Language of document : ECLI:EU:C:2019:524

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2019 (1)

Kawża C213/18

Adriano Guaitoli,

Concepción Casan Rodriguez,

Alessandro Celano Tomassoni,

Antonia Cirilli,

Lucia Cortini,

Mario Giuli,

Patrizia Padroni

vs

easyJet Airline Co. Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 5, 7, 9 u 12 – Azzjoni għall-finijiet ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u kumpens għal danni individwalizzati li jġarrbu l-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Ġurisdizzjoni internazzjonali u territorjali interna – Dispożizzjonijiet applikabbli –Konvenzjoni ta’ Montréal – Artikolu 33 – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Punt 1 tal-Artikolu 7 – Rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja) tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (2) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), dispożizzjoni li tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-każ ta’ azzjoni għad-danni kontra trasportatur tal-ajru li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument.

2.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja x’relazzjoni għandha l-konvenzjoni mar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (3), li jirregola, inter alia, il-ġurisdizzjoni fil-qasam kopert minn dan tal-aħħar (4), meta azzjoni biex jinkiseb kumpens ta’ tipi varji tittieħed minn passiġġieri tal-ajru.

3.        Din it-talba kienet tressqet fil-kuntest ta’ tilwima transkonfinali bejn kumpannija tal-ajru u diversi passiġġieri dwar is-somom li dawn tal-aħħar jitolbu kemm għall-kumpens standardizzat previst bir-Regolament (KE) Nru 261/2004 (5) kif ukoll bħala kumpens individwalizzat għad-danni li huma sofrew bil-kanċellazzjoni ta’ titjira ’l barra kif ukoll bid-dewmien ta’ titjira ta’ ritorn, billi ż-żewġ titjiriet kienu operati mill-imsemmija kumpannija.

4.        Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tgħid jekk, f’tali ċirkustanzi, il-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni għandhiex tiġi ddeterminata billi jiġi applikat l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u/jew il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012. Għar-raġunijiet u fil-kundizzjonijiet li ser jiġu spjegati iktar ’l isfel, jiena favur applikazzjoni distributtiva ta’ dawn iż-żewġ strumenti, skont l-għan tal-kapijiet tat-talbiet inkwistjoni.

5.        Fit-tieni lok, fl-ipoteżi li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jingħad li huwa applikabbli f’tali każ, kif beħsiebi nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata bħala li teżiġi t-tqassim tal-ġurisdizzjoni unikament fil-livell internazzjonali, bejn l-Istati kkonċernati, jew ukoll fil-livell intern, bejn il-qrati ta’ Stat partikolari. Jien ser nagħżel din l-aħħar interpretazzjoni.

6.        Fit-tielet lok, fil-każ li jiġi deċiż li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal ma jindikax il-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni anki fil-livell intern, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mistiedna tippreċiża jekk huwiex xieraq li tiġi applikata dik id-dispożizzjoni esklużivament jew flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tiġi identifikata dik il-qorti. Fid-dawl tar-risposti li naħseb li għandhom jingħataw għaż-żewġ domandi preliminari preċedenti, nikkunsidra li ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet domanda, li qed issir biss sussidjarjament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Montréal

7.        Il-Konvenzjoni ta’ Montréal daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

8.        Il-preambolu ta’ din il-konvenzjoni, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi li l-Istati parti għal din il-konvenzjoni jirrikonoxxu “l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”. Barra minn hekk, skont il-ħames paragrafu tiegħu, “l-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”.

9.        Inkluż fil-Kapitolu III ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ir-Responsabbiltà tat-trasportatur u l-estent tal-kumpens għad-danni”, l-Artikolu 19 tiegħu, intitolat “Dewmien”, jipprovdi li “[t]trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

10.      L-Artikolu 33, li jidher fl-istess Kapitolu III, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, jiddisponi fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1. Azzjoni għad-danni għandha tinġieb, skond l-għażla ta’ l-attur, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni.

[…]

4.      Kwistjonijiet ta’ proċedura għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-qorti li qed tissindaka l-każ.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 261/2004

11.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Soġġett”, fil-paragrafu 1(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament “jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hemmhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta [b’mod partikolari] it-titjira tagħhom hi kkanċellata [u] it-titjira tagħhom hi mdewma”.

12.      L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom:

a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ);

ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, […].

2.      Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.”

13.      L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu li “passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal […] EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas” taħt il-kundizzjonijiet indikati f’dak l-artikolu.

14.      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, jiddikjara fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet

–        fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–        fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2. Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.”

15.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kumpens ulterjuri”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament “għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens”.

2.      Ir-Regolament Nru 1215/2012

16.      Ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 66(1) tiegħu, peress li l-azzjoni li biha hija adita l-qorti tar-rinviju kienet ġiet istitwita wara l-10 ta’ Jannar 2015 (6).

17.      Fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, fit-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, il-punt 1(a) u (b) tal-Artikolu 7 jistabbilixxi li “[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni

b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun […] fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati”.

18.      Fit-Taqsima 4 tal-istess kapitolu, intitolat “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li dik it-taqsima “m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”

19.      Fil-Kapitolu VII ta’ dak ir-regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ Strumenti Oħra”, l-Artikolu 67 jistabbilixxi li dan l-istrument “m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi kwistjonijiet speċifiċi li jinstabu fi strumenti tal-Unjoni jew f’leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata bis-saħħa ta’ strumenti bħal dawn”.

20.      Fl-istess Kapitolu VII, l-Artikolu 71 tal-istess regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan l-istrument “m’għandu jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Adriano Guaitoli, Alessandro Celano Tomassoni, Mario Giuli u Concepción Casan Rodriguez, Antonia Cirilli, Lucia Cortini, Patrizia Padroni (iktar ’il quddiem “A. Guaitoli et”) xtraw biljetti tal-ajru għal titjiriet bir-ritorn bejn Fiumicino (l-Italja) u Korfu (il-Greċja) operati minn easyJet Airline Company Ltd (iktar ’il quddiem “easyJet”), trasportatur tal-ajru bbażat f’Luton (ir-Renju Unit).

22.      Waqt it-titjira ’l barra, prevista fl-4 ta’ Awwissu 2015 fit-20.20, A. Guaitoli et sofrew dewmien dejjem jikber, imbagħad il-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, li ġiet posposta għall-jum ta’ wara fl-16.45. Waqt li kienu qegħdin jistennew, huma ma rċivew l-ebda proposta biex jimbarkaw fuq titjira minn kumpannija oħra, u lanqas ma ġew offruti ikel u xorb jew xi forma oħra ta’ għajnuna, u lanqas xi forma ta’ rimbors jew kumpens, minkejja t-talba formali indirizzata f’dan is-sens lil easyJet.

23.      Fit-titjira ta’ ritorn, prevista fl-14 ta’ Awwissu 2015 fil-23.25, huma kellhom dewmien twil, ta’ tul mhux ippreċiżat fid-deċiżjoni tar-rinviju.

