiha nnifisha, twassal għall-konstatazzjoni li l-imsemmija kundizzjoni hija ssodisfatta.

54      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jaqa’ taħt id-Direttiva 2001/23, it-trasferiment għandu jippermetti liċ-ċessjonarju jkompli l-attivitajiet jew ċerti attivitajiet taċ-ċedent b’mod stabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Allen et, C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ir-rekwiżit ta’ stabbiltà stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal għaqda koerenti ta’ fatturi ta’ produzzjoni differenti, b’mod partikolari assi tanġibbli jew intanġibbli, kif ukoll il-persunal neċessarju, li tippermetti lill-entità ttrasferita tkompli attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 21).

56      Issa, għaqda ta’ fatturi ta’ produzzjoni li għandha t-tendenza, mid-data ta’ trasferiment, toħloq żbilanċ bejn l-inputs u l-outputs fil-produzzjoni, u li għalhekk tista’ twassal għat-trażżin tagħha u, gradwalment iżda inevitabbilment, għall-għajbien tal-attività ttrasferita, mhux biss ma tistax titqies li hija konformi mar-rekwiżit ta’ stabbiltà, iżda tista’ b’mod partikolari tirrifletti intenzjoni abbużiva tal-operaturi ekonomiċi inkwistjoni sabiex jiġu evitati r-riperkussjonijiet finanzjarji negattivi marbuta mal-likwidazzjoni futura tal-entità ttrasferita li normalment għandhom jiġu mġarrba miċ-ċedent u li ċ-ċessjonarju ma jkunx f’pożizzjoni li jassumi.

57      Dan jista’ jkun il-każ ukoll jekk l-attività tal-entità ttrasferita tkun limitata għat-tlestija ta’ ċerti kuntratti jew programmi speċifiċi, mingħajr l-istabbiliment, fi ħdan l-impriża taċ-ċessjonarju, ta’ għaqda organizzata ta’ assi bħal dawk imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punti 20 sa 22).

58      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju inkwistjoni josservawx il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u jistgħux, għalhekk, jibbenefikaw mill-vantaġġi li d-Direttiva 2001/23 tipprevedi fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża.

59      Sussegwentement, kif issemma fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jistax japplika għat-trasferiment ta’ entità bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

60      Sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt l-imsemmija direttiva, it-trasferiment għandu jirrigwarda parti mill-impriża ċedenti li tikkostitwixxi entità ekonomika, jiġifieri għaqda organizzata ta’ persuni u ta’ assi li tippermetti l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tipprova tilħaq għan speċifiku u li hija suffiċjentement strutturata u awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għall-istess finijiet, l-entità inkwistjoni għandha żżomm ukoll l-identità tagħha wara t-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 39).

62      Sa fejn l-identità ta’ entità ekonomika hija kkostitwita minn diversi fatturi indissoċjabbli, bħall-persunal li jifformaha, il-maniġment tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi ta’ operat tagħha jew anki, fejn xieraq, ir-riżorsi operazzjonali disponibbli għaliha (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), din l-identità timplika neċessarjament, fost affarijiet oħra, awtonomija funzjonali.

63      Għalhekk, peress li hija inerenti għall-identità tagħha, l-awtonomija funzjonali ta’ tali entità għandha, kif jirrikjedi l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, tinżamm wara t-trasferiment.

64      Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija awtonomija tkun totali. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta espressament li hija tapplika mhux biss għat-trasferiment ta’ impriża, iżda wkoll fil-każ fejn parti minn impriża tiġi ttrasferita.

65      Konsegwentement, unità ta’ produzzjoni ta’ impriża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-attività tagħha kienet titwettaq, qabel it-trasferiment, fi ħdan dik l-impriża u li l-awtonomija tagħha fi ħdanha kienet għalhekk limitata, ma tistax tiġi eskluża awtomatikament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

66      F’dan il-każ, mid-deciżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unità ta’ produzzjoni ttrasferita jista’ ma jkollhiex il-kapaċità li topera sabiex tikseb l-għan ekonomiku tagħha mingħajr ma tuża l-fatturi ta’ produzzjoni ta’ terz.

67      Fil-fatt, għalkemm il-partijiet tal-istess impriża jibbenefikaw mill-awtonomija sħiħa ta’ din tal-aħħar, l-awtonomija li dawn il-partijiet jeħtieġu fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ terzi tista’ tkun nieqsa.

