Language of document : ECLI:EU:C:2019:642

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

29 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Direttiva 2006/112/KE – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 u l-Artikolu 315 – Skema speċjali għall-impriżi żgħar – Arranġamenti speċjali għal negozjanti taxxabbli – Negozjanti taxxabbli li jaqgħu taħt l-iskema ta’ marġni ta’ profitt – Dħul mill-bejgħ annwali li jiddetermina l-applikabbiltà tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar – Marġni ta’ profitt jew ammonti ta’ flus irċevuti”

Fil-Kawża C-388/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Finanzamt A

vs

B,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Mantl u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 288(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Finanzamt A (l-Uffiċċju tat-Taxxi A, il-Ġermanja) u B, li jeżerċita attività ta’ negozjant ta’ vetturi użati, dwar il-metodu ta’ kalkolu tad-dħul mill-bejgħ annwali ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar prevista mid-Direttiva tal-VAT.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

4        It-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, intitolat “Skemi Speċjali”, jinkludi Kapitolu 1 dwar “Skema speċjali għall-impriżi żgħar”. Fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu 1, intitolata “Eżenzjonijiet jew ħelsien gradwat”, jinsabu l-Artikoli 282 sa 292 ta’ din id-direttiva.

5        Skont l-Artikolu 282 tal-imsemmija direttiva, l-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa previsti fl-imsemmija Taqsima 2 għandhom japplikaw għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi mogħtija mill-impriżi żgħar.

6        L-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Il-fatturat li jservi bħala referenza għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti previsti f’din it-Taqsima għandhom jikkonsistu fl-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

(1)      il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati;

(2)      il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżenti, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel, skond l-Artikoli 110 u 111, l-Artikolu 125(1), l-Artikoli 127, jew l-Artikolu 128(1);

(3)      il-valur ta’ transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 jew 153;

(4)      il-valur ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) ta’ l-Artikolu 135(1), u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni, sa kemm dawn it-transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.

Madanakollu, iċ-ċessjonijiet ta’ l-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-fatturat.”

7        Skont l-Artikolu 289 ta’ din id-direttiva, “[p]ersuni taxxabbli eżenti mill-VAT m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu l-VAT skond l-Artikoli 167 sa 171 u l-Artikoli 173 sa 177, u ma jistgħux juru l-VAT fuq il-fatturi tagħhom”.

8        L-Artikolu 290 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Persuni taxxabbli intitolati għall-eżenzjoni mill-VAT jistgħu jagħżlu jew l-arranġamenti normali tal-VAT jew il-proċeduri simplifikati previsti fl-Artikolu 281. F’dan il-każ, huma għandhom ikunu intitolati għal kwalunkwe ħelsien gradwat mit-taxxa previst mil-leġislazzjoni nazzjonali.”

9        Il-Kapitolu 4 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT huwa dwar “Arranġamenti speċjali għal oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet”. Fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu 4, intitolata “Arranġamenti speċjali għal negozjanti taxxabbli”, jinsabu, fis-Sub-Taqsima 1 intitolata “Skema ta’ marġni”, l-Artikoli 312 sa 325 ta’ din id-direttiva.

10      L-Artikolu 314 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skond id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sub-taqsima.”

11      L-Artikolu 314 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-iskema tal-marġni għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità minn waħda mill-persuni li ġejjin:

(a)      persuna mhux taxxabbli;

(b)      persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna l-oħra taxxabbli tkun eżentata skond l-Artikolu 136;

(ċ)      persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra hi koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikoli 282 sa 292 u tinvolvi assi kapitali;

(d)      negozjant taxxabbli ieħor, sakemm il-VAT ġie applikat għall-provvista ta’ merkanzija minn dak in-negozjant taxxabbli l-ieħor skont din l-iskema ta’ marġni.”

12      L-Artikolu 315 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il-marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.

Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.”

 Id-dritt Ġermaniż

13      L-Artikolu 1 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), intitolat “Tranżazzjonijiet taxxabbli”, fil-verżjoni ta’ din il-liġi applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGBl. 2005 I, p. 386, iktar ’il quddiem l-“UstG”), jipprovdi:

“(1)      Huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1.      il-kunsinni u servizzi oħra mwettqa bi ħlas fit-territorju nazzjonali minn imprenditur fl-ambitu tal-impriża tiegħu

[…]”

14      L-Artikolu 10 tal-UStG, intitolat “Bażi għall-kunsinni, servizzi u akkwisti intra-Komunitarji oħra”, jipprovdi:

“Fil-każ tal-kunsinni u servizzi oħra (l-ewwel sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 1), id-dħul mill-bejgħ huwa ddeterminat […] skont ir-remunerazzjoni. Ir-remunerazzjoni hija kkostitwita minn dak kollu li l-benefiċjarju tas-servizz jimmobbilizza sabiex jikseb dan is-servizz, bl-esklużjoni, madankollu, tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ […]”

