Language of document : ECLI:EU:C:2019:516

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Il-punt 1 tal-klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Is-settur pubbliku tat-tagħlim – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti suppliment ta’ remunerazzjoni biss lill-għalliema li huma impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali permanenti – Esklużjoni ta’ għalliema impjegati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati fis-servizz pubbliku għal żmien determinat – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Karatteristiċi inerenti għall-istatus ta’ uffiċjal permanenti”

Fil-Kawża C‑72/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 1 de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Daniel Ustariz Aróstegui

vs

Departamento de Educación del Gobierno de Navarra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, u C. Vajda, Imħallef.

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. Ustariz Aróstegui, minn J. Araiz Rodríguez, procurador, u J. Martínez García, abogado,

–        għad-Departamento de Educación del Gobierno de Navarra, minn I. Iparraguirre Múgica, letrado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, T. Larsen, N. Gabriel u M. J. Marques, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        It-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Daniel Ustariz Aróstgui u d-Departamento de Educación del Gobierno de Navarra (il-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra, Spanja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtih suppliment ta’ remunerazzjoni għall-grad.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 l-iskop ta’ din huwa “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija [il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP)] annessi hawn.”

4        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

5        Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tiddisponi:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. […]”

6        Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Id-dritt Spanjol

7        Konformement mal-Artikolu 3(1) tat-Texto Refundido del Estatuto del Personal al Servicio de las Administraciones Públicas de Navarra (it-Test li Japprova l-Verżjoni Kkonsolidata tar-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ta’ Navarra), approvat permezz tad-Decreto Foral Legislativo 251/1993 (id-Digriet Leġiżlattiv Reġjonali 251/1993), tat‑30 ta’ Awwissu 1993 (iktar ’il quddiem id-“DFL 251/93”):

“Il-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra huwa kompost minn:

a)      uffiċjali;

b)      persunal awżiljarju;

c)      persunal b’kuntratt.”

8        Skont l-Artikolu 12 tad-DFL 251/93:

“L-uffiċjali tas-servizz pubbliku ta’ Navarra jinsabu kklassifikati, konformement mal-kwalifika mitluba għar-reklutaġġ tagħhom u għall-funzjonijiet li jwettqu, skont il-livelli msemmijin fih […]”

9        L-Artikolu 13 tad-DFL 25193 jistabbilixxi:

“1.      Kull livell li jirreferi għalih l-artikolu preċedenti jinkludi seba’ gradi.

2.      L-uffiċjali li jibdew il-karriera tagħhom huma kklassifikati fil-grad 1 tal-livell korrispondenti.

3.      L-uffiċjali jistgħu jiġu progressivament promossi mill-grad 1 għall-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.”

10      L-Artikolu 16 tad-DFL 251/93 jipprevedi:

“1.      L-uffiċjali jistgħu sussegwentement jiġu promossi mill-grad 1 sal-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, indipendentement mill-ispeċjalizzazzjoni tal-kwalifika, taħriġ jew professjoni tagħhom.

2.      Il-progress fil-grad isir kull sena skont il-modalitajiet segwenti:

a)      għall-progress fil-grad, l-anzjanità ta’ almenu sentejn fil-grad preċedenti hija kundizzjoni indispensabbli;

b)      l-ebda uffiċjal ma jista’ jibqa’ għal iżjed minn tmien snin fl-istess grad, apparti dawk li jkunu laħqu il-grad 7;

c)      mingħajr preġudizzju għal dak stabbilit fil-punti preċedenti, 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jiġu promossi, fl-ordni tal-anzjanità, għall-grad direttament superjuri;

d)      wara kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, li ssir konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-amministrazzjoni, sa 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jistgħu jiġu promossi għall-grad direttament superjuri.”

