Language of document : ECLI:EU:C:2019:553

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2019(1)

Kawża C240/18 P

Constantin Film Produktion GmbH

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rifjut ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal verbali ‘Fack Ju Göhte’ – Raġuni assoluta għal rifjut – Prinċipji aċċettati ta’ moralità”






I.      Introduzzjoni

1.        Ma tantx jista’ jiġi ssuġġerit li x-xogħlijiet ta’ Johann Wolfgang von Goethe ntlaqgħu, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tagħhom, b’akklamazzjoni universali. Ċertament mill-ewwel sabu ammiraturi bi ħġarhom. Iżda sabu wkoll kritika u rifjut kbir. B’mod partikolari, Die Leiden des jungen Werthers (Id-Diqa taż-Żagħżugħ Werther) ġie pprojbit f’numru ta’ territorji Ġermaniżi u bnadi oħra. Kien intqal, pereżempju, fl-ittra tal-Kanċellerija Daniża lir-Re Daniż, fejn intalab li l-ktieb jiġi pprojbit fid-Danimarka, li l-ktieb tqies bħala xogħol li “jirredikola r-reliġjon, isebbaħ il-vizzji, u jista’ jikkorrompi l-moralità pubblika” (2).

2.        Ma huwiex mingħajr doża ta’ ironija storika li iktar minn mitejn sena wara, għad hemm theddida għall-moralità pubblika assoċjata ma’ (verżjoni tal-kunjom) Goethe. Madankollu, ix-xena, il-kuntest u r-rwoli nbidlu kunsiderevolment.

3.        Constantin Film Produktion GmbH (iktar ’il quddiem, l-“appellanti”) xtaqet tirreġistra s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte”, li huwa l-isem ta’ kummiedja Ġermaniża ta’ suċċess prodotta mill-appellanti, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). L-applikazzjoni ġiet irrifjutata. Ir-rifjut kien ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-[Unjoni Ewropea] (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 207/2009”) (3). Is-sinjal verbali li għalih saret l-applikazzjoni ġie kkunsidrat mill-EUIPO bħala kuntrarju għall-“prinċipji aċċettati tal-moralità”.

4.        L-appell preżenti jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara, sa fejn naf jien għall-ewwel darba, liema test legali għandu jiġi applikat meta jiġi kkunsidrat jekk tiġix miċħuda applikazzjoni għal trade mark abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009: meta tista’ applikazzjoni għal trade mark titqies li hija “kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità”? Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba wkoll tispeċifika, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-portata tal-obbligu fuq l-EUIPO li jiddikjara r-raġunijiet meta jixtieq jadotta deċiżjoni li tista’ titqies li titbiegħed mid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu dwar kwistjonijiet simili.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 jgħid dan li ġej:

“Raġunijiet assoluti għal rifjut

1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(f)      trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità,

[…]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità.

[…]”

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.        Il-fatti, kif esposti fis-sentenza appellata (4), jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7.        Fil-21 ta’ April 2015, l-appellanti applikat biex tirreġistra s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-EUIPO. L-applikazzjoni saret għall-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 21, 25, 28, 30, 32, 33, 38 u 41 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

8.        Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-applikazzjoni tal-appellanti ġiet miċħuda abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament.

9.        Fl-1 ta’ Diċembru 2016, l-appell tal-appellanti minn dik id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO (Każ R 2205/2015-5, Fack Ju Göhte) (iktar ’il quddiem, “id-deċiżjoni kkontestata”). Il-Ħames Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi li jitkellmu bil-Ġermaniż fl-Unjoni Ewropea (fil-Ġermanja u fl-Awstrija). Dan innota wkoll li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu indirizzati lill-konsumatur ġenerali, iżda li wħud minnhom kienu diretti lejn tfal u adolexxenti. Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pronunzja tal-element verbali “Fack ju” kienet identika għal dik tal-espressjoni Ingliża “Fuck you” u li, konsegwentement, it-tifsira tagħha kienet identika. Il-Bord tal-Appell iddikjara wkoll li, anki jekk il-pubbliku rilevanti ma kienx jattribwixxi konnotazzjonijiet sesswali lill-espressjoni “Fuck you”, madankollu din tikkostitwixxi insult offensiv, xokkanti u vulgari. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell irrefera għal diversi eżempji tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu adottati fir-rigward ta’ sinjali verbali li fihom it-terminu “Fuck” jew “Ficken”, u għal deċiżjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali kif ukoll minn qrati Ġermaniżi u mill-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade Marks.

10.      Fir-rigward taż-żieda tal-element “Göhte”, fil-fehma tal-Bord tal-Appell, il-fatt li kittieb irrispettat bħal Johann Wolfgang von Goethe ġie insultat wara l-mewt b’tali mod degradanti u vulgari, u, barra minn hekk, b’ortografija skorretta, ma għamel xejn biex inaqqas in-natura tal-insult. Pjuttost, jista’ jikkostitwixxi livell addizzjonali ta’ ksur tal-prinċipji aċċettati ta’ moralità.

11.      Il-Bord tal-Appell qal ukoll li filwaqt li t-titolu ta’ film ta’ suċċess kien identiku għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma kienx possibbli li minn dak il-fatt jiġi dedott li l-pubbliku rilevanti ma jkunx ixxukkjat bit-trade mark inkwistjoni. Il-fatt li l-kliem “Fack ju” intużaw għat-titolu tal-film ma jgħid xejn dwar l-aċċettazzjoni soċjali tal-kliem inkwistjoni. Il-Bord tal-Appell iddeċieda li, għalkemm applikazzjoni għal trade mark għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-perċezzjoni tal-konsumaturi fiż-żmien tal-applikazzjoni, ma huwiex possibbli li jingħeleb l-ostakolu li jirriżulta mir-raġuni għal rifjut inkwistjoni bi prova tal-karattru distintiv bħala konsegwenza tal-użu skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Is-suċċess ta’ film ma jistax għalhekk jiġi invokat biex jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ trade mark intrinsikament xokkanti.

B.      Is-sentenza appellata u l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

12.      Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2017, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

13.      Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat żewġ motivi, fejn tallega ksur tal-Artikolu 7(1)(f) u 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

14.      Fir-rigward tal-motiv relatat mal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, l-appellanti sostniet li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Bord tal-Appell kienet żbaljata peress li s-sinjal inkwistjoni la kien vulgari u lanqas xokkanti jew offensiv.

15.      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali approvat l-osservazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur ġenerali (fil-Ġermanja jew fl-Awstrija), u li l-perċezzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik tal-konsumatur medju li huwa raġonevolment informat sew u raġonevolment osservanti (5).

16.      It-tieni nett, fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-konsumatur medju ser josserva x-xebh bejn is-sinjal inkwistjoni u l-espressjoni Ingliża użata ta’ spiss “Fuck you”, li magħha jiżdied l-element “Göhte”, fejn dan tal-aħħar jixbah l-isem tal-kittieb Johann Wolfgang von Goethe. It-terminu “fuck” jista’ ġeneralment jintuża bħala nom, aġġettiv, avverbju u interġezzjoni. It-tifsira tiegħu tevolvi maż-żmien, u tiddependi fuq il-kuntest li fih jintuża. L-ewwel tifsira tiegħu għandha konnotazzjoni sesswali kkaratterizzata minn vulgarità, iżda jista’ jintuża wkoll biex jesprimi r-rabja, ir-reżistenza jew id-disprezz. Iżda xorta waħda, dik l-espressjoni tibqa’ intrinsikament vulgari, u l-fatt li huwa miżjud l-element “Göhte” ma jtaffix dik il-vulgarità (6).

17.      Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-film “Fack ju Göhte” rawh miljuni ta’ nies ma jfissirx li l-pubbliku rilevanti ma huwiex se jkun ixxukkjat bis-sinjal inkwistjoni (7).

18.      Għal dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali qablet mal-motivazzjoni adottata mill-Bord tal-Appell. Hija ċaħdet ukoll argumenti oħra mressqa mill-appellanti.

19.      L-ewwel nett, l-appellanti sostniet ukoll li kellha ssir evalwazzjoni separata fir-rigward tal-ordni pubbliku, minn naħa, u l-prinċipji aċċettati ta’ moralità, min-naħa l-oħra. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, tali distinzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u, f’kull każ, il-Bord tal-Appell fil-fatt ċaħad is-sinjal inkwistjoni bħala li jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità (8).

20.      It-tieni nett, l-appellanti sostniet li l-ortografija speċifika “fack” u “ju” tikkostitwixxi differenza biżżejjed meta mqabbla mal-espressjoni “Fuck you”. Fil-fehma tal-appellanti, is-sinjal inkwistjoni “jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, sinjal verbali kompost inerentement distintiv li huwa oriġinali u memorabbli u fih kontenut satiriku, ironiku u jilgħab bil-kliem li huwa faċilment perċettibbli mill-pubbliku rilevanti” (9). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali osservat li l-pubbliku rilevanti jifhem is-sinjal inkwistjoni bħala t-traskrizzjoni fonetika Ġermaniża tal-espressjoni “Fuck you” u ser ikun affaċċjat bil-vulgarità ta’ dik l-espressjoni. L-ortografija speċifika ma tagħtix tifsira satirika lis-sinjal inkwistjoni (10).

21.      It-tielet nett, flimkien mal-film Fack ju Göhte, is-sinjal jenfasizza, skont l-appellanti, “bħala ċajta, il-frustrazzjoni okkażjonali tal-istudenti mal-iskola u juża, għal dan il-għan, ġabra ta’ kliem meħud minn slang adolexxenti” (11). Il-Qorti Ġenerali osservat, madankollu, li hija t-trade mark fiha nnifisha, jiġifieri s-sinjal fir-rigward tal-prodotti jew servizzi kif jidhru fir-reġistrazzjoni tat-trade mark, li għandha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati ta’ moralità. Hija żiedet tgħid li “fil-qasam tal-arti, il-kultura u l-letteratura, hemm tħassib permanenti dwar il-preservazzjoni tal-libertà tal-espressjoni li ma teżistix fil-qasam tat-trade marks” (12). Barra minn hekk, ma kienx ġie stabbilit li l-pubbliku rilevanti kien jagħraf iċ-ċajta fis-sinjal.

22.      Ir-raba’ nett, l-appellanti sostniet li konnotazzjoni sesswali kienet ġiet attribwita ħażin lis-sinjal inkwistjoni. Dan l-argument ġie kkunsidrat bħala ineffettiv mill-Qorti Ġenerali sa fejn il-Ħames Bord tal-Appell kien ikkonkluda li, anki mingħajr dik il-konnotazzjoni sesswali, il-pubbliku rilevanti jara s-sinjal bħala offensiv, xokkanti u vulgari (13).

23.      Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li s-sinjal huwa indirizzat lil adolexxenti (u speċifikament lil studenti) u li jevoka d-divertiment, il-Qorti Ġenerali indikat li l-perċezzjoni li għandha tiġi eżaminata ma hijiex il-perċezzjoni tal-parti tal-pubbliku rilevanti li ma jsib xejn xokkanti jew il-perċezzjoni tal-parti ta’ dak il-pubbliku li toffendi ruħha malajr, iżda dik ta’ persuna raġonevoli b’sensittività u limiti ta’ tolleranza medji (14).

