Language of document : ECLI:EU:C:2019:546

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għad-djun mhux ikkontestati – Ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Standards minimi applikabbli għall-proċeduri relatati mad-djun mhux ikkontestati – Konvenut mingħajr indirizz magħruf li ma jidhirx fis-seduta”

Fil-Kawża C‑518/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwisu 2018, fil-proċedura

RD

vs

SC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Wagner u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Šimerdová, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn RD u SC, persuna fiżika li l-indirizz tagħha ma huwiex magħruf, fir-rigward ta’ dejn lokattiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 5, 6, 10, 12, 13 u 16 tar-Regolament Nru 805/2004:

“(5)      Il-kunċett ta’ ‘talbiet [djun] mhux kontestati’ għandu ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom kreditur, minħabba n-nuqqas verifikat ta’ xi disputa mid-debitur dwar in-natura jew il-limitu tat-talba ta’ flus, ikun kiseb jew deċiżjoni tal-qorti kontra d-debitur jew dokument ta’ infurzar li jeħtieġ il-kunsens espress tad-ebitur, sew jekk ikun settlement tal-qorti jew strument awtentiku.

(6)      In-nuqqas ta’ oġġezzjonijiet mid-debitur kif stipulati fl-Artikolu 3(1)(b) jistagħu jieħu l-forma ta’ nuqqas li jidher fi smigħ tal-qorti jew nuqqas li jikkonforma ma’ talba tal-qorti li jagħti avviż bil-miktub tal-ħsieb tiegħu li jiddefendi l-każ.

[…]

(10)      Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

(12)      Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi għall-proċeduri li jwasslu għas-sentenza sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun informat dwar l-azzjoni fil-qorti kontrih, il-ħtiġiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċeduri li jikkontesta t-talba u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi żmien bizzejjed u b’dak il-mod li huwa ikun jista’ jirranġa għad-difiża tiegħu.

(13)      Minħabba d-differenzi bejn l-Istati membri fir-rigward tar-regoli tal-proċedura ċivili u speċjalment dawk li jiregolaw in-notifika tad-dokumenti, huwa meħtieġ li tiġi preskritta definizzjoni speċifika u dettaljata dwar dawk l-istandards minimi. B’mod partikolari, kull metodu ta’ notifika li huwa bbażat fuq assunzjonijiet legali fir-rigward tat-twettieq ta’ dawk l-istandards minimi ma għandhomx jitqiesu bħala suffiċjenti għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala Ordni Ewropew ta' Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew].

[…]

(16)      L-Artikolu 15 għandu japplika għal sitwazzjonijiet fejn id-debitur ma ikunx jista’ jirrappreżenta lilu nnifsu fil-qorti, bħal fil-każ ta’ persuna ġuridika, u fejn persuna li tirrappreżentah tkun stabbilita bil-liġi kif ukoll f’sitwazzjonijiet fejn id-ebitur ikun awtorizza persuna oħra, b’mod partikolari avukat, biex tirrappreżentah fil-proċeduri speċifiċi tal-qorti in kwistjoni.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Suġġett”, jistabbilixxi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet [djun] mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.”

5        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ta’ infurzar li għandhom jiġu ċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal sentenzi, settlement tal-qorti, u strumenti awtentiċi dwar talbiet [djun] mhux kontestati.

Talba titqies bħala mhux kontestata jekk:

(a)      id-debitur ikun espressament qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement li ikun ġie approvat minn qorti jew konkluż quddiem qorti fil-kors ta’ proċeduri; jew

(b)      id-debitur ma jkun oġġezzjoni qatt għalih, b’konformità mal-ħtiġiet relevanti proċedurali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, fil-kors tal-proċeduri tal-qorti; jew

(ċ)      id-debitur ma jkunx deher jew ġie rappreżentat fis-smigħ tal-qorti fir-rigward ta’ dik it-talba wara li kien inizjalment oġġezzjoni għat-talba fil-kors tal-proċeduri tal-qorti, kemm-il darba dak il-koportament ikun jammonta għal ammissjoni siekta tat-talba jew tal-fatti allegati mill-kreditur taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini; jew

(d)      id-debitur ikun espressament qabel li jkun strument awtentiku.”

