Language of document : ECLI:EU:C:2019:651

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑29 ta’ Lulju 2019 (1)

Kawża C435/18

Otis Gesellschaft m.b.H. et

vs

Land Oberösterreich et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Dritt tal-akkordji – Infurzar privat – Rikors għad-danni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat – Self mogħti b’kundizzjonijiet favorevoli għall-għajnuna għall-bini ta’ djar – Akkordju relatat mas-settur tal-lifts – Spejjeż tal-bini ogħla bħala riżultat ta’ akkordju – Talba għad-danni għat-telf tal-interessi mġarrba”






Werrej



I.      Introduzzjoni

1.        Id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat tkun ġarrbet danni billi tat ammont ikbar ta’ self promozzjonali b’kundizzjonijiet favorevoli milli kienet tagħti fl-assenza ta’ ftehim antikompetittiv, din tkun tista’ tagħmel talba għad-danni mingħand kumpanniji li pparteċipaw f’dan il-ftehim?

2.        B’din il-kwistjoni, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità sabiex tiċċara f’iktar dettall ir-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jistipula fir-rigward tal-possibbiltà li d-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew jiġi nfurzat mil-lat privat. Din il-kwistjoni tqum fil-kuntest tal-akkordju relatat mal-lifts, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat diversi drabi (2).

3.        Il-Land Oberösterreich kien affettwat minn dan l-akkordju sa fejn ta lix-xerrejja tal-membri tal-akkordju self b’rati vantaġġużi (l-hekk imsejjaħ “self promozzjonali”) għat-twettiq ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ djar soċjali. Bħala riżultat tal-prezz ogħla tal-lifts installati f’bini residenzjali ssussidjat, ikkawżat mill-akkordju, l-ammont tas-self kien kunsiderevolment ogħla milli kieku l-prezzijiet ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ħielsa. Fil-kawża prinċipali, il-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens għad-danni li ġarrab bħala riżultat.

4.        L-awtoritajiet involuti fil-kawża prinċipali ma humiex jaqblu dwar jekk, id-dritt Awstrijak jagħtix il-possibbiltà li jingħata kumpens għad-danni ta’ dan it-tip. L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li dan ma huwiex il-każ minħabba li persuni li ma aġixxewx fis-suq rilevanti la bħala fornitur u lanqas bħala xerrej ma humiex koperti mill-għan ta’ protezzjoni segwit mill-projbizzjoni tal-akkordji.

5.        Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk din id-definizzjoni restrittiva tal-kategorija tal-benefiċjarji tal-kumpens għad-danni hijiex kompatibbli mal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew. Madankollu, qabel kollox, ser ikun meħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-kwistjoni ta’ dritt għall-kumpens tal-Land Oberösterreich għandhiex tiġi riżolta billi wieħed jagħmel riferiment għad-dritt Awstrijak, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jew direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 85 tat-Trattat KE, 81 KE u 101 TFUE. Peress li sostantivament dawn id-dispożizzjonijiet fil-biċċa l-kbira huma l-istess, ser isir riferiment biss għall-Artikolu 101 TFUE, li huwa applikabbli bħalissa (3).

7.        Il-fatti kkontestati f’din il-kawża jippreċedu d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104/UE (4) li tirrigwarda l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni, u l-Land Oberösterreich ippreżenta r-rikors tiegħu fl-ewwel istanza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva (5). Konsegwentement, id-Direttiva 2014/104 ma tapplikax ratione temporis għall-kawża preżenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi speċifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak li jistgħu jiġu affettwati humiex ta’ natura sostantiva jew proċedurali. Skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104, id-dispożizzjonijiet sostantivi u legali adottati għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva huma suġġetti għal prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, filwaqt li r-regoli nazzjonali l-oħra kollha ta’ traspożizzjoni, jiġifieri partikolarment ir-regoli proċedurali, għandhom jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, iżda għandhom jiġu applikati biss fil-kuntest ta’ rikorsi li ġew ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva (6).

8.        Kif ġustament isostni l-Gvern Taljan, id-Direttiva 2014/104 tista’ għaldaqstant, matul il-proċedura preżenti, tiġi invokata biss, fejn xieraq, sa fejn din tirrifletti l-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza dwar il-kumpens għal danni kkawżati minn akkordju (7).

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

A.      L-akkordju relatat mal-lifts

9.        F’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kien hemm, matul perijodu twil ta’ żmien, l-hekk imsejjaħ “akkordju relatat mal-lifts”, li fil-kuntest tiegħu, manifatturi Ewropej