24.      Is-sitt nett, l-appellanti argumentat li fid-deċiżjoni fil-kawża Die Wanderhure (15), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO rrikonoxxa li s-suċċess u r-reputazzjoni ta’ film bl-istess isem jistgħu jeskludu l-klassifikazzjoni ta’ sinjal bħala kuntrarju għall-prinċipji aċċettati ta’ moralità. Il-Qorti Ġenerali, madankollu, irrispondiet li ż-żewġ sitwazzjonijiet ma kinux simili peress li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni fil-kawża Die Wanderhure kien jiddeskrivi l-kontenut ta’ film bl-istess titolu, li ma huwiex il-każ għas-sinjal li għalih saret applikazzjoni f’din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li s-sinjal inkwistjoni fil-kawża Die Wanderhure kien inqas xokkanti (16).

25.      Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li ma kien hemm xejn li jindika li, fl-ewwel lok, is-sinjal ma setax jinftiehem bħala indikazzjoni intrinsika tal-oriġini tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u, fit-tieni lok, li seta’ jitqies li jmur kontra l-prinċipji aċċettati ta’ moralità fi Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja u l-Awstrija (17).

26.      Wara li ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mill-appellanti insostenn tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, bħala ineffettiv.

27.      Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti tistrieħ fuq tliet aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tallega żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni u t-tielet aggravju jirrigwardaw ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba.

28.      L-EUIPO ppreżenta risposta fejn ikkontesta dawn it-tliet aggravji.

29.      L-appellanti u l-EUIPO ressqu l-argument orali waqt is-seduta tat-13 ta’ Frar 2019.

IV.    Kunsiderazzjoni

30.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ser jingħad. Nibda bil-mistoqsija li hija ċentrali għall-ewwel aggravju: x’inhu t-test li għandu jiġi applikat fl-evalwazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut taħt l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (A)? Ser nindirizza l-ewwel il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u r-rwol tagħha fid-dritt tat-trade marks (A.1). Sussegwentement neżamina d-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kunċetti ta’ ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati ta’ moralità skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u, b’mod partikolari, il-konsegwenzi, f’termini ta’ evidenza u standards ta’ motivazzjoni, tal-għażla li wieħed joqgħod fuq wieħed jew l-ieħor fir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark (A.2).

31.      Meta jiġi applikat dan il-qafas analitiku għall-kawża ineżami, neċessarjament nikkonkludi li l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ u li, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata (A.3). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-istess opinjoni, il-kawża tista’ tieqaf hemm. Madankollu, għall-fini tal-kompletezza, u sabiex nassisti kompletament lill-Qorti tal-Ġustizzja, ser nindirizza wkoll it-tieni u t-tielet aggravju, li ser neżamina flimkien, peress li essenzjalment iqajmu l-istess kwistjoni: il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-EUIPO f’każijiet fejn japplika l-istess liġi għal ċirkustanzi fattwalment simili, filwaqt li apparentement jitbiegħed mill-approċċ adottat minnu qabel f’każijiet simili (B).

A.      L-ewwel aggravju tal-appell: żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009

32.      L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. Filwaqt li kif ġew ippreżentati ma huwiex xempju ta’ ċarezza, jistgħu jinftiehmu kif ser jingħad.

33.      Fl-ewwel lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ eżami individwali minħabba li ma eżaminatx is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, “Fack Ju Göhte”, iżda sinjal differenti, jiġifieri “Fuck you, Goethe”.

34.      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li anki l-espressjonijiet “Fuck” u “Fuck you” tilfu t-tifsira vulgari tagħhom minħabba l-evoluzzjoni tal-lingwa fis-soċjetà. Ma hemm l-ebda rifjut ġenerali biex jiġu rreġistrati dikjarazzjonijiet ibbażati fuq dawk it-termini, kif jidher mir-reġistrazzjoni ta’ trade marks bħal “Fucking Hell” u “MACAFUCKER” (18).

35.      Fit-tieni lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali applikat ir-raġuni assoluta għal rifjut fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod wiesa’ wisq meta kkunsidrat li s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” huwa intrinsikament vulgari u li l-element “göhte” ma jistax itaffi din il-vulgarità. L-applikazzjoni ta’ dik ir-raġuni għal rifjut, dwar prinċipji aċċettati ta’ moralità, għandha tkun stretta. Dik ir-raġuni tirreferi għal valuri suġġettivi li għandhom jiġu applikati bl-iktar mod oġġettiv possibbli. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali identifikat din il-kwistjoni, hija ma qisithiex bi grad suffiċjenti ta’ kunsiderazzjoni. Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni kellu jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu, bl-impatt viżiv li tipproduċi t-traskrizzjoni fonetika Ġermaniża tal-espressjoni “Fuck you”. Is-sinjal li jirriżulta ma jagħmilx ħsara, hu ferrieħi u mhux serju. Flimkien mal-element “göhte”, is-sinjal jirreferi sempliċement għal klassijiet tal-iskola sekondarja li ma humiex popolari.

36.      Fit-tielet lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li ma ġiex stabbilit li l-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż ma jkunx ixxukkjat mis-sinjal li għalih saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-appellanti tallega applikazzjoni ħażina tal-oneru tal-prova mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din tiddikjara li l-perċezzjoni tas-sinjal mill-pubbliku hija ta’ importanza ċentrali u l-evalwazzjoni ta’ din il-perċezzjoni ma tista’ tinfired minn ebda bażi empirika. L-appellanti għal darb’oħra tenfasizza l-importanza tal-evoluzzjoni lingwistika u s-suċċess tal-film li għandu l-istess isem, kif ukoll il-fatt li l-Goethe-Institut juża l-film inkwistjoni għal skopijiet pedagoġiċi.

37.      Fir-raba’ lok, l-appellanti tallega żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interess tal-appellanti li tirreġistra s-sinjal inkwistjoni mal-interess tal-pubbliku li ma jkunx affaċċjat bi trade marks li jdejqu, vulgari, insolenti jew ta’ theddid.

38.      L-EUIPO jiċħad dawn l-argumenti kollha. Huwa jikkunsidra li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sinjal korrett u, it-tieni nett, l-aggravju bbażat fuq it-tifsira żbaljata tas-sinjal inkwistjoni huwa kwistjoni ta’ fatt li ma jistax jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ appell. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettement l-evoluzzjoni tal-lingwa. Ir-raba’ nett, l-EUIPO jiċħad bl-istess mod l-argument li jgħid li l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni kienet purament suġġettiva. Il-possibbiltà li s-sinjal inkwistjoni ma huwiex vulgari (u li jista’ jinftiehem bħala ċajta) ġiet eżaminata espressament.

39.      Fil-ħames lok, l-aggravju li l-kunċett ta’ prinċipji aċċettati ta’ moralità ġie interpretat ħażin fis-sens li jmur lil hinn minn trade marks manifestament oxxeni jew serjament xokkanti huwa ineffettiv peress li ġie stabbilit li s-sinjal inkwistjoni huwa pperċepit bħala intrinsikament vulgari u xokkanti u għaldaqstant jikkostitwixxi “trade mark manifestament oxxena”.

40.      Fis-sitt lok, l-aggravju bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-oneru tal-prova huwa, skont l-EUIPO, infondat. Meta jiġi ppreżentat b’fatti ġeneralment magħrufa jew b’evalwazzjoni li tindika l-inadegwatezza ta’ sinjal għar-reġistrazzjoni, ikun f’idejn l-applikant li jirribattihom. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat il-fatt ġeneralment magħruf li l-konsumaturi ma jipperċepixxux it-titolu ta’ film u trade mark bl-istess mod, minħabba d-differenza fin-natura u fil-funzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat li ma kienx ġie stabbilit li l-pubbliku rilevanti jidentifika ċ-ċajta li allegatament tinsab fis-sinjal inkwistjoni u kkunsidrat, barra minn hekk, li l-perċezzjoni li għandha titqies kienet dik tal-konsumaturi li ma rawx il-films u ma humiex familjari mal-“lingwaġġ taż-żgħażagħ”.

41.      Finalment, l-aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-interessi huwa infondat peress li dan l-eżerċizzju kien diġà sar mil-leġiżlatur u ġie tradott fit-test tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-trade mark inkwistjoni b’mod astratt iżda speċifikament u b’mod komprensiv, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u l-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni.

42.      L-argumenti mressqa mill-appellanti jvarjaw fin-natura tagħhom. Uħud minn dawk l-argumenti jistgħu fil-fatt jiġu miċħuda billi jirrigwardaw kwistjonijiet fattwali li huma, bħala prinċipju, esklużi mill-istħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twettaq fl-appell. Madankollu, ma jistax jiġi injorat li, filwaqt li tibqa’ fil-konfini fattwali tal-kawża ineżami, l-appellanti tikkontesta t-test legali li għandu jiġi applikat għall-finijiet tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. L-identifikazzjoni (s)korretta tal-qafas li fih għandhom jiġu evalwati ċerti fatti jkollha impatt dirett u determinanti fuq l-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti. Madankollu, il-kwistjoni tal-qafas legali li fih għandhom jiġu evalwati ċerti fatti naturalment ma hijiex waħda fattwali.

43.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni kruċjali mqajma mill-ewwel aggravju ta’ dan l-appell hija liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat jekk għandhiex tiġi miċħuda applikazzjoni għal trade mark taħt l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, sa liema punt huma importanti l-kuntest u l-impatt soċjali għal tali evalwazzjoni? L-evalwazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq is-“sinjal fih innifsu” (b’riferiment għall-kwalitajiet intrinsiċi tiegħu) jew għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll elementi tal-kuntest soċjali tiegħu u reazzjoni pprovata fost pubbliku rilevanti? Mistoqsija addizzjonali mqajma mill-ewwel aggravju tikkonċerna, speċifikament, ir-rwol li l-libertà tal-espressjoni għandha fil-qasam tat-trade marks.

44.      Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-aħħar punt, li forsi huwa l-iktar wieħed sempliċi (1), qabel ma ngħaddi għad-distinzjoni li għandha ssir bejn il-kunċetti ta’ ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati ta’ moralità taħt l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (2) u wara napplika dawk il-parametri ta’ kejl għall-kawża ineżami (3).

1.      Protezzjoni ta’ trade mark u l-libertà tal-espressjoni

45.      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tallega li l-ibbilanċjar tal-interessi mwettaq mill-Qorti Ġenerali kien żbaljat. Kif ġie speċifikat iktar matul is-seduta, din il-kritika hija bħala prinċipju diretta lejn il-punt 29 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali osservat li, fil-qasam tat-trade marks, il-libertà tal-espressjoni ma tapplikax. Waqt is-seduta, l-appellanti ma qablitx ma’ dik id-dikjarazzjoni għaliex, fil-fehma tagħha, il-garanziji marbuta mal-libertà tal-espressjoni fil-fatt japplikaw fil-qasam tat-trade marks.

46.      Fir-risposta bil-miktub tiegħu, l-EUIPO ddikjara li ma kien hemm l-ebda żball fl-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi u li dak l-eżerċizzju diġà ġie rifless fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 mil-leġiżlatur. Madankollu, meta ġie mistoqsi dwar dan espliċitament waqt is-seduta, l-EUIPO qabel li d-dikjarazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata hija żbaljata.

47.      Il-libertà tal-espressjoni fil-fatt għandha rwol fid-dritt tat-trade marks.

48.      L-ewwel nett, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità ta’ kull miżura tal-Unjoni Ewropea. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”) u d-drittijiet fundamentali ggarantiti fiha jestendi għal kull attività jew ommissjoni ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni (19). Naturalment, l-istess għandu jgħodd fil-qasam tat-trade marks għal attivitajiet u ommissjonijiet ta’ korpi tal-Unjoni, bħall-EUIPO.