15      L-Artikolu 19 tal-UStG, intitolat “Tassazzjoni tal-imprendituri żgħar”, huwa redatt kif ġej:

“(1)      It-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ dovuta għat-tranżazzjonijiet fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) ma hijiex miġbura mingħand l-imprendituri […] jekk id-dħul mill-bejgħ previst fit-tieni sentenza, miżjud bit-taxxa korrispondenti ma jkunx qabeż matul is-sena kalendarja preċedenti 17 500 EUR u probabbilment ma jkunx ser jaqbeż 50 000 EUR matul is-sena kalendarja kurrenti. Id-dħul mill-bejgħ fis-sens tal-ewwel sentenza huwa d-dħul mill-bejgħ globali kkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti ta’ flus irċevuti wara li jitnaqqas id-dħul minn assi fissi inkluż fihom. […]

[…]

(3)      Id-dħul mill-bejgħ globali huwa s-somma tat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa mill-imprenditur fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) wara t-tnaqqis tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

[…]”

16      L-Artikolu 25a tal-UStG, intitolat “Skema ta’ marġni ta’ profitt”, jipprovdi:

“(1)      Għall-kunsinni fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) ta’ oġġetti mobbli materjali, it-tassazzjoni hija applikata skont id-dispożizzjonijiet segwenti (skema ta’ marġni ta’ profitt) jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

[…]

(3)      Id-dħul huwa kkalkolat abbażi tad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tal-akkwist tal-oġġetti; […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      B, sa fejn jeżerċita attività ta’ negozjant ta’ vetturi użati, wettaq tranżazzjonijiet taxxabbli suġġetti għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt skont l-Artikolu 25a tal-UStG. Id-dħul mill-bejgħ tiegħu, ikkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti ta’ flus irċevuti, ammonta għal EUR 27 358 u għal EUR 25 115 għas-snin 2009 u 2010, rispettivament.

18      Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 (għas-sena 2009) u tat-23 ta’ Marzu 2011 (għas-sena 2010), B qies li seta’ jinvoka l-istatus ta’ “imprenditur żgħir”, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-UStG, sa fejn id-dħul mill-bejgħ tiegħu għas-snin 2009 u 2010 kien ta’ EUR 17 328 u ta’ EUR 17 470, rispettivament. B ikkalkola l-imsemmija ammonti ta’ dħul mill-bejgħ, mhux fuq il-bażi tal-flus li huwa rċieva, iżda fuq il-bażi tal-marġni ta’ profitt tiegħu, konformement mal-Artikolu 25a(3) tal-UStG.

19      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-VAT, l-amministrazzjoni fiskali aċċettat li d-dħul mill-bejgħ annwali użat bħala referenza għall-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar seta’ jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-ammont tal-marġni ta’ profitt u għalhekk aċċettat li B jibbenefika mill-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

20      Madankollu, fil-każ tat-tieni dikjarazzjoni tal-VAT, l-Uffiċċju tat-Taxxi A rrifjuta, f’avviż ta’ tassazzjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012, li l-iskema għall-impriżi żgħar tiġi applikata għal B għas-sena 2010. Fil-fatt, il-prattika amministrattiva kienet ġiet mibdula mill-Umsatzsteuer-Anwendungserlass (struzzjoni marbuta mal-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) tal-1 ta’ Ottubru 2010 (BStBl. 2010 I, p. 846), li fuq il-bażi tagħha, għall-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar, b’mod partikolari fil-każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt għan-negozjanti, id-dħul mill-bejgħ annwali kellu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti ta’ flus irċevuti u mhux skont il-marġni ta’ profitt.

21      Peress li l-ilment kontra dan l-avviż ta’ tassazzjoni ġie miċħud, B ressaq azzjoni quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) kompetenti, li annullat l-imsemmi avviż ta’ tassazzjoni għar-raġuni li l-ammonti ta’ flus irċevuti li jmorru lil hinn mill-marġni ta’ profitt ma għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

22      Din il-qorti kkunsidrat li l-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT kellu effett dirett u kien jipprekludi l-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Uffiċċju tat-Taxxi A. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li d-dħul mill-bejgħ li għandu jitqies għall-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar huwa kkostitwit mill-ammont tal-kunsinni ta’ merkanzija u ta’ servizzi “sa fejn dawn huma ntaxxati”. Issa, l-iskema ta’ marġni ta’ profitt, li hija applikabbli għall-kunsinni magħmula minn B, tipprevedi, skont l-Artikolu 315 tad-Direttiva tal-VAT, li huwa biss il-marġni ta’ profitt li jiġi ntaxxat.