6        L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ħtiġiet għal ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza dwar talba [dejn] mhux kontestata [debitu mhux ikkontestat] mwassla fi Stat Membru għandha, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk:

(a)      is-sentenza tkun tista’ tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini; u

(b)      is-sentenza ma tkunx f’konflitt mar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kif preskritti fit-taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42]; u

(ċ)      il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu ħarsu l-ħtiġiet kif stipulati fil-Kapitolu III fejn talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) […]”

7        Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 805/2004, li fih jinkludi l-Artikoli 12 sa 19 ta’ dan tal-aħħar, jistabbilixxi standards minimi applikabbli għall-proċeduri relatati mad-djun mhux ikkontestati. Dawn l-istandards, li għandhom l-għan li jitħarsu d-drittijiet tad-difiża favur id-debitur, ma jikkonċernawx biss il-metodi ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni tal-att promotur u atti oħra, iżda wkoll il-kontenut informattiv ta’ tali att, peress li d-debitur għandu jiġi informat dwar id-dejn kif ukoll dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jikkontestah.

8        L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-istandards minimi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sentenza fuq talba li ma tkunx kontestata skod it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] jekk il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali stipulati f’dan il-Kapitolu.”

9        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika mingħajr prova ta’ riċeviment mid-debitur”, jiddisponi:

“1.      In-notifikata’ dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew xi ċitazzjoni tal-qorti lid-debitur tista’ wkoll tiġi effettwata permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

[…]

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhix ammissibbli jekk l-indirizz tad-debitur ma jkunx magħruf b’ċertezza.

[…]”

10      L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Notifika lir-rappreżentanti tad-debitur”, jiddisponi:

“Notifika skond l-Artikoli 13 jew 14 tista’ wkoll tiġi effettwata lir-rappreżentant ta’ debitur.”

11      Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 805/2004, intitolat “Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 44/2001”:

“Dan ir-Regolament ma għandux jeffettwa l-possibbiltà li jitfittex rikonoxximent u infurzar, skond ir-Regolament (KE) Nru 44/2001, ta’ sentenza, settlement ta’ qorti jew strument awtentiku dwar talba mhux kontestata.”

 Id-dritt Ċek

12      L-Artikolu 29(3) taz-Zákon č. 99/1963 Sb., Občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) jipprevedi:

“Jekk ma jiħux miżuri oħra, il-president ta’ awla jista’ jaħtar kuratur għal parti fil-kawża li d-domiċilju tagħha ma jkunx magħruf u li ma setgħetx tkun innotifikata f’indirizz magħruf f’pajjiż ieħor, li tbati minn marda mentali jew li għal xi raġuni oħra medika, ma tistax tidher fil-proċeduri, mhux biss jekk temporanjament, jew li ma tistax tesprimi ruħha b’mod ċar.”

13      Skont l-Artikolu 353(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fuq talba ta’ persuna li għandha d-dritt permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti, ta’ soluzzjoni fil-qorti jew strument awtentiku li jissodisfa r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew jew titolu eżekuttiv Ewropew parzjali, il-qorti għandha tiċċertifika din id-deċiżjoni, din is-soluzzjoni jew dan l-istrument awtentiku bħala titolu eżekuttiv Ewropew b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 805/2004. Fejn dawn l-aħħar kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, il-qorti ma toħroġx iċ-ċertifikat mitlub u tinforma bil-miktub lill-applikant bir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem l-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), RD talab il-ħlas, mingħand SC, ta’ somma ta’ 6 600 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 250), flimkien ma’ penali għal dewmien, minħabba li, bis-saħħa tat-termini ta’ kuntratt ta’ kiri konkluż fit‑23 ta’ Lulju 2008 u li sar effettiv fl‑1 ta’ Awwissu 2008, SC kellha l-pussess ta’ appartament f’České Budějovice u kienet impenjat ruħha kuntrattwalment li tħallas kera ta’ CZK 5 600 kif ukoll ħlasijiet provviżorji ta’ CZK 1 000, jiġifieri somma ta’ CZK 6 600 kull xahar. Fit‑28 ta’ Settembru 2008, SC abbozzat dokument fejn irrikonoxxiet id-dejn u impenjat ruħha li tħallas dan id-dejn qabel it‑30 ta’ Settembru 2008, ħaġa li ma għamlitx.