24.      Fit-28 ta’ Ġunju 2016, A. Guaitoli et adixxew it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma), fejn kienu jirrisjedu fil-ġurisdizzjoni tagħha, b’azzjoni sabiex jiksbu, abbażi tal-Artikoli 5, 7, 9 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004, li easyJet tiġi kkundannata, fir-rigward tad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni tat-titjira ’l barra u d-dewmien tat-titjira bir-ritorn, tħallashom kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, sabiex tirrimborsahom għal spejjeż li kellhom ibatu indebitament kif ukoll biex tirrimedja għad-danni addizzjonali tagħhom ta’ natura kemm materjali kif ukoll morali (7).

25.      Bħala difiża, easyJet qajmet, preliminarjament, żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fir-rigward tal-ewwel waħda, dwar il-valur tal-kawża, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) ċaħditha. Fir-rigward tat-tieni waħda, dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, din il-qorti ddeċidiet li kien neċessarju li jiġu ddeterminati r-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabta bejn l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012) kif ukoll il-post li eventwalment jitħalla għar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, billi ġie speċifikat li r-residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab fil-ġurisdizzjoni tagħha stess, filwaqt li l-ajruport ta’ Fiumicino jinsab fil-ġurisdizzjoni tat-Tribunale di Civitavecchia (il-Qorti ta’ Civitavecchia, l-Italja).

26.      F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2018, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2018, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ fejn parti, li sofriet id-dewmien jew l-annullament ta’ titjira, titlob konġuntament, mhux biss il-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformizzati msemmija fl-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/04, iżda wkoll il-kumpens għad-dannu fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, għandu jiġi applikat l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jew il-‘qorti li għandha ġurisdizzjoni’ (tant fir-rigward tat-tqassim internazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-ġurisdizzjoni interna) hija fi kwalunkwe każ irregolata mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/01?

2)      Fl-ewwel ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati, jew fis-sens li jirregola wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna f’kull Stat Membru?

3)      Fl-ewwel ipoteżi msemmija fit-tieni domanda, l-applikazjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hija ‘esklużiva’ u tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/01, jew ukoll iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati konġuntament, b’mod li tiġi ddeterminata direttament, kemm il-ġurisdizzjoni tal-Istat kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna tal-qrati tiegħu?”

27.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn A. Guaitoli et, mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

28.      Qabel ma neżamina l-mertu tat-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif indikat iktar ’il fuq (8), nikkunsidra li huwa utli li nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet meħudin mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw dawn id-domandi kollha.

29.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, infakkar li d-dispożizzjonijiet tagħha huma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (9), b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tagħha, f’osservanza tar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fl-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (10), li jgħid li trattat għandu jiġi interpretat bil-bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl kemm tal-iskop kif ukoll tal-għan tiegħu (11). Barra minn hekk, fid-dawl tal-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, li huwa li tgħaqqad ir-regoli relatati mat-trasport internazzjonali bl-ajru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċetti li jinsabu f’din il-konvenzjoni imma li ma humiex iddefiniti minnha “għand[hom] jingħata[w] interpretazzjoni uniformi u awtonoma, minkejja s-sens differenti mogħti lil [dawn] il-kunċett[i] fil-liġi nazzjonali tal-Istati partijiet għal din il-konvenzjoni” (12).

30.      Imbagħad, nenfasizza li, għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet formalment għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 fid-deċiżjoni kollha kemm hi tagħha, u speċjalment fl-ewwel u fit-tielet domanda preliminari tagħha, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ kontenut ekwivalenti li jinsabu fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (13), li huwa applikabbli ratione temporis f’din il-kawża (14). F’dan ir-rigward, nosserva li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tagħti risposta utli lill-qrati nazzjonali, tikkunsidra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom ma jkunux għamlu riferiment fid-domandi preliminari tagħhom (15).

31.      Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet ta’ portata ġenerali, issa huwa neċessarju li tiġi analizzata kull waħda mid-domandi magħmula fil-kawża preżenti.

B.      Fuq ir-rabta bejn il-Konvenzjoni ta’ Montréal u r-Regolament Nru 1215/2012 fil-każ ta’ rikors għad-danni li jaqa’ kemm taħt dik il-konvenzjoni kif ukoll taħt ir-Regolament Nru 261/2004 (l-ewwel domanda)

1.      Fuq is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari

32.      Essenzjalment, l-ewwel domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk, fil-każ fejn passiġġier li jkun sofra dewmien jew kanċellazzjoni ta’ titjira internazzjonali, jitlob fil-qorti mhux biss kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u r-rimbors tal-ispejjeż previsti fl-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, iżda wkoll il-kumpens għal danni ulterjuri fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess regolament (16), il-ġurisdizzjoni kompetenti ratione loci għandhiex tkun identifikata skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u/jew l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

33.      A. Guaitoli et jipproponu  risposta komuni għat-tliet domandi preliminari, u jsostnu li kemm l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu biss il-kriterji ta’ konnsessjoni li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn għandha tiġi deċiża t-tilwima, u mhux il-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni (17). Min-naħa l-oħra, easyJet targumenta li l-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull darba li passiġġier jitlob il-kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-dewmien ta’ titjira fuq il-bażi tagħha. Skont il-Gvern Taljan, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għandha tiġi evalwata billi jiġi applikat, minn naħa, ir-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward tat-talba għal kumpens ibbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004 u, min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni ta’ Montréal fir-rigward tat-talba għal kumpens għal danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt ta’ trasport inkwistjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni għandha tiġi rregolata, minn naħa, mill-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-parti tar-rikors li hija intiża sabiex jinkiseb il-kumpens li jirriżulta mir-Regolament Nru 261/2004, u min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għall-parti tar-rikors li hija intiża sabiex jinkiseb ukoll kumpens ulterjuri għal danni li jirriżultaw minn dewmien u li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

34.      Naqsam dawn l-aħħar fehmiet. Qabel ma nindika kif, fl-opinjoni tiegħi, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jkun hemm applikazzjoni distributtiva tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti rispettivament mir-Regolament Nru 1215/2012 u mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, inqis li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit kif jintrabtu r-regoli tad-dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru li jidhru fir-Regolament Nru 261/2004 u f’dik il-konvenzjoni rispettivament. Fil-fatt, huwa mill-kombinazzjoni ta’ sistemi ta’ responsabbiltà previsti minn dawn l-aħħar żewġ strumenti li, fl-opinjoni tiegħi, tirriżulta korrelattivament il-ħtieġa li jiġu applikati b’mod parallel ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 1215/2012 u dawk stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

2.      Fuq iż-żewġ sistemi legali ta’ responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru applikabbli ftilwima bħal dik fil-kawża prinċipali

35.      Kif indikat mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-kawża, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jeżistu żewġ sistemi ta’ responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru, fir-rigward tal-passiġġieri, l-ewwel waħda bbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004 u t-tieni waħda bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Montréal, it-tnejn li huma jistgħu jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali.

