Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ April 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo - Spanja) – Repsol Butano SA (C-473/17), DISA Gas SAU (C-546/17) vs Administración del Estado

(Kawża Magħquda C-473/17 u C-546/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Settur tal-gass tal-petroleum likwifikat (LPG) – Protezzjoni tal-konsumaturi – Obbligu ta’ interess ekonomiku ġenerali – Prezz massimu ta’ ċilindri ta’ gass – Obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar – Artikolu 106 TFUE – Direttivi 2003/55/KE, 2009/73/KE u 2006/123/KE – Interpretazzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ April 2010, fil-kawża Federutility et (C-265/08, EU:C:2010:205) — Il-prinċipju ta’ proporzjonalità)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Repsol Butano SA (C-473/17), DISA Gas SAU (C-546/17)

Konvenuta: Administración del Estado

fil-preżenza ta’: Redexis Gas SL, Repsol Butano SA (C-546/17)

Dispożittiv

Il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità stabbilita fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu taċ-ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat, u jimponu fuq ċerti operaturi d-distribuzzjoni fid-djar ta’ dan il-gass, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jinżammu biss għal żmien limitat u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex.

____________

1     ĠU C 382, 13.11.2017

ĠU C 412, 04.12.2017