23      Fil-kuntest tal-azzjoni ta’ Reviżjoni li huwa ressaq quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), l-Uffiċċju tat-Taxxi A jsostni li saret interpretazzjoni żbaljata tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT.

24      Jidher li l-qorti tar-rinviju qiegħda tassumi l-istess pożizzjoni tal-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi), li skontha d-dħul mill-bejgħ li għandu jintuża bħala referenza għall-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar, prevista fl-Artikoli 282 et seq. tad-Direttiva tal-VAT, għan-negozjanti suġġetti għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt skont l-Artikolu 314 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ddeterminat skont dan il-marġni, peress li l-Artikolu 313(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi regoli speċjali applikabbli għal dawn in-negozjanti. Hija tindika li, skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dħul mill-bejgħ li għandu jitqies huwa kkostitwit mill-ammont tal-kunsinni ta’ merkanzija, “sakemm dawn ikunu ntaxxati”. Issa, din il-kjarifika tirreferi għall-estent tal-valur taxxabbli, li huwa limitat, fl-ambitu tal-iskema prevista fl-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva, għall-marġni ta’ profitt.

25      Madankollu, din il-qorti rrilevat li l-espressjoni “sakemm dawn ikunu ntaxxati”, li tinsab fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li huma biss il-kunsinni eżentati li għandhom jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ rilevanti, għall-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar. Fuq il-bażi ta’ dan l-approċċ, il-kunsinni suġġetti għall-iskema ta’ marġni ta’ profitt li ma humiex eżentati, iżda ntaxxati bħala tali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom u mhux biss fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ iddeterminat permezz tar-regoli speċjali li jinsabu fl-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva.

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li, skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT, jista’ jiġi kkunsidrat li l-“ammont” tal-kunsinni ta’ merkanzija jikkorrispondi għas-“somma” tal-flus irċevuti u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-bażi tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva.

27      Peress li tqis li s-soluzzjoni għat-tilwima adita biha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Fil-każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt skont l-Artikoli 311 et seq tad-Direttiva [tal-VAT], id-dispożizzjoni tal-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 288 ta’ din l-istess direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-kunsinna ta’ oġġetti skont l-Artikolu 314 tad-Direttiva [tal-VAT], wieħed għandu jibbaża ruħu, konformement mal-Artikolu 315 tal-imsemmija direttiva, fuq id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub u l-prezz tax-xiri (marġni kummerċjali)?”

 Fuq id-domanda preliminari

28      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha d-dħul mill-bejgħ użat bħala referenza għall-applikabbiltà tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar għal persuna taxxabbli li taqa’ taħt l-iskema speċjali ta’ marġni ta’ profitt prevista għan-negozjanti taxxabbli huwa kkalkolat, konformement mal-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva, billi jitqies biss il-marġni ta’ profitt miksub.

29      Skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT, id-dħul mill-bejgħ użat bħala referenza għall-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar huwa kkostitwit mill-ammont mingħajr VAT tal-kunsinni ta’ merkanzija u tal-provvisti ta’ servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem stess tad-dispożizzjoni iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, WB, C-658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward, qabelxejn, tal-interpretazzjoni litterali tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi osservat li, minn naħa, huwa l-ammont kollu mingħajr VAT tal-kunsinni ta’ merkanzija u tal-provvisti ta’ servizzi ntaxxati li jikkostitwixxi, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, id-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli, iżda, min-naħa l-oħra, il-kelma “ntaxxati” ma hijiex marbuta mal-kelma “ammont”, iżda ma’ “kunsinni” jew ma’ “provvisti”.

32      Minn dan isegwi li, skont il-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni teħtieġ li, sabiex l-ammont tagħhom jiġi inkluż fid-dħul mill-bejgħ tal-persuni taxxabbli, il-kunsinni jew il-provvisti jkunu ntaxxati bħala tali, mingħajr ma tispeċifika kif għandhom jiġu ntaxxati, jiġifieri mingħajr ma huma indikati l-modalitajiet li skonthom dawn huma ntaxxati.

33      Lanqas ma huwa dedott minn dan il-kliem li, f’kull każ, il-kunsinni jew il-provvisti għandhom ikunu kompletament intaxxati.

34      Issa, huwa stabbilit li l-kunsinni magħmula min-negozjant taxxabbli huma ntaxxati, anki jekk dawn huma ntaxxati skont skema speċjali.

