KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2019(1)
Kawża C‑298/18
Reiner Grafe,
Jürgen Pohle
vs
Südbrandenburger Nahverkehrs GmbH,
OSL Bus GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Cottbus - Kammern Senftenberg (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus, l-Awli ta’ Senftenberg, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferimenti ta’ impriżi jew negozji — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — L-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja — It-trasferiment lil impriża ġdida ta’ attivitajiet operati minn impriża oħra wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi”
1. Id-Direttiva 2001/23/KE (2) tikkodifika d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (3). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Arbeitsgericht Cottbuss —(il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus, il-Ġermanja), hija mressqa fi proċeduri mressqin minn R. Grafe u J. Pohle kontra Südbrandenburger Nahverkehrs GmbH (iktar ’il quddiem “SBN”), l-ex operatur ta’ servizz lokali bil-karozzi tal-linja, u OSL Bus GmbH (iktar ’il quddiem “OSL Bus”), l-operatur il-ġdid ta’ dan is-servizz.
2. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex gwida dwar jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23 fejn ma kienx hemm trasferiment sinjifikattiv ta’ assi tanġibbli, iżda l-maġġoranza tal-persunal impjegat mill-ex operatur ġew irreklutati mill-operatur il-ġdid. Hija tistaqsi wkoll jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne (4), li kkonċernat l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregola d-drittijiet tal-ħaddiema f’każijiet ta’ trasferiment ta’ impriżi li jirrelataw mal-operat ta’ servizz tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja, għandhiex tapplika hawn.
Id-Direttiva 2001/23
3. Id-dikjarazzjonijiet segwenti saru fil-premessi għad-Direttiva 2001/23: L-ewwel nett, f’każ ta’ tibdil tal-persuna li timpjega huwa neċessarju li tiġi prevista l-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom jinżammu (5). Fit-tieni lok, il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema (6) tipprevedi li “[l]-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema [f’dik li dak iż-żmien kienet il-]Komunità Ewropea. It-titjib għandu jkopri, meta neċessarju, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti ta’ l-impjieg bħal proċeduri għall-disimpieg kollettiv u dawk li jirrigwardjaw fallimenti […]” (7). Fit-tielet lok, id-Direttiva 77/187 ġiet adottata fl‑1977 biex tippromwovi, inter alia, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema (8).
4. L-Artikolu 1(1)(a) jgħid li d-Direttiva 2001/23 tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju, jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali. Skont l-Artikolu 1(1)(b), “[…] ikun hemm trasferiment fis-sens [tad-Direttiva 2001/23] meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”. L-Artikolu 1(1)(ċ) jipprevedi li d-direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Skont l-Artikolu 1(2), id-Direttiva 2001/23 tapplika meta u sakemm l-impriża, in-negozju jew il-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferiti jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattat.
5. Id-definizzjonijiet segwenti huma stabbiliti fl-Artikolu 2. “[M]in jagħmel it-trasferiment” huwa “kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju”; “min lilu jsir trasferiment” ifisser “kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju”; u “impjegat” għandu jfisser “kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg” (9).
6. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jistabbilixxi li “[i]d-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) jipprevedi li “[w]ara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor”.
Id-Direttiva 92/50
7. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (10) stabbilixxiet ir-regoli li awtoritajiet kontraenti kellhom japplikaw fl-għoti ta’ tali kuntratti. Madankollu, fil-mument li l-awtorità kontraenti fil-kawża prinċipali organizzat il-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi lokali bil-karozzi tal-linja, din id-direttiva kienet ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (11). Għaldaqstant, ser nagħmel riferiment għal din l-aħħar direttiva f’dawn il-konklużjonijiet.
Il-fatti kuntestwali, il-proċedura u d-domandi preliminari.
8. SBN kellu kuntratt mal-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz) li kien jibda fl‑1 ta’ Awwissu 2008 biex jopera s-sistema distrettwali ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja f’dan ir-reġjun. F’Settembru 2016, id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) ħareġ sejħa ġdida għal offerti għall-operat tas-servizzi tiegħu bil-karozzi tal-linja. SBN ma pparteċipax f’din il-kompetizzjoni. Sussegwentement, SBN iddeċieda jwaqqaf l-operat tan-negozju u jagħti notifika ta’ preavviż fil-kuntest ta’ terminazzjoni ta’ impjieg lill-ħaddiema kollha tiegħu.
9. Fid‑19 ta’ Jannar 2017, SBN qabel fuq pjan soċjali mal-kumitat tax-xogħlijiet tal-kumpannija. Il-pjan soċjali ppreveda li jekk il-ħaddiema ma rċevewx offerta ta’ impjieg mill-ġdid mill-operatur il-ġdid jew jekk sofrew telf finanzjarju wara l-ħatra mill-ġdid tagħhom, huma kellhom jirċievu allowances tat-tluq ta’ ammonti varji.
