Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fid-29 ta’ Marzu 2019 – Recorded Artists Actors Performers Ltd vs Phonographic Performance (Ireland) Ltd, Minister for Jobs Enterprise and Innovation, ir-Repubblika tal-Irlanda, Attorney General of Ireland

(Kawża C-265/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Recorded Artists Actors Performers Ltd

Konvenuti: Phonographic Performance (Ireland) Ltd, Minister for Jobs Enterprise and Innovation, ir-Repubblika tal-Irlanda, Attorney General of Ireland

Domandi preliminari

L-obbligu għal qorti nazzjonali li tinterpreta d-Direttiva 2006/115 1 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Ruma 2 u/jew tal-WPPT 3 huwa limitat għal kunċetti li huma espressament imsemmija fid-Direttiva, jew, sussidjarjament, dan jestendi għal kunċetti li jinsabu biss fiż-żewġ ftehimiet internazzjonali? B’mod partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva, sa fejn għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-obbligu ta’ “trattament nazzjonali” previst fl-Artikolu 4 tal-WPPT?

Stat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali sabiex jistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta’ liema artisti jikkwalifikaw bħala “artisti relevanti” taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva? B’mod partikolari, Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-dritt għal tqassim f’ħlas ekwu għal ċirkustanzi fejn jew (i) il-wirja sseħħ f’pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE), jew (ii) l-artisti huma ddomiċiljati jew residenti f’pajjiż taż-ŻEE?

X’setgħa diskrezzjonali għandu Stat Membru sabiex iwieġeb għal riżerva magħmula minn Parti Kontraenti oħra taħt l-Artikolu 15(3) tal-WPPT? B’mod partikolari, l-Istat Membru huwa meħtieġ jirriproduċi l-kliem preċiż tar-riżerva magħmula mill-Parti Kontraenti l-oħra? Parti Kontraenti hija meħtieġa ma tapplikax ir-regola ta’ 30 jum prevista fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma sa fejn il-produttur tal-parti li tkun għamlet riżerva jkun għaldaqstant jista’ jirċievi ħlas taħt l-Artikolu 15(1), iżda l-artisti tal-istess reġistrazzjoni ma jkunux jistgħu jirċievu ħlas? Sussidjarjament, il-parti li twieġeb għal riżerva hija awtorizzata tagħti drittijiet liċ-ċittadini tal-parti li tkun għamlet din ir-riżerva fuq bażi iktar ġeneruża minn dak li tkun għamlet il-parti li tkun għamlet ir-riżerva, fi kliem ieħor, il-parti li twieġeb għal riżerva tista’ tagħti drittijiet li ma humiex irreċiprokati mill-parti li tkun għamlet ir-riżerva?

Huwa permissibbli f’kull ċirkustanza li d-dritt għal ħlas ekwu jiġi limitat għall-produtturi ta’ reġistrazzjoni awdjo, fi kliem ieħor, li d-dritt jiġi miċħud lill-artisti li l-wirjiet tagħhom ġew iffissati f’din ir-reġistrazzjoni awdjo?

____________

1 ĠU 2006, L 376, p. 28.

2 Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Artisiti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir (1961).

3 It-Trattat tal-WIPO dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi (WPPT) (1996).