Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ April 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal – l-Irlanda) – Neculai Tarola vs Minister for Social Protection

(Kawża C-483/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 7(1)(a) – Ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom – Artikolu 7(3)(c) – Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur – Ċittadin ta’ Stat Membru li jkun eżerċita attività ta’ ħaddiem fi Stat Membru ieħor matul perijodu ta’ ħmistax-il jum – Qgħad involontarju – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem għal mill-inqas sitt xhur – Dritt għall-benefiċċju għal persuni li qed ifittxu xogħol (jobseeker’s allowance))

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Neculai Tarola

Konvenut: Minister for Social Protection

Dispożittiv

L-Artikolu 7(1)(a) u (3)(c) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li kiseb fi Stat Membru ieħor l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva, minħabba l-attività li huwa eżerċita matul perijodu ta’ ġimagħtejn, taħt kuntratt li ma kienx kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat, qabel ma spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju, iżomm l-istatus ta’ ħaddiem matul perijodu supplimentari ta’ mill-inqas sitt xhur fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk ikun irreġistra lilu nnifsu bħala persuna li qed tfittex impjieg fl-uffiċċju tal-impjieg kompetenti.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmi ċittadin għandux, konsegwentement, id-dritt li jirċievi benefiċċji ta’ assistenza soċjali jew, jekk ikun il-każ, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali bħallikieku kien ċittadin tal-Istat Membru ospitanti.

____________

1     ĠU C 347, 16.10.2017