36.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddikjarat li d-drittijiet ibbażati rispettivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jaqgħu taħt “oqfsa regolamentari” differenti. Hija sostniet li r-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi sistema ta’ kumpens standardizzata u immedjata (18) fir-rigward tad-danni li jikkostitwixxu inkonvenjenzi dovuti għad-dewmien u għall-kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet, li hija pass ’il fuq minn dik stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Montréal u għalhekk hija awtonoma fir-rigward tas-sistema li tirriżulta minnha (19).

37.      B’differenza mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004, l-Artikoli 19 et seq tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati jistgħu jieħdu azzjoni biex jiksbu kumpens għal dannu individwali, fil-forma ta’ danni, li jeħtieġ evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ tal-portata tad-danni kkawżati u għalhekk jista’ jkun biss is-suġġett ta’ kumpens a posteriori u individwalizzat (20).

38.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 261/2004 jenfasizza n-natura minima tad-drittijiet li dan jistabbilixxi għall-benefiċċju tal-passiġġieri tal-ajru. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tiegħu jipprovdi, minn naħa, li dan ir-regolament japplika bla ħsara għad-dritt tagħhom għal kumpens ulterjuri fuq il-bażi ta’ strumenti oħra (21) u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens mogħti skont dan ir-regolament jista’ jitnaqqas minn tali kumpens (22). Għalhekk, qorti nazzjonali tista’ tordna lit-trasportatur tal-ajru sabiex jikkumpensa lill-passiġġieri għad-dannu kollu li jkunu sofrew minħabba n-nuqqas milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu, fuq il-bażi legali distinta mir-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari skont il-Konvenzjoni ta’ Montréal jew ir-regoli tad-dritt nazzjonali (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, bħal taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija konvenzjoni, id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat b’mod “ulterjuri” skont l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jista’ jkun dannu ta’ natura kemm materjali kif ukoll morali (24).

39.      B’mod iktar speċifiku, fil-kawża ineżami, huwa stabbilit li d-dritt għal kumpens f’forma ta’ somma f’daqqa u kumpens standardizzat tal-passiġġier wara l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira, ibbażat fuq l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (25), jikkostitwixxi dritt indipendenti għal kumpens individwalizzat tad-dannu kkawżat mid-dewmien ta’ titjira li jista’ jintalab fil-kuntest tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal (26).

40.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta trasportatur tal-ajru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, passiġġier jista’ jitlob kumpens ibbażat fuq dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma tali talba għal osservanza ekwivalenti għal dawk l-obbligi tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jinkisbu danni intiżi sabiex jikkumpensaw, rimedju individwalizzat, dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal. Fil-fatt, it-talbiet ta’ passiġġieri tal-ajru bbażati fuq id-drittijiet mogħtija lilhom minn dak ir-regolament ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt “kumpens ulterjuri” fis-sens tal-Artikolu 12 tiegħu (27).

41.      Wara din it-tfakkira neċessarja tal-tagħlim prinċipali tal-ġurisprudenza dwar ir-rabta bejn ir-regoli sostantivi li jinsabu fir-Regolament Nru 261/2004 u fil-Konvenzjoni ta’ Montréal rispettivament, issa huwa xieraq li jiġi eżaminat il-punt liema dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati sabiex tiġi identifikata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kapijiet differenti tat-talba mressqa fil-kawża prinċipali, li għandhom il-partikolarità li jirrigwardaw kemm ir-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Montréal.

3.      Fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fuq il-bażi tad-diversi kapijiet ta’ talba magħmula fir-rigward tar-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru

42.      Għar-raġunijiet li ġejjin, nikkunsidra li fil-każ ta’ kawża għal kumpens ta’ natura mħallta, bħal dik tal-kawża prinċipali, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, minn naħa, skont dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward tal-kapijiet ta’ talba rregolati mir-Regolament Nru 261/2004 u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal fir-rigward tal-kapijiet ta’ talba rregolati minn din il-konvenzjoni. Jien se niddiskuti wkoll il-konsegwenzi prattiċi tal-interpretazzjoni hekk proposta.

a)      Fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kapijiet tatalba li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 261/2004

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li, “peress li d-drittijiet ibbażati rispettivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jifformaw parti minn kuntesti leġiżlattivi differenti, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti minn din il-konvenzjoni ma japplikawx għat-talbiet imressqa biss abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001” (28). Il-formula indikata minni bil-korsiv tista’ tissuġġerixxi, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li din l-analiżi tgħodd biss, forsi, għal azzjonijiet ibbażati esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004.

44.      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet esposti f’din il-ġurisprudenza huma, fl-opinjoni tiegħi, rilevanti mutatis mutandis fir-rigward ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati parzjalment kemm fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll parzjalment fuq regoli oħrajn tad-dritt. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ oqfsa regolamentari differenti timplika wkoll f’dan il-każ li regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali huma applikabbli għal drittijiet idderivati rispettivament mir-Regolament Nru 261/2004 u mill-Konvenzjoni ta’ Montréal (29).

45.      Fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta li l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru biex tiddeċiedi fuq l-ewwel parti ta’ dawk l-allegazzjonijiet tiddependi fuq id-dispożizzjonijiet xierqa tar-Regolament Nru 44/2001, jew pjuttost, fil-każ preżenti, tar-Regolament Nru 1215/2012, li huwa applikabbli ratione temporis, u mhux l-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni. Fi kliem ieħor, jiena tal-fehma li, fil-każ tal-kapijiet tat-talba intiżi sabiex jinkiseb kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u r-rimbors tal-ispejjeż li huma bbażati legalment fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti adita għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha stess fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012, u b’mod iktar partikolari, fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-Artikoli 4 u 7 tiegħu (30).

46.      Infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, konvenut b’domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jitressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, il-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali, li jippermetti lir-rikorrent jagħżel fattur ieħor ta’ konnessjoni, jiġifieri dak tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba, meqjus, skont dan il-punt 1(b), il-post fejn is-servizz ikkonċernat kien jew kellu jiġi pprovdut. Kif issemmi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola tiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f’dak intern (31). Fir-rigward b’mod partikolari tas-servizzi internazzjonali tat-trasport bl-ajru, hija interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-applikant għandu l-għażla bejn il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, hekk kif dawn il-postijiet huma miftiehma fil-kuntratt ikkonċernat (32).

b)      Fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kapijiet tatalba li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Montréal

47.      Bħal easyJet, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, nikkunsidra li fir-rigward tal-azzjonijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Montréal jew, għall-iktar preċiżjoni, fil-kawża ineżami, il-kapijiet tat-talba koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 33 tagħha (33).