49.      It-tieni nett, in-natura kummerċjali ta’ attività potenzjali ma hijiex raġuni biex tillimita jew anki teskludi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (20). Jista’ jitfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, “il-QEDB”) iddikjarat li l-libertà tal-espressjoni, iggarantita fl-Artikolu 10 tal-KEDB, tapplika indipendentement mit-tip ta’ messaġġ, inkluż meta jkun hemm reklam kummerċjali (21). Hija applikat speċifikament il-libertà tal-espressjoni għall-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq it-trade marks jew forom oħra ta’ reklami (22).

50.      It-tielet nett, l-applikabbiltà tal-libertà tal-espressjoni fil-qasam tat-trade marks ġiet ikkonfermata espliċitament fil-preambolu tar-Regolament (UE) 2015/2424 li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 u llum hija rrikonoxxuta fir-Regolament Nru 2017/1001 (23).

51.      Ir-raba’ nett, u fuq nota pjuttost sussidjarja, tali interpretazzjoni tad-dritt hija wkoll konsistenti mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali (24) u mal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO stess (25).

52.      Għaldaqstant, il-libertà tal-espressjoni tapplika b’mod ċar fil-qasam tad-dritt dwar it-trade marks. Dik id-dikjarazzjoni, madankollu, tqajjem iktar mistoqsijiet milli twieġeb. Hi kemm hi affaxxinanti l-kwistjoni u d-diskussjoni tagħha fl-astratt (26), tibqa’ l-mistoqsija dwar x’toffri eżattament dik il-konferma għas-soluzzjoni tal-kawża ineżami.

53.      Minn naħa, huwa diffiċli li tiġi difiża l-proposta tal-EUIPO li d-drittijiet fundamentali u l-ibbilanċjar tagħhom diġà ġew ikkunsidrati mil-leġiżlatur fl-abbozzar tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar kif eżattament bilanċ bħal dan għandu jinkiseb f’każijiet individwali. Is-suġġeriment li din il-kwistjoni diġà ġiet indirizzata b’mod adegwat billi sempliċement iddaħħlu l-kunċetti ta’ ordni pubbliku u ta’ prinċipji aċċettati ta’ moralità fl-Artikolu 7(1)(f) huwa, fid-dawl tad-drittijiet u l-interessi multidimensjonali involuti, sempliċement insostenibbli (27).

54.      Min-naħa l-oħra, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, l-appellanti kellha wkoll xi diffikultà biex tispjega preċiżament kif l-aċċettazzjoni espliċita tal-libertà tal-espressjoni kellha tbiddel it-test skont l-Artikolu 7 (1)(f). Is-suġġerimenti tal-appellanti effettivament irriżultaw fil-proposta li tgħid li kieku l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali kienu ħadu inkunsiderazzjoni l-libertà tal-espressjoni tagħha fil-proċess ta’ reġistrazzjoni, dawn kienu jippermettu li t-trade mark ikkontestata tkun irreġistrata, peress li l-EUIPO kien strett wisq u kellu jkun iktar favur il-libertà tal-espressjoni li tinsab fit-trade mark inkwistjoni jew li titwettaq minnha.

55.      Dan l-argument huwa marbut mill-qrib, jew saħansitra jikkoinċidi, mal-kritika li l-appellanti esprimiet bħala prinċipju fir-rigward tal-aċċertament tas-sensittività għall-moralità pubblika identifikata mill-EUIPO, li tidher, għall-appellanti, li hija maqtugħa mill-opinjoni fuq l-espressjoni “Fack ju Göhte” mill-pubbliku rilevanti u mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Għalhekk, il-libertà tal-espressjoni bilkemm hija kejl indipendenti fl-evalwazzjoni, iżda kellha, fil-fehma tal-appellanti, twassal lill-EUIPO għal viżjoni differenti (iktar liberali) tal-moralità pubblika. Dak imbagħad iwassal l-argument għall-punt kruċjali tal-ewwel aggravju, diġà enfasizzat iktar ’il fuq: għal xiex jirreferu eżattament il-kunċetti tal-ordni pubbliku u tal-prinċipji aċċettati tal-moralità, u kif għandhom jiġu aċċertati?

56.      Fil-qosor, għalkemm ma hijiex għan primarju tad-dritt dwar it-trade marks, il-libertà tal-espressjoni tibqa’ preżenti fih. Fid-dawl ta’ dan, id-dikjarazzjoni kkontestata msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tal-motivazzjoni tagħha forsi xtaqet tesprimi idea kemxejn differenti: mhux li ma hemm l-ebda rwol għal-libertà tal-espressjoni fid-dritt dwar it-trade marks, iżda pjuttost li, b’kuntrast mal-oqsma tal-arti, tal-kultura u tal-letteratura, il-piż li għandu jingħata lil-libertà tal-espressjoni fil-qasam tad-dritt dwar it-trade marks jista’ jkun kemxejn differenti, forsi kemxejn eħfef, fl-ibbilanċjar ġenerali tad-drittijiet u tal-interessi preżenti.

57.      Jekk tinftiehem skont l-ewwel tifsira (letterali), id-dikjarazzjoni fil-punt 29 tas-sentenza appellata hija manifestament żbaljata. Jekk tiġi interpretata li tammonta għat-tieni tifsira deskritta fil-qosor iktar ’il fuq, dikjarazzjoni bħal din hija, fil-fehma tiegħi, difensibbli: għalkemm il-libertà tal-espressjoni, kif ukoll drittijiet fundamentali oħra li huma potenzjalment involuti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar ġenerali, il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni ma hijiex l-għan primarju tal-protezzjoni tat-trade mark.

2.      L-ordni pubbliku u/jew il-prinċipji aċċettati ta’ moralità?

58.      Fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ċċarat li s-sinjal inkwistjoni kien ġie eżaminat speċifikament fid-dawl tal-prinċipji aċċettati ta’ moralità, għall-kuntrarju tal-ordni pubbliku (28). Dik id-dikjarazzjoni ġiet ikkonfermata espliċitament mill-EUIPO waqt is-seduta.

59.      Madankollu, fl-istess ħin, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “prinċipji aċċettati ta’ moralità” huma differenti iżda ħafna drabi jikkoinċidu (29). Għalhekk, l-EUIPO ma huwiex obbligat li jiddistingwi bejn it-tnejn.

60.      Ma nistax naqbel. Ma jirriżultax, mill-fatt li ż-żewġ kunċetti jistgħu f’xi każijiet jikkoinċidu, li ma hemm l-ebda obbligu li ssir distinzjoni bejniethom. L-iktar importanti, madankollu, kif jista’ jintwera b’mod ċar mill-każ preżenti, id-differenza kunċettwali bejniethom għandha riperkussjonijiet fuq x’għandu jiġi eżaminat eżattament u kif, jekk xi kunċett minnhom jiġi invokat.

61.      Sabiex nispjega din id-differenza, ser nibda billi nagħmel ftit kummenti qosra dwar l-għan tal-protezzjoni ta’ trade mark u r-rwol tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 fih (a), qabel ma niddeskrivi kif id-differenza bejn iż-żewġ kunċetti diġà titħaddem fil-prattika (b), u finalment nissuġġerixxi kif iż-żewġ termini għandhom jiġu distinti (c).

a)      L-għan tal-protezzjoni ta’ trade mark

62.      Huwa ġeneralment issuġġerit li l-protezzjoni ta’ trade mark tagħti lill-proprjetarju rispettiv dritt esklużiv fuq konnessjoni li għandha ssir mill-pubbliku rilevanti bejnu u l-prodotti jew servizzi relatati (30). Din tippermetti lin-negozjanti jqiegħdu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom f’moħħ il-konsumatur billi jiġu assoċjati l-kwalità, l-innovazzjoni jew fatturi oħra ma’ dehra speċifika tal-marka. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt esklużiv mogħti mill-protezzjoni tat-trade mark għandu l-għan li jiżgura li t-trade mark tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi kif ukoll funzjonijiet oħra, bħal dawk relatati mal-indikazzjoni tal-kwalità ta’ dawk il-prodotti u s-servizzi jew mal-komunikazzjoni, mal-investiment jew mar-reklamar (31).

63.      Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark hija suġġetta għal diversi limiti. Għal dak li huwa rilevanti għal dan il-każ, ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata abbażi ta’ waħda mill-hekk imsejħa raġunijiet relattivi jew assoluti, li tipproteġi rispettivament “drittijiet esklużivi li kienu jeżistu minn qabel f’sinjali bħal trade marks jew ismijiet kummerċjali oħra, […]” u “diversi tipi ta’ interessi pubbliċi” (32).

64.      Ir-raġuni assoluta għal rifjut li tikkonċerna “l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità”, inkwistjoni f’din il-kawża, hija stabbilita fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (33). Filwaqt li taġixxi bħala limitu għal liema sinjali jistgħu jgawdu mill-protezzjoni speċifika mogħtija minn trade mark, huwa importanti li wieħed jinnota li l-iskop tagħha ma huwiex li timpedixxi għalkollox il-kummerċjalizzazzjoni ta’ sinjali miċħuda. Jekk l-użu ta’ sinjal ikunx permess lil hinn mir-rifjut tal-protezzjoni tat-trade mark jitħalla essenzjalment għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri (34). Fil-fatt, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal għal din ir-raġuni mhux neċessarjament jipprevjeni l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu (35). L-għoti tad-dritt esklużiv taħt il-protezzjoni tat-trade mark u l-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew servizzi huma kwistjonijiet distinti rregolati minn settijiet ta’ regoli separati.

65.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-sottomissjonijiet tal-partijiet, kemm dawk bil-miktub kif ukoll dawk waqt is-seduta, urew nuqqas ta’ qbil sostanzjali dwar il-punt sa fejn l-EUIPO għandu jsegwi kwalunkwe viżjoni robusta ta’ ordni pubbliku u/jew moralità skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

66.      Minn naħa, l-appellanti essenzjalment targumenta li l-EUIPO ma għandux jassumi r-rwol ta’ “pulizija ta’ x’inhu u x’ma huwiex xieraq” permezz ta’ interpretazzjoni espansiva tal-Artikolu 7(1)(f). Min-naħa l-oħra, l-EUIPO ssuġġerixxa li l-leġiżlatur Ewropew xtaq biċ-ċar li jkollu xi rwol fil-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-moralità, sempliċement bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ dawk il-kunċetti fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

67.      Dwar dan il-punt, ikolli naqbel mal-EUIPO, iżda b’kundizzjoni waħda importanti ħafna. Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(f), l-EUIPO tabilħaqq għandu rwol x’jaqdi fil-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-moralità. Barra minn hekk, dan ir-rwol u l-kontorni tiegħu jkunu speċifiċi u indipendenti minn reġimi regolatorji oħra li fihom kunċetti bħal dawn x’aktarx jintużaw, peress li l-qasam tad-dritt dwar it-trade marks huwa reġim regolatorju separat.

68.      Madankollu, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-moralità ċertament ma hijiex ir-rwol ewlieni jew predominanti tal-EUIPO u tad-dritt dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni assoluta għal rifjut fl-Artikolu 7(1)(f) taġixxi effettivament bħala xibka ta’ sigurtà, li potenzjalment tistabbilixxi limiti għat-twettiq ta’ għanijiet oħra (36). Iżda ċertament ma hijiex għan fiha nnifisha.

b)      “Ordni pubbliku” u “prinċipji aċċettati ta’ moralità” applikati fil-prattika

69.      Il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “prinċipji aċċettati ta’ moralità” stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 huma l-istess?

