Language of document : ECLI:EU:C:2019:635

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

29 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kompetenzi speċjali – Il-punt 2 tal‑Artikolu 7 – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu – Talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju ddikjarat li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal‑Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea”

Fil-Kawża C‑451/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Győri Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Győr, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Tibor-Trans Fuvarozó és Kereskedelmi Kft.

vs

DAF Trucks NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DAF Trucks NV, minn M. Boronkay, ügyvéd, kif ukoll minn B. Winters u J. K. de Pree, advocaten,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u K. Talabér-Ritz kif ukoll minn G. Meessen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tibor-Trans Fuvarozó és Kereskedelmi Kft. (iktar ’il quddiem “Tibor-Trans”), kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, u DAF Trucks NV, kumpannija rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, dwar azzjoni għad-danni mressqa għall-finijiet tal-kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 15, 16 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)      Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[...]

(34)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)] [traduzzjoni mhux uffiċjali], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u r-Regolamenti li jissostitwixx[u]ha.”

4        Taħt il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. [...]”

5        Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-imsemmija Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, huwa redatt kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[...]

(2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Fid-19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkonċernata”).

8        Permezz tad-deċiżjoni kkonċernata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn ħmistax‑il produttur internazzjonali ta’ trakkijiet, fosthom DAF Trucks, fir-rigward ta’ żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri t-trakkijiet li jiżnu bejn 6 u 16‑il tunnellata jew li jiżnu iktar minn 16‑il tunnellata, kemm bħala trakkijiet riġidi kif ukoll trakkijiet tratturi.

9        Skont din id-deċiżjoni, l-akkordju ħa l-forma ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li seħħ, għal tliet kumpanniji parteċipanti, bejn is-17 ta’ Jannar 1997 u l-20 ta’ Settembru 2010 u, għat-tnax‑il kumpannija parteċipanti l-oħra, fosthom DAF Trucks, bejn is-17 ta’ Jannar 1997 u t-18 ta’ Jannar 2011. Il-ksur ikkonsista fil-konklużjoni ta’ arranġamenti kollużivi dwar l-ipprezzar u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għat-trakkijiet kif ukoll dwar it-tempiżmu tal-kostijiet relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal dawn it-trakkijiet imposti mill-istandards EURO 3 sa 6, u kif dawn il-kostijiet jintirtu.

10      Mid-deċiżjoni kkonċernata jirriżulta li, sas-sena 2004, id-diskussjonijiet fuq il-prezzijiet, iż-żieda tagħhom u l-introduzzjoni tal-istandards ġodda ta’ emissjoni kienu jseħħu direttament fis-sede tal-kumpanniji destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u li, għall-inqas mix-xahar ta’ Awwissu 2002, saru diskussjonijiet permezz tal-intermedjarju ta’ sussidjarji Ġermaniżi li kienu jirrappurtaw dak li jkun seħħ lis-sede tagħhom f’diversi livelli.

11      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kien jestendi għaż-ŻEE kollha u dam mis-17 ta’ Jannar 1997 sat-18 ta’ Jannar 2011. Konsegwentement, hija imponiet multi fuq l-entitajiet parteċipanti kollha, inkluża DAF Trucks, bl-eċċezzjoni ta’ entità li bbenefikat minn immunità.

12      Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, Tibor-Trans hija kumpannija ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali ta’ merkanzija li investiet progressivament, mis-sena 2000 u sas-sena 2008, fix-xiri ta’ trakkijiet ġodda. Bħala utent finali, Tibor-Trans ma setgħetx tixtri direttament mingħand il-produtturi, peress li kienet obbligata tirrikorri għall-konċessjonarji stabbiliti fl-Ungerija. Hija kienet tibbenefika mill-finanzjament tal-kumpanniji ta’ leasing, stabbiliti wkoll fl-Ungerija, permezz ta’ kuntratti ta’ leasing li jimplika trasferiment definittiv ta’ proprjetà, fejn il-persuna li tagħti b’leasing tapplika għall-prezz miftiehem minn Tibor-Trans żieda li tikkorrispondi għall-ispejjeż tal-leasing u għall-marġni tagħha. Il-proprjetà tat-trakkijiet kienet tiġi ttrasferita lil Tibor-Trans fi tmiem il-kuntratt ta’ leasing wara li din tkun issodisfat l-obbligi li jirriżultaw minnu.