15      Peress li l-qorti tar-rinviju, minkejja t-tiftix li wettqet, ma rnexxilhiex tikseb l-indirizz ta’ SC, inħatar kuratur sabiex jirrappreżenta lil din tal-aħħar.

16      SC ma dehritx matul il-proċedura u lanqas il-kuratur tagħha ma deher fis-seduta li għaliha kien ikkonvokat. Peress li RD ipproduċa provi matul is-seduta, ir-rikors tiegħu ntlaqa’. Peress li l-indirizz ta’ SC ma kienx magħruf, id-deċiżjoni li tingħalaq il-kawża ġiet innotifikata biss lil dan il-kuratur.

17      Fl‑14 ta’ Ottubru 2016, RD talab lill-qorti tar-rinviju li tibgħatlu din id-deċiżjoni flimkien ma’ riferiment għall-fatt li din id-deċiżjoni għandha awtorità ta’ res judicata u saħħa eżekuttiva, u talabha sabiex tiċċertifika din l-istess deċiżjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew, konformement mal-Artikolu 353(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u r-Regolament Nru 805/2004.

18      Permezz ta’ komunikazzjoni tat‑3 ta’ Novembru 2016, il-qorti tar-rinviju informat lil RD li l-kundizzjonijiet għall-għoti taċ-ċertifikat mitlub ma ġewx issodisfatti, fejn enfasizzat li dejn kien ikkunsidrat bħala mhux ikkontestat jekk id-debitur kien irrikonoxxa dan b’mod espliċitu jew ma oġġezzjonax, konformement mar-regoli proċedurali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, matul il-proċedura quddiem il-qorti jew jekk id-debitur ma kienx deher f’seduta tal-qorti relatata ma’ dan id-dejn, sakemm in-nuqqas li jidher kien ekwivalenti għar-rikonoxximent taċitu tad-dejn jew tal-fatti invokati mill-kreditur skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

19      Sussegwentement, RD adixxa lill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), fejn essenzjalment sostna li l-qorti tar-rinviju ma rreferietx il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex din tiddeċiedi jekk sentenza mogħtija minn qorti wara l-produzzjoni ta’ prova, fl-assenza ta’ kwalunkwe oġġezzjoni jew osservazzjoni mill-konvenut fir-rigward tal-fatti, tistax titqies li ma hijiex ikkontestata. F’dan ir-rigward, RD jirreferi għall-punt 41 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448), li jgħid li, fid-dawl tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 805/2004, dejn jista’ jitqies bħala “mhux ikkontestat” fis-sens tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004 jekk id-debitur ma jaġixxi bl-ebda mod sabiex jopponi dan id-dejn, billi jonqos milli jagħti segwitu għat-talba magħmula mill-qorti sabiex jinnotifikaha bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta d-difiża tiegħu jew li jidher fis-seduta.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2017, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkunsidrat li l-proċedura li wasslet sabiex id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiċċertifikax it-titolu eżekuttiv Ewropew tikser il-Kostituzzjoni, ladarba ma saret l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

21      Peress li issa għandha dubji dwar jekk id-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jitqies bħala mhux ikkontestat u sakemm id-deċiżjoni li hija għandha tieħu ma tistax tiġi appellata skont id-dritt intern, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ České Budějovice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)] tar-Regolament [Nru 805/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li talba li fir-rigward tagħha ngħatat deċiżjoni wara l-produzzjoni ta’ provi tista’ titqies li ma hijiex ikkontestata f’sitwazzjoni fejn la l-konvenut, li jkun irrikonoxxa d-dejn qabel infetħu l-proċeduri, u la t-tutur ma jkunu pparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-qorti u fejn it-tnejn li huma ma jkunux qajmu oġġezzjonijiet matul dawn il-proċeduri?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fejn huwa impossibbli għal qorti li tikseb l-indirizz tal-konvenuta, huwa ma jippermettix li tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma’ dejn mogħtija wara seduta li fiha la l-konvenuta u lanqas il-kuratur maħtur għall-finijiet tal-proċedura ma jkunu dehru.