10. Il-kuntratt għall-provvista tas-servizz lokali bil-karozzi tal-linja mill‑1 ta’ Awwissu 2017 ingħata lil Kraftverkehrsgesellschaft Dreiländereck mbH (iktar ’il quddiem il-“KVG”) sussidjarja miżmuma fit-totalità minn Rhenus Veniro GmbH & Co. KG. Dan tal-aħħar stabbilixxa sussidjarja miżmuma fit-totalità ġdida, OSL Bus biex tipprovdi s-servizz tat-trasport. OSL Bus irrekluta ħafna mis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u wħud mill-persunal tal-ġestjoni mill-ex operatur, SBN. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2017, l-operatur il-ġdid informa lil SBN li huwa ma kienx ser jixtri, jikri jew juża b’xi mod ieħor l-assi tanġibbli – karozzi tal-linja, imħażen, garaxxijiet u servizzi ta’ operazzjoni – li dan tal-aħħar kien iżomm.
11. R. Grafe kien ilu impjegat full-time mis‑16 ta’ Lulju 1978, minn SBN (jew il-predeċessuri legali tiegħu) bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja u foreman. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jannar 2017, SBN ittermina l-impjieg ta’ R. Grafe b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2017. Mill‑1 ta’ Settembru 2017, huwa kien impjegat bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja minn OSL Bus. L-operatur il-ġdid ma ħax inkunsiderazzjoni l-anzjanità preċedenti mwettqa minn R. Grafe mal-SBN. Huwa għaldaqstant ikklassifikat bħala ħaddiem maħtur ġdid fl-entry level tal-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni ma’ OSL Bus. R. Grafe kkontesta t-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu minn SBN u jsostni li fil-klassifika tiegħu, l-operatur il-ġdid għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità preċedenti. Kemm R. Grafe u SBN huma tal-fehma li r-relazzjoni ta’ impjieg ġiet ittrasferita lil OSL Bus permezz tat-trasferiment ta’ impriża.
12. J. Pohle kien ilu impjegat full-time mis‑6 ta’ Novembru 1979 minn SBN bħala sewwieq tal-karozzi tal-linja u foreman. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jannar 2017, SBN ittermina l-impjieg ta’ J. Pohle b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2017. L-operatur il-ġdid ma offriex xogħol ġdid lil J. Pohle. J. Pohle kkontesta d-deċiżjoni ta’ SBN. Sussidjarjament, huwa talab allowance tat-tluq ta’ EUR 68 034.56 ibbażata fuq il-pjan soċjali miftiehem bejn SBN u l-kumitat tax-xogħlijiet tiegħu.
13. Fil-kontrotalba tiegħu, SBN isostni li r-relazzjoni ta’ impjieg ma’ J. Pohle ġiet ittrasferita lill-operatur il-ġdid, għaliex kien hemm trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23. SBN għalhekk ma kellu l-ebda obbligu jagħti allowance tat-tluq lil J. Pohle. OSL Bus isostni li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ impriża rilevanti. Mill-assi tanġibbli tal-impriża preċedenti ma ġie ttrasferit xejn lilu; u l-fatt li ġew ittrasferiti lilu ħafna mill-ħaddiema ma kienx ta’ importanza deċiżiva għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja.
14. F’Liikenne (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trasport bil-karozzi tal-linja ma setax jitqies attività essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, għaliex tali operazzjoni teħtieġ impjanti u apparat sostanzjali. F’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-elementi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod importanti għat-twettiq tal-attività, in-nuqqas ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand il-kuntrattur ta’ qabel lill-kuntrattur il-ġdid ta’ tali assi, li kienu essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li din tal-aħħar ma żammitx l-identità tagħha (13).
15. Il-qorti tar-rinviju tapprova l-argument ta’ SBN fil-kawża prinċipali li l-kundizzjonijiet li jirrelataw mal-operat ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja inkwistjoni huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata s-sentenza tal-Qorti tal-ĠustizzjaLiikenne (14). Dawn il-kundizzjonijiet ġodda jinkludu: (i) rekwiżiti legali, żviluppi tekniċi u protezzjoni ambjentali, bħall-“istandard Euro 6” dwar l-emissjonijiet (15), (ii) kuntratt għall-operat ta’ servizzi bil-karozzi tal-linja inkwistjoni li dam għal perijodu ta’ 10 snin, u (iii) kriterji għall-offerta li kienu jistipulaw li l-karozzi tal-linja jistgħu ma jkunux eqdem minn 15‑il sena (mid-data tar-reġistrazzjoni inizjali) (16), il-karozzi tal-linja kollha użati kellhom ikunu ta’ disinn bażiku uniformi, il-karozzi tal-linja kellhom jissodisfaw l-istandard Euro 6 (17), u mill‑1 ta’ Jannar 2018 40 % tal-karozzi użati kellhom ikunu bi pjattaforma baxxa (li tiżdied sa 70 % mill‑1 ta’ Jannar 2022) (18). Għalhekk, l-operatur ġdid jista’ raġonevolment jeskludi li jieħu f’idejh l-istokk ta’ karozzi tal-linja użati mill-operatur ta’ qabel.