48.      Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hija possibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 li jirregolaw ir-relazzjonijiet mal-istrumenti l-oħra li jirregolaw il-ġurisdizzjoni fit-territorju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament. Dawn tal-aħħar jippermettu l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni relatati ma’ kwistjonijiet partikolari, li bla dubju jinkludu t-trasport bl-ajru, li jinsabu rispettivament f’atti tal-Unjoni jew tassew f’konvenzjonijiet li fihom l-Istati Membri huma partijiet. Il-Konvenzjoni ta’ Montréal illum tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (34) u, anki fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess, tgawdi mis-supremazija fuq l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, bħar-Regolament Nru 261/2004 (35).

49.      Għaldaqstant, nikkunsidra li, quddiem kawża parzjalment imsejsa fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha dwar kumpens għal danni kkawżati mid-dewmien ta’ titjira (36), il-qorti adita għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq dik il-parti tal-azzjoni skont l-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni, li jippermetti lir-rikorrent jagħżel li jħarrek lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati partijiet, kemm quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun jinsab id-domiċilju ta’ dan it-trasportatur jew fattur ieħor ta’ konnessjoni relatat (37), kif ukoll quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post ta’ destinazzjoni tat-titjira kkonċernata.

c)      Fuq il-konsegwenzi prattiċi tal-interpretazzjoni proposta

50.      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni ta’ trasportatur tal-ajru bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qorti adita għandha, fl-opinjoni tiegħi, tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha stess billi tagħmel applikazzjoni distributtiva, minn naħa, tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward tal-kapijiet ta’ talba bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal fir-rigward tal-kapijiet ta’ talba li jirrigwardaw l-Artikolu 19 tagħha.

51.      Nenfasizza li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-interpretazzjoni hekk proposta, ir-riskju ta’ tixrid, fost il-qrati ta’ Stati differenti, tal-ġurisdizzjoni biex tiġi deċiża tali azzjoni ta’ natura ibrida, fl-opinjoni tiegħi, ikun relattivament limitat fil-prattika. Fil-fatt, jista’ jiġi kkonstatat li jeżistu żewġ kriterji ta’ ġurisdizzjoni li huma komuni għar-Regolament Nru 1215/2012 u għall-Konvenzjoni ta’ Montréal, jiġifieri mhux biss il-post tad-domiċilju tal-konvenut, iżda wkoll il-post ta’ destinazzjoni tat-titjira (38), kriterji li bejniethom il-passiġġieri jistgħu jagħżlu liberament (39), meta jħarrku trasportatur tal-ajru, sabiex il-kapijiet kollha tat-talba tagħhom ikunu jistgħu jiġu ttrattati mill-istess qorti. Barra minn hekk, l-interazzjoni possibbli tar-regoli ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1215/2012 tista’ tippermetti li tiġi evitata l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji multipli, jew saħansitra fl-istess ħin.

52.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li meta azzjoni mibdja minn passiġġieri tal-ajru maħsuba sabiex jinkiseb, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa kif ukoll standardizzati li jirriżultaw mill-Artikoli 5, 7, 9 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kumpens għal dannu ulterjuri li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, il-qorti ta’ Stat Membru adita għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel parti ta’ dawn it-talbiet, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għat-tieni parti, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

C.      Fuq id-determinazzjoni permezz tal-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal kemm tal-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll tal-ġurisdizzjoni territorjali interna (it-tieni domanda)

1.      Fuq is-suġġett tat-tieni domanda preliminari

53.      It-tieni domanda preliminari qed issir lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li, kif ipproponejt iktar ’il fuq, l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal huwa applikabbli għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ kapijiet ta’ talba intiżi għal kumpens individwalizzat għal dannu li huma koperti minn din il-konvenzjoni, u mhux mir-Regolament Nru 261/2004.

54.      Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija, għall-ewwel darba, dwar il-fatt jekk, f’dan il-każ, dan l-Artikolu 33, u b’mod iktar partikolari l-paragrafu 1 ta’ dan tal-aħħar (40), għandux l-għan li jqassam il-ġurisdizzjoni ratione loci, fil-preżenza ta’ tilwima transkonfinali, fil-livell internazzjonali biss, jiġifieri bejn l-Istati partijiet fl-imsemmija konvenzjoni, jew anki internament, jiġifieri bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

55.      It-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal apparentement adottata mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) (41), li tgħid li din id-dispożizzjoni hija limitata għall-indikazzjoni tal-Istat parti li l-ordinament ġuridiku tiegħu għandu ġurisdizzjoni, f’tilwimiet transkonfinali, mingħajr ma taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali fis-seħħ f’dan l-Istat, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti fi ħdanu.

56.      Din il-qorti tindika li jekk din l-interpretazzjoni hija korretta, l-implimentazzjoni tar-regoli proċedurali Taljani twassal biex hija stess tkun iddikjarata li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali (42). Min-naħa l-oħra, kieku dan l-Artikolu 33 kien interpretat fis-sens li jiddetermina direttament il-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’kull Stat parti, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali għall-kumplament, il-ġurisdizzjoni allura tgħaddi għand it-Tribunale di Civitavecchia (il-Qorti ta’ Civitavecchia), li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-ajruport tat-tluq tat-titjira ’l barra u tal-wasla tat-titjira bir-ritorn.

57.      L-oppożizzjoni bejn iż-żewġ approċċi msemmija iktar ’il fuq, li hija preżenti fil-ġurisprudenza ta’ Stati oħra partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Montréal (43), hija wkoll evidenti mill-osservazzjonijiet ippreżentati f’dan il-każ. Fil-fatt, A. Guaitoli et kif ukoll il-Gvern Taljan isostnu li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati firmatarji (44), filwaqt li easyJet u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma maħsuba wkoll sabiex jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni territorjali interna fi ħdan kull Stat. Jien ukoll ta’ din l-aħħar opinjoni, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’l isfel, li jsegwu r-regoli ta’ interpretazzjoni msemmija iktar ’il fuq (45).

2.      Fuq l-interpretazzjoni letterali

58.      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ninnota li huma biss is-sitt verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-istrument li ġew deskritti bħala awtentiċi, fosthom hemm tliet verżjonijiet li jikkorrispondu għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, jiġifieri l-Ingliż, l-Ispanjol u l-Franċiż (46). Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, fir-rigward speċifiku tat-traduzzjoni fil-lingwa Taljana tal-imsemmi Artikolu 33 ma jistgħux ikunu determinanti.

59.      Barra minn hekk, infakkar li l-kunċetti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u awtonomu, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tinterpreta dawn il-kunċetti għal deċiżjoni preliminari, mhux tifsiriet varji li setgħu ngħatawlhom fil-liġijiet interni tal-Istati Membri tal-Unjoni, iżda regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali li jorbtuha (47).