70.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-EUIPO ma huwiex obbligat jiddistingwi bejniethom (37). Dik il-pożizzjoni tidher imtennija minn xi awturi li jqisu ż-żewġ kunċetti bħala interkambjabbli (38). Għal xi wħud, tali distinzjoni ma hijiex meħtieġa minn perspettiva prattika minħabba li l-konsegwenzi legali tagħhom huma l-istess (39).

71.      L-applikazzjoni prattika turi stampa varjata. L-ewwel nett dwar il-prattika tal-EUIPO, l-eżami tiegħu jidher li xi drabi jsir fir-rigward taż-żewġ kunċetti kkunsidrati flimkien (40), xi kultant iffukat iktar, jew saħansitra esklużivament, fuq il-parti tal-ordni pubbliku (41), filwaqt li f’każijiet oħra hu wettaq l-analiżi tiegħu fid-dawl tal-prinċipji aċċettati ta’ moralità (42).

72.      Bħala eżempju, l-EUIPO rrifjuta r-reġistrazzjoni tas-sinjal “MECHANICAL APARTHEID” għal-logħob tal-kompjuter, pubblikazzjonijiet relatati u divertiment bħala li jmur kontra l-ordni pubbliku tal-Unjoni Ewropea, peress li kien jikkontradixxi l-“valuri indiviżibbli u universali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, jiġifieri d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-integrità fiżika, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt” (43).

73.      Prinċipji aċċettati ta’ moralità jidhru li ffurmaw il-bażi tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li wasslitu biex jippermetti (u b’hekk jannulla r-rifjut tal-eżaminatur inizjali) ir-reġistrazzjoni tat-trade mark “JEWISH MONKEYS” (44). Dik it-trade mark kienet tirrifletti l-isem ta’ grupp tal-mużika li jgħaqqad elementi tal-folklor Yiddish mal-mużika pop (45). B’riferiment għad-deċiżjoni tiegħu fil-każ Die Wanderhure, il-Bord tal-Appell (46) innota s-“suċċess popolari kbir” u n-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Pulizija għall-wirja tal-grupp (47). Fl-evalwazzjoni tal-vulgarità tal-espressjoni inkwistjoni, dan innota, fost oħrajn, li dak li kien qiegħed jiġi diskuss “huma l-valuri tad-dritt Ewropew bħala sistema legali li tipproteġi d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, mhux ktieb tar-regoli lingwistiċi għat-trażżin ta’ vokabolarju mhux mixtieq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (48).

74.      Hemm ukoll każijiet fejn kemm “l-ordni pubbliku” kif ukoll il-“prinċipji aċċettati tal-moralità” ġew ikkunsidrati flimkien. Fir-rigward tat-trade mark “BIN LADIN”, il-Bordijiet tal-Appell ikkunsidrawha “ċara ħafna li [dik it-trade mark kienet] kontra l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità, peress li reati terroristiċi huma assolutament kuntrarji għall-prinċipji etiċi u morali rrikonoxxuti mhux biss fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea iżda fin-nazzjonijiet ċivilizzati kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (49).

c)      “L-ordni pubbliku” u “prinċipji aċċettati ta’ moralità”: id-differenza kunċettwali

75.      L-eżempji kkwotati iktar ’il fuq juru li minkejja s-sovrappożizzjoni bejn iż-żewġ kategoriji (li hija konsegwenza loġika tas-sovrappożizzjoni bejn ir-regoli legali u morali li jirreferu għalihom), hemm ukoll grad ta’ differenzjazzjoni bejn it-tnejn. Nissuġġerixxi li tabilħaqq hemm differenza kunċettwali f’termini ta’ kif, minn min u fir-rigward ta’ xiex il-kontenut ta’ kull waħda minn dawk il-kategoriji huwa ddefinit.

76.      L-ordni pubbliku huwa viżjoni normattiva tal-valuri u tal-għanijiet iddefiniti mill-awtorità pubblika rispettiva, li għandha tiġi segwita issa u fil-futur, jiġifieri, prospettivament. L-ordni pubbliku għalhekk jesprimi x-xewqat tar-regolatur pubbliku dwar ir-regoli li għandhom jiġu rrispettati fis-soċjetà. Il-kontenut tiegħu għandu jkun aċċertabbli minn sorsi uffiċjali tad-dritt u/jew minn dokumenti ta’ politika. Artikolat kif ikun artikolat, simili għal kif titfassal rotta, l-ordni pubbliku għandu l-ewwel jiġi stabbilit minn awtorità pubblika, u mbagħad biss jista’ jiġi segwit (50).

77.      Prinċipji ta’ moralità aċċettati jirreferu, fil-fehma tiegħi, għal valuri u konvinzjonijiet attwalment imħarsa minn soċjetà partikolari, stabbiliti u infurzati mill-kunsens soċjali prevalenti f’dik is-soċjetà fi żmien partikolari. B’kuntrast man-natura minn fuq għal isfel tal-ordni pubbliku, dawn jikbru minn isfel għal fuq. Huma jevolvu wkoll maż-żmien: iżda meta jiġu aċċertati, il-ħarsa tkun iffissata primarjament fuq il-passat u l-preżent. Naturalment, f’termini ta’ dak li tixtieq tikseb, il-moralità hija wkoll normattiva u prospettiva, fis-sens li dak il-grupp ta’ regoli għandu wkoll l-ambizzjoni li jġiegħel u jżomm ċerta mġiba (51).

78.      Id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ kunċetti hija kif inhuma stabbiliti u konsegwentement aċċertati. Il-Qorti tal-EFTA għamlet riferiment għal differenzjazzjoni simili fil-kuntest tad-Direttiva 2008/95/KE (52), meta ddikjarat li “ċaħda bbażata fuq ‘l-ordni pubbliku’ għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ kriterji oġġettivi filwaqt li oġġezzjoni għal trade mark ibbażata fuq ‘prinċipji aċċettati ta’ moralità’ tikkonċerna evalwazzjoni ta’ valuri suġġettivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (53).

79.      Peress li l-ordni pubbliku huwa artikolat minn fuq għal isfel, il-kontenut tiegħu jista’ jiġi aċċertat “oġġettivament”, minħabba li dak l-ordni pubbliku għandu jkun ġie ddikjarat xi mkien. L-ordni pubbliku jista’ għalhekk jiġi studjat “fuq l-iskrivanija” fl-uffiċċji tal-awtoritajiet pubbliċi, b’riferiment għal liġijiet, politiki u dikjarazzjonijiet uffiċjali. Jista’ jkun meħtieġ li jinstab sors eżatt għal proposta ta’ politika partikolari, sabiex it-tħabbira tagħha (jew aħjar ir-rifjut li tiġi pprovduta xi ħaġa b’riferiment għall-ordni pubbliku) tissodisfa l-kriterji ta’ prevedibbiltà, nuqqas ta’ arbitrarjetà, u amministrazzjoni tajba. Madankollu, ladarba dawk ir-rekwiżiti jkunu ssodisfatti, hija kwistjoni ta’ rieda u xewqat amministrattivi unilaterali.

80.      Min-naħa l-oħra, ma jistax jingħad l-istess dwar prinċipji aċċettati tal-moralità. Dawn ma jistgħux jiġu skoperti barra min-normi u l-kuntest soċjali. L-identifikazzjoni tagħhom tirrikjedi mill-inqas xi evalwazzjoni empirika ta’ dak li s-soċjetà rilevanti (il-pubbliku inkwistjoni) tikkunsidra, fi żmien partikolari, bħala normi ta’ kondotta aċċettabbli. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi osservat jekk sinjal speċifiku jmurx kontra prinċipji aċċettati ta’ moralità, huwa meħtieġ li wieħed joqgħod fuq evidenza speċifika għall-każ biex jiġi aċċertat kif il-pubbliku rilevanti jista’ preżumibbilment jirreaġixxi għal dak is-sinjal li jkun ittikkettat fuq il-prodotti jew is-servizzi rispettivi.

81.      Nixtieq nenfasizza li, sa fejn jirrigwarda r-riżultat attwali, f’ċerti każijiet, iż-żewġ kategoriji ser jikkoinċidu (54). Idealment, grad ġust ta’ ordni pubbliku għandu jirrifletti u jikkonsolida l-moralità pubblika. F’każijiet oħra, dak li inizjalment kien biss ordni pubbliku gradwalment jittrasforma ruħu wkoll fi prinċipji aċċettati tal-moralità (55).

82.      B’mod ġenerali, mhux ser ninsisti li nagħmel xi teżi akkademika mid-distinzjoni bejn l-ordni pubbliku u l-prinċipji aċċettati tal-moralità. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża ineżami, din id-distinzjoni tagħmel differenza. Hija importanti għal preċiżament x’kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-EUIPO u, indirettament, mill-Qorti Ġenerali, meta tal-ewwel ċaħad l-applikazzjoni tal-appellanti billi invoka l-bażi speċifika tal-prinċipji aċċettati ta’ moralità, u tal-aħħar approvat approċċ bħal dan.

83.      Fil-qosor, jekk jixtieq jibbaża ruħu fuq ir-raġuni (assoluta) tar-rifjut tal-prinċipji aċċettati tal-moralità, l-EUIPO għandu jistabbilixxi, b’riferiment għall-perċezzjoni prevalenti mal-pubbliku inkwistjoni, għalfejn jemmen li sinjal speċifiku jikser dawk il-prinċipji. Ċertament mhux qed jiġi ssuġġerit li l-EUIPO jkollu jagħmel stħarriġ empiriku fil-fond biex jistabbilixxi x’inhuma l-prinċipji ta’ moralità aċċettati fil-konfront ta’ sinjal partikolari. Tabilħaqq, naqbel fil-pront mas-suġġeriment tal-EUIPO artikolat waqt is-seduta li l-aqwa li jistgħu jipprovdu hija “evalwazzjoni informata”. Madankollu, dik l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata f’kuntest soċjali speċifiku, u ma tistax tinjora evidenza fattwali li jew tikkonferma jew possibbilment tqajjem dubju fuq l-opinjonijiet tal-EUIPO stess dwar x’jikkonforma jew dwar x’ma jikkonformax mal-prinċipji aċċettati ta’ moralità f’soċjetà partikolari fi żmien partikolari.

3.      Il-kawża ineżami

84.      Fil-fehma tiegħi, fil-kawża ineżami, l-evalwazzjoni tal-EUIPO, approvata mill-Qorti Ġenerali, naqset milli tissodisfa dawn l-istandards.

85.      Il-lista ta’ kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi ddikjarati fl-applikazzjoni tal-appellanti hija pjuttost varja (56). Madankollu, ma kien hemm l-ebda diskussjoni dwar jekk is-sinjal verbali setax jew le jkun permess biss għal ċerti kategoriji u mhux għal oħrajn. Għaldaqstant, ma nara l-ebda raġuni għalfejn tinfetaħ din il-kwistjoni fl-istadju tal-appell.

86.      Dak li ġie diskuss, madankollu, u dak li huwa kruċjali, huwa l-fatt li l-EUIPO, filwaqt li invoka wkoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, iddefinixxa l-pubbliku rilevanti bħala wieħed ġenerali u li jitkellem bil-Ġermaniż. Għalhekk, minn naħa, il-pubbliku rilevanti ġie ddefinit biex jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ammiraturi tal-film inkwistjoni li jattendu l-iskola sekondarja, iżda wkoll nies li setgħu possibbilment qatt ma semgħu bil-film u wieħed jifhem li jistgħu jkunu sorpriżi waqt ix-xiri ta’ kull ġimgħa tagħhom li jsibu fuq l-ixkaffa ħobża (klassi 30) jew prodott tal-ħasil (klassi 3) bit-tikketta “Fack ju Göhte”.

