Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2019 minn Drex Technologies SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-414/16, Drex Technologies vs Il-Kunsill
(Kawża C-348/19 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Drex Technologies SA (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsil tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;
konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019 (T-414/16).
U, tiddeċiedi skont dispożizzjonijiet ġodda:
tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 1 u l-atti sussegwenti ta’ implimentazzjoni tagħha, sa fejn dawn jirrigwardaw lill-appellanti;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.
l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tar-rikorrenti, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għal smigħ qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi ġodda.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali injorat l-artikli ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors għal annullament tagħha sabiex turi li hija ma kinitx tappoġġja r-reġim Sirjan.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li huma illegali d-dispożizzjonijiet 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK skont liema l-appartenenza għall-familja Al-Assad jew għall-familja Makhlouf tikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, li fl-istess waqt jaqleb l-oneru tal-prova.
____________
1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125).