16. Il-qorti tar-rinviju waslet għall-kunsiderazzjonijiet segwenti: L-ewwel nett, karozzi tal-linja li huma tipikament mhux xierqa għal użu ulterjuri jew li jistgħu jintużaw biss sa punt limitat ħafna ma jistgħux jitqiesu bħala essenzjali għall-għanijiet tal-operatur il-ġdid. Minflok, dawn il-karozzi tal-linja għandhom neċessarjament jinbidlu sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ karozza tal-linja pubbliku lokali. It-tieni nett, imħażen ta’ karozzi tal-linja ma għadhomx meħtieġa. It-tielet nett, sewwieqa tal-karozzi tal-linja huma essenzjali għall-impriża kkonċernata. L-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti stipulaw li “l-kuntrattur għandu jiggarantixxi li l-persunal tas-sewqan jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ servizz attraenti ta’ trasport pubbliku għall-passiġġiera lokali b’orjentazzjoni estensiva ta’ servizz u ta’ klijenti”. Sewwieqa tal-karozzi tal-linja — b’mod partikolari f’żoni rurali — huma l-iktar riżorsa importanti u, b’mod partikolari, riżorsa skarsa. Fl-aħħar nett, minħabba l-għarfien lokali tagħhom mibni matul is-snin u l-għarfien espert tagħhom fir-rigward tar-rotot, sewwieqa tal-karozzi tal-linja ma humiex riżorsa li tista’ tiġi mibdula faċilment.
17. Is-servizz pubbliku bil-karozzi tal-linja f’Oberspreewald-Lausitz kien operat minn SBN sal‑31 ta’ Lulju 2017. Huwa kien immexxi mill-operatur il-ġdid mill‑1 ta’ Awwissu 2017. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li sabiex ikun jista’ jsir trasferiment bla xkiel tas-sistema ta’ trasport pubbliku lokali, kien irrilevanti liema karozzi tal-linja ġew użati, iżda kien rilevanti liema sewwieqa tal-karozzi tal-linja kienu impjegati.
18. F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:
“1) It-trasferiment ta’ negozju li jinvolvi l-operat ta’ rotot tal-karozzi tal-linja minn impriża ta’ karozzi tal-linja lil oħra fuq il-bażi ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt taħt id-[Direttiva 2014/24] jikkostitwixxi trasferiment ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-[Direttiva 2001/23], u dan anki meta ebda riżorsi sinjifikattivi tan-negozju, u b’mod partikolari ebda karozza tal-linja, ma jkunu ġew ittrasferiti bejn iż-żewġ impriżi msemmija?
2) Il-fatt li, f’sitwazzjoni fejn il-kuntratt għal provvista ta’ servizzi jingħata għal perijodu ddeterminat, il-karozzi tal-linja ma jkunx għad għandhom, skont deċiżjoni kummerċjali raġonevoli, importanza kunsiderevoli għall-valur tan-negozju minħabba l-età tagħhom u minħabba rekwiżiti tekniċi iktar onerużi (valuri ta’ emissjonijiet, karozzi bi pjattaforma baxxa), jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel eċċezzjoni mis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59) fis-sens li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-parti essenzjali tal-persunal ġiet ittrasferita jista’ jwassal għall-applikabbiltà tad-[Direttiva 2001/23]?”
19. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni Ewropea. La R. Grafe u lanqas J. Pohle ma ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, u lanqas ma attendew is-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2019 li fiha SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.
Evalwazzjoni
Kummenti preliminari
20. Huwa veru li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix deskrizzjoni tad-dritt nazzjonali; u lanqas ma tindika jekk il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tirrigwarda s-servizzi bil-karozzi tal-linja operati f’isem l-awtorità kontraenti ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni suffiċjenti biex tieħu deċiżjoni, u li tali nuqqasijiet ma jistax ikollhom l-effett li jippruvaw lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kompetenza biex tirrispondi d-domandi preliminari (19).
21. Żewġ punti jirriżultaw mir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għad-Direttiva 92/50. L-ewwel nett, huwa ċar mill-informazzjoni pprovduta li din id-direttiva ma kinitx għadha fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti ħarġet is-sejħa għal offerti (20). It-tieni nett, huwa paċifiku li l-punti ta’ dritt tal-Unjoni inkwistjoni jikkonċernaw biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 dwar it-trasferiment tal-impriżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara li l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 jistgħu f’xi każijiet ikunu applikabbli fil-kuntest ta’ tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi ma jistax jiġi kkunsidrat li jqiegħed f’dubju l-għanijiet tagħha (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja biex teżamina jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi ġewx osservati u ma huwiex neċessarju iktar ħsieb dwar dan il-punt sabiex tirrispondi d-domandi tal-qorti tar-rinviju.
22. Huwa paċifiku li t-trasferiment tal-operat ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja f’isem l-awtorità kontraenti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 (22). Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva SBN huwa min jagħmel it-trasferiment, OSL Bus huwa ċ-ċessjonarju u R. Grafe u J. Pohle huma ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a), (b) u (d) rispettivament, ta’ din id-direttiva.
