Language of document : ECLI:EU:C:2019:531

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – L-istat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin – Tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema – Applikazzjoni għall-imħallfin fil-kariga – Possibbiltà ta’ tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallef lil hinn minn din l-età suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni diskrezzjonali tal-President tar-Repubblika”

Fil-Kawża C‑619/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑2 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks, H. Krämer u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Majcher u S. Żyrek, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

magħmula minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal (Relatur), M. Viaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, D. Šváby, C. Vajda, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u billi din il-miżura tiġi applikata għal imħallfin fil-kariga maħtura f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat UE

2        L-Artikolu 2 TUE jaqra kif ġej:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

3        L-Artikolu 19(1) TUE jiddisponi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

 Il-Karta

4        It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jiddisponi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

5        Skont l-Artikolu 51 tal-Karta:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.      Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kostituzzjoni

6        L-Artikolu 183(3) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandu jinħatar għal perijodu ta’ sitt snin.

7        Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni:

“Il-Krajowa Rada Sądownictwa [il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura] huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

8        L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jiddisponi:

“1.      Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa kompost minn:

1)      l-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-Ministru tal-Ġustizzja, il-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika,

2)      ħmistax-il membru eletti minn fost l-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-qrati tad-dritt komuni, il-qrati amministrattivi u l-qrati militari,

3)      erba’ membri eletti mis-[Sejm (il-Parlament)] minn fost id-deputati u żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa ta’ erba’ snin.

4.      Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

 Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

9        L-Artikolu 30 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Novembru 2002 (Dz. U. 2002, titlu 240), stabbilixxa l-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għal 70 sena. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-imħallfin ta’ din il-qorti kellhom ukoll il-possibbiltà, sa mhux iktar tard minn sitt xhur qabel ma jilħqu l-età ta’ 70 sena, li jibagħtu lill-Ewwel President ta’ din il-qorti dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u li jippreżentaw ċertifikat li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, f’liema każ ikunu intitolati jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sakemm jagħlqu t-72 sena.

10      Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, titlu 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema”), li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018. Din il-liġi ġiet emendata diversi drabi, b’mod partikolari, mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑10 ta’ Mejju 2018 (Dz. U. tal‑2018, titlu 1045, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018”).

11      Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtiraw fid-data li fiha jagħlqu 65 sena, ħlief jekk, mhux iktar kmieni minn tnax-il xahar qabel u mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jilħqu l-età ta’ [65 sena], jagħmlu dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jekk jippreżentaw ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati li japplikaw għal pożizzjoni fil-ġudikatura, li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizza l-estensjoni tal-funzjonijiet tagħhom fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1a.      Qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntalab jagħmel dan minn dan tal-aħħar. Jekk il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jkunx bagħat l-opinjoni tiegħu fi żmien il-perijodu previst fit-tieni sentenza, din l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

1b.      Meta jagħti l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1a, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-sistema ġudizzjarja jew interess soċjali importanti, b’mod partikolari l-assenjazzjoni effiċjenti tal-membri tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ ċerti awli tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

2.      Id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li min-naħa tiegħu għandu jittrażmettihom immedjatament, flimkien mal-opinjoni tiegħu, lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jikkomunika d-dikjarazzjoni tiegħu u ċ-ċertifikat tiegħu, flimkien mal-opinjoni tal-Kulleġġ tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

3.      Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura msemmija fil-paragrafu 1a jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni fit-terminu previst fl-ewwel sentenza, l-imħallef għandu jitqies li rtira b’effett mid-data li fiha jagħlaq 65 sena. Meta mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jilħaq l-età msemmija fil-paragrafu 1 qabel tmiem il-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, dan għandu jibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura.

4.      L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis. […]”

12      L-Artikolu 39 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jistabbilixxi d-data li fiha mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema]) jitlaq jew jirtira.”

13      L-Artikolu 111 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li laħqu din l-età fi żmien tliet xhur mid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, għandhom jirtiraw b’effett mill-jum ta’ wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ħlief jekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

1a.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur u qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jirtiraw tnax-il xahar wara dan id-dħul fis-seħħ, ħlief jekk, f’dan it-terminu, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1a) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

14      Minbarra d-dispożizzjonijiet li jemendaw il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, il-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018 fiha ċerti dispożizzjonijiet awtonomi li jirregolaw il-proċedura għall-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li laħqu l-età tal-irtirar mhux iktar tard mit‑3 ta’ Lulju 2018. L-Artikolu 5 tal-Liġi Emendatorja huwa fformulat kif ġej:

“Il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jibgħat immedjatament lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) u fl-Artikolu 111(1) tal-Liġi [l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema] li huwa ma eżaminax fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għall-opinjoni tiegħu. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien 30 jum mill-jum li fih intalab jagħmel dan mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi żmien 60 jum mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jew mill-iskadenza tat-terminu li fih kellha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) tal-Liġi [l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema], kif emendata b’din il-liġi, għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

15      Fid-dawl tal-fatt li, bl-adozzjoni tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema u l-liġijiet sussegwenti li jemendawha, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, fit‑2 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb b’ittra datata t‑2 ta’ Awwissu 2018, li fiha kkontesta kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni.

