Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ April 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fl-14 ta’ Frar 2019 fil-Kawżi Magħquda T-131/16 u T-263/16, Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-337/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P.J. Loewenthal, F. Tomat, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Renju tal-Belġju, Magnetrol International, l-Irlanda

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-14 ta’ Frar 2019 fil-Kawżi Magħquda T-131/16 u T-263/16 Il-Belġju u Magnetrol International vs Il-Kummissjoni EU:T:2019:91 sa fejn din issostni li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 1 , tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju kklassifikat b’mod żbaljat is-sistema ta’ “profitti eċċesivi” bħala skema fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/15892 ;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li kien żbaljat li l-prattika tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq “profitti żejda”, implimentata mill-Belġju mill-2004 sal-2014, tiġi kklassifikata bħala skema fis-sens tal-Artikolu 1(d) ta’ Regolament Nru 2015/1589.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) u żnaturat il-premessi (94) sa (110) tad-deċiżjoni kkontestata billi kkonkludiet li l-Kummissjoni kkunsidrat biss l-atti leġiżlattivi elenkati fil-premessa (99) bħala li jikkostitwixxu l-bażi tal-iskema ta’ “profitti żejda”.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) u żnaturat il-premessi (100) sa (108) tad-deċiżjoni kkontestata billi kkonkludiet li l-għoti tal-eżenzjoni tal-“profitti żejda” kien jeħtieġ l-adozzjoni ta’ iktar miżuri ta’ implimentazzjoni.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 1(d) u żnaturat il-premessi (66), (102), (103), (109), (139) u (140) tad-deċiżjoni kkontestata tad-deċiżjoni kkontestata billi kkonkludiet li iktar miżuri ta’ implimentazzjoni kienu neċessarji sabiex jiġu speċifikati l-benefiċjarji tal-eżenzjoni ta’ “profitti żejda”.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat ir-ratio legis tal-Artikolu 1(d) billi kkonkludiet li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikklassifikat is-sistema ta’ “ profitti żejda ”bħala skema fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

____________

1 ĠU 2016, L 260, p. 61.

2 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9).