Id-domandi preliminari
23. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta ruħha jekk it-trasferiment tal-operat ta’ servizz bil-karozzi tal-linja rurali minn operatur għal ieħor, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jikkostitwixxix trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, anki fejn l-ebda assi tanġibbli (bħall-karozzi tal-linja nnifishom) ma ġew ittrasferiti lill-operatur il-ġdid. It-tieni domanda tistaqsi essenzjalment jekk f’każijiet ta’ trasferiment ta’ impriżi fejn l-assi tanġibbli ma humiex iktar importanti huwiex possibbli li tiddevja mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne (23). Għat-tweġiba tal-ewwel domanda ser ikun neċessarju li tiġi eżaminata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Jiena għalhekk ser nittratta ż-żewġ domandi flimkien.
24. Il-kwistjoni prattika ineżami hija jekk id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ impjieg ta’ R. Grafe u J. Pohle ġewx ittrasferiti lil OSL Bus mill-ex operatur (24).
25. Fuq dan il-punt hemm xi punti paċifiċi bejn SBN, OSL Bus u l-Kummissjoni. L-ewwel nett, huma lkoll isostnu li sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza ta’ fatt li tikkaratterizza l-operat tan-negozju inkwistjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-evalwazzjoni ġenerali tal-każ inkwistjoni u ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati b’mod iżolat. It-tieni nett, huma jirrikonoxxu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’ċerti setturi fejn iż-żamma tal-persunal ta’ impriża hija ta’ importanza assoluta, impriża tista’ tikkonserva l-identità tagħha wara trasferiment jekk l-operatur il-ġdid isegwi mhux biss l-istess attività, iżda jżomm ukoll essenzjalment l-istess grupp ta’ persunal.
26. SBN jissottometti li kien hemm trasferiment ta’ impriża. Il-karozzi tal-linja nnifishom (li faċilment jiġu mibdulin) huma ta’ importanza inqas mill-persunal. Huwa biss billi ġiet ittrasferita lilu l-parti l-kbira tal-persunal eżistenti ta’ SBN li l-operatur il-ġdid ikun jista’ jkompli jmexxi servizz bil-karozzi tal-linja li jiffunzjona bla xkiel fil-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz).
27. OSL Bus isostni li, bil-maqlub, id-Direttiva 2001/23 ma tapplikax fejn ma kien hemm l-ebda trasferiment notevoli tar-riżorsi tal-operat (f’dan il-każ, il-karozzi tal-linja), mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid. It-trasport bil-karozzi tal-linja huwa preċiżament wieħed mis-setturi li ma jistrieħx essenzjalment fuq persunal ikkwalifikat. F’dan is-settur, il-valur miżjud jinħoloq b’mod partikolari permezz tal-assi tanġibbli – il-karozzi tal-linja. Is-servizz ma jistax jiġi operat mingħajr dawn l-assi. Għalhekk, jekk il-karozzi tal-linja jiġux ittrasferiti bejn l-ex operatur u l-operatur il-ġdid huwa determinanti.
28. Il-Kummissjoni wkoll tissottometti li mis-sentenza tal-Qorti f’Liikenne (25), isegwi li t-trasport bil-karozzi tal-linja ma huwiex settur fejn l-operat tas-servizz jistrieħ fuq il-persunal. Huwa għall-qorti nazzjonali biex tiddetermina jekk hemmx fatturi suffiċjenti biex jindikaw li seħħ trasferiment. Fil-fehma tagħha, l-importanza tal-fatt li l-ebda assi tanġibbli ma ġew ittrasferiti ma tistax tiġi kkuntrastata mill-fatt li l-ex operatur wettaq l-attività inkwistjoni b’assi tanġibbli li kienu tilfu l-parti l-kbira mill-valur materjali tagħhom minħabba l-età tagħhom u li kienu skadew minħabba titjib teknoloġiku f’dan is-settur.
29. Jidhirli li sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva 2001/23 tiġi applikata b’mod uniformi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkunsidrat id-domanda dwar l-istabbiliment ta’ jekk hemmx trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva billi eżaminat jekk l-entità inkwistjoni żżomx l-identità tagħha (26). Dan l-approċċ jipprevedi applikazzjoni uniformi minkejja d-differenzi bejn il-verżjonijiet tal-lingwi varji ta’ din id-direttiva u d-diverġenzi bejn id-drittijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ x’jikkostitwixxi trasferiment legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni suffiċjentement flessibbli fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/23 (27).
30. Sabiex jiġi ddeterminat jekk entità żżomx l-identità tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-assi intanġibbli meta seħħ it-trasferiment, it-trasferiment jew in-nuqqas tal-maġġoranza tal-ħaddiema lill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijenti, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment, u t-tul, jekk ikun il-każ, tas-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari u ma jistgħux għalhekk jiġu eżaminati b’mod iżolat. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat (28). Minn dan isegwi li fid-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 il-grad ta’ importanza li għandha tingħata lill-kriterji differenti jinbidel neċessarjament skont l-attività mwettqa, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża rilevanti, negozju jew parti min-negozju (29).