35      Konsegwentement, interpretazzjoni litterali tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT timplika li l-ammont totali tal-kunsinni magħmula min-negozjanti taxxabbli, u mhux il-marġni ta’ profitt ta’ dawn tal-aħħar, jikkostitwixxi d-dħul mill-bejgħ użat bħala referenza għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

36      L-istruttura ġenerali, l-oriġini u l-iskop tad-Direttiva tal-VAT jikkonfermaw din l-interpretazzjoni.

37      Sa fejn hija kkonċernata l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, hija inkwistjoni r-rabta bejn żewġ skemi speċjali previsti mill-imsemmija direttiva, jiġifieri l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar u l-arranġamenti speċjali għan-negozjanti taxxabbli.

38      Issa, kif ġustament sostna l-Gvern Ġermaniż, l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar u l-arranġamenti speċjali għan-negozjanti taxxabbli huma awtonomi u indipendenti minn xulxin. Fl-assenza ta’ referenza, f’waħda minn dawn l-iskemi speċjali, għall-elementi u għall-kunċetti li jinsabu fl-oħra, il-kontenut ta’ waħda minnhom għandu, fil-prinċipju, jiġi evalwat mingħajr ma jkun hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-oħra.

39      Fir-rigward tal-oriġini tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-VAT, għandu jiġi rrilevat li l-iżvilupp ta’ din il-leġiżlazzjoni tikkonferma wkoll li l-kunċett ta’ “marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli” ma jistax jaffettwa l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ” fl-ambitu tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

40      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar ġiet stabbilita mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), u li huwa biss sussegwentement, sabiex tiġi stabbilita skema speċjali għan-negozjanti taxxabbli, li ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill 94/5/KE tal-14 ta’ Frar 1994 li tissuplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE -Arranġamenti speċjali applikabbli għal oġġetti wżati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 255).

41      Ir-regoli dwar id-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, stabbiliti mis-Sitt Direttiva 77/388, ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu li huma allinjati, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa li tipprovdi għal dan l-allinjament, ma’ dawk marbuta mal-arranġamenti speċjali għan-negozjanti taxxabbli stabbiliti bid-Direttiva 94/5

42      Fir-rigward tal-iskop tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, b’din l-iskema speċjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jissimplifika r-rekwiżiti ta’ kontabbiltà li s-sistema normali tal-VAT timplika (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C-291/03, EU:C:2005:591, punt 39), peress li dawn is-simplifikazzjonijiet amministrattivi huma maħsuba b’mod partikolari sabiex isaħħu l-ħolqien, l-attività u l-kompetittività ta’ impriżi żgħar (sentenzi tat-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C-97/09, EU:C:2010:632, punt 63, u tat-2 ta’ Mejju 2019, Jarmuškienė, C-265/18, EU:C:2019:348, punt 37).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma rrileva l-Gvern Ġermaniż, li l-għan segwit mill-iskema speċjali għall-impriżi żgħar ma huwiex dak li tissaħħaħ il-kompetittività ta’ impriżi ta’ daqs kbir li jeżerċitaw attività ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti użati. Jekk l-ammont ta’ flus irċevuti li jeċċedi l-marġini ta’ profitt ma tteħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali, tali impriżi, li għandhom dħul mill-bejgħ għoli u marġni ta’ profitt baxx, jistgħu jaqgħu taħt din tal-aħħar u, b’hekk, jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha d-dħul mill-bejgħ użat bħala referenza għall-applikabbiltà tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar għal persuna taxxabbli li taqa’ taħt l-iskema speċjali ta’ marġni ta’ profitt prevista għan-negozjanti taxxabbli huwa kkalkolat, konformement mal-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva, billi jitqies biss il-marġni ta’ profitt miksub. Dan id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-ammonti kollha minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud irċevuti jew li għandhom jiġu rċevuti minn dan in-negozjant taxxabbli, indipendentement mill-modalitajiet li bihom dawn l-ammonti jkunu ser jiġu fil-fatt intaxxati.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha d-dħul mill-bejgħ użat bħala referenza għall-applikabbiltà tal-iskema speċjali għall-impriżi żgħar għal persuna taxxabbli li taqa’ taħt l-iskema speċjali ta’ marġni ta’ profitt prevista għan-negozjanti taxxabbli huwa kkalkolat, konformement mal-Artikolu 315 ta’ din id-direttiva, billi jitqies biss il-marġni ta’ profitt miksub. Dan id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-ammonti kollha minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud irċevuti jew li għandhom jiġu rċevuti minn dan in-negozjant taxxabbli, indipendentement mill-modalitajiet li bihom dawn l-ammonti jkunu ser jiġu fil-fatt intaxxati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.