13      Ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali li Tibor-Trans qatt ma xtrat trakkijiet direttament mingħand DAF Trucks.

14      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li kumpanniji oħra rregolati mid-dritt Ungeriż għamlu wkoll akkwisti matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkonċernata. Fl-4 ta’ April 2007, dawn il-kumpanniji ġew assorbiti minn Tibor-Trans li, għaldaqstant, daħlet fid-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

15      Fl-20 ta’ Lulju 2017, Tibor-Trans adixxiet lill-Győri Törvényszék (il-Qorti ta’ Győr, l-Ungerija) b’azzjoni għad-danni kontra DAF Trucks, ibbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, peress li d-dannu allegat jirriżulta mill-fatt li hija kienet akkwistat trakkijiet bi prezz distort mill-arranġamenti kollużivi li fihom kienet ipparteċipat DAF Trucks.

16      Tibor-Trans sostniet li l-qrati Ungeriżi jisiltu l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali mill-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), li skontha, meta konvenuti stabbiliti fi Stati Membri differenti jiġu invokati quddiem qorti għad-danni minħabba ksur uniku u kontinwu li huma pparteċipaw fih f’diversi Stati Membri f’dati u f’postijiet differenti, peress li dan il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ġie kkonstatat mill-Kummissjoni, kull waħda mill-allegati vittmi tista’ tadixxi l-qorti tal-post fejn għandha s-sede tagħha.

17      DAF Trucks tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ungeriżi u tqis li l-partikolaritajiet tal-kawża prinċipali juru li s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, minn naħa, il-laqgħat kollużivi seħħew fil-Ġermanja, u dan għandu jwassal għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi u li, min-naħa l-oħra, hija qatt ma kkonkludiet relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ Tibor‑Trans, b’mod li hija ma setgħetx raġonevolment tistenna li tiġi mfittxija quddiem il-qrati Ungeriżi.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, il-Győri Törvényszék (il-Qorti ta’ Győr) ikkonstatat li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, billi ffavorixxiet, bħala kriterju ta’ konnessjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post li fih seħħ il-fatt li kkawża d-dannu, jiġifieri l-post fejn kienu stabbiliti l-arranġamenti kollużivi.

19      Adita b’appell kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-possibbiltà li tapplika, b’analoġija, fil-kawża prinċipali, fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali diretta bejn il-partijiet, ir-raġunament ibbażat fuq is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335). Hija tirreferi wkoll għar-riżervi dwar il-possibbiltà li l-imsemmija sentenza tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ regola tal-forum actoris ikkonċepita b’mod wiesa’, li jmur kontra l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1215/2012.

20      It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li, fil-kawża prinċipali, huwa kkontestat li l-qrati Ungeriżi ma jistgħux jinvokaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom mill-post tal-avveniment li kkawża d-dannu allegat għaliex ebda wieħed mill-arranġamenti kollużivi li jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 101 TFUE ma seħħ fl-Ungerija. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk il-qrati Ungeriżi jistgħux, madankollu, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Győri Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali ta’ Győr, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament [...] Nru 1215/2012 [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni bħala qorti tal-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” jekk

–        ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] li tallega li ġarrbet dannu għandha is-sede tagħha jew iċ-ċentru tal-attività ekonomika tagħha jew l-interessi patrimonjali tagħha f’dan l-Istat Membru;

–        ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] tibbaża t-talba tagħha kontra konvenut wieħed (produttur ta’ trakkijiet), li għandu is-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor [...] fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata, skont l-Artikolu 101(1) [TFUE], ksur li kien jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ arranġamenti kollużivi fuq l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet grossi tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea, liema deċiżjoni kienet indirizzata lil numru ta’ destinatarji minbarra l-konvenuta [fil-kawża prinċipali];

–        ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] kisbet esklużivament trakkijiet prodotti minn impriżi oħra involuti fl-akkordju;

–        ma hemm l-ebda informazzjoni li tindika li laqgħa waħda jew iktar li kienu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni seħħew fl-Istat [Membru] tal-qorti adita;