31. Id-diffikultà hawnhekk tinsab fl-istabbiliment ta’ kif dan it-test għandu jiġi applikat, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-piż li għandu jingħata lid-diversi fatturi f’din l-evalwazzjoni. Jidhirli li din ma hijiex sempliċement kwistjoni ta’ jekk il-persunal jew l-assi tanġibbli (il-karozzi tal-linja) ġewx ittrasferiti lill-operatur il-ġdid. Minflok, il-punt ta’ tluq ta’ kwalunkwe evalwazzjoni għandu jkun l-għan tad-Direttiva 2001/23, li huwa li tipprovdi protezzjoni lil ħaddiema f’każ ta’ tibdil tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari biex iżżomm id-drittijiet tagħhom (30). Għalhekk, fil-fehma tiegħi kwalunkwe determinazzjoni teħtieġ grad ikbar ta’ distinzjonijiet fini minn dak issuġġerit mill-partijiet f’dawn il-proċeduri.
32. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 l-obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg (jew relazzjoni ta’ impjieg) li jkunu fis-seħħ fil-jum tat-trasferiment huma awtomatikament ittrasferiti liċ-ċessjonarju fid-data tat-trasferiment.
33. L-istorja leġiżlattiva tikkonferma li meta impriża tiġi ttrasferita, il-protezzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn min jagħmel it-trasferiment u l-ħaddiema li jiġu ttrasferiti lill-operatur il-ġdid hija fil-qalba tad-Direttiva 2001/23 (31). Għalhekk, id-determinazzjoni ta’ jekk tinżammx l-identità tal-entità inkwistjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ għandhom isiru skont dan l-għan ċentrali.
34. Isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali evalwazzjoni hija neċessarjament flessibbli. Għalhekk, il-piż li għandu jingħata lill-elementi ta’ din l-evalwazzjoni jvarja skont il-każ inkwistjoni. Min-naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn attività hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema, l-identità tal-entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk l-operatur il-ġdid ma jirreklutax il-maġġoranza tal-ħaddiema tal-ex operatur (32). Min-naħa l-oħra, fejn attività partikolari tkun ibbażata essenzjalment fuq tagħmir, il-fatt li l-ex ħaddiema ma tteħdux mill-operatur il-ġdid sabiex iwettqu dik l-attività ma jipprekludix l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23 (33).
35. Hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li l-ħaddiema (is-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u l-persunal tal-ġestjoni) kienu importanti biex jiżguraw li l-provvista ta’ servizz bil-karozzi tal-linja lokali fil-Landkreis Oberspreewald-Lausitz (id-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz) bejn l-ex operatur u l-operatur il-ġdid, kienet ittrasferita bla xkiel (34). Madankollu, ma hemm l-ebda konstatazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju fis-sens li l-karozzi tal-linja u assi tanġibbli oħrajn kienu essenzjali għall-impriża, b’mod partikolari fil-mument meta l-awtorità kompetenti nediet is-sejħa għal offerti.
36. Għalhekk, jidhirli li SBN u OSL Bus ma jistgħux ikollhom raġun fis-sens li ż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali jissuġġerixxu t-tnejn li huma li awtomatikament isegwi li hemm (jew, bil-maqlub, ma hemmx), trasferiment ta’ impriża skont jekk jeżistix wieħed mill-fatturi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-evalwazzjoni li għandha ssir hija iktar kumplessa minn dan.
37. Fi Schmidt (35), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament indirizzat id-domanda dwar jekk l-assenza ta’ kwalunkwe trasferiment ta’ assi tanġibbli pprekludietx l-eżistenza ta’ trasferiment kopert mid-Direttiva 77/187 (36). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet din id-domanda b’mod qawwi fin-negattiv. Hija nnotat li ġurisprudenza preċedenti elenkat it-trasferiment ta’ tali assi fost id-“diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn qorti nazzjonali sabiex jippermettulha evalwazzjoni ta’ tranżazzjoni kumplessa fit-totalità tagħha, biex tiddeċiedi jekk impriża ġietx fil-fatt ittrasferita” (37). Madankollu, is-sempliċi fatt li trasferiment ta’ assi tanġibbli kien fattur elenkat ma intitolax lil persuna tikkonkludi li, fl-assenza ta’ tali trasferiment ta’ assi, l-ebda trasferiment ta’ impriża ma seħħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li preċedentement iddeċidiet (fi Spijkers) (38) li dan il-fattur ma kienx deċiżiv waħdu. Hija għaldaqstant ikkonkludiet li l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema, “ma jistax jiddependi esklużivament fuq il-kunsiderazzjoni ta’ [dan il-]fattur” (39).