11      Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 tiddisponi:

“1.      B’effett mill‑1 ta’ Jannar 1992 u sal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emenda fis-sistema attwali tal-grad u tal-anzjanità, previst fl-Artikolu 13 tal-Ley Foral 5/1991 de 26 de febrero de Presupuestos Generales de Navarra para 1991 (il-Liġi Reġjonali 5/1991 tas‑26 ta’ Frar 1992 dwar il-Bilanċ Ġenerali ta’ Navarra għas-Sena 1991), is-sistema ta’ progress fil-grad stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament tibqa’ sospiża provviżorjament u tiġi applikata minn din id-data b’mod indipendenti għal kull uffiċjal, fuq il-bażi tal-anzjanità relattiva fil-grad korrispondenti skont dak stabbilit bis-segwenti:

a)      l-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, javvanzaw awtomatikament fil-grad wara li jkunu qattgħu 6 snin u 7 xhur fil-grad direttament inferjuri;

b)      din is-sistema l-ġdida tiġi applikata inizjalment fuq il-bażi tal-anzjanità fil-grad ta’ kull uffiċjal fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 1991. Fil-każ li, f’din id-data, uffiċjal jaqbeż 6 snin u 7 xhur ta’ anzjanità, id-differenza tiġi kkalkolata bħala anzjanità fil-grad suċċessiv. Il-kalkolu ta’ din l-anzjanità u r-riperkussjoni ekonomika tagħha jkollhom natura provviżorja sakemm jiġu eżaminati l-azzjonijiet ġudizzjarji relattivi mal-perijodu straordinarju ta’ ħames snin.

2.      Fid-dawl ta’ dak stabbilit fil-paragrafu preċedenti, minn din id-data u skont l-istess natura provviżorja, fil-każijiet ta’ progressjoni fil-livell fl-istess servizz pubbliku, previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-grad u l-anzjanità għandhom jinżammu f’dak il-grad li fih kienu miżmuma fil-livell li minnu saret il-promozzjoni.”

12      L-Artikolu 40(2) tad-DFL 251/93 jipprevedi li r-remunerazzjonijiet personali bażiċi tal-uffiċjali hija magħmula mis-salarju inizjali tal-livell korrispondenti li fih jinsab fih l-uffiċjal, mir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grad li laħaq u mill-allowance tal-anzjanità. Dan l-artikolu, barra minn hekk, jippreċiża li r-remunerazzjonijiet personali bażiċi jikkostitwixxu dritt miksub marbut mal-istatus tal-uffiċjal.

13      Skont l-Artikolu 11 tad-Decreto Foral 68/2009 por el que se regula la contratación de personal en régimen administrativo en las Administraciones Públicas de Navarra (id-Digriet Reġjonali 68/2009 li Jirregola r-Reklutaġġ ta’ Persunal fil-Kuntest ta’ Kuntratti tad-Dritt Pubbliku fis-Servizz Pubbliku ta’ Navarra), tat‑28 ta’ Settembru 2009, kif emendat bid-Decreto Foral 21/2017 (id-Digriet Reġjonali 21/2017) tad‑29 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Reġjonali 68/2009”):

“Il-persunal irreklutat permezz ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku jirċievi r-remunerazzjonijiet korrispondenti għall-pożizzjoni professjonali okkupata jew għall-funzjoni mwettqa, l-allowance tal-anzjanità u l-allowances tal-familja. Huwa eskluż is-suppliment skont il-grad, għaliex jirrappreżenta remunerazzjoni personali bażika marbuta mal-istatus tal-uffiċjal.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      D. Ustariz Aróstogui ġie rreklutat mill-Ministeru bħala għalliem fil-kuntest ta’ kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku għal żmien determinat mix-xahar ta’ Settembru 2007. Minn dik id-data huwa ħadem f’diversi ċentri edukattivi.

15      Fl‑1 ta’ Lulju 2016, D. Ustariz Aróstogui talab lill-Ministeru għall-għoti u l-ħlas konsegwenti, b’effett retroattiv fuq erba’ snin, tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, li jitħallas lill-għalliema uffiċjali fl-istess grad bħal tiegħu, skont id-Digriet Reġjonali 68/2009.