–        ir-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] xtrat regolarment – fil-fehma tagħha bi prezz distort – trakkijiet fl-Istat [Membru] tal-qorti adita billi kkonkludiet kuntratti ta’ leasing li jimplikaw trasferiment definittiv ta’ proprjetà ma’ kumpanniji li joperaw fl-istess Stat, iżda, skont kliemha, hija kienet madankollu nnegozjat direttament man-negozjanti tal-karozzi u l-lokatur kienet żiedet il-prezz miftiehem mir-rikorrenti bil-marġni tal-profitt tagħha u bl-ispejjeż tal-leasing, bir-rikorrenti ssir proprjetarja tat-trakkijiet fi tmiem il-kuntratt ta’ leasing, wara li tkun temmet l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur skont l-Artikolu 101 TFUE, li jikkonsisti b’mod partikolari f’arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet, jistax jitqies bħala “post fejn seħħ il-fatt dannuż” il-post fejn il-vittma tallega li sofriet dan id-dannu, anki jekk l-azzjoni hija diretta kontra parteċipant fl-akkordju inkwistjoni li miegħu din il-vittma ma kinitx stabbilixxiet relazzjonijiet kuntrattwali.

23      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li hija ġurisprudenza stabbilita li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001 li ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2018, Nothartová, C‑306/17, EU:C:2018:360, punt 18; tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31; kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li azzjoni intiża għall-ksib tal-kumpens għad-dannu li rriżulta minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, bħall-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u tidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 38).

25      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie repetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” ikopri kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 45; tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 28; kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, ebda element tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippermetti li jiġi konkluż li huwa kkontestat li l-qrati Ungeriżi ma jistgħux jinvokaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali mill-post tal-avveniment li kkawża d-dannu allegat għaliex l-ebda wieħed mill-arranġamenti kollużivi li jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 101 TFUE ma seħħ fl-Ungerija. Id-domanda magħmula hija relatata biss mad-determinazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu allegat, li jikkonsisti fi spejjeż addizzjonali mħallsa minħabba prezz artifiċjalment għoli, bħal dak tat-trakkijiet li kienu s-suġġett tal-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni ta’ tali dannu, għandu jiġi osservat li dan jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk hemmx dannu inizjali, li jirriżulta direttament mill-avveniment kawżali, li l-post tat-twettiq tiegħu jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew jekk hemmx konsegwenzi dannużi ulterjuri li ma jistgħux jiġġustifikaw attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL‑Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 31).

28      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” ma għandux jiġi interpretat b’mod estensiv tant li jinkludi kull post li fih jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li diġà kkawża dannu li effettivament seħħ f’post ieħor. Konsegwentement, hija speċifikat li dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-post fejn il-vittma tallega li sofriet dannu patrimonjali li jsegwi dannu inizjali li seħħ u ġġarrab minnha fi Stat ieħor (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li dannu li huwa biss il-konsegwenza indiretta tad-dannu sostnut inizjalment minn persuni oħra li kienu vittmi diretti tad-dannu li mmaterjalizza ruħu f’post differenti minn dak fejn il-vittma indiretta tkun sussegwentement sostniet id-dannu ma jkunx jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punti 14 u 22).

30      Kif jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, id-dannu allegat minn Tibor-Trans jikkonsisti fi spejjeż addizzjonali mħallsa minħabba l-prezzijiet artifiċjalment għolja applikati għat-trakkijiet wara l-arranġamenti ta’ kollużjoni li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE li kien ħalla l-effetti tiegħu fit-territorju taż-ŻEE kollha bejn is-17 ta’ Jannar 1997 u t-18 ta’ Jannar 2011 u li fih kienu pparteċipaw ħmistax‑il produttur internazzjonali ta’ trakkijiet, fosthom DAF Trucks. Mill-imsemmi proċess jirriżulta wkoll li Tibor-Trans ma kinitx tixtri t-trakkijiet direttament mingħand il-parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni, peress li dawn kienu inizjalment jinbiegħu lill-konċessjonarji tal-karozzi Ungeriżi li kienu jgħaddu ż-żieda fil-prezzijiet fuq l-utenti finali, bħal Tibor-Trans.