38. Il-qorti tar-rinviju ddikjarat fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li t-trasferiment lil OSL Bus tal-flotta ta’ karozzi tal-linja użata minn SBN ġie eskluż fil-prattika, minħabba li l-kundizzjonijiet li kienu japplikaw għall-operat ta’ rotot ta’ karozzi tal-linja għall-awtorità kontraenti nbidlu. Bdew japplikaw rekwiżiti ta’ emissjonijiet iktar restrittivi. Karozzi tal-linja fis-servizz ma tħallewx ikunu iktar qodma minn 15‑il sena (bħala medja l-karozzi tal-linja ta’ SBN kellhom 13‑il sena fil-mument li ġie ttrasferit is-servizz tal-karozzi tal-linja lill-operatur il-ġdid). Proporzjon kbir tal-karozzi użati kellu jkun sostenibbli għall-aċċess għal persuni b’diżabbiltà. Kien hemm moviment ġenerali lejn l-użu ta’ karozzi tal-linja elettriċi minflok il-karozzi tal-linja tad-diesel jew tal-petrol, u l-qorti tar-rinviju ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt tal-operatur il-ġdid kien għal perijodu ta’ 10 snin. Fir-rigward tal-persunal, il-qorti tar-rinviju aċċettat d-dikjarazzjoni ta’ SBN li s-“sewwieqa tal-karozzi tal-linja huma essenzjali għall-entità ekonomika”. L-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerta stipulaw li “l-kuntrattur għandu jiggarantixxi li l-persunal tas-sewqan jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ servizz attraenti ta’ trasport pubbliku tal-passiġġiera lokali b’orjentazzjoni estensiva ta’ servizz u ta’ klijenti”. Il-qorti tar-rinviju esprimiet ukoll il-fehma li f’żoni rurali, bħad-Distrett Amministrattiv ta’ Oberspreewald-Lausitz, sewwieqa tal-karozzi tal-linja esperjenzati huma “riżorsa rari u prezzjuża” (40).
39. Jekk in-negozju inkwistjoni żammx l-identità tiegħu hija finalment kwistjoni ta’ fatt; u għaldaqstant kwistjoni għall-qorti tar-rinviju. Hija ġurisprudenza stabbilita li ż-żamma tal-identità hija indikata, inter alia, minn jekk il-persuna li timpjega l-ġdida fil-fatt tkomplix jew terġax tibda l-istess attivitajiet jew attivitajiet simili (41).
40. Hawnhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li OSL Bus, l-operatur il-ġdid, ipprovda servizzi bil-karozzi tal-linja essenzjalment simili għal dawk immexxijin mill-ex operatur SBN. Ma kien hemm l-ebda ksur fis-servizz minn ġurnata għal oħra (42). Is-servizz ġie pprovdut lill-istess klijent, l-awtorità kontraenti, probabbilment biex jopera ħafna mill-istess rotot għal ħafna mill-istess passiġġiera.
41. F’dan l-isfond, il-fatt li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ assi tanġibbli huwa ta’ sinjifikat superjuri?
42. OSL Bus jagħmel enfasi partikolari fuq dak li huwa jiddeskrivi bħala “l-valur miżjud tal-assi tanġibbli tal-ex operatur”. Huwa jissottometti li l-fatturi stabbiliti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha huma immaterjali. Il-każ għandu jiġi evalwat fl-astratt u jekk l-assi tanġibbli ġewx ittrasferiti lill-operatur il-ġdid huwa determinanti.
43. Ma nistax naqbel.
44. It-trasferiment ta’ impriża ma seħħx fl-astratt. Għall-kuntrarju: l-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju huma konsistenti mal-fatturi identifikati bħala rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza estensiva tagħha. Huwa preċiżament minħabba li t-trasferiment ta’ impriża għandu effetti reali u prattiċi mhux biss għall-entitajiet involuti iżda wkoll għall-ħaddiema tagħhom li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda jaġixxi f’dan il-qasam. Ikun għaldaqstant pervers li tali każijiet jiġu eżaminati minn perspettiva purament astratta. It-test li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika huwa essenzjalment test prattiku tas-sitwazzjoni reali: hemm “trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23?”. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi ridotta għad-determinazzjoni ta’ jekk l-assi tanġibbli humiex ittrasferiti mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid.
45. Isegwi neċessarjament minn Liikenne (43) li minħabba li l-istokk eżistenti ta’ karozzi tal-linja (antiki) ma ġiex ittrasferit lill-operatur il-ġdid mill-ex operatur, ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża hawnhekk?
46. Liikenne (44) kkonċernat kuntratt ta’ tliet snin għal servizzi ta’ karozzi tal-linja li jkopri seba’ linji ta’ karozzi tal-linja reġjonali. L-ex operatur (Hakunilan Liikenne: iktar ’il quddiem “HL”) kien jopera r-rotot b’26 karozza tal-linja. Huwa u jistenna l-kunsinna ta’ 22 karozza tal-linja ġodda li kien ordna, l-operatur il-ġdid (Liikenne) kera żewġ karozzi tal-linja mingħand HL għal perijodu ta’ xahrejn jew tliet xhur u xtara xi uniformijiet mingħandha (45). L-ebda karozza jew assi sinjifikattivi oħra ma ġew ittrasferiti lilu fuq bażi permanenti.
47. Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi għamlet numru ta’ punti ġenerali li jsegwu ġurisprudenza stabbilita sew. Dawn jinkludu riferiment għall-għanijiet tad-Direttiva 2001/23; x’jikkostitwixxi impriża għall-għanijiet ta’ din id-direttiva; espożizzjoni tat-test u l-kriterji għall-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm “trasferiment” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tagħha, u tfakkir li huwa għall-qorti nazzjonali biex tevalwa l-fatti f’kawża partikolari (46).