16      Permezz ta’ rikors tat‑18 ta’ Ottubru 2016, huwa ppreżenta appell quddiem awtorità amministrattiva ogħla kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita ta’ din it-talba. Dan l-appell ġie miċħud fit‑23 ta’ Diċembru 2016 permezz ta’ digriet reġjonali tal-Ministeru.

17      Fit‑28 ta’ Frar 2017, D. Ustariz Aróstogui ppreżenta rikors kontra dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 1 de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja).

18      Il-qorti tar-rinviju tinnota li s-sistema legali fis-seħħ f’Navarra tistabbilixxi, bħala l-unika kundizzjoni oġġettiva għall-ħlas tas-suppliment ta’ remunerazzjoni għall-grad, anzjanità ta’ sitt snin u seba’ xhur fil-grad direttament inferjuri, u li l-avvanz fil-grad għalhekk iseħħ awtomatikament matul il-mogħdija taż-żmien. Hija tippreċiża wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba l-fatt li tfassal il-grad bħala mekkaniżmu ta’ żvilupp tal-karriera speċifiku għall-uffiċjali, tqis li s-suppliment ta’ remunerazzjoni għall-grad huwa remunerazzjoni personali, inerenti għall-istatus ta’ uffiċjal, li għalhekk jikkostitwixxi kundizzjoni suġġettiva għal dak li jirrigwarda l-għoti tiegħu.

19      D. Ustariz Aróstogui jissodisfa l-kundizzjoni oġġettiva ta’ sitt snin u seba’ xhur ta’ anzjanità fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet, iżda ma jissodisfax il-kundizzjoni suġġettiva relatata mal-istatus ta’ uffiċjal.

20      Filwaqt li tispeċifika li ma hemm l-ebda differenza bejn il-funzjonijiet, is-servizzi u l-obbligi professjonali pprovduti minn għalliem uffiċjal u dawk ipprovduti minn membru tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura u l-iskop tas-suppliment ta’ remunerazzjoni għall-grad tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-trattament inqas favorevoli rriżervat għall-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku.

21      Kien f’dan il-kuntest li l-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 1 de Pamplona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Klawżola 4 tal-[Ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola reġjonali, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li teskludi espressament ir-rikonoxximent u l-ħlas ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni speċifiku lill-persunal tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi ta’ Navarra li jaqgħu taħt il-kategorija ‘impjegati b’kuntratt amministrattiv’ – li għandu kuntratt għal żmien determinat – minħabba li dan is-suppliment jikkostitwixxi remunerazzjoni għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ karriera professjonali proprja u esklużiva tal-persunal li jaqa’ taħt il-kategorija ‘uffiċjal pubbliku’ – li għandu kuntratt għal żmien indeterminat?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali permanenti, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku għal żmien determinat.

23      Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni dwar it-trattament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat f’sitwazzjoni komparabbli, għall-motiv biss li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

24      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li sa fejn D. Ustariz Aróstogui kien impjegat mill-Ministeru bħala għalliem fil-kuntest ta’ kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku għal żmien determinat, huwa stabbilit li dan jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, moqri flimkien mal-punt 1 tal-klawżola 3 tiegħu, u, għaldaqstant, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

25      It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li, fost oħrajn, jaqgħu taħt dan il-kunċett, l-allowance ta’ kull tliet snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 50, kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina, C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 32), l-allowance kull sitt snin għal taħriġ kontinwu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez, C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 38), il-parteċipazzjoni fi pjan ta’ evalwazzjoni professjonali u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva (digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santigho, C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 36), kif ukoll il-parteċipazzjoni f’sistema ta’ żvilupp fil-karriera ta’ natura orizzontali li twassal għal komplement ta’ remunerazzjoni (digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Cenceno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 47).