60.      Fil-kawża ineżami, jidhirli li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan u kif jidher li kkunsidrat il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) (48), it-titolu tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, għall-inqas fil-verżjonijiet tiegħu bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bil-Franċiż (49), ma jfissirx li l-awturi ta’ din id-dispożizzjoni kellhom l-intenzjoni li jnaqqsu l-portata tar-regoli li jinsabu fiha għat-tqassim tal-ġurisdizzjoni unikament fil-livell tal-Istati partijiet. Anzi għall-kuntrarju, nikkunsidra li, b’mod partikolari, l-espressjoni “Juridiction compétente” [qorti kompetenti] li ġiet adottata fil-verżjoni Franċiża tirreferi pjuttost għal attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni mhux għal Stat iżda għal “juridiction” [qorti], terminu normalment użat f’din il-lingwa biex tindika ġeneralment kull tip ta’ korp li jeżerċita setgħa ġudizzjarja.

61.      Il-konvinzjoni tiegħi hija sostnuta mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 33(1) (50), għall-inqas fil-verżjonijiet tiegħu bil-lingwa Ingliża, Spanjola u Franċiża. Fil-fatt, bħall-qorti nazzjonali, easyJet u l-Kummissjoni, inqis li din id-dispożizzjoni tattribwixxi ġurisdizzjoni lil qorti speċifika billi ssegwi stadji differenti. L-ewwel nett, dan il-paragrafu 1 jimmira lejn it-“territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet” (51), u mbagħad jispeċifika liema qorti, fost dawk li għandhom sede f’dan it-territorju, tista’ tiddikjara lilha nnifisha li għandha ġurisdizzjoni ratione loci bl-użu ta’ espressjoni fis-singular “il-qorti” (52), u mhux fil-plural, darbtejn (53), sabiex jistabbilixxi l-kriterji ta’ konnessjoni differenti li fuqhom ir-rikorrent jista’ jibbaża l-azzjoni għad-danni tiegħu, kriterji li barra minn hekk jindikaw kull wieħed post speċifiku (54).

62.      Issa, l-użu ta’ din it-terminoloġija ma huwiex insinjifikattiv, kif kien ġie enfasizzat f’kuntest simili, dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (55), li fiha wkoll regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikabbli għal azzjonijiet għad-danni ċivili. Tali kliem għandu tendenza li jippermetti lir-rikorrent jadixxi direttament waħda mill-qrati indikati b’dan il-mod, mingħajr ma jkollu jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli interni tal-ġurisdizzjoni ġeografika fis-seħħ fl-Istat ikkonċernat inkluż fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma kinux jagħtu ġurisdizzjoni lil din il-qorti (56).

63.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-ġurisdizzjoni li huma fformulati b’mod analogu ma’ dak previst f’din id-domanda preliminari, jiġifieri li jistabbilixxu kriterju ta’ konnessjoni ma’ qorti fformulata fis-singular, fis-sens li jistabbilixxu “kemm il-ġurisdizzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali” u għandhom l-għan li jgħaqqdu r-“regoli ta’ kunflitt ta’ qrati u, għaldaqstant, li [jistabbilixxu] b’mod dirett il-post li għandu l-ġurisdizzjoni mingħajr ma jsir rikors għar-regoli interni ta’ l-Istati Membri” (57). Fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun l-istess f’dan il-każ (58).

64.      Fl-aħħar nett, bħall-qorti tar-rinviju, easyJet u l-Kummissjoni, nikkunsidra li kieku l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal kien verament intiż biex jistabbilixxi biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat parti meħuda kollha kemm huma, u jħalli lill-Istat partikolari l-libertà li jiddetermina l-qorti territorjalment li għandha ġurisdizzjoni skont ir-regoli interni tiegħu, kif issuġġerit minn A. Guaitoli et u l-Gvern Taljan, l-awturi ta’ din id-dispożizzjoni mingħajr dubju kienu jagħżlu formulazzjonijiet oħrajn iktar adattati għal dan il-għan.

3.      Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

65.      Fid-dawl tal-għanijiet iddikjarati tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u tal-għanijiet apparenti tal-Artikolu 33(1) tagħha, nikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li nipproponi hija kapaċi tikkontribwixxi aħjar għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet milli kieku tingħata interpretazzjoni opposta.

66.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat ripetutament li mill-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal (59) jirriżulta li l-għanijiet ewlenin tal-Istati partijiet fil-Konvenzjoni ma kinux biss “li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru”, iżda wkoll “għal [armonizzazzjoni] u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru […] biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi” partikolarment fir-rigward tal-interessi tat-trasportaturi tal-ajru u dawk tal-passiġġieri (60).

67.      Fil-każ preżenti, kieku l-Artikolu 33(1) ta’ dik il-konvenzjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li r-regoli li jidhru fih jikkonferixxu l-ġurisdizzjoni lil wieħed mill-Istati partijiet biss, u mhux direttament lil qorti partikolari, fl-opinjoni tiegħi, dan ma jkunx konformi max-xewqa għal unifikazzjoni msaħħa li kienet espressa mill-awturi ta’ dan l-istrument (61), intenzjoni sabiex jiġi evitat kemm jista’ jkun riferiment għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti. Barra minn hekk, nemmen li interpretazzjoni ma tipproteġix biżżejjed l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li toffri bilanċ ekwu mal-interessi tat-trasportaturi tal-ajru.

68.      F’dan ir-rigward, nosserva li l-adozzjoni ta’ regoli li jindikaw direttament il-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni ġeneralment għandha bħala skopijiet li, minn naħa, tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli kemm mill-awtoritajiet tal-Istat kif ukoll mill-partijiet fil-kawża kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li tiżgura prossimità adegwata bejn din il-qorti u s-suġġett tat-tilwima li għandha tiġi deċiża (62). Barra minn hekk, nikkunsidra li regoli bħal dawn jiżguraw, fl-interessi tar-rikorrenti kif ukoll tal-konvenuti, prevedibbiltà u ċertezza legali ikbar milli meta l-qrati kollha ta’ Stat jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni, u għalhekk il-litiganti jkollhom janalizzaw ir-regoli interni biex jidentifikaw liema minn dawn il-qrati għandha ġurisdizzjoni territorjali (63). Issa, jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li dawn kienu l-intenzjonijiet tal-awturi tal-Artikolu 33(1) meta għażlu l-formulazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni jista’, fl-opinjoni tiegħi, jinbidel fil-każ ta’ interpretazzjoni opposta għal dik li qed nirrakkomanda jien.

4.      Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

69.      Il-mod kif nirrakkomanda li jiġi interpretat l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal bl-ebda mod, fil-fehma tiegħi, ma jikkontradixxi l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni.