24      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 805/2004, il-possibbiltà ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, tali deċiżjoni għandha tkun relatata ma’ dejn “mhux ikkontestat” fis-sens tal-punt (b) jew (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk dan jinkludi l-assenza ta’ kwalunkwe oġġezzjoni għal dejn matul il-proċedura quddiem il-qorti u r-rikonoxximent taċitu li jirriżulta mill-fatt li d-debitur ma jidhirx jew li ma jkunx irrappreżentat f’seduta relatata ma’ dak id-dejn. Min-naħa l-oħra, il-proċedura quddiem il-qorti, li fil-kuntest tagħha ġiet mogħtija d-deċiżjoni inkwistjoni, trid tkun issodisfat l-istandards minimi applikabbli għall-proċeduri msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

25      L-għan ta’ dawn l-istandards minimi huwa li jiġi żgurat, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li d-debitur ikun informat, fi żmien xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jorganizza d-difiża tiegħu, minn naħa, tal-kawża mressqa kontrih kif ukoll tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura sabiex jikkontesta d-dejn ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi jekk ma jipparteċipax f’din. Fil-każ speċifiku ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, fis-sens tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004, dawn l-istandards minimi proċedurali huma maħsuba sabiex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed garanziji sabiex id-drittijiet tad-difiża jiġu rrispettati (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 44).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, wara li ġie kkunsidrat l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 805/2004 kif ukoll l-għanijiet u n-natura sistematika ta’ dan tal-aħħar, sentenza mogħtija fil-kontumaċja fejn huwa impossibbli li jiġi ddeterminat id-domiċilju tal-konvenut ma tistax tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 64).

27      Din il-konklużjoni għadha valida minkejja l-ħatra mill-qorti tar-rinviju ta’ kuratur għall-finijiet tal-proċedura, peress li l-qorti tar-rinviju ma kienx irnexxielha tikseb l-indirizz ta’ SC.

28      Minkejja li huwa ċertament minnu li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi li, minbarra s-sitwazzjonijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan, notifika jew komunikazzjoni tista’ ssir lil rappreżentant tad-debitur, għandu jiġi rrilevat li kuratur, bħal dak maħtur skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għal “rappreżentant tad-debitur” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15. Fil-fatt, meta dan jinqara fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni tapplika biss għal sitwazzjonijiet li fihom, jew, għal raġunijiet ta’ natura legali, id-debitur ikun oġġettivament ostakolat milli jirrappreżenta ruħu fil-kawża, jew ikun huwa stess ħatar b’mod volontarju rappreżentant għal dan il-għan. Madankollu, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi bħal dawn ma hijiex stabbilita fil-kawża prinċipali.

29      Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta r-rikors għal strument komplementari u fakultattiv ta’ infurzar li huwa kkostitwit mit-titolu eżekuttiv Ewropew għall-kundizzjoni li l-indirizz tad-debitur ikun magħruf b’ċertezza, kundizzjoni li ma ġietx issodisfatta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx bżonn li jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk, wara li ġew ikkunsidrati, b’mod partikolari, il-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 805/2004, id-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jitqies bħala mhux ikkontestat, peress li la SC u lanqas il-kuratur tagħha maħtur mill-qorti tar-rinviju ma pparteċipaw fil-proċedura, ma dehru matul is-seduta u ma kkontestaw in-natura u l-ammont ta’ dan id-dejn.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li r-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn huwa impossibbli għal qorti li tikseb l-indirizz tal-konvenuta, huwa ma jippermettix li tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma’ dejn mogħtija wara seduta li fiha la l-konvenuta u lanqas il-kuratur maħtur għall-finijiet tal-proċedura ma jkunu dehru.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn huwa impossibbli għal qorti li tikseb l-indirizz tal-konvenuta, huwa ma jippermettix li tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma’ dejn mogħtija wara seduta li fiha la l-konvenuta u lanqas il-kuratur maħtur għall-finijiet tal-proċedura ma jkunu dehru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.