48. Hija s-silta segwenti tas-sentenza li potenzjalment tikkawża diffikultajiet:
“39. Madankollu, it-trasport bil-karozzi tal-linja ma jistax jitqies bħala attività bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiema, għaliex teħtieġ impjanti u apparat sostanzjali (ara s-sentenza li waslet għall-istess konklużjonijiet fir-rigward ta’ xogħol ta’ tħaffir fil-minjieri, Allen[(47)], punt 30). Il-fatt li l-assi tanġibbli użati għall-operat tar-rotot ta’ karozzi tal-linja ma ġewx ittrasferiti mill-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid għaldaqstant jikkostitwixxi ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.
40 Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-konvenuti fil-kawża prinċipali enfasizza l-valur ekonomiku tal-kuntratt bejn l-awtorità kontraenti YTV u Liikenne, u ssottometta li dan kien ass sinjifikattiv intanġibbli. Dan il-valur ma jistax jiġi miċħud, iżda fil-kuntest ta’ għoti li għandu jiġi mġedded, il-valur ta’ tali assi intanġibbli fil-prinċipju jisparixxi mat-tmiem tal-kuntratt l-antik, għaliex l-għoti neċessarjament jerġa’ jinfetaħ.
41 Jekk proċedura ta’ għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li jiġu ttrasferiti lill-kuntrattur il-ġdid il-kuntratti eżistenti mal-klijenti, jew jekk il-maġġoranza tal-klijenti jistgħu jitqiesu ristretti, mela għandu madankollu jiġi kkunsidrat li hemm trasferiment ta’ klijenti.
42 Madankollu, f’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-assi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-twettiq tal-attività, l-assenza ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand l-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid ta’ tali assi, li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li l-entità ma żammitx l-identità tagħha.
43 Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 77/187 ma tapplikax fl-assenza ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi mill-ex kuntrattur lill-kuntrattur il-ġdid.”
49. Ir-risposta mogħtija lill-qorti nazzjonali għaldaqstant kienet li, “[…] f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 77/187 ma tapplikax fejn ma hemmx trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi bejn dawn iż-żewġ impriżi” (48).
50. Fid-dawl tas-siltiet li għadni kemm iċċitajt minn Liikenne, bir-rispett infaħħar lill-Arbeitsgericht Cottbus (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus,) għal-lealtà u s-sens komun tagħha fit-twettiq ta’ dan ir-rinviju.
51. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Liikenne tfisser li l-qorti nazzjonali hawnhekk hija prekluża milli tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward ta’ sett ieħor ta’ ċirkustanzi fattwali fejn il-bidla ta’ operatur għal servizz lokali bil-karozzi tal-linja wkoll ma kinitx tinvolvi t-trasferiment tal-istokk eżistenti ta’ karozzi tal-linja mill-ex operatur lill-operatur il-ġdid?
52. Jiena ma naħsibx.
53. Fil-fehma tiegħi, il-fatti ta’ din il-kawża huma b’mod ċar differenti ħafna, f’aspetti kruċjali, minn dawk li rriżultaw fid-deċiżjoni ta’ Liikenne.
54. Huwa naturalment impossibbli li servizz bil-karozzi tal-linja jitmexxa mingħajr karozzi tal-linja kif ukoll mingħajr is-sewwieqa li jsuquhom. Madankollu, xejn mill-fatti ta’ Liikenne, kif irreġistrati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Generali Léger (49) u fis-sentenza (50) ma jissuġġerixxi li d-deċiżjoni f’dak il-każ tal-operatur il-ġdid li ma jiġix ittrasferit lilu l-istokk ta’ karozzi tal-linja tal-ex operatur kienet iddettata minn raġunijiet legali, tekniċi jew ambjentali. Liikenne jidher li kellu kważi biżżejjed karozzi tal-linja biex jaqdi s-seba’ linji supplimentari li t-tmexxija tagħhom kienet qiegħda tiġi ttrasferita lilu (huwa kera żewġ karozzi tal-linja mingħand HL għal perijodu qasir); u huwa kellu 22 karozza tal-linja ġdida lesti ordnati. Għaliex (kummerċjalment) kellu jiġi ttrasferit lilu wkoll l-istokk eżistenti ta’ HL ta’ 26 karozza tal-linja?
55. Hawnhekk, il-kuntratt maħruġ fis-sejħa għal offerti kien għal perijodu itwal minn tliet darbiet iktar (10 snin, minflok 3 snin). Il-kuntratt kien għat-tmexxija ta’ servizz ta’ karozzi tal-linja ta’ distrett sħiħ, fejn l-interkambjabbiltà faċli ta’ karozzi tal-linja bejn rotot varji probabbilment kienet sinjifikattiva. Jekk l-istokk eżistenti setax jintuża b’mod sensibbli waqt iż-żmien kollu ta’ dan il-kuntratt tista’, b’mod plawżibbli, tiġi kkunsidrata li kienet kunsiderazzjoni rilevanti. Għoxrin sena wara l-fatti ta’ Liikenne (51), l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti kienu għamluha ċara daqs il-kristall lil offerenti potenzjali li l-apparat kapitali (il-karozzi tal-linja) li kellu jintuża waqt il-perijodu l-ġdid tal-offerta ta’ 10 snin kellu jissodisfa standards tekniċi u ambjentali speċifiċi ġodda (ogħla).