70.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Gvern Taljan jinvoka l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) (64), li skont din l-Artikolu 33(1) għandu jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Montréal, partikolarment, minħabba l-kontenut tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jgħid “[k]wistjonijiet ta’ proċedura għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-qorti li qed tissindaka l-każ” (65). Dan il-Gvern jiddeduċi minn din l-aħħar dispożizzjoni li għandu jitħalla f’idejn l-Istati partijiet, fil-qafas tal-awtonomija proċedurali tagħhom, biex jirregolaw kwalunkwe qasam proċedurali mhux irregolat espressament minn din il-konvenzjoni u għalhekk ikun hemm bżonn japplikaw regoli ta’ proċedura interni sabiex jiġi ddeterminat liema hija l-qorti nazzjonali li territorjalment għandha ġurisdizzjoni.

71.      Bl-istess mod, A. Guaitoli et jargumentaw, essenzjalment, li kieku l-awturi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal xtaqu jirregolaw il-ġurisdizzjoni territorjali interna ta’ kull Stat parti, kien ikollhom jadottaw dispożizzjonijiet li jirregolaw ukoll il-ġurisdizzjoni marbuta mal-valur tat-tilwimiet, iżda ma għamlux hekk.

72.      Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jitwarrbu fl-opinjoni tiegħi. Fil-fatt, bħall-qorti nazzjonali u easyJet, nikkunsidra li l-paragrafu 1 tal-Artikolu 33, moqri flimkien mal-paragrafu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-ewwel dispożizzjoni għandha espressament bħala għan li tirregola l-ġurisdizzjoni ratione loci mhux biss fil-livell tal-Istati partijiet iżda wkoll fil-livell tal-qrati tagħhom, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt fis-seħħ fl-Istat fejn għandha s-sede l-qorti adita rigward il-kumplament tal-kwistjonijiet ta’ natura proċedurali.

73.      Fi kliem ieħor, jiena tal-fehma li r-riferiment għad-dritt nazzjonali li jsir fl-Artikolu 33(4) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jinftiehem bħala residwu, sa fejn jirreferi għal regoli ta’ natura proċedurali distinti mill-kriterji ta’ konnessjoni unifikati li jirregolaw il-ġurisdizzjoni ratione loci li huma stabbiliti f’dan il-paragrafu 1. Is-suġġett tar-riferimenti l-oħra għal-liġi tal-qorti adita li jsiru fl-Artikoli 35 u 45 ta’ din il-konvenzjoni (66) jikkonfermali l-fehma tiegħi.

74.      Bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali li hekk titħalla lill-Istati partijiet għall-imsemmija konvenzjoni, dawn jibqgħu ħielsa, fl-opinjoni tiegħi, li jiddefinixxu l-portata tal-ġurisdizzjoni ġeografika u materjali tal-qrati li għandhom sede fit-territorju tagħhom (67). Nippreċiża li din l-awtonomija għandha, madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tkun imfassla mill-ħtieġa li ma jiġux ikkontestati l-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni u li dawn id-dispożizzjonijiet tagħha ma jiġux imċaħħda mill-effett utli tagħhom bl-interazzjoni tar-regoli li jirriżultaw mil-lex fori (68).

75.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet ta’ kawżi għal kumpens għal dannu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni (69), mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fost l-Istati partijiet għaliha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

D.      Fuq l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal esklużivament jew b’rabta mar-Regolament Nru 1215/2012 (it-tielet domanda)

76.      It-tielet domanda preliminari qed issir fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kuntrarjament għall-proposta tiegħi iktar ’il fuq, li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, applikabbli meta l-kawża mibdija hija koperta mid-dispożizzjonijiet tagħha, huwa intiż li jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fost l-Istati li huma partijiet għal din il-konvenzjoni.

77.      It-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) essenzjalment tistaqsi jekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 33 tal-konvenzjoni għandux jiġi applikat esklużivament biex b’hekk jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew jekk japplikawx dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet simultanjament, sabiex jiġu determinati direttament kemm il-ġurisdizzjoni ta’ Stat partikolari kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ waħda mill-qrati b’sede f’dak l-Istat.

78.      Dik il-qorti tispeċifika li, fil-każ ta’ applikazzjoni esklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali interna mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) (70), hija mbagħad ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Bil-kontra, fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta ta’ din il-konvenzjoni, sabiex titqassam il-ġurisdizzjoni bejn l-Istati, u ta’ dan ir-regolament, ulterjorment għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni interna, ikollha ġurisdizzjoni t-Tribunale di Civitavecchia (il-Qorti ta’ Civitavecchia).

79.      Madankollu, fid-dawl tal-punti li pproponejt skont l-ewwel żewġ domandi dwar il-mod kif ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Montréal u r-Regolament Nru 1215/2012 għandha topera, nikkunsidra li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tielet domanda, li spiċċat mingħajr skop, u lanqas li jiġu fformulati osservazzjonijiet iktar wiesgħa dwarha.

V.      Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja):

1)      Meta azzjoni mibdja minn passiġġieri tal-ajru maħsuba sabiex jinkiseb, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa kif ukoll standardizzati li jirriżultaw mill-Artikoli 5, 7, 9 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kumpens għal dannu ulterjuri li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, il-qorti ta’ Stat Membru adita għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel parti ta’ dawn it-talbiet, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u, għat-tieni parti, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

2)      L-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet ta’ kawżi għal kumpens għal dannu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni fost l-Istati partijiet għaliha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 492. Din il-konvenzjoni, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).


3      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


4      Nippreċiża li d-domandi preliminari jirrigwardaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), iżda r-Regolament Nru 1215/2012 japplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


5      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


6      Ara l-point 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      B’mod iktar speċifiku, skont dik il-qorti, A. Guaitoli et jitolbu li easyJet tiġi ordnata, skont l-“Artikoli 5, 7, 9 u 12 tar-Regolament [Nru 261/2004, tħallashom, minn naħa], kumpensi, ir-rimborsi tal-ispejjeż u kumpens għad-danni addizzjonali li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni tat-titjira [’il barra] (somma għal kull wieħed EUR 815) u [, min-naħa l-oħra,] il-kumpensi dovuti minħabba d-dewmien tat-titjira [ta’ ritorn] (ugwali għal EUR 250 għal kull wieħed mir-rikorrenti) u għalhekk […] għall-ħlas tas-somma totali ta’ EUR 7 455 (jiġifieri [EUR] 1 065 għal kull wieħed mill-rikorrenti), flimkien ma’ kumpens għal danni morali li għandhom jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ ekwità”. Il-persuni kkonċernati jinkludu fit-talbiet għal danni li għalihom huma jitolbu kumpens (minbarra kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa) minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira ’l barra, l-ispejjeż imġarrba għat-trasferimenti minn u lejn l-ajruport, għal ikliet u għall-akkomodazzjoni li huma ma rċevewx, l-ispiża ta’ kuljum tal-cruise irriżervata li titlaq minn Korfu għal ġurnata mħallsa iżda mitlufa, kif ukoll is-somma ta’ EUR 200 għal kull persuna għall-kumpens tal-ġurnata tal-vaganza mitlufa u d-dannu morali li jiġi kkwantifikat skont l-ekwità” (enfasi miżuda minni).