31      Fir-rigward tan-natura tad-dannu allegat, għandu jiġi osservat li dan ma jikkostitwixxix sempliċi konsegwenza finanzjarja tad-dannu li seta’ jiġi sostnut mix-xerrejja diretti, bħall-konċessjonarji tal-karozzi Ungeriżi, u li seta’ jikkonsisti f’telf ta’ bejgħ wara ż-żieda fil-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, id-dannu allegat fil-kawża prinċipali essenzjalment jirriżulta mill-ispiża żejda mħallsa minħabba l-prezzijiet artifiċjalment għolja u, minħabba f’hekk, jidher li huwa l-konsegwenza immedjata tal-ksur skont l-Artikolu 101 TFUE u għaldaqstant jikkostitwixxi dannu dirett li fuqu tista’ tkun ibbażata, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan ikun immaterjalizza ruħu.

32      Fir-rigward tal-post tal-materjalizzazzjoni ta’ tali dannu, mid-deċiżjoni kkonċernata jirriżulta li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 101 TFUE kien jestendi għaż-ŻEE kollha. Għaldaqstant huwa wassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan dan is-suq li l-Ungerija tagħmel ukoll parti minnu sa mill-1 ta’ Mejju 2004.

33      Issa, meta s-suq affettwat mill-aġir antikompetittiv ikun jinsab fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun allegatament seħħ id-dannu allegat, għandu jiġi kkunsidrat li l-post fejn ikun immaterjalizza ruħu d-dannu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 40).

34      Din is-soluzzjoni fil-fatt tissodisfa l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, sa fejn, minn naħa, il-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab is-suq affettwat huma fl-aħjar pożizzjoni biex jeżaminaw tali kawżi għad-danni u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku li jwettaq aġir antikompetittiv jista’ raġonevolment jistenna li jitressaq quddiem il-qrati tal-post fejn l-aġir tiegħu jkun wettaq distorsjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni b’saħħitha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 40).

35      Hekk kif il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kif tfakkar ukoll fil-punt 41 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑27/17, EU:C:2018:533), tali determinazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu hija wkoll konformi mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40), sa fejn, skont l-Artikolu 6(3)(a) ta’ dan ir-regolament, il-liġi applikabbli fil-każ ta’ kawżi għad-danni b’rabta ma’ att li jirrestrinġi l-kompetizzjoni hija dik tal-pajjiż li fih is-suq huwa affettwat jew jista’ jiġi affettwat.

36      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari l-oħra rrilevati mill-qorti tar-rinviju, marbuta mal-fatt li Tibor-Trans aġixxiet kontra waħda biss mill-impriżi involuti fil-ksur inkwistjoni li mingħandha hija ma kinitx forniet ruħha direttament, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li ksur uniku u kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni jinvolvi r-responsabbiltà in solidum tal-awturi tiegħu. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li Tibor-Trans aġixxiet quddiem qorti biss kontra wieħed mill-awturi li mingħandu hija ma tfornietx direttament ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-argumenti li jinsabu fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, f’dak li jirrigwarda r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

37      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur skont l-Artikolu 101 TFUE, li jikkonsisti b’mod partikolari f’arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-post tas-suq affettwat minn dan il-ksur, jiġifieri l-post fejn il-prezzijiet tas-suq ġew distorti, li fi ħdanu l-vittma tallega li sofriet dan id-dannu, anki jekk l-azzjoni hija diretta kontra parteċipant fl-akkordju inkwistjoni li miegħu din il-vittma ma kinitx stabbilixxiet relazzjonijiet kuntrattwali.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u rrikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur skont l-Artikolu 101 TFUE, li jikkonsisti b’mod partikolari f’arranġamenti kollużivi dwar l-iffissar talprezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-post tas-suq affettwat minn dan il-ksur, jiġifieri l-post fejn il-prezzijiet tas-suq ġew distorti, li fi ħdanu l-vittma tallega li sofriet dan id-dannu, anki jekk l-azzjoni hija diretta kontra parteċipant fl-akkordju inkwistjoni li miegħu din il-vittma ma kinitx stabbilixxiet relazzjonijiet kuntrattwali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.