27      F’din il-kawża, sa fejn it-twettiq ta’ perijodu ta’ sitt snin u seba’ xhur ta’ servizz jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-unika kundizzjoni oġġettiva għall-għoti ta’ tali suppliment, dan jitħallas preċiżament minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol, minkejja li f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti tiegħu għandu jitqies bħala “kundizzjoni ta’ impjieg” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

28      It-tielet nett, għandu jitfakkar, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan ir-rigward, il-Ministeru argumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, id-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali permanenti u l-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, li ta’ dan jagħmel parti minnu D. Ustariz Aróstogui, ma taqax fl-ambitu tal-projbizzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, sakemm ma tkunx in-natura determinata jew indeterminata tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol li tikkundizzjona, fid-dritt nazzjonali, id-dritt għas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda n-natura statutorja jew kuntrattwali ta’ din ir-relazzjoni.

30      Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol u l-Ministeru indikaw, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-għalliema impjegati għal żmien indeterminat skont kuntratti tad-dritt privat huma esklużi wkoll mill-benefiċċju ta’ dan is-suppliment.

31      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mill-kliem tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jirriżulta li huwa biżżejjed li l-ħaddiema għal żmien determinat inkwistjoni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema għal żmien indeterminat f’sitwazzjoni komparabbli, sabiex dawn tal-ewwel ikunu intitolati li jitolbu l-benefiċċju ta’ din il-klawżola.

32      B’riżultat ta’ dan, hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, ma huwiex meħtieġ għal dan il-għan li l-ħaddiema għal żmien determinat inkwistjoni għandhom jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn kull kategorija ta’ ħaddiema għal żmien indeterminat.

33      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-uffiċjali permanenti u l-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex f’sitwazzjoni komparabbli.

34      Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl tal-fatturi kollha, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-uffiċjali permanenti u l-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku humiex f’sitwazzjoni komparabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li ma hemm l-ebda differenza bejn il-funzjonijiet, is-servizzi u l-obbligi professjonali pprovduti minn għalliem uffiċjal u dawk ipprovduti minn għalliem membru tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, bħal D. Ustariz Aróstogui.

37      Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-elementi rilevanti kollha, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat bħalma huwa D. Ustariz Aróstegui hija komparabbli għal dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat impjegat mill-Ministeru.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, li hemm differenza fit-trattament li tikkonsisti mill-fatt li l-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku jiġu rrifjutati l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li, f’sitwazzjoni komparabbli, l-uffiċjali permanenti jingħataw id-dritt għal dan is-suppliment ta’ remunerazzjoni.

39      Ir-raba’ nett, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx raġuni oġġettiva, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, sabiex tiġi ġġustifikata tali differenza fit-trattament.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 53; u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 54).

41      Min-naħa l-oħra, l-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-membru tal-persunal bil-kuntratt irregolati mid-dritt pubbliku, bħal D. Ustariz Aróstegui, ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u għalhekk ma jistax, waħdu, jammonta għal raġuni oġġettiva, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ xogħol waħedha hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll tal-Ftehim qafas u tipperpetwa ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2012:557, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol u l-Ministeru argumentaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li s-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi remunerazzjoni personali bażika inerenti għall-istatus ta’ uffiċjal. B’mod iktar partikolari, dan is-suppliment għandu l-għan li jikkumpensa l-progress tal-uffiċjal fis-sistema ta’ żvilupp tal-karriera, li jiġġustifika l-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku minn dan il-benefiċċju, peress li dawn x’aktarx ma jkunux jistgħu jimxu ’l quddiem fil-grad.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istat Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tagħhom, huma jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, jipprevedu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn l-uffiċjali (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 43). L-Istati Membri huma għalhekk intitolati li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ anzjanità għall-aċċess għal ċerti impjiegi jew ukoll li jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna għall-uffiċjali biss, peress li dan jirriżulta mill-bżonn li jittieħed kont tal-ħtiġijiet oġġettivi relatati mal-impjieg inkwistjoni u li ma għandhomx x’jaqsmu mat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosarado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 76 u 79).