87.      Min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni ġeografika/lingwistika tal-pubbliku rilevanti għall-pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jitkellem bil-Ġermaniż hija, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) diġà kkwotat, ċertament possibbli. Madankollu, għandha implikazzjonijiet pjuttost importanti. Fuq kollox, il-vulgarità intrinsika jew in-natura offensiva tas-sinjal għandhom imbagħad jiġu eżaminati esklużivament fir-rigward tal-pubbliku ġenerali ta’ kelliema li l-Ingliż ma huwiex il-lingwa materna tagħhom. Meta wieħed iqis is-sinjal speċifiku inkwistjoni, dak li jista’ jidher bħala intrinsikament vulgari jew offensiv għal persuna li l-lingwa materna tagħha hija l-Ingliż jista’ ma jidhirx bħala tali għal persuna li titkellem bil-Ġermaniż (mhux bħala l-lingwa materna), speċjalment meta jkun affaċċjat bi traskrizzjoni fonetika mhux komuni ta’ insult li joriġina minn lingwa barranija.

88.      Hu x’inhu l-każ, kif għandu sinjal bħal dan jiġi evalwat għall-konformità mal-prinċipji aċċettati tal-moralità? Ladarba din ir-raġuni tintgħażel mir-regolatur, id-differenza ewlenija mill-approċċ approvat mill-Qorti Ġenerali hija, fl-opinjoni tiegħi, li tali evalwazzjoni ma tistax titwettaq fir-rigward biss u esklużivament tas-sinjal verbali, iżolat mill-perċezzjoni u l-kuntest tas-soċjetà usa’, jekk teżisti xi evidenza bħal din.

89.      F’dan ir-rigward, saret diskussjoni estensiva bejn il-partijiet dwar il-fatt li l-film “Fack ju Göhte” ġie awtorizzat biex jintwera taħt dak it-titolu u li mid-dehra ma kien hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-aċċess għal udjenzi żgħażagħ. L-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward essenzjalment jissuġġerixxu li jekk ir-regolaturi rispettivi fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż tal-Unjoni Ewropea ma kellhom l-ebda problema bit-titolu tal-film, l-EUIPO ma għandux iqajjimhom sussegwentement fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark taħt l-istess isem. B’kuntrast ma’ dan, l-EUIPO sostna li r-regolamentazzjoni dwar ir-rilaxx tal-films u l-wiri fi Stat Membru hija sempliċement kwistjoni kompletament differenti mir-regolamentazzjoni tat-trade mark li testendi mal-Unjoni Ewropea kollha.

90.      Fuq livell strutturali u istituzzjonali, naqbel mal-EUIPO: il-klassifikazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-films fi Stat Membru huma tabilħaqq reġim regolatorju differenti mid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni. Għalhekk, dak li regolatur tal-films bħal dan iddeċieda fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ rilaxx u ta’ wiri ta’ film huwa fih innifsu ċertament mhux konklużiv għall-evalwazzjoni li għandha ssir taħt il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks u, b’mod iktar speċifiku, taħt l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

91.      Madankollu, b’kuntrast mal-EUIPO, ma nemminx li l-evalwazzjoni tista’ tieqaf hemm. Anki jekk huma tabilħaqq reġimi regolatorji differenti, hemm sovrappożizzjoni sostantiva bejn tali evalwazzjonijiet paralleli: iż-żewġ oqfsa ta’ evalwazzjonijiet għandhom bħala l-punt tat-tluq tagħhom l-istess pubbliku u l-evalwazzjoni tal-moralità u tal-vulgarità fost l-istess pubbliku fl-istess żmien, jew żmien partikolari simili ħafna. F’dak il-livell, kif jirikonoxxi inċidentalment l-EUIPO nnifsu (57), il-ġudizzju morali dwar il-vulgarità ta’ espressjoni huwa tabilħaqq rilevanti.

92.      F’din id-dimensjoni, evalwazzjonijiet preċedenti mwettqa minn diversi korpi nazzjonali fil-fatt isiru rilevanti. Jekk jeżistu u jinġiebu għall-attenzjoni tal-EUIPO l-evalwazzjonijiet ta’ dawn il-korpi nazzjonali, li mingħajr dubju jinsabu f’pożizzjoni aħjar minn uffiċċju tat-trade marks fi ħdan l-Unjoni biex jevalwaw dak li huwa (im)morali u vulgari fi żmien partikolari fi Stat Membru partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq.

93.      Dan ovvjament xorta ma jżommx lill-EUIPO milli jsib li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinsab f’kunflitt mal-prinċipji aċċettati ta’ moralità, speċjalment jekk dawk il-prinċipji għandhom jiġu aċċertati fuq skala mifruxa madwar l-Unjoni. Madankollu, konstatazzjonijiet u evidenza empirika bħal dawn, partikolarment meta jkunu jirrigwardaw eżattament lill-istess spazju lingwistiku jew ġeografiku bħal dak magħżul mill-EUIPO għall-evalwazzjoni tiegħu stess, jgħollu l-istandards tal-motivazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-EUIPO jekk jixtieq jitbiegħed minn dak li l-korpi nazzjonali aċċertaw li huma l-istandards aċċettabbli tal-moralità fl-istess spazju, fir-rigward, apparentement, tal-istess pubbliku ġenerali, u fl-istess żmien.

94.      Fil-kawża ineżami, dak l-istandard ma ġiex issodisfatt. Fl-istadji varji tal-proċeduri, quddiem l-EUIPO kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ġibdet l-attenzjoni, mingħajr ma dawk id-dikjarazzjonijiet ġew kontradetti, għall-fatt li l-film kien suċċess kbir fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, apparentement mingħajr ma qajjem ħafna kontroversja dwar it-titolu tiegħu; li t-titolu tal-film kien debitament awtorizzat u rrilaxxat għall-wiri għal udjenzi żgħażagħ; u li l-perċezzjoni pożittiva tal-film tista’ tintwera wkoll bl-inkorporazzjoni tiegħu fil-programm ta’ tagħlim tal-Goethe-Institut.

95.      Għal darb’oħra, l-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma hija fiha nnifisha konklużiva. Bl-istess mod, id-destin tal-film ma huwiex determinanti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Madankollu, fid-dawl ta’ evidenza qawwija bħal din dwar il-perċezzjoni soċjali tal-moralità u tal-vulgarità potenzjali ta’ eżattament l-istess titolu, argumenti ferm iktar konvinċenti jkollhom jiġu pprovduti mill-EUIPO sabiex dan jikkonkludi li, minkejja d-diversi korpi tal-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż li jevalwaw l-espressjoni bħala li ma tistonax fl-imħuħ ta’ dak il-pubbliku, trade mark bl-istess isem xorta ma tistax tiġi rreġistrata għax toffendi l-prinċipji aċċettati ta’ moralità kkawżati eżattament fil-konfront tal-istess pubbliku.

96.      Tali perċezzjoni, fl-opinjoni tiegħi, tirrifletti sewwa r-rwol tal-prinċipji aċċettati tal-moralità fil-kuntest tad-dritt dwar it-trade marks tal-Unjoni. Billi t-tfassil u l-aċċertament ta’ prinċipji aċċettati ta’ moralità (kif ukoll ta’ ordni pubbliku) ma jistax jingħad li huma r-rwol primarju tal-EUIPO (58), huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li l-EUIPO għandu l-mandat li f’daqqa waħda jibda jfassal viżjoni robusta ta’ prinċipji aċċettati ta’ moralità, maqtugħa minn (jew, pjuttost, ħafna iktar ristretti minn) dik li tidher prevalenti fl-Istat(i) Membru(i) inkwistjoni.

97.      Fi ftit kliem, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat ħażin l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi tal-kuntest rilevanti għall-evalwazzjoni jekk is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jikkonformax mal-prinċipji aċċettati tal-moralità.

98.      Għalhekk, hemm lok li l-ewwel aggravju jintlaqa’ u li s-sentenza appellata tiġi annullata.

B.      It-tieni u t-tielet aggravju tal-appell

99.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-ewwel aggravju, l-eżami tat-tieni u tat-tielet aggravju jista’ jitqies bħala superfluwu. Madankollu, huwa r-rwol tal-Avukat Ġenerali li jassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sħiħ fi kwalunkwe mogħdija li tista’ tagħżel li tgħaddi minnha. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-tieni u t-tielet aggravju jagħtu saħħa addizzjonali lill-ewwel aggravju: l-evalwazzjoni ta’ dak li huwa jew ma huwiex konformi mal-prinċipji aċċettati ta’ moralità dejjem tkun deċiżjoni suġġettiva. Madankollu, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tali ġudizzji ta’ valur, għandu jkun mill-inqas xi ftit ċar liema kriterji ser jittieħdu inkunsiderazzjoni għal tali suġġettività, sabiex ikun hemm mill-inqas grad raġonevoli ta’ prevedibbiltà dwar l-eżitu potenzjali. It-tieni u t-tielet aggravju madankollu juru li tali ċarezza u prevedibbiltà huma kemxejn nieqsa fil-kawża ineżami.

100. It-tieni u t-tielet aggravju jirrigwardaw l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament (it-tieni aggravju) u amministrazzjoni tajba (it-tielet aggravju). L-appellanti essenzjalment tikkritika n-nuqqas min-naħa tal-Qorti Ġenerali li tissanzjona t-trattament mhux ugwali tal-applikazzjoni tal-appellanti wara li qieset deċiżjoni preċedenti li l-EUIPO kien ħa fil-kawża Die Wanderhure (59).

101. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata minkejja x-xebh bejn is-sitwazzjoni f’dan il-każ, minn naħa, u dik fil-kawża Die Wanderhure, min-naħa l-oħra. L-appellanti tenfasizza li r-raġuni mogħtija mill-EUIPO, u approvata mill-Qorti Ġenerali, biex tispjega l-eżiti differenti, kienet li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni u mogħti fil-kawża Die Wanderhure jiddeskrivi t-titolu ta’ film. Dan, skont l-EUIPO, ma kienx il-każ tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni mill-appellanti. L-appellanti ma taqbilx u ssostni li s-sinjal inkwistjoni jiddeskrivi wkoll il-kontenut ta’ film sal-punt li jesprimi l-frustrazzjoni tal-istudenti minħabba l-obbligu li jiġu segwiti klassijiet tal-iskola sekondarja li ma humiex popolari. L-appellanti tikkritika ulterjorment in-nuqqas ta’ spjegazzjoni għalfejn is-sinjal inkwistjoni ma jistax jitqies bħala li jiddeskrivi l-kontenut ta’ film. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva għad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li s-sinjal “Die Wanderhure” huwa ħafna inqas xokkanti u vulgari mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni mill-appellanti.

102. It-tielet aggravju huwa limitat għal dikjarazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma applikatx għall-appellanti l-konklużjonijiet milħuqa mill-EUIPO fid-deċiżjoni Die Wanderhure u naqset milli teżamina ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża ineżami.

103. Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-EUIPO jirrispondi li l-aggravju tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti huwa manifestament infondat minħabba li l-EUIPO analizza espliċitament id-deċiżjoni preċedenti inkwistjoni (Die Wanderhure). L-argument tal-appellanti dwar ix-xebh bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet jirrigwarda kwistjoni ta’ fatt u għalhekk ma jaqax fl-ambitu ta’ appell.