16      Fl‑14 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti tikser dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta tirċievi din l-opinjoni. Dan l-Istat Membru wieġeb b’ittra datata l‑14 ta’ Settembru 2018 li fiha wasal għall-konklużjoni li l-allegat ksur ma kienx jeżisti.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ressqet talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja intiżi, sabiex sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata:

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1) sa (4) u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, tal-Artikolu 5 tal-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018, kif ukoll kwalunkwe miżura meħuda skont dawn id-dispożizzjonijiet;

–        tieħu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiżgura li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonċernati mill-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jibqgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fil-pożizzjoni li kellhom fid-data tat‑3 ta’ April 2018, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, filwaqt li jgawdu l-istess status u l-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’ impjieg li kienu jibbenefikaw minnhom sat‑3 ta’ April 2018;

–        ma tieħu ebda miżura intiża għall-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minflok dawk ikkonċernati mill-istess dispożizzjonijiet, kif ukoll ebda miżura intiża li taħtar l-Ewwel President ġdid ta’ din il-qorti jew li tidentifika l-persuna responsabbli sabiex tmexxi l-imsemmija qorti minflok l-Ewwel President tagħha sakemm jinħatar l-Ewwel President ġdid, u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, u mbagħad, regolarment kull xahar, kull miżura meħuda sabiex tikkonforma ruħha bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

19      Il-Kummissjoni talbet ukoll, bis-saħħa tal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt preċedenti qabel mal-konvenuta ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, minħabba r-riskju immedjat ta’ dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

20      Permezz tad-digriet tiegħu tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ b’mod provviżorju din it-talba tal-aħħar sal-għoti tad-digriet li jagħlaq il-proċeduri għal miżuri provviżorji.

21      Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja rrefera din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fid-dawl tal-importanza ta’ din it-talba, allokat it-trattament tagħha lill-Awla Manja konformement mal-Artikolu 60(1) ta’ dawn ir-regoli.

22      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji tal-Kummissjoni sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq din il-kawża.

23      Barra minn hekk, permezz tad-digriet tiegħu tal‑15 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18, EU:C:2018:910), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fuq talba tal-Kummissjoni, li jissuġġetta din il-kawża għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Jannar 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta li l-Ungerija tintervjeni fit-tilwima insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

 Fuq ir-rikors

25      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti bbażati fuq ksur tal-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta.

26      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli kisret tali obbligi minħabba li l-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, bi ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà taghom, ipprovdiet għall-applikazzjoni tal-miżura intiża sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għall-imħallfin fil-kariga li nħatru f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018, data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lil dan l-Istat Membru talli kiser dawn l-obbligi billi, permezz ta’ din il-liġi, u bi ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, huwa ta lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali sabiex jestendi, f’żewġ okkażjonijiet, kull waħda għal perijodu ta’ tliet snin, il-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid.

 Fuq iż-żamma tas-suġġett tal-kawża

27      Matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha kkontestati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha tħassru u li l-effetti kollha ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ġew annullati mill-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema) tal‑21 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal‑2018, titlu 2507), iffirmata mill-President tar-Repubblika fis‑17 ta’ Diċembru 2018 u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019.

28      Skont dan l-Istat Membru, bis-saħħa ta’ din il-liġi, l-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li diġà kienu ġew affettwati bit-tnaqqis tal-età tal-irtirar implimentata mil-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, kienu, fil-fatt, miżmuma jew reġgħu ddaħħlu f’din il-qorti, skont il-kundizzjonijiet fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ din l-aħħar liġi, bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ikun, barra minn hekk, meqjus li tkompla mingħajr interruzzjoni. Id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-President tar-Repubblika jawtorizza l-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar kienu tħassru huma wkoll. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-proċedura preżenti intiża għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ obbligu ma għadx għandha skop.

29      Min-naħa tagħha, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat iż-żamma tar-rikors tagħha.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas għandu jkun evalwat fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’din il-kawża huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema li kienu kkontestati mill-Kummissjoni permezz ta’ dan ir-rikors kienu għadhom fis-seħħ fid-data meta skada t-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha. Għaldaqstant hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, u dan minkejja li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Temenda l-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema tal‑21 ta’ Novembru 2018 kellu l-effett li jelimina b’mod retroattiv l-effetti kollha tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni, peress li fil-fatt tali avveniment ma setax jitqies, minħabba li kien seħħ wara li skada t-terminu previst mill-opinjoni motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 45).

 Fuq il-portata tar-rikors

32      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li, permezz tar-rikors tagħha, hija essenzjalment talbet li jiġi kkonstatat il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu fil-fatt jiġi interpretat fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 47 tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-garanziji inerenti fid-dritt għal rimedju effettiv kif previst minn din l-aħħar dispożizzjoni, b’tali mod li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet timplika li ż-żamma tal-indipendenza ta’ qorti bħal ma hija s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li lilha jiġi fdat il-kompitu tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, trid tiġi ggarantita.

33      Għaldaqstant, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar dan ir-rikors, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Polonja naqsitx milli tissodisfa l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 Dwar l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

34      Billi bbażat, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), il-Kummissjoni ssostni li, sabiex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi imposti fuqhom mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jipprevedi sistema ta’ rimedji li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huma meħtieġa, b’mod partikolari, jiżguraw li l-qrati nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-imħallfin, b’din tal-aħħar tkun parti essenzjali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq kif iggarantit, b’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

35      Peress li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija waħda minn qawn il-qrati, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kompożizzjoni, l-istruttura organizzattiva u l-mod ta’ kif din il-qorti topera għandhom jiżguraw li din tissodisfa dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza.

36      Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jikkonċerna mhux biss l-iżvolġiment ta’ proċedura speċifika iżda wkoll il-mod kif tiġi organizzata l-ġustizzja. Miżura nazzjonali li, b’mod ġenerali, taffettwa l-indipendenza tal-qrati nazzjonali jkollha l-konsegwenza li ma jkunx hemm iktar iggarantit rimedju ġudizzjarju effettiv, b’mod partikolari, meta dawn il-qrati japplikaw jew jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni.