44      Madankollu, kundizzjoni astratta u ġenerali, li persuna għandu jkollha l-istatus ta’ uffiċjal sabiex tibbenefika minn kundizzjoni ta’ impjieg bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jitqiesu, b’mod partikolari, in-natura partikolari tal-kompiti li jridu jitwettqu u l-karatteristiċi inerenti fihom, ma tikkorrispondix mar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosarado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 80).

45      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interess pubbliku relatat, fih innifsu, mal-modalitajiet ta’ aċċess għas-servizz pubbliku ma jistax jiġġustifika differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi, C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 46).

46      Għaldaqstant, hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, l-esklużjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolati mid-dritt pubbliku mis-suppliment għar-remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-Artikolu 11 tad-Digriet Reġjonali 68/2009, ma tistax tiġi ġġustifikata sakemm il-karatteristiċi inerenti għar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux realment determinanti għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju.

47      F’din il-kawża, huwa ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-għoti ta’ dan is-suppliment ma huwiex marbut mal-progress li sar fil-grad mill-uffiċjal ikkonċernat, iżda mal-anzjanità. F’dan ir-rigward, il-fatt li s-suppliment inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien oriġinarjament maħsub sabiex jirrikonoxxi l-mertu ta’ uffiċjali fil-kuntest tas-sistema ta’ żvilupp tal-karriera u huwa distint minn miżura intiża biss sabiex tikkumpensa l-anzjanità ma tistax twassal għall-konklużjoni li dan is-suppliment huwa inerenti għar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli fiż-żmien li seħħew il-fatti relatati mal-kawża prinċipali, is-sistema ta’ promozzjoni fil-gradi ogħla kienet sospiża u ssostitwita minn leġiżlazzjoni li sempliċement tagħti d-dritt għal dan is-suppliment fit-tmiem ta’ perijodu speċifiku ta’ servizz, u għalhekk jimminaw kwalunkwe differenza fir-rigward ta’ sempliċi allowance ta’ anzjanità. Għalhekk, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, is-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata lill-uffiċjali minħabba t-twettiq tal-perijodu ta’ servizz meħtieġ biss u ma taffettwax il-pożizzjoni tagħhom fi ħdan is-sistema ta’ żvilupp tal-karriera.

48      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Gvern Spanjol u mill-Ministeru, li hemm differenza fin-natura tad-dmirijiet tal-uffiċjali permanenti, li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament preferenzjali li dawn tal-aħħar igawdu fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irregolati mid-dritt pubbliku f’sitwazzjoni komparabbli, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm l-ebda element konkret u preċiż f’dan ir-rigward fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, differenza bħal din tista’ tkun rilevanti biss jekk l-iskop tas-suppliment ta’ remunerazzjoni jkun li jiġi kkumpensat it-twettiq ta’ kompiti li jistgħu jitwettqu biss minn uffiċjali, bl-esklużjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat. Madankollu, il-fatt, ikkonfermat mill-Ministeru matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-perijodi li nħadmu taħt kuntratti għal żmien determinat irregolati mid-dritt pubbliku jitqiesu b’mod sħiħ mal-ħatra bħala uffiċjal permanenti ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, pjuttost jikkontradixxi t-teżi li t-twettiq ta’ tali kompiti huwa l-fattur deċiżiv għall-iskop tal-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni, peress li membru tal-persunal bil-kuntratt ma setax iwettaq dan it-tip ta’ kompitu qabel il-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti (ara, b’analoġija, id-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Cenceno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 75).

49      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, suġġett għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju tista’ twettaq f’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li tista’ tiġġustifika l-esklużjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt irregolati mid-dritt pubbliku li jkunu wettqu l-perijodu meħtieġ ta’ servizz mitlub għall-benefiċċju tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali permanenti, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku għal żmien determinat, jekk it-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz jikkostitwixxi l-unika kundizzjoni għall-għoti ta’ tali suppliment.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-benefiċċju ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali permanenti, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku għal żmien determinat, jekk it-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz jikkostitwixxi l-unika kundizzjoni għall-għoti ta’ tali suppliment.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.