104. L-EUIPO jsostni wkoll li l-argument tal-appellanti jirrigwarda l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta jintlaħqu eżiti differenti f’żewġ sitwazzjonijiet simili. L-obbligu ta’ motivazzjoni ddikjarat mill-appellanti fil-verità jwassal biex l-EUIPO jkun obbligat li jiddikjara sussegwentement żball ta’ liġi li possibbilment sar f’deċiżjoni preċedenti (li minkejja dan saret finali) mingħajr ma l-partijiet fil-proċeduri preċedenti jkollhom l-opportunità li jieħdu pożizzjoni fuq tali dikjarazzjoni. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jidher ukoll problematiku jekk iktar tard trade mark diġà rreġistrata tiġi ddikjarata invalida (60). Madankollu, din il-kwistjoni hija kemxejn ipotetika fil-każ preżenti peress li l-Qorti Ġenerali approvat id-dikjarazzjoni tal-EUIPO dwar in-nuqqas ta’ paragunabbiltà bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

105. L-EUIPO jiċħad it-tielet aggravju bħala inammissibbli sa fejn jallega ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mingħajr ma jipprovdi l-ebda spjegazzjoni. Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO jikkunsidra li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdi li l-appell għandu jiddikjara “l-aggravji u l-argument ta’ liġi invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn l-aggravji”. Skont l-EUIPO, dan l-aggravju jikkorrispondi għall-ewwel aggravju u l-appellanti naqset milli tressaq argumenti li jissostanzjaw ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għajr għall-ksur allegat tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

106. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-appellanti skont it-tieni u t-tielet aggravju jikkonċernaw bħala prinċipju l-istess kwistjoni: l-allegat nuqqas ta’ konsistenza fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO, partikolarment meta d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża ineżami titqiegħed f’kuntrast mal-eżitu milħuq mill-EUIPO fil-każ Die Wanderhure. Dik it-talba tista’ fil-fatt titressaq f’żewġ modi, jew bħala ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza (it-tieni aggravju), jew, fil-każ ta’ korpi amministrattivi, bħala kwistjoni ta’ amministrazzjoni tajba (it-tielet aggravju) (61). Tabilħaqq, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni li tispjega għalfejn l-EUIPO tbiegħed mill-prattika preċedenti tiegħu. F’dan is-sens, dak il-prinċipju jmur loġikament id f’id mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li dan tal-aħħar jeħtieġ li jintlaħqu riżultati simili f’sitwazzjonijiet simili u riżultati differenti f’sitwazzjonijiet differenti.

107. Għalhekk ser nittratta ż-żewġ aggravji allegati flimkien.

108. L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, u fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001, bl-istess portata bħal dak tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (62). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li “l-[EUIPO] għandu l-obbligu li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba” (63). Dan ifisser, b’mod partikolari, li “l-EUIPO għandu […] jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li huwa diġà adotta fir-rigward ta’ talbiet simili u jinvestiga b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiddeċiedi fl-istess sens, filwaqt li l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi rrikonċiljata, […] mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità […]” (64).

109. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li “d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta […], l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu, […], għandu żewġ skopijiet, minn naħa, li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni Ewropea tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata” (65).

110. Id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadhom kif ġew ikkwotati diġà ċaħdu numru ta’ argumenti mressqa mill-EUIPO fil-proċeduri preżenti. L-ewwel nett, teħid ta’ deċiżjonijiet koerenti ċertament ma jfissirx li l-eżiti għandhom ikunu identiċi. Lanqas ma tfisser l-immutabbiltà jew l-inabbiltà li jiġu kkorreġuti żbalji preċedenti jew li jsiru bidliet fl-approċċ u fl-interpretazzjoni. Dan sempliċement ifisser li kemm jista’ jkun ikun hemm approċċ koerenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet, bħal, fil-każ preżenti, il-kriterji u l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-kategoriji fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-riġidità jew il-klemenza li huma applikati bihom. Nixtieq nenfasizza dan il-punt pjuttost espliċitament: il-koerenza fl-approċċ hija xi ħaġa oħra differenti mill-identiċità fl-eżitu.

111. It-tieni nett, l-imperattiv ta’ koerenza fl-approċċ u fil-kriterji li għandhom jiġu applikati għandu konsegwenza proċedurali: huwa, naturalment, possibbli li wieħed jitbiegħed mill-approċċ preċedenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwalunkwe ħin, iżda dan it-tbegħid għandu jkun spjegat b’mod raġunat u koerenti.

112. Huwa f’dan l-istadju li d-deċiżjoni f’Die Wanderhure, kif ukoll f’numru ta’ deċiżjonijiet oħra tal-EUIPO kkwotati f’dawn il-konklużjonijiet, xejn ma joqogħdu mad-deċiżjoni fil-każ ta’ “Fack ju Göhte”.

113. Id-deċiżjoni Die Wunderhure kienet tikkonċerna sinjal, “DIE WANDERHURE”, li kien ukoll l-isem ta’ rumanz Ġermaniż u l-adattament tiegħu f’film. L-eżaminatur sab li dan is-sinjal ma kienx eliġibbli għall-protezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(f) minħabba li kien jinkludi espressjoni offensiva, billi l-kelma “hure” hija, fil-lingwa Ġermaniża, sinonimu għal prostituta u użata fit-taħdit biex tirreferi għal persuna b’ħafna sieħba sesswali (66).

114. Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Bord tal-Appell. Dan tal-aħħar innota li l-eżaminatur kien illimita ruħu biex jenfasizza t-tieni komponent verbali tas-sinjal mingħajr ma kkummenta fuq l-ewwel wieħed. Il-Bord tal-Appell iddeskriva l-kontenut tar-rumanz u tal-film li għandhom l-istess isem bħas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u nnota s-suċċess popolari wiesa’ tagħhom. Ir-rumanz u l-film jiddeskrivu storja dwar mara żagħżugħa tiġġerra ’l hawn u ’l hemm li tipprovdi s-servizzi tagħha fis-seklu ħmistax, bl-utenti tas-servizz rilevanti jikkonsistu mill-kleru fil-Kunsill ta’ Konstanz. Il-Bord tal-Appell innota li dak is-suċċess wera li l-pubbliku ma ħassux offiż bil-kontenut tal-ktieb jew bit-titolu. Dan innota wkoll li l-belt ta’ Konstanz ma rat xejn problematiku meta offriet tours speċjali bil-mixi “fil-passi tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni” (67).

115. Il-Bord tal-Appell innota li trade mark tkun “immorali” “jekk min jirċievi l-oġġetti, meta jaqra s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, ikun […] insultat jew imċekken jew jekk individwi jew gruppi ta’ nies ikunu diskriminati jew irredikolati” (68) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dan ma kienx il-każ tas-sinjal inkwistjoni f’dak il-każ (69). Barra minn hekk, “huwa wkoll possibbli li kliem li huwa vulgari skont id-dizzjunarju jkun intiż b’mod purament umoristiku, skont il-kuntest” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-evalwazzjoni li għandha titwettaq bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 tipproteġi, skont il-Bord tal-Appell, “il-valuri tad-dritt Ewropew bħala ordinament ġuridiku li jipproteġi d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem [iżda ma hijiex maħsuba biex tkun] ktieb tar-regoli lingwistiċi għat-trażżin ta’ kliem ħażin” (70).

116. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, kien speċifikament b’riferiment għal din id-deċiżjoni u għar-raġunijiet ipprovduti għaliha li ġie ssuġġerit li l-approċċ ġenerali adottat qabel mill-EUIPO taħt l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 kien tabilħaqq pjuttost liberali u l-każ Die Wanderhure kien ikkunsidrat bħala turija ta’ dak l-approċċ (71). L-appellanti tenfasizza b’mod partikolari li jekk it-terminu “Die Wanderhure” jista’ jitqies li la huwa xokkanti u lanqas vulgari minkejja li jirreferi għal mara li toffri servizzi sesswali għal remunerazzjoni, tali konklużjoni għandha tinġibed a fortiori fir-rigward tas-sinjal “Fack ju Göhte”.

117. Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, inqis li minħabba x-xebh prima facie indiskutibbli bejn il-kuntest li fih is-sinjal inkwistjoni saret applikazzjoni għalih, minn naħa, u s-sitwazzjoni kkonċernata fil-każ Die Wanderhure fuq in-naħa l-oħra, kif ukoll il-fatt li l-appellanti repetutament irreferiet għal dik id-deċiżjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, jidher raġonevoli li wieħed jistenna li l-EUIPO jagħti (u l-Qorti Ġenerali teħtieġ) spjegazzjoni plawżibbli dwar l-eżiti differenti f’dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet.

118. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qalet fil-punt 40 tas-sentenza appellata li l-applikazzjoni għas-sinjal inkwistjoni u l-applikazzjoni ppreżentata fil-każ Die Wanderhure ma jistgħux jitqiesu li huma simili. Dan kien, skont il-Qorti Ġenerali (b’riferiment għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell), l-ewwel nett, peress li s-sinjal “Die Wanderhure” jiddeskrivi l-kontenut tal-film li jġib l-istess isem, filwaqt li dan ma kienx il-każ tas-sinjal inkwistjoni hawnhekk. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, ma kienx possibbli li jiġi dedott mis-suċċess kbir tal-film “Fack Ju Göhte” li l-pubbliku ser jirrikonoxxi t-titolu immedjatament permezz tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u mhux ser ikun ixxukkjat minnu. It-tieni nett, is-sinjal “Die Wanderhure” huwa, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, ħafna inqas xokkanti (72).

119. L-ebda waħda minn dawn l-ispjegazzjonijiet ma hija konvinċenti.

120. L-ewwel nett, għalija ma huwiex ċar kif il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li, fil-każ Die Wanderhure, it-trade mark kienet deskrittiva tal-kontenut tal-film, filwaqt li “Fack Ju Göhte” ma hijiex. Għalkemm dik il-kwistjoni tista’ titqies li hija fattwali, dak li huwa fundamentalment inkwistjoni hawnhekk huwa t-test legali applikat mill-EUIPO u mill-Qorti Ġenerali meta jevalwaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal li fih espressjoni tista’ tgħid vulgari li tikkorrispondi mat-titolu ta’ film ta’ suċċess (jew rumanz), u meta dak is-suċċess jispira korpi pubbliċi (kemm jekk tkun il-belt ta’ Konstanz jew inkella l-Goethe-Institut) biex jadottaw il-lingwaġġ użat għall-iskopijiet pubbliċi tagħhom stess (it-turiżmu f’każ wieħed, it-tagħlim tal-lingwi fl-ieħor).

121. Fir-rigward speċifikament tar-rilevanza tal-“ekwivalenza” bejn is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u l-isem ta’ film, ma nistax nidentifika, fl-ewwel lok, għalfejn din iċ-ċirkustanza għandha tkun importanti u, fit-tieni lok, kif ġiet evalwata din l-“ekwivalenza”.

122. Fil-fatt, anki kieku ġie ċċarat b’mod preċiż xi jfisser “titolu li jkun deskrittiv tal-kontenut ta’ film”, ma huwiex ċar kif il-fatt li trade mark tikkorrispondi għall-kontenut ta’ film jista’ bħala tali u fih innifsu jwassal biex sinjal partikolari jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-motivazzjoni fuq dan il-punt sempliċement tikkontradixxi l-approċċ ġenerali għall-evalwazzjoni ssuġġerit mill-EUIPO fir-rigward ta’ “Fack Ju Göhte” (fejn is-sinjal għandu jiġi evalwat bħala tali, f’iżolament, bħala intrinsikament vulgari, irrispettivament minn jekk kienx hemm jew le film bl-istess isem), filwaqt li fil-każ Die Wanderhure, intgħażel eżattament l-approċċ l-oppost (is-sinjal ġie evalwat fil-kuntest soċjali tiegħu, u s-suċċess tar-rumanz u tal-film intuża biex sawwar l-argument ewlieni għan-natura mhux offensiva tiegħu).