56. Id-deċiżjoni tar-rinviju għalhekk tinkludi materjal abbundanti biex jiġi konkluż (suġġett, naturalment, għal kwalunkwe verifika ulterjuri neċessarja mill-qorti nazzjonali bħala l-unika mħallef tal-fatt) li – indipendentement b’mod totali mid-daqs tal-flotta ta’ karozzi tal-linja diġà miżmuma mill-operatur il-ġdid – ma kien jagħmel l-ebda sens għal dan l-operatur li tiġi ttrasferita lilu l-flotta eżistenti tal-ex operatur minħabba li ma kienx ikun jista’ juża dawn il-karozzi tal-linja biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali l-ġodda tiegħu. Il-karozzi inkwistjoni kienu lejn l-aħħar tal-użu permess tagħhom; u ma kinux issodisfaw ir-rekwiżiti legali tekniċi u ambjentali stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Kieku l-flotta ta’ karozzi tal-linja eżistenti ġiet ittrasferita, ma kinitx (biex nuża l-kliem tal-punt 42 ta’ Liikenne (52)), tkun “essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità”. Kienet tkun iddestinata biex tiġi skrappjata.
57. Fiċ-ċirkustanzi fejn restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali jfissru li ma huwiex kummerċjalment vijabbli għall-operatur il-ġdid li jiġu ttrasferiti lilu l-assi tanġibbli tal-ex operatur, jidhirli li t-triq ix-xierqa hija li l-qorti nazzjonali teskludi dak li seħħ lill-assi tanġibbli u tikkonċentra fuq l-elementi l-oħrajn tat-tranżazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’Liikenne (53), u b’riferiment għall-“assi tanġibbli” f’parenteżi kwadri, “sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ entità ekonomika humiex issodisfatti, huwa wkoll neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari t-tip ta’ impriża jew negozju involuti, [it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ assi tanġibbli, bħal bini jew beni mobbli], il-valur tal-assi intanġibbli meta seħħ it-trasferiment, it-trasferiment jew le tal-essenzjal tal-ħaddiema lill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijenti, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment, u t-tul, jekk ikun il-każ, tas-sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn huma biss fatturi uniċi fl-evalwazzjoni ġenerali li għandha ssir, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat (ara, b’mod partikolari, Spijkers[(54)], punt 13, u Süzen (55), punt 14)”.
58. Ser inżid li analiżi li hija ffukata esklużivament fuq il-fatt li tali assi tanġibbli ma ġewx ittrasferiti tista’ timmina l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/23. Ikun ħafif wisq għall-operatur il-ġdid li jistruttura t-tranżazzjoni b’tali mod li taqa’ lil hinn mid-direttiva billi ma jiġux ittrasferiti lilu l-assi tanġibbli (fil-fatt, jidher li probabbli huwa jagħmel preċiżament dan). Bħala riżultat, madankollu, l-operatur il-ġdid sussegwentement ikun jista’ jevita l-obbligi li min-naħa l-oħra kieku jkollu lejn il-ħaddiema tal-ex operatur. Dan b’mod ċar ma jistax ikun sewwa.
59. L-approċċ li nipproponi ma jikkontradixxix id-deċiżjoni f’Liikenne (56). Kull trasferiment ta’ impriżi jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tapplika l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti speċifiċi tal-kawża quddiemha. Kif urejt, il-fatti u ċ-ċirkustanzi ta’ Liikenne (57) kienu kritikament differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Ir-raġunament f’Liikenne (58) jista’ jibqa’ intatt u madankollu konklużjoni differenti ssegwi hawn fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti differenti ħafna.
60. Għalhekk nikkunsidra li fid-determinazzjoni ta’ jekk entità ekonomika żammitx l-identità tagħha, u għalhekk jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, il-qorti nazzjonali għandha: (i) tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva biex tipproteġi l-ħaddiema u żżomm id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega; u (ii) tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jirrelataw mat-tranżazzjoni inkwistjoni inklużi restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali li jirrelataw mal-operat tal-attività tan-negozju inkwistjoni. Il-fatt li assi tanġibbli sinjifikattivi ma ġewx ittrasferiti huwa rilevanti iżda ma huwiex neċessarjament determinanti.
Konklużjoni
61. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmulin mill-Arbeitsgericht Cottbuss (il-Qorti Industrijali ta’ Cottbus) kif ġej:
Fid-determinazzjoni ta’ jekk entità ekonomika żammitx l-identità tagħha, u għalhekk jekk hemmx trasferiment ta’ impriża għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, il-qorti nazzjonali għandha:
– tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva biex tipproteġi l-ħaddiema u żżomm id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega;
– tevalwa l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jirrelataw mat-tranżazzjoni inkwistjoni inklużi kwalunkwe restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali li jirrelataw mal-operat tal-attività tan-negozju inkwistjoni.
Fejn it-trasferiment ta’ assi tanġibbli sinjifikattivi huwa fil-prattika prekluż mill-eżistenza ta’ tali restrizzjonijiet legali tekniċi u ambjentali, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tikkunsidra dan l-aspett tat-tranżazzjoni bħala neċessarjament determinanti fid-deċiżjoni ta’ jekk kienx hemm trasferiment ta’ impriża għall-għanijiet tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23.