68      F’kuntest simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha l-assi tanġibbli indispensabbli għall-iżvolġiment tal-attività inkwistjoni dejjem baqgħu jappartjenu liċ-ċedent ikollha l-effett li ċċaħħad lill-imsemmija direttiva minn parti mill-effett utli tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza, C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Madankollu, peress li, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, unità ta’ produzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkostitwita mid-“direttorat tal-materjal ferrovjarju” ta’ Ellinika Nafpigeia, ġiet ittrasferita lil ETYE, sussidjarja ta’ din tal-ewwel, din l-unità ma tistax tibqa’ titqies li għandha l-awtonomija tal-kumpannija omm. Iż-żamma tal-awtonomija ta’ unità ttrasferita, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreżupponi għalhekk li din tal-aħħar ikollha għad-dispożizzjoni tagħha, wara t-trasferiment, garanziji suffiċjenti li jiżgurawlha l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni tat-terz inkwistjoni sabiex ma tkunx tiddependi fuq l-għażliet ekonomiċi magħmula b’mod unilaterali minn dan tal-aħħar.

70      Dawn il-garanziji jistgħu, b’mod partikolari, jieħdu l-forma ta’ ftehimiet jew ta’ kuntratti, bejn l-unità ttrasferita u t-terz ikkonċernat, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet preċiżi u imperattivi li taħthom ser jiġi żgurat l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni ta’ dan tal-aħħar.

71      Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, jekk l-unità ta’ produzzjoni ttrasferita għandhiex garanziji suffiċjenti li jiżgurawlha l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni ta’ terz.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li d-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-trasferiment ta’ unità ta’ produzzjoni meta, minn naħa, iċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien jaġixxu bil-għan li l-attività ekonomika eżerċitata miċ-ċedent titkompla miċ-ċessjonarju, iżda wkoll bil-għan tat-tmiem tal-eżistenza taċ-ċessjonarju nnifsu, fil-kuntest ta’ likwidazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-unità inkwistjoni, li ma jkollhiex il-kapaċità li tilħaq l-għan ekonomiku tagħha mingħajr ma tuża fatturi ta’ produzzjoni minn terzi, ma tkunx kompletament awtonoma, bil-kundizzjoni, li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jimponi fuq iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju l-obbligu li ma jipprovawx jibbenefikaw b’mod frawdolenti u abbużiv mill-vantaġġi li jistgħu jnisslu mid-Direttiva 2001/23 jiġi osservat, u, min-naħa l-oħra, li l-unità ta’ produzzjoni kkonċernata jkollha garanziji suffiċjenti li jiżgurawlha l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni ta’ terz sabiex ma tkunx tiddependi fuq l-għażliet ekonomiċi magħmula b’mod unilaterali minn dan tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għat-trasferiment ta’ unità ta’ produzzjoni meta, minn naħa, iċ-ċedent, iċ-ċessjonarju jew dawn iż-żewġ persuni flimkien jaġixxu bil-għan li l-attività ekonomika eżerċitata miċ-ċedent titkompla miċ-ċessjonarju, iżda wkoll bil-għan tat-tmiem tal-eżistenza taċ-ċessjonarju nnifsu, fil-kuntest ta’ likwidazzjoni, u, min-naħa l-oħra, lunità inkwistjoni, li ma jkollhiex il-kapaċità li tilħaq l-għan ekonomiku tagħha mingħajr ma tuża fatturi ta’ produzzjoni minn terzi, ma tkunx kompletament awtonoma, bil-kundizzjoni, li għandha tiġi vverifikata millqorti tar-rinviju, minn naħa, li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jimponi fuq iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju l-obbligu li ma jipprovawx jibbenefikaw b’mod frawdolenti u abbużiv mill-vantaġġi li jistgħu jnisslu mid-Direttiva 2001/23 jiġi osservat, u, min-naħa l-oħra, li l-unità ta’ produzzjoni kkonċernata jkollha garanziji suffiċjenti li jiżgurawlha l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni ta’ terz sabiex ma tkunx tiddependi fuq lgħażliet ekonomiċi magħmula b’mod unilaterali minn dan tal-aħħar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.