123. Għalhekk, ninnota l-approċċi pjuttost kjarament opposti għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet fattwalment simili u legalment identiċi, mingħajr lanqas ma nidħol fid-diskussjoni (tabilħaqq fattwali) dwar għalfejn pubbliku ġenerali li jitkellem bil-Ġermaniż bħala lingwa materna, li jara t-trade mark DIE WANDERHURE (73) fuq prodotti jew (speċjalment) fuq servizzi (74), espressjoni li kull persuna li titkellem bil-Ġermaniż tifhem immedjatament, għandu minnu nnifsu jkun ħafna inqas ixxukkjat minn dawk li jibdew jistaqsu x’suppost tfisser “Fack Ju Göhte”, billi ma jkunux raw il-film.

124. Nifhem li l-isforz għall-koerenza fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa għan fit-tul, kif ġie rrikonoxxut ukoll mill-EUIPO waqt is-seduta. Meta titqies il-multipliċità ta’ xenarji fattwali possibbli li jista’ jiġi affaċċjat bihom l-EUIPO, dak il-kompitu ċertament ma huwiex wieħed faċli. Minkejja dan, dawn id-diffikultajiet xorta ma tantx jistgħu jiġu invokati bħala r-raġuni għat-tnaqqis jew saħansitra r-rinunzja tal-istandards fir-rigward tal-ispjegazzjoni tal-motivazzjonijiet għal deċiżjoni.

125. Għal darba oħra, jista’ jittenna biss li obbligu bħal dan ma jfissirx li ma tkunx tista’ tasal għal eżitu differenti f’każ speċifiku, jekk id-differenza bejn il-każijiet tkun spjegata sew, jew tbiddel kompletament l-approċċ interpretattiv, jekk dik id-differenza hija mħabbra u spjegata. L-analoġija mat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward hija pjuttost ċara, għalkemm naturalment l-istandards tal-motivazzjoni ma humiex daqstant għoljin. Bl-istess mod, il-qrati ma humiex preklużi milli jibdlu l-ġurisprudenza tagħhom matul iż-żmien (75), iżda huma obbligati li jispjegaw bidla potenzjali f’linja ta’ ġurisprudenza partikolari (76).

126. Fiż-żewġ każijiet, id-denominatur komuni huwa l-ugwaljanza quddiem il-liġi, iżda wkoll, mill-perspettiva tad-destinatarju ta’ deċiżjoni, il-prevedibbiltà tagħha. Anki l-operatur l-iktar prudenti ma tantx jista’ jippjana l-istrateġija kummerċjali ġenerali tiegħu jekk, f’każ wieħed, jitqiesu ċerti elementi u l-approċċ għall-evalwazzjoni huwa, b’mod ġenerali, pjuttost liberali u permissiv, filwaqt li f’ċirkustanzi fattwalment simili dwar l-applikazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet legali għal każ differenti, jingħad li l-istess elementi jew elementi simili huma nieqsa minn kwalunkwe rilevanza, u l-approċċ ġenerali huwa ferm iktar strett.

127. Finalment, ċertament nirrikonoxxi l-kuntest regolatorju speċifiku tad-dritt dwar it-trade marks, u l-fatt li r-reġistrazzjonijiet tal-passat jistgħu jiġu sussegwentement ikkontestati, inkluż abbażi ta’ applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (77). Madankollu, xorta ma narax kif dan l-argument għandu jiffavorixxi li wieħed jitbiegħed mill-ħtieġa minima ta’ koerenza fil-prattika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, li huwa tabilħaqq prinċipju trażversali applikabbli għal kwalunkwe qasam ta’ amministrazzjoni pubblika, inkluż id-dritt dwar it-trade marks.

128. Fi ftit kliem, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ssanzjonatx in-nuqqas, min-naħa tal-EUIPO, li jispjega b’mod xieraq it-tbegħid mill-prattika preċedenti tiegħu fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jew li jagħti raġuni plawżibbli għalfejn l-applikazzjoni għas-sinjal inkwistjoni kellha tiġi deċiża b’mod differenti meta mqabbel mar-riżultat milħuq f’każ simili li tressaq għall-attenzjoni tal-EUIPO mill-appellanti.

V.      It-talbiet imressqa f’din il-kawża

129. Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż. Ma titlobx ukoll l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

130. Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-prinċipju stabbilit fih tal-ekonomija tal-ġudizzju u tal-effiċjenza tal-proċeduri, jekk sentenza appellata tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti sentenza finali fil-kwistjoni meta l-istat tal-proċeduri jippermetti hekk.

131. Inqis li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta f’dan il-każ.

132. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq fit-taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet, nissuġġerixxi li l-ewwel aggravju huwa fondat. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, li sussegwentement ittraduċa ruħu f’nuqqas korrispondenti ta’ motivazzjoni (rilevanti) fis-sentenza appellata. Irrispettivament mill-konklużjonijiet potenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-tieni u t-tielet aggravju, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-ewwel aggravju, id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO jkollha wkoll inevitabbilment tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali għall-istess motivi.

133. F’tali ċirkustanzi, ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-kawża mill-Qorti Ġenerali.

VI.    Spejjeż

134. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

135. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba fl-atti tal-parti li tkun rebħet.

136. L-appellanti talbet li l-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi s-suġġeriment tiegħi dwar l-eżitu ta’ dan l-appell, dan tal-aħħar jitlef. Għaldaqstant, l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċeduri tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑69/17 kif ukoll mal-appell.

VII. Konklużjoni

137. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Jannar 2018, Constantin Film Produktion v EUIPO (Fack Ju Göhte), (T‑69/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:27);

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-1 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 2205/2015‑5, Fack Ju Göhte);

–        tordna lill-EUIPO jħallas l-ispejjeż rispettivi tiegħu u jħallas l-ispejjeż ta’ Constantin Film Produktion GmbH kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan tal-appell.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      “Die Religion verspottet, die Laster beschönigt und gute Sitten verderben kann”, Brief der dänischen Kanzlei vom 19. September 1776 an den König von Dänemark, riprodott f’Müller, P. (ed.), Der junge Goethe im zeitgenössichen Urteil, Akademie-Verlag GmbH, Berlin, 1969, p. 130. Ara wkoll Mandelkow, K. R. (ed.), Goethe im Urteil seiner Kritiker: Dokumente zur Wirkungsgeschichte Goethes in Deutschland. Teil I 1773 – 1832, Verlag C. H. Beck, München, 1975, XXV-XXXII u paġni 41 sa 47.


3      ĠU 2009, L 78, p. 1. Issa ssostitwit mir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


4      Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2018, Constantin Film Produktion vs EUIPO (Fack Ju Göhte) (T‑69/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:27).


5      Punti 14 sa 16 tas-sentenza appellata.


6      Punt 18 tas-sentenza appellata.


7      Punt 19 tas-sentenza appellata.


8      Punti 22 sa 24 tas-sentenza appellata.


9      Punt 25 tas-sentenza appellata.


10      Punt 26 tas-sentenza appellata.


11      Punt 27 tas-sentenza appellata.


12      Punti 28 u 29 tas-sentenza appellata.


13      Punti 31 sa 32 tas-sentenza appellata.


14      Punti 33 sa 34 tas-sentenza appellata.


15      Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015 (R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE).


16      Punti 35 sa 40 tas-sentenza appellata.


17      Punti 42 u 43 tas-sentenza appellata.


18      Trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 6025159 “Fucking Hell”, u Trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 10279644 “MACAFUCKER”.


19      B’kuntrast ma’ li jkun indirizzat lill-Istati Membri biss meta tiġi implimentata l-liġi tal-Unjoni (id-definizzjoni funzjonali tal-kamp ta’ applikazzjoni), l-Artikolu 51(1) tal-Karta jagħmel id-dispożizzjonijiet tal-Karta applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni f’kull waħda mill-attivitajiet tagħhom (id-definizzjoni istituzzjonali tal-kamp ta’ applikazzjoni).


20      Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:324, punti 154 u 155).


21      QEDB, 25 ta’ Awwissu 2015, Dor vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2015:0825DEC005515312, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      QEDB, 24 ta’ Frar 1994, Casado Coca vs Spanja (CE:ECHR:1994:0224JUD001545089, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-QEDB, 25 ta’ Awwissu 2015, Dor vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2015:0825DEC005515312, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-QEDB, 30 ta’ Jannar 2018, Sekmadienis Ltd. vs Il‑Litwanja, (CE:ECHR:2018:0130JUD006931714, punti 75 sa 84).


23      Il-premessa 21 tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21). Dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016, jiġifieri wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni f’din il-kawża mill-appellanti fil-21 ta’ April 2015. Ara wkoll il-premessa 21 tar-Regolament Nru 2017/1001.


24      Pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Couture Tech vs L‑UASI (Rappreżentazzjoni tal-Emblema Sovjetika) (T‑232/10, EU:T:2011:498, punti 68 sa 71).


25      Pereżempju, deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tas-6 ta’ Lulju 2006, R 495/2005‑G, SCREW YOU, punt 15; tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punt 12; tat-2 ta’ Settembru 2015, R 519/2015‑4, JEWISH MONKEYS, punt 16; tal-14 ta’ Diċembru 2015, R 1627/2015‑4, PICA, punt 16; u tat-28 ta’ Ġunju 2017, R 2244/2016‑2, BREXIT, punti 26 sa 34.


26      Dwar ir-rabta bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ara, pereżempju, riċentement, Geiger, C. u Izyumenko, E., “Intellectual property before the European Court of Human Rights”, f’Geiger, C., Nard, C.A. u Seuba, X., Intellectual Property and the Judiciary, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2018, paġni 9 sa 90, speċjalment il-paġni 50 sa 62; Ramsey, L. P., “A Free Speech Right to Trademark Protection?”, The Trademark Reporter, vol. 106, Nru 5, 2016, p. 797.


27      Fil-kawża ineżami, il-libertà tal-espressjoni ġiet invokata mill-appellanti. Iżda naturalment, il-libertà tal-espressjoni, kif ukoll drittijiet u interessi oħra li jiffurmaw parti mill-ekwazzjoni, ma hijiex limitata għad-detenturi (jew detenturi possibbli) tad-drittijiet mogħtija mill-protezzjoni tat-trade mark. Tabilħaqq, il-libertà tal-espressjoni tista’ tiġi invokata wkoll minn dawk li jixtiequ jagħmlu użu mhux awtorizzat minn trade mark, għal raġunijiet li huma jqisu soċjalment importanti. Ara, pereżempju, Geiger, C. u Izyumenko, E. (edituri), “Intellectual property before the European Court of Human Rights”, f’Geiger, C., Nard, C.A. u Seuba, X., Intellectual Property and the Judiciary, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2018, paġni 9 sa 90, speċjalment il-paġni 50 sa 54; u Senftleben, M., “Free signs and free use: How to offer room for freedom of expression within the trademark system”, f’Geiger, C., Research Handbook on Human Rights and Intellectual Property, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2015, paġni 354 sa 376. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2009:569, punt 102).