37      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta f’dan ir-rigward mill-Ungerija, targumenta li regoli nazzjonali bħal dawk ikkontestati mill-Kummissjoni f’dan ir-rikors ma jistgħux ikunu suġġetti għal stħarriġ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

38      Fil-fatt, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jagħtu lok għall-ebda deroga mill-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, li jirregola l-kompetenzi tal-Unjoni u li jirriżulta mill-Artikolu 4(1), mill-Artikolu 5(1) u (2) u mill-Artikolu 13(2) TUE. Madankollu, huwa stabbilit li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja nazzjonali tikkostitwixxi kompetenza esklużivament irreżervata għall-Istati Membri, b’tali mod li l-Unjoni ma tkunx tista’ tassumi kompetenza f’dan il-qasam.

39      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, bħalma huma l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, għandhom japplikaw biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

40      Madankollu, ir-regoli nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni f’din il-kawża ma għandhom l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni u f’dan ir-rigward huma differenti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li fir-rigward tagħha ngħatat is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindal dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), leġiżlazzjoni li, minn naħa tagħha, kienet relatata mal-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru fil-kuntest tal-ġlieda kontra d-defiċits baġitarji eċċessivi u, konsegwentement, adottati fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

41      L-Artikolu 47 tal-Karta ma japplikax f’dan il-każ, fid-dawl tal-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) ta’ din. Barra minn hekk mill-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 51(2) tal-Karta u mill-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika tal-Polonja u għar-Renju Unit (ĠU 2010, C 83, p. 313) jirriżulta li l-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ din tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà li kwalunkwe Stat Ewropew japplika sabiex isir membru tal-Unjoni, din tressaq flimkien Stati li ddeċidew b’mod ħieles u volontarju li jaderixxu mal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 TUE, li jirrispettaw dawk il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom, peress li d-dritt tal-Unjoni jistrieħ fuq il-premessa bażika li kull Stat Membru jaqsam mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li huma jaqsmu miegħu, dawn il-valuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, li fost dawn hemm l-istat tad-dritt, u, għaldaqstant, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35).

44      Għandu wkoll jitfakkar li sabiex jiġu żgurati l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      B’mod partikolari, l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja li ġiet imfassla b’dan il-mod huwa l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura koerenza u unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37).

46      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-Unjoni hija unjoni tad-dritt li fiha l-partijiet fil-kawża għandhom id-dritt li jikkontestaw fil-qorti l-legalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni jew att nazzjonali ieħor relatat mal-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ att tal-Unjoni (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindal dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 49).

47      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jiksbu minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għal dan il-għan, u hekk kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jibbażaw fuqu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi, fil-fatt, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 u li ġie affermat permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar ukoll li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29).

51      Kuntrarjament għal dak sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija f’dan ir-rigward, il-fatt li l-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), ġew adottati minħabba raġunijiet imperattivi marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Membru kkonċernat u fil-kuntest ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni għal dak l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta mill-punti 29 sa 40 ta’ din is-sentenza, ma kellu ebda rwol fl-interpretazzjoni li wasslet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE japplika fil-kawża inkwistjoni. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-qorti nazzjonali kkonċernata minn din il-kawża, jiġifieri t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), kienet, suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40).

52      Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif ifakkru r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fi ħdan il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri huma marbuta li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw fil-konfront tagħhom mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 45, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57) u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40). Barra minn hekk, billi tirrikjedi li l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi, l-Unjoni bl-ebda mod ma titlob li hija stess teżerċita din il-kompetenza u lanqas għaldaqstant li tieħu din f’idejha, u dan kuntrarjament għal dak li allegat ir-Repubblika tal-Polonja.

53      Fl-aħħar nett, u fir-rigward tal-Protokoll Nru 30, għandu jiġi nnotatat li dan ma jikkonċernax it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u barra minn hekk għandu jitfakkar li ma hijiex qed tqajjem dubji dwar l-applikabbiltà tal-Karta fil-Polonja u ma hijiex intiża sabiex teżenta lir-Repubblika tal-Polonja mill-obbligu li tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 119 u 120).

54      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi lill-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji legali meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      B’mod iktar partikolari, kull Stat Membru għandu jiżgura, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li l-qrati, bħala “qorti” fis-sens kif iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, li huma parti mis-sistema ta’ rimedji tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 37, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 52).

56      F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tista’ tissejjaħ sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taqa’ taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji legali fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti trid tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021, pun 43).

57      Sabiex jiġi żgurat li qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tkun tista’ toffri tali protezzjoni, il-preżervazzjoni tal-indipendenza ta’ tali qorti hija fundamentali hekk kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53).

58      Dan ir-rekwizit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 48 u 63).

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-regoli nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif allegat minn din l-istituzzjoni, seħħx.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

60      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li l-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema kienet tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura intiża sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għall-imħallfin fil-kariga li nħatru f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018, data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. B’dan il-mod, dan l-Istat Membru kiser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tagħhom.

61      Il-Kummissjoni tinnota, f’dan ir-rigward, li bħala riżultat tal-Artikolu 37(1) u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin ta’ din il-qorti li jkunu għalqu l-65 sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jiġifieri t‑3 ta’ April 2018, jew l-iktar tard sat‑3 ta’ Lulju 2018, bħala prinċipju, jirtiraw mill‑4 ta’ Lulju 2018 u li dawk li jagħlqu l-65 sena bejn l‑4 ta’ Lulju 2018 u t‑3 ta’ April 2019 għandhom, bħala prinċipju, jirtiraw fit‑3 ta’ April 2019. Fir-rigward tal-imħallfin li jilħqu l-età ta’ 65 sena wara t‑3 ta’ April 2019, bħala prinċipju, huma għandhom jirtiraw kif jagħlqu l-65 sena.