8      Ara l-punti 1 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Mid-data tad-dħul fis-seħħ imfakkra fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Konvenzjoni dwar id-Dritt tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331).


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Espada Sánchez et (C‑410/11, EU:C:2012:747, punti 20 sa 22); tas-17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 23 u 24), kif ukoll tat-12 ta’ April 2018, Finnair (C‑258/16, EU:C:2018:252, punti 19 sa 22).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 21 u 22). Ara wkoll, b’analoġija fir-rigward ta’ kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001, sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punti 34 et seq), kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 56 u 58). Ser niġi lura għall-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza f’din il-kawża fil-punti 58 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Fuq ix-xebh li jeżisti bejn il-kliem ta’ dawn iż-żewġ artikoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-punti 1 tagħhom, u l-fatt li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 1215/2012, ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punti 8 u 27); tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 13, 57, 61, 70 u 78) kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn (C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31).


14      Ara wkoll il-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF (C‑425/14, EU:C:2015:721, punt 20), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ (C‑414/17, EU:C:2018:1027, punti 34 u 35).


16      Dwar il-kontenut preċiż tad-diversi kapijiet ta’ talbiet irreferuti lill-qorti tar-rinviju, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument huwa iktar rilevanti għat-tieni domanda preliminari, li ser tiġi eżaminata fil-punti 53 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, milli għall-ewwel domanda.


18      Jiġifieri mingħajr ma l-passiġġieri jkollhom ibatu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implimentazzjoni ta’ kawża għad-danni miġjuba quddiem qorti nazzjonali.


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 27); tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 46, 49 à 55, 57 u 74); tat-22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré (C‑139/11, EU:C:2012:741, punt 32), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 46).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 42 et seq); tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 42), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 32). Fuq dan l-għan, ara Grigorieff, C.‑I., “Le régime d’indemnisation de la convention de Montréal”, Revue européenne de droit de la consommation, 2012, Nru 4, p. 670 et seq.


21      Nenfasizza li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu l-għan mhux li jikkostitwixxi fih innifsu bażi legali għall-ksib ta’ kumpens, iżda li jiċċara r-rabta bejn il-kumpens dovut taħt dan ir-regolament u dak li jista’ jintalab xi mkien ieħor.


22      Bħala riżultat, il-passiġġieri jistgħu jibbenefikaw kemm mill-kumpens standardizzat previst mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mill-kumpens għad-dannu reali tagħhom taħt dispożizzjonijiet oħra, mingħajr, madankollu, ma jkun permess li jingħata kumpens żejjed.


23      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 47), kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punti 37 u 38).


24      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 29 u 39), kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 41).


25      Ninnota li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali sofrew dewmien twil fl-okkażjoni tat-titjira tar-ritorn, iżda ma invokawx espressament l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li jipprovdi għad-dritt li t-trasportatur tal-ajru li jieħu responsabbiltà f’każ bħal dan. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan l-istess regolament “fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati [u] li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar” (b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 32).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 27); tat-22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré (C‑139/11, EU:C:2012:741, punt 28), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 45).


27      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punti 38, 42 sa 44 u 46), kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 19 sa 24).


28      Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 27 u 28), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punti 43 u 46).


29      Dwar l-applikazzjoni ta’ regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni skont ir-regola sostantiva invokata mir-rikorrent, ara b’analoġija, fil-każ ta’ azzjoni għad-danni li taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” u/jew “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort” fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawza Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:65, punti 70 sa 90).


30      Nippreċiża li, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni favur konsumaturi li huma stabbiliti minn dan tal-aħħar, li jagħmluha possibbli b’mod partikolari li l-kummerċjant jitħarrek “fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”, ma japplikawx fejn is-servizz mixtri jikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, f’titjira li ma tikkombinax vjaġġ u akkomodazzjoni għal prezz fiss (ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 28).


31      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 67 u 68), kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2018, Zurich Insurance u Metso Minerals (C‑88/17, EU:C:2018:558, punti 15 sa 18).


33      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Prüller‑Frey (C‑240/14, EU:C:2015:325, punt 29), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston għall-kawża Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2015:723, punt 52).


34      Ara wkoll il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 43), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 28).


36      Jiena nispeċifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li din il-konvenzjoni ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-kanċellazzjoni ta’ titjira (ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Emirates Airlines), C‑173/07, EU:C:2008:145, punt 58).


37      Jiġifieri “tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu” tat-trasportatur ikkonċernat “jew fejn għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt”.


38      F’dan l-aħħar rigward, meta tirreferi f’dan is-sens għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:145, punti 47 et seq), il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “post ta’ destinazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, ma għandux jiġi interpretat b’mod ristrett wisq, b’mod li, fil-każ ta’ titjira bir-ritorn, bħal fil-kawża prinċipali, id-destinazzjoni tat-titjira bir-ritorn tista’ wkoll tkun rilevanti. Anki jekk approċċ bħal dan jidhirli li huwa korrett, jiena nosserva li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma hijiex neċessarja f’din il-kawża, peress li l-qorti tar-rinviju fi kwalunkwe każ x’aktarx li ma tkunx ġurisdizzjoni taħt dan il-kriterju, peress li l-ajruport ta’ Fiumicino ma jinsabx fil-ġurisdizzjoni tagħha.


39      Nosserva li, min-naħa l-oħra, il-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata, kriterju ieħor ta’ konnessjoni permess mill-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex previst fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.


40      Ċertament, it-tliet domandi magħmula jirrigwardaw “l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal” b’mod ġenerali. Madankollu, jiena nikkunsidra li f’dan il-każ ma hemmx lok li jiġu interpretati l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan tal-aħħar, li jikkonċernaw biss “dannu li jirriżulta mill-mewt jew id-dannu ta’ passiġġier”, fid-dawl kemm tas-suġġett tal-kawża prinċipali, li għandu x’jaqsam ma’ danni relatati mal-kanċellazzjoni u dewmien tat-titjiriet, kif ukoll għar-raġunijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, li jirreferu biss għall-kontenut tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 33. Min-naħa l-oħra, ser nirreferi fil-qosor għall-kontenut tal-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu bħala element kuntestwali ta’ interpretazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu (punti 70 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).


41      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal żewġ deċiżjonijiet ta’ din il-qorti, iċċitati kif ġej:“sentenza Nru 15028/05 u d-digriet Nru 11183/05”.


42      A. Guaitoli et isostnu li l-applikazzjoni tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan) kif ukoll tal-codice del consumo (il-Kodiċi tal-Konsumatur Taljan) twassal għall-ammissjoni tal-ġurisdizzjoni tat-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) f’dan il-każ, fir-rigward rispettivament tal-post fejn l-obbligu kontenzjuż oriġina jew għandu jiġi eżegwit u l-post ta’ residenza tal-konsumaturi kkonċernati.


43      Ara Dettling‑Ott, R., “Article 33”, f’Montreal Convention, edituri Giemulla, E., u Schmid, R., Kluwer, Pays‑Bas, 2010, punti 21 et seq, kif ukoll Dettling‑Ott, R., “Artikel 33”, f’Montrealer Übereinkommen, edituri Giemulla, E., u Schmid, R., Luchterhand, il-Ġermanja, 2016, punti 21 et seq.


44      Il-Gvern Taljan jindika li din l-interpretazzjoni tikkorrispondi mal-ġurisprudenza dominanti tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), b’riferiment għad-Digriet Nru 8901 tal-4 ta’ Mejju 2016, li jgħid li “l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal […], hekk kif jirriżulta evidentment mit-titolu tagħha (‘Il-Ġurisdizzjoni ’), ma jirrigwardax il-ġurisdizzjoni materjali fuq tilwim bejn passiġġier u trasportatur tal-ajru, iżda jirregola […] it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati ta’ Stati differenti. Dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li t-tilwimiet bejn it-trasportaturi bl-ajru u l-passiġġieri ‘għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-qorti li qed tissindaka l-każ’, inkluża, għalhekk, il-liġi dwar it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati differenti tal-istess Stat skont il-valur tat-tilwima”. A. Guaitoli et jiċċitaw ukoll din id-deċiżjoni u oħrajn, kif ġej: “Cass. S.U. 6630/1993, Cass. Ord.za 11183/2005, Cass. 15028/2005, Cass. S.U. 13689/2006, Cass. S.U. 22035/2014 u Cass. Ord.za 8901/2016”.


45      Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitt verżjonijiet lingwistiċi li fihom ġiet stabbilita l-Konvenzjoni ta’ Montreal (jiġifieri l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol), ara s-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 24), kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 23 u 31 sa 34).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 21 u 22).


48      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Jiġifieri, rispettivament, “Jurisdiction”, “Jurisdicción” u “Juridiction compétente”. Nippreċiża li t-titolu magħżul biex jiġi tradott dan l-Artikolu 33 fil-lingwa Taljana (verżjoni lingwistika li, min-naħa tagħha, ma hijiex awtentika) huwa: “Competenza giurisdizionale”.


50      Il-paragrafu 1, li l-interpretazzjoni tiegħu hija speċifikament rilevanti għall-kawża preżenti, għar-raġunijiet mogħtija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      L-istess fil-verżjonijiet bl-Ingliż: “the territory of one of the States Parties” u bl-Ispanjol: “el territorio de uno de los Estados Partes”.


52      L-istess fil-verżjonijiet bl-Ingliż:“the court” u l-Ispajnol: “el tribunal”.


53      Nosserva li dan il-kliem huwa simili għal dak li kien jidher fl-Artikolu 28(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929 (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Varsavja”), li ssostitwiet il-Konvenzjoni ta’ Montréal (ara l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-Artikolu 55 ta’ din tal-aħħar).


54      Infakkar li l-attur għandu l-għażla li jadixxi “jew […] il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt jew […] il-qorti fil-post tad-destinazzjoni”.


55      Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, konkluża fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972 L 299, p. 32), u ssuċċedewha r-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012.


56      Ara r-rapport ta’ M. Jenard fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 22), dwar “regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni” b’mod partikolari fl-Artikolu 5(1) tagħha, skont liema “konvenut domiċiljat fi Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor […] f’materja kuntrattwali, quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu kien jew kellu jitwettaq”, li tikkuntrasta mar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali fl-Artikolu 2, li tirreferi għall-“qrati ta[l-] Istat [fejn huwa domiċiljat il-konvenut]” (enfasi miżjuda minni). Dan huwa l-każ ukoll fir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012.


57      Ara, dwar l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell), is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 30), u fir-rigward tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 281, p. 29, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, fil-ĠU 2011, L 131, p. 26), is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 30).


58      Dwar il-post residwu li jitħalla għar-regoli interni ta’ proċedura mill-Artikolu 33(4) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ara l-punti 70 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59      Għal iktar preċiżjoni, fid-dawl tat-tielet u l-ħames paragrafi ta’ dan il-preambolu.


60      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 30 et seq); tat-22 ta’ Novembru 2012, Espada Sánchez et (C‑410/11, EU:C:2012:747, punti 29 u 30); tas-17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation (C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 38 u 48), kif ukoll tat-12 ta’ April 2018, Finnair (C‑258/16, EU:C:2018:252, punti 34 u 43).


61      Filwaqt li wieħed jinnota li l-Konvenzjoni ta’ Montréal hija intiża li tarmonizza massimu ta’ aspetti, kemm tad-dritt sostantiv kif ukoll tal-ġurisdizzjoni, fil-qasam kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.


62      Fl-istess sens, ara r-rapport ta’ M. Jenard fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell (p. 22), op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 56.


63      Ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C‑386/05, EU:C:2007:262, punti 22 sa 30); tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 45); tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 70 sa 75); tal-11 ta’ Lulju 2018, Zurich Insurance u Metso Minerals (C‑88/17, EU:C:2018:558, punti 15 sa 24), kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 44).


64      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Fil-verżjonijiet ta’ dan il-paragrafu 4 bl-Ingliż: “[q]uestions of procedure shall be governed by the law of the court seised of the case” u bl-Ispanjol: “[l]as cuestiones de procedimiento se regirán por la ley del tribunal que conoce el caso”. Il-formula magħżula biex tiġi tradotta din id-dispożizzjoni fil-lingwa Taljana (verżjoni lingwistika li, min-naħa tagħha, ma hijiex awtentika) hija: “[s]i applicano le norme procedurali del tribunale adito”. Barra minn hekk, l-Artikolu 28(2) tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja kienet diġà tgħid: “Il-proċedura għandha tkun irregolata mil-liġi tal-qorti adita” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


66      Rispettivament, fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u fir-rigward kemm tal-effetti ta’ sejħa għal intervent kif ukoll tal-proċedura applikabbli għal din tal-aħħar.


67      B’tali mod li dawn l-Istati jkunu jistgħu, pereżempju, jistabbilixxu qrati speċjalizzati. Ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63), is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2015, RG (C‑498/14 PPU, EU:C:2015:3, punti 41 u 51 sa 54).


68      Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-interazzjoni bejn ir-regoli proċedurali fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Unjoni u r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001 jew mir-Regolament Nru 1215/2012 jew ukoll mir-Regolament Nru 4/2009, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, G (C‑292/10, EU:C:2012:142, punti 44 et seq); tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punti 30 sa 32); tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punti 62 u 66), kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2018, Nothartová (C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 28).


69      Għall-kuntrarju, għal motivi żviluppati bħala risposta għall-ewwel domanda (punti 32 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet) il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward tal-kapijiet ta’ kawża intiżi li jiksbu r-rispett tad-drittijiet fissi u standardizzati li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004.


70      Ara l-ġurisprudenza imsemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 41 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.