28      Punt 24 tas-sentenza appellata.


29      Punt 23 tas-sentenza appellata.


30      Ara, pereżempju, Cohen Jehoram, T., Van Nispen, C. u Huydecoper, T., European Trademark Law: Community trademark law and harmonized national trademark law, Wolters Kluwers, Alphen aan den Rijn, 2010, p. 9 et seq. Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt, dokument li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) tas-27 ta’ Marzu 2013, SWD(2013) 95 finali, p. 5, u l-Memorandum dwar il-ħolqien ta’ trade mark tal-KEE tas-6 ta’ Lulju 1976, (SEC(76) 2462, p. 7).


31      Sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punti 21 sa 25) u tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-25 ta’ Marzu 2010, BergSpechte (C‑278/08, EU:C:2010:163, punt 31); u tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 38). Ara wkoll Werkman, C.J., Trademarks: Their creation, psychology and perception, J.H. de Bussy, Amsterdam, 1974, paġni 4 sa 9.


32      Sakulin, W., Trademark Protection and Freedom of Expression: An Inquiry into the Conflict Between Trademark Rights and Freedom of Expression under European Law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2011, p. 30.


33      Id-dispożizzjoni ekwivalenti tinsab fl-Artikolu 4(1)(f) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1) u l-Artikolu 6d B(iii) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883, kif irriveduta u emendata, b’din tal-aħħar tipprovdi li trade marks koperti la jistgħu jiġu miċħuda reġistrazzjoni u lanqas invalidati ħlief f’dawn il-każijiet li ġejjin: “meta jmorru kontra l-moralità jew l-ordni pubbliku u, b’mod partikolari, meta jkunu ta’ natura li jqarrqu bil-pubbliku. Huwa mifhum li marka ma tistax titqies li tmur kontra l-ordni pubbliku għall-unika raġuni li ma tikkonformax ma’ dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar marki, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni nnifisha hija rrelatata mal-ordni pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


34      Hasselblatt, G. N., Community Trade Mark Regulation: A Commentary, CH Beck-Hart-Nomos, München, 2015, p. 125: “il-bażi sottostanti tar-raġuni assoluta għal rifjut fl-Artikolu 7(1)(f) għalhekk ma hijiex li jiġu ffiltrati ’l barra sinjali li l-użu kummerċjali tagħhom għandu jkun evitat bil-mezzi kollha. Pjuttost, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġu preklużi sinjali li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew prinċipji aċċettati ta’ moralità milli jgawdu l-privileġġi ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark [traduzzjoni mhux uffiċjali].”


35      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2012, Cortés del Valle López vs UASI (¡Que buenu ye! HIJOPUTA) (T‑417/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:120, punti 26 sa 27) u tal-14 ta’ Novembru 2013, Efag Trade Mark Company vs UASI (FICKEN LIQUORS) (T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 44).


36      Iktar ’il fuq, il-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Punt 23 tas-sentenza appellata.


38      Ara, pereżempju, Cohen Jehoram, T., Van Nispen, C. u Huydecoper, T., European Trademark Law: Community trademark law and harmonized national trademark law, Wolters Kluwers, Alphen aan den Rijn, 2010, p. 171.


39      Ara Hasselblatt, G. N., Community Trade Mark Regulation: A Commentary, CH Beck-Hart-Nomos, München, 2015, p. 125. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑377/98, EU:C:2001:329, punti 95 sa 99).


40      Ara, pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tad-29 ta’ Settembru 2004, R 176/2004‑2, BIN LADIN, punti 17 u 18, u tat-28 ta’ Ġunju 2017, R 2244/2016‑2 BREXIT, speċjalment il-paragrafu 42; deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tas-6 ta’ Lulju 2006, R 495/2005‑G, SCREW YOU, u tas-17 ta’ Settembru 2012, R 2613/2011‑2, ATATÜRK.


41      Ara d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tas-6 ta’ Frar 2015, R 2804/2014‑5, MECHANICAL APARTHEID, punt 30, u tat-22 ta’ Settembru 2015, R 1997/2014‑4, OSHO, punti 34 u 36. Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia Franchises vs EUIPO – L-Italja (La Mafia SE SIENTA A LA MESA) (T‑1/17, EU:T:2018:146, punti 42 u 48).


42      Ara, pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-1 ta’ Settembru 2011, R 168/2011‑1, fucking freezing! by TÜRPITZ (MARKA FIGURATTIVA), punti 25 u 29; u tat-23 ta’ Frar 2015, R 793/2014‑2, FUCK CANCER, punt 19. Ara, għal ħarsa ġenerali tal-prattika fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Linji Gwida tal-EUIPO dwar it-trademarks tal-Unjoni Ewropea, Parti B: Eżaminazzjoni; Taqsima 4: Raġunijiet assoluti għal rifjut; Kapitolu 7: Trade marks f’konflitt mal-Ordni Pubbliku u l-Prinċipji Aċċettabbli tal-Moralità (Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea), paġni 4 sa 6.


43      Ara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-6 ta’ Frar 2015, R 2804/2014‑5, MECHANICAL APARTHEID, punt 30.


44      Ara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-2 ta’ Settembru 2015, R 519/2015‑4, JEWISH MONKEYS, speċjalment il-punti 3, 10, 15 u 16. Interessanti li dik id-deċiżjoni ffokat fuq ammiraturi potenzjali tal-grupp bħala l-pubbliku rilevanti iktar milli fuq dawk li jistgħu jiltaqgħu mat-trade mark fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.


45      Ibid., punt 11.


46      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE.


47      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-2 ta’ Settembru 2015, R 519/2015‑4, JEWISH MONKEYS, punt 11.


48      Ibid., punt 16.


49      Enfasi miżjuda. Ara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tad-29 ta’ Settembru 2004, R 176/2004‑2, BIN LADIN, punt 17. F’dan ir-rigward, ara wkoll id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-6 ta’ Lulju 2006, R 495/2005‑G, SCREW YOU, punt 20, fejn jingħad li “sinjali li joffendu serjament is-sensittivitajiet reliġjużi ta’ grupp sostanzjali tal-popolazzjoni l-aħjar jinżammu wkoll barra mir-reġistru, jekk mhux għal raġunijiet morali, għall-inqas għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jiġifieri r-riskju li jikkawżaw diżordni pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


50      Ara, għal approċċ simili, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Linji Gwida tal-EUIPO dwar it-trademarks tal-Unjoni Ewropea, Parti B: Eżaminazzjoni; Taqsima 4: Raġunijiet assoluti għal rifjut; Kapitolu 7: Trade marks f’konflitt mal-Ordni Pubbliku u l-Prinċipji Aċċettabbli tal-Moralità (Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea), p. 4: “‘ordni pubbliku’ tirreferi għall-korp ta’ liġijiet tal-UE applikabbli f’ċertu qasam, kif ukoll għall-ordinament ġuridiku u għall-istat tad-dritt kif definiti mit-Trattati u mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, li jirriflettu fehma komuni ta’ ċerti prinċipji u valuri bażiċi, bħad-drittijiet tal-bniedem”.


51      Ara wkoll f’dan ir-rigward, ibid., il-paġni 4 sa 5, fejn jingħad li l-kunċett ta’ prinċipji aċċettati ta’ moralità “[j]eskludi r-reġistrazzjoni bħala trademarks tal-Unjoni Ewropea ta’ kliem jew ta’ frażijiet midgħin, razzisti, diskriminatorji jew insolenti, iżda biss jekk dik it-tifsira tkun espressa b’mod ċar mill-marka li ssir applikazzjoni għaliha b’mod mhux ambigwu”.


52      Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). Din id-direttiva ġiet irrevokata u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2436 iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.


53      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-6 ta’ April 2017, Muniċipalità ta’ Oslo, (Kawża E‑5/16, punt 86).


54      Pereżempju, ftit hemm dubju f’moħħi li trade marks konnessi ma’, jew li jinvokaw, atti ta’ terroriżmu jew organizzazzjonijiet terroristiċi jmorru kontra kemm l-ordni pubbliku (peress li ċertament hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku biex jiġu missielta dawn l-attivitajiet u tinżamm il-paċi fis-soċjetà) u prinċipji aċċettati ta’ moralità (peress li huwa ċar li kważi s-soċjetà Ewropea kollha tistmerr kull att bħal dan).


55      L-introduzzjoni mil-leġiżlatur Ċek għoxrin sena ilu ta’ regola ġdida li tagħti l-hekk imsejħa “prijorità assoluta” lill-persuni bil-mixi (li qabel kienu pjuttost fil-periklu) li jaqsmu t-triq fuq vetturi li jgħaddu fiż-żoni indikati hija eżempju tajjeb ta’ dan ix-xenarju. Dak li oriġinarjament ġie pperċepit bħala regola oħra tat-traffiku ta’ ordni pubbliku, fil-frattemp (wieħed jittama), inbidel ukoll f’regola morali.


56      Ara l-lista msemmija fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      F’dan is-sens, il-Linji Gwida tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea dwar it-trademarks tal-Unjoni Ewropea, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, p. 5, jgħidu li l-“leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali huma meqjusa li huma evidenza fattwali li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fi ħdan it-territorju rilevanti”.


58      Iktar ’il fuq, punti 65 sa 68.


59      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE.


60      Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (raġunijiet assoluti għal rifjut) u l-Artikolu 53(1) tal-istess regolament (raġunijiet relattivi għal rifjut).


61      Ninnota li t-titolu tat-tielet aggravju jirreferi mhux biss għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba iżda wkoll għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Madankollu, l-appellanti ma tikkummentax fuq l-aħħar prinċipju u t-tielet aggravju għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba biss.


62      Dwar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, L-EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 65).


63      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, L-EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64      Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, L-EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 61). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Il‑Polonja vs Stock Polska u EUIPO (C‑162/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:27, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 64).


66      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punt 3.


67      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punti 6 sa 9.


68      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punt 12.


69      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punt 13.


70      Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Mejju 2015, R 2889/2014‑4, DIE WANDERHURE, punt 12.


71      Ara wkoll id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-21 ta’ Jannar 2010, R 385/2008‑4, FUCKING HELL; tal-1 ta’ Settembru 2011, R 168/2011‑1, FUCKING FREEZING!; u tat-2 ta’ Settembru 2015, R 519/2015‑4, JEWISH MONKEYS, ikkummentata iktar ’il fuq fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll (parzjalment) id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-6 ta’ Lulju 2006, R 495/2005‑G, SCREW YOU.


72      Punt 40 tas-sentenza appellata.


73      It-titolu bl-Ingliż tas-sensiela ta’ kotba bil-Ġermaniż (tradotti minn Lee Chadeayne) jgħid The Wandering Harlot. Madankollu, jekk jiġi adattat f’lingwaġġ modern, jistgħu jintużaw traduzzjonijiet ferm inqas sottili.


74      Huwa interessanti li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tidher li hi valida mhux biss għall-prodotti (klassijiet 9 u 16), iżda għas-servizzi wkoll (klassijiet 35, 38, u 41).


75      Ara, pereżempju, il-QEDB, 14 ta’ Jannar 2010, Atanasovski vs Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2010:0114JUD003681503, punt 38).


76      Ara, fost oħrajn, il-QEDB, 14 ta’ Jannar 2010, Atanasovski vs Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2010:0114JUD003681503, punt 38); il-QEDB, 7 ta’ Ġunju 2007, Salt Hiper Sa vs Spanja (CE:ECHR:2007:0607JUD002577903, punt 26); u l-QEDB, 30 ta’ Novembru 2010, S.S. BALIKLIÇEŞME Beldesi tar. kal. Kooperatifi vs It‑Turkija (CE:ECHR:2010:1130JUD000357305, punt 28).


77      Iktar ’il fuq, punt 104 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.