62      Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn hekk, li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali affettwaw minnufih 27 mit-72 imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li kienu fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, inkluż l-Ewwel President ta’ din il-qorti. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, din l-istituzzjoni tirrileva, barra minn hekk, li, konformement mal-Artikolu 183(3) tal-Kostituzzjoni, il-persuna kkonċernata ġiet maħtura għal mandat ta’ sitt snin li, f’dan il-każ, kellu jiskadi fit‑30 ta’ April 2020.

63      Issa, il-Kummissjoni tqis li, billi tipproċedi għal tali tnaqqis fl-età tal-irtirar għal dak li jikkonċerna l-imħallfin fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), filwaqt li tawtorizza barra minn hekk, fl-Artikoli 112 u 112a tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, lill-President tar-Repubblika sabiex jiddeċiedi liberament, sat‑3 ta’ April 2019, li jżid in-numru ta’ pożizzjonijiet fi ħdan din il-qorti, ir-Repubblika tal-Polonja fetħet it-triq għal kompożizzjoni mill-ġdid profonda u immedjata ta’ din il-qorti, bi ksur tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin bħala garanzija inerenti tal-indipendenza tagħhom u għaldaqstant tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

64      Il-Kummissjoni tqis li, għalkemm tnaqqis fl-età tal-irtirar tal-imħallfin ma jistax jiġi kompletament eskluż, miżuri xierqa, bħal perijodu tranżitorju jew approċċ gradwali li jipprevjeni l-użu ta’ tali tnaqqis bi skop moħbi ta’ tibdil fil-kompożizzjoni tal-qrati, huma, f’kull każ, meħtieġa sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata kull impressjoni li tqassir fit-tul tal-funzjoni ġudizzjarja tal-imħallfin ikkonċernati fil-fatt tkun iġġustifikata mill-attivitajiet imwettqa minn dawn l-imħallfin matul l-eżerċizzju attiv ta’ din il-funzjoni u ma jaffettwawx iċ-ċertezza tagħhom li jkunu jistgħu jkomplu jokkupaw il-pożizzjoni tagħhom.

65      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jirrikjedix li, f’każ ta’ tnaqqis fl-età tal-irtirar, huwa obbligatorju li jkun hemm perijodu tranżitorju previst għall-imħallfin fil-kariga sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom. Fil-fatt, peress li tali età tal-irtirar, li ġeneralment u awtomatikament tapplika għall-imħallfin kollha kkonċernati, ma tkunx tali li toħloq pressjoni li x’aktarx tinfluwenza lill-persuni kkonċernati fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

66      Fl-ordinament ġuridiku Pollakk, il-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja huma marbuta prinċipalment mal-protezzjoni tal-karattru permanenti tal-funzjoni ġudizzjarja, inkluża l-garanzija ta’ irremovabbiltà, l-immunità, remunerazzjoni deċenti, is-segretezza tad-deliberazzjonijiet, l-inkompatibbiltà bejn funzjonijiet ġudizzjarji u funzjonijiet pubbliċi oħra, l-obbligu ta’ newtralità politika u l-projbizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Tkeċċija ta’ mħallef hija permessa biss fil-każ tan-nuqqasijiet dixxiplinari l-iktar serji jew ta’ kundanna kriminali finali. Issa, l-irtirar ta’ mħallef ma jikkostitwixxix tkeċċija, peress li l-persuna kkonċernata tibqa’ żżomm it-titlu tagħha u, f’din il-kapaċità, iżżomm il-benefiċċju tal-immunità u d-dritt għal remunerazzjoni deċenti filwaqt li tkompli tkun suġġetta għal diversi regoli etiċi.

67      Barra minn hekk, mis-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508), kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117) jirriżulta li l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jadattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-imħallfin u għalhekk l-età tal-irtirar tagħhom, b’mod partikolari, sabiex bħal f’dan il-każ, tiġi allinjata din l-età tal-irtirar ma’ dik prevista mis-sistema ġenerali tal-irtirar filwaqt li tittejjeb l-istruttura tal-etajiet tal-membri tal-qorti kkonċernata.

68      Fl-aħħar nett, li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-età tal-irtirar ta’ mħallef għandha tibqa’ rregolata mid-dritt fis-seħħ fid-data li fiha l-persuna kkonċernata bdiet teżerċita l-funzjonijiet tagħha, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġiet irriformata matul l‑2002 u stabbilita mill-ġdid għal 70 sena wara li kienet ġiet stabbilita għal 65 sena bejn l‑1990 u l‑2002. Issa, 17 mis-27 imħallef fil-kariga fi ħdan din il-qorti li ġew affettwati mit-tnaqqis tal-età tal-irtirar li tirriżulta mil-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, kienu nħatru bejn l‑1990 u l‑2002, b’tali mod, li fir-rigward tagħhom, ma kienx hemm tqassir tal-perijodu inizjali tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

69      Li kieku tinżamm id-data tal-ħatra bħala mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bħala kriterju sabiex tiġi stabbilita l-età tal-irtirar ta’ dawn, toħloq ukoll riskju ta’ diskriminazzjoni bejn l-imħallfin ta’ din il-qorti, peress li wħud minnhom, b’mod partikolari, dawk li ser jinħatru wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, ser ikollhom jirtiraw qabel oħrajn li, min-naħa tagħhom, inħatru qabel dan id-dħul fis-seħħ, fi żmien meta l-età tal-irtirar kienet ta’ 70 sena.

70      Skont l-Ungerija, il-Kummissjoni ma wrietx li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-irtirar ta’ ċerti mħallfin minn din il-qorti li rriżulta minn din il-miżura kienu tali li affettwaw l-abbiltà ta’ din il-qorti li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u hekk kif jirriżulta mill-punti 42 sa 59 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-qrati nazzjonali li, bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), huma msejħa sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu żewġ aspetti.

72      L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut min-naħa tiegħu mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qorti, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      B’mod partikolari, din il-libertà indispensabbli tal-imħallfin fir-rigward ta’ kwalunkwe interferenza jew pressjoni esterna tirrikjedi, kif imtenni numru ta’ drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti garanziji li jipproteġu lill-persuna ta’ min għandha l-kompitu li tiddeċiedi, fosthom l-irremovabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma dan ikollu natura totalment assoluta, dan il-prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għal din ir-raġuni, huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa.

77      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod iktar preċiż li r-rekwiżit ta’ indipendenza jirrikjedi li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari u, konsegwentement, tkeċċija eventwali ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiġġudikaw, ikollhom il-garanziji meħtieġa sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u kemm is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxi ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).

78      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-riforma kkontestata, li tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura intiża sabiex titbaxxa l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għall-imħallfin diġà fil-kariga fi ħdan din il-qorti, għandha bħala konsegwenza t-tmiem antiċipat tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk tista’ twassal għal tħassib leġittimu fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u wara li tiġi kkunsidrata l-importanza kardinali ta’ dan il-prinċipju, imfakkar fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza, tali applikazzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn għan leġittimu u proporzjonat fid-dawl ta’ dan u sakemm ma tagħtix lok għal dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-qorti kkonċernata fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati.

80      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għal 65 sena kellha l-intenzjoni li tarmonizza din l-età mal-età ġenerali tal-irtirar applikabbli għall-ħaddiema kollha fil-Polonja u ttejjeb, b’dan il-mod, l-istruttura tal-età fil-kuntest ta’ din il-qorti.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura leġittima li jista’ jkollhom l-għanijiet fil-qasam tal-politika tal-impjiegi, bħal dawk intiżi, minn naħa, sabiex joħolqu uniformità, fil-kuntest tal-professjonijiet tas-servizz pubbliku, tal-limiti ta’ età għall-irtirar obbligatorju, u, min-naħa l-oħra, jiffavorixxu l-istabbiliment ta’ struttura ta’ età iktar ibbilanċjata billi tiffaċilita l-aċċess għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari, għall-professjonijiet ta’ mħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 50, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punti 61 u 62).

82      Madankollu, wieħed għandu jinnota l-ewwel nett li, hekk kif enfasizzat mill-Kummissjoni, u li diġà ġie rrilevat mill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (imsejħa “Kummissjoni ta’ Venezia”), fil-punti 33 u 47 tal-Opinjoni tagħha Nru 904/2017 (CDL‑AD(2017)031), l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema fiha elementi li jistgħu jagħtu lok għal dubji serji dwar il-fatt li r-riforma tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienet iggwidata minn tali għanijiet, u mhux minn rieda li ċertu grupp ta’ mħallfin ta’ din il-qorti jitwarrab.

83      It-tieni nett, għandu jitfakkar li t-tnaqqis fl-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) permezz tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, kien, f’dan il-każ, akkumpanjat mill-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ġdid li jippermetti lill-President tar-Repubblika jiddeċiedi, fuq bażi diskrezzjonali, li jestendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ imħallef hekk kif huwa mqassar, u dan għal żewġ perijodi konsekuttivi ta’ tliet snin.

84      Issa, minn naħa, l-introduzzjoni ta’ tali possibbiltà ta’ estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef għal sitt snin, fl-istess ħin li titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, aktarx li titfa’ dubju fuq il-fatt li r-riforma li qed issir hija ġenwinament intiża sabiex tarmonizza l-età tal-irtirar ta’ dawn l-imħallfin ma’ dik applikabbli għall-ħaddiema kollha u sabiex tittejjeb l-istruttura tal-età tal-membri ta’ din il-qorti.

85      Min-naħa l-oħra, il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri hija wkoll ta’ natura li x’aktarx issaħħaħ l-impressjoni li tista’, fil-fatt, tkun saret sabiex titneħħa parti predeterminata tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), peress li fil-fatt il-President tar-Repubblika jżomm, minkejja l-applikazzjoni tal-miżura li tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga kollha ta’ din il-qorti bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, is-setgħa diskrezzjonali li jżomm parti mill-persuni kkonċernati fil-kariga.

86      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura sabiex titnaqqas, b’ħames snin, l-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema u l-effett tat-taqsir tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, affettwat immedjatament kważi terz tal-membri ta’ din il-qorti, inkluż, b’mod partikolari, l-Ewwel President ta’ din il-qorti li l-mandat tagħha ta’ sitt snin, li huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni, minħabba f’dan il-fatt tqassar ukoll. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, dan il-fatt juri l-impatt potenzjalment kunsiderevoli tar-riforma inkwistjoni fuq il-kompożizzjoni u l-kontinwità funzjonali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Issa, hekk hif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali bidla radikali fil-kompożizzjoni ta’ qorti suprema, permezz ta’ riforma li b’mod speċifiku taffettwa dan, tista’, min-naħa tagħha, tkun tali li tagħti lok għal dubji dwar in-natura vera ta’ tali riforma u l-għanijiet li hija fil-fatt tfittex.

87      Għalhekk, id-dubji li jirrigwardaw l-għanijiet reali tar-riforma kkontestata u li jirriżultaw mill-kunsiderazzjonijiet kollha stipulati fil-punti 82 sa 86 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu esklużi permezz tal-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja li, minn naħa, uħud mill-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) affettwati minn din ir-riforma kienu nħatru f’din il-pożizzjoni fi żmien meta l-età tal-irtirar tal-imħallfin ta’ din il-qorti kienet stabbilita għal 65 sena u, min-naħa l-oħra, tali mħallef, meta jirtira, madankollu jżomm it-titlu tiegħu ta’ mħallef, ikompli jgawdi l-immunità u l-emolumenti u jibqa’ suġġett għal ċerti regoli ta’ etika professjonali.

88      Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma humiex tali li jixħtu dubju fuq il-fatt li l-irtirar tal-imħallfin ikkonċernati jimplika t-terminazzjoni immedjata u antiċipata tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom, meta mqabbel ma’ dak li kien previst qabel l-adozzjoni tar-riforma kkontestata.

89      Fit-tieni lok, hekk kif ikkonfermat mir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, l-età ġenerali tal-irtirar tal-ħaddiema li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru jindika li xtaq jallinja l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma timplikax li dawn il-ħaddiema jirtiraw b’mod awtomatiku, iżda biss id-dritt u mhux l-obbligu tagħhom, li jwaqqfu l-attività professjonali tagħhom u li jibbenefikaw, f’dan il-każ, minn pensjoni tal-irtirar.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Polonja ma stabbilietx li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jitnaqqsu l-limiti differenti ta’ età għall-waqfien obbligatorju mill-attività għall-professjonijiet kollha kkonċernati. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma ppreżentax raġuni oġġettiva għaliex, għall-iskop tal-allinjament tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-età tal-irtirar ġenerali applikabbli għall-ħaddiema kollha fil-Polonja, kien meħtieġ li jiġi pprovdut irtirar awtomatiku ta’ dawn l-imħallfin, suġġett għall-kontinwazzjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom deċiża b’mod diskrezzjonali mill-President tar-Repubblika, filwaqt li għall-kumplament tal-ħaddiema, l-età prevista mil-liġi għall-irtirar hija fakultattiva.

91      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-għan ta’ età tal-irtirar uniformi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu tnaqqis immedjat u kunsiderevoli fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju tal-attivitajiet ta’ mħallef, mingħajr ebda miżura tranżitorja maħsuba sabiex tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati fil-kariga meta dawn id-dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ, ma josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punti 68 u 80).

92      Fir-rigward tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), li tirreferi għaliha wkoll ir-Repubblika tal-Polonja bil-għan li tiġġustifika l-leġittimità tal-miżura nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, għandu jitfakkar li din is-sentenza kienet tirrigwarda miżura sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, wara li nnotat li din il-miżura ta’ tnaqqis fis-salarji kienet, fl-istess ħin, limitata fl-ammont u temporanja u li ma kinitx ġiet adottata b’mod speċifiku fir-rigward tal-membri tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), iżda, għall-kuntrarju, kienet miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, li l-Artikolu 19 TUE jrid jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali miżura.

93      Issa, meta titqies il-protezzjoni tal-indipendenza tal-imħallfin, l-effetti ta’ tali tnaqqis fis-salarji li huwa limitat u temporanju ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ miżura li tikkonsisti fi tnaqqis tal-età tal-irtirar ta’ mħallfin fil-kariga, li, min-naħa tagħha, għandha l-effett li ttemm il-karriera ġudizzjarja tal-partijiet ikkonċernati b’mod antiċipat u definittiv.

94      Fir-raba’ lok, l-applikazzjoni immedjata tar-riforma kkontestata għall-imħallfin fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema lanqas ma tista tiġi ġġustifikata mit-tħassib espress mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni eventwali, f’termini tat-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef, bejn dawk tal-imħallfin u dawk maħtura għal din il-qorti wara din id-data.

95      Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ mħallfin ma humiex f’sitwazzjoni simili, peress li dawk tal-ewwel biss għandhom il-karriera tagħhom fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imqassra, peress li dawn tal-aħħar jissejjħu sabiex jinħatru f’din il-qorti taħt il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tipprevedi għal età tal-irtirar statutorja ta’ 65 sena. Barra minn hekk, u sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tissuġġerixxi wkoll fl-argumenti tagħha li l-imħallfin li huma diġà fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jiġux irrikonoxxuti, b’differenza mill-kollegi tagħhom li ġew maħtura wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, bil-possibbiltà li jibbenefikaw mill-età tal-irtirar il-ġdida introdotta permezz ta’ din il-liġi, għandu jiġi osservat li, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, kien ikun permissibbli li tkun prevista possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jieqfu, fuq bażi volontarja, mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, meta jilħqu l-età tal-irtirar statutorja l-ġdida, mingħajr, għalhekk, tobbligahom li jagħmlu dan.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tal-miżura ta’ tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-rigward tal-imħallfin fil-kariga fi ħdan din il-qorti ma hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu. Għaldaqstant, din l-applikazzjoni tikser il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin li huwa inerenti għall-indipendenza tagħhom.

97      Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

98      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, billi tat, bis-saħħa tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi f’żewġ okkażjonijiet, kull darba għal perijodu ta’ tliet snin, il-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età tal-irtirar il-ġdida stabbilita minn din il-liġi.

99      Skont il-Kummissjoni, fl-assenza kemm ta’ kriterji vinkolanti li jirregolaw id-deċiżjoni li jingħataw jew le tali estensjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallfin kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet u tal-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tagħhom, il-President tar-Repubblika huwa f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza fuq l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Fil-fatt, il-prospett li jkollok tindirizza lill-President tar-Repubblika sabiex titlob għal tali estensjonijiet u, sussegwentement, ladarba jkunu saru tali talbiet, is-sitwazzjoni ta’ stennija għad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar x’aktarx li tista’ tiġġenera, fuq l-imħallef ikkonċernat, pressjoni li tista’ twasslu sabiex ikun konformi max-xewqat tal-President tar-Repubblika fir-rigward ta’ dawk il-kawżi li huwa adit bihom, inkluż meta jkun meħtieġ jinterpreta u japplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

100    L-obbligu, għall-President tar-Repubblika, li jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, previst fl-Artikolu 37(1a) u (1b) u fl-Artikolu 111a tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema kif ukoll fl-Artikolu 5 tal-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018, ma jaffettwax il-konstatazzjoni preċedenti. Fil-fatt, il-kriterji mogħtija lil dan il-kunsill sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu huma ġenerali wisq u din l-opinjoni ma torbotx lill-President tar-Repubblika. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riforma reċenti għall-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, titlu 714) mwettqa mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, titlu 3), il-ħmistax-il membru ta’ dan il-kunsill, minn fost is-sebgħa u għoxrin membru li huwa magħmul minnhom, li għandhom jiġu eletti minn fost l-imħallfin, issa ser jiġu eletti mhux iktar mill-pari tagħhom, iżda mis-Sejm (il-Parlament), b’tali mod li jista’ jitfa’ dubju fuq l-indipendenza tagħhom.

101    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li għandhom jilħqu l-età ta’ 65 sena wara t‑3 ta’ Lulju 2018, ma ġie stabbilit l-ebda terminu li fih il-President tar-Repubblika għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li għandu l-effett potenzjali li jżid il-perijodu effettiv li matulu l-imħallef ikkonċernat ikun suġġett għad-diskrezzjoni tal-President tar-Repubblika.

102    Dawn il-fatturi differenti huma tali li jwasslu għal sitwazzjoni li fiha s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma hijiex ser titqies iktar bħala li toffri l-garanzija li taġixxi fiċ-ċirkustanzi kollha b’mod imparzjali u indipendenti.

103    Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li l-għoti tas-setgħa lill-President tar-Repubblika sabiex jiddeċiedi dwar l-estensjoni eventwali tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jkunu laħqu l-età tal-irtirar tikkostitwixxi kompetenza li ġejja mill-prerogattiva, mogħtija lill-President mill-Kostituzzjoni, sabiex jaħtar l-imħallfin. Issa, din il-prerogattiva, li l-għan speċifiku tagħha huwa li tipproteġi l-ġudikatura minn interferenzi kemm tal-awtorità leġiżlattiva kif ukoll mill-eżekuttiv, għandha tiġi eżerċitata personalment mill-President tar-Repubblika fl-osservanza biss tar-regoli u tal-prinċipji kostituzzjonali, u hija ġurisprudenza stabbilita li d-deċiżjonijiet ta’ dan li jirrifjuta li jaħtar kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef jikkostitwixxu atti li ma jaqgħux fil-qasam tal-attività amministrattiva u li ma kontrihom ma hemmx rimedji ġudizzjarji.

104    Madankollu, l-opinjonijiet mogħtija lill-President tar-Repubblika mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 37(1b) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-interess tas-sistema ġudizzjarja jew interess soċjali importanti, b’mod partikolari l-amministrazzjoni razzjonali tal-membri tal-persunal tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ ċerti awli ta’ din il-qorti. Barra minn hekk, għalkemm dawn l-opinjonijiet ma jistgħux ikunu ta’ natura vinkolanti għall-President tar-Repubblika mingħajr ma jkunu ta’ preġudizzju għall-prerogattivi kostituzzjonali ta’ dan ta’ l-aħħar imsemmija fil-punt preċedenti, huwa ċar li fil-prattika dan tal-aħħar jikkunsidra dawn l-opinjonijiet. Huwa ċar ukoll li, anki jekk din il-liġi ma tipprevedix għal terminu għal dan il-għan, il-President tar-Repubblika jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura mill-mument li jkollu t-talba minn imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex jestendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

105    Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li ma taqbilx mat-tħassib tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li tali tħassib huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lil dan l-Istat Membru li ħalla d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew le tal-kontinwazzjoni eventwali tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar għad-diskrezzjoni tal-President tar-Repubblika, mingħajr ma hemm ebda possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju kontra tali deċiżjoni, u li, min-naħa tiegħu, l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma tkunx, fi kwalunkwe każ, vinkolanti fuq il-President tar-Repubblika.

106    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fil-prattika ma humiex ser jitħallew jiġu influwenzati mill-President tar-Repubblika bil-għan uniku li jiġi estiż l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom minflok jirtiraw u jibbenefikaw minn pensjoni għolja, speċjalment peress li s-segretezza tad-deliberazzjonijiet għandha tipprevjeni lil dan tal-aħħar milli jkollu informazzjoni dwar kif ser jivvota kull imħallef. Barra minn hekk, it-terminu li fih il-President tar-Repubblika jintalab jiddeċiedi dwar it-talba għall-kontinwazzjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ifformulati minn imħallef, jiġifieri madwar erba’ xhur, huwa pjuttost qasir.

107    Mudelli simili għall-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar jeżistu wkoll fi Stati Membri oħra u mhux biss fir-Repubblika tal-Polonja u t-tiġdid ta’ Mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jiddependi wkoll fuq l-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-gvern tal-Istat Membru li jappartjeni għalih il-persuna kkonċernata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108    Hekk kif imfakkar fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati jirrikjedu li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod indipendenti, billi tkun protetta minn interferenzi jew pressjonijiet esterni, li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza fil-ġudizzju tal-membri tagħha u li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom, fl-osservanza tal-oġġettività u fl-assenza ta’ kwalunkwe interess fis-soluzzjoni tat-tilwima. Ir-regoli maħsuba sabiex jiggarantixxu din l-indipendenza u din l-imparzjalità għandhom ikunu tali li jippermettu li kwalunkwe dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, jiġi eskluż kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-impermeabbiltà ta’ din il-qorti fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati.

109    F’din il-kawża, għandu jiġi nnotat mill-bidu li r-regola nazzjonali msemmija fit-tieni lment tal-Kummissjoni hija relatata mhux mal-proċess ta’ ħatra ta’ kandidati għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji, iżda għall-possibbiltà, fil-każ ta’ mħallfin fil-kariga li għaldaqstant igawdu mill-garanziji inerenti għall-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, tat-tkomplija fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet lil hinn mill-età normali tal-irtirar, u li din ir-regola għalhekk tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment u t-tmiem tal-karriera tagħhom.

110    Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa l-kompitu tal-Istati Membri biss li jiddeċiedu jekk jippermettux tali estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jagħżlu tali mekkaniżmu, huma obbligati li jiżguraw li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li għalihom hija suġġetta tali estensjoni ma jkunux tali li jimminaw il-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin.

111    F’dan ir-rigward, il-fatt li korp bħall-President tar-Repubblika għandu s-setgħa li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le tali estensjoni eventwali ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex jikkonkludi li kien hemm ksur ta’ dan il-prinċipju. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ikunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati.

112    Għal dak il-għan, huwa importanti, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet jitfasslu b’tali mod li dawn l-imħallfin ikunu ħielsa minn kull tentazzjoni eventwali li jċedu għal interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D. u A., C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 103). Tali modalitajiet għandhom, b’mod partikolari, jippermettu l-esklużjoni mhux biss ta’ kwalunkwe influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll ta’ forom iktar indiretti ta’ influwenza li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 43, u tat‑8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 51).

113    Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali li għalihom il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema tissuġġetta l-estensjoni eventwali tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età normali tal-irtirar ma jissodisfawx tali rekwiżiti.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok, li, skont il-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema, tali estensjoni issa hija suġġetta għal deċiżjoni mill-President tar-Repubblika li hija ta’ natura diskrezzjonali, peress li l-adozzjoni tagħha, bħala tali, ma hijiex suġġetta għal kwalunkwe kriterju oġġettiv u verifikabbli, u li ma għandhiex tkun immotivata. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju.

115    Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-fatt li l-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema tipprevedi li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa meħtieġ li jagħti opinjoni lill-President tar-Repubblika qabel ma dan jadotta d-deċiżjoni tiegħu, huwa minnu li l-intervent ta’ tali qorti, fil-kuntest ta’ proċess ta’ estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef lil hinn mill-età normali tal-irtirar, jista’, bħala prinċipju, ikun kapaċi li jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess ikun oġġettiv.

116    Madankollu, dan huwa l-każ biss sa fejn ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, u b’mod partikolari li din il-qorti hija stess tkun indipendenti mill-awtorità leġiżlattiva u mill-eżekuttiv u mill-awtorità li hija tiġi msejħa minnha sabiex tagħti opinjoni, u li tali opinjoni tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji kemm oġġettivi kif ukoll rilevanti u tkun debitament immotivata, b’tali mod li tkun kapaċi tiċċara b’mod oġġettiv din l-awtorità fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.

117    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif ikkonfermat mir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, meta jissejjaħ sabiex jagħti tali opinjonijiet lill-President tar-Repubblika, għandu, bħala regola ġenerali u fl-assenza ta’ regola li timponi obbligu fuqu li jagħti raġunijiet, sempliċement jagħti opinjonijiet, kemm jekk favorevoli kif ukoll jekk le, kultant mingħajr l-ebda motivazzjoni jew inkella b’motivazzjoni purament formali li tipprovdi riferiment ġenerali sempliċi għat-termini li bihom jiġu fformulati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 37(1b) tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Qorti Suprema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk kriterji bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni humiex trasparenti, oġġettivi u verifikabbli biżżejjed, għandu jiġi kkonstatat li tali opinjonijiet ma jistgħux jikkontribwixxu sabiex jiċċaraw b’mod oġġettiv lill-President tar-Repubblika fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilu sabiex jawtorizza jew jirrifjuta tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara li l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età normali tal-irtirar.

118    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħa diskrezzjonali li jgawdi minnha l-President tar-Repubblika sabiex jawtorizza, f’żewġ okkażjonijiet, kull darba għal perijodu ta’ tliet snin, bejn l-età ta’ 65 sena u l-età ta’ 71 sena, it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tista’ tagħti lok għal dubji leġittimi, b’mod partikolari f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom f’relazzjoni mal-interessi li x’aktarx jiltaqgħu magħhom.

119    Fl-aħħar nett, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq allegat xebh bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati u l-proċeduri applikabbli fi Stati Membri oħra jew fl-okkażjoni tat-tiġdid possibbli tal-mandat ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistax jirnexxi.

120    Fil-fatt, minn naħa, u anki kieku proċedura prevista fi Stat Membru ieħor tinvolvi, fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, difetti simili għal dawk misjuba fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża preżenti, li ma ġiex stabbilit, jibqa’ l-fatt li Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru ieħor sabiex jiġġustifika l-ksur tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1996, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑101/94, EU:C:1996:221, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju tal-imħallfin nazzjonali li jinħatru sakemm jilħqu l-età tal-irtirar statutorja, il-ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja sseħħ, hekk kif previst fl-Artikolu 253 TFUE, għal perijodu speċifiku ta’ sitt snin. Barra minn hekk, ħatra ġdida għal tali pożizzjoni ta’ Mħallef li ser ikun qed jirtira teħtieġ, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, u bħall-ħatra inizjali tiegħu, il-ftehim komuni tal-gvernijiet tal-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-kumitat previst fl-Artikolu 255 TFUE.

122    Għalhekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati ma jistgħux jibdlu l-portata tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

123    Konsegwentement, it-tieni lment tal-Kummissjoni, li jallega ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jintlaqgħu.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għall-imħallfin fil-kariga li kienu nħatru f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi tat lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali sabiex jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita l-ġdida, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

126    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Minn naħa, billi tipprevedi l-applikazzjoni tal-miżura intiża sabiex titnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) għall-imħallfin fil-kariga li kienu nħatru f’din il-qorti qabel it3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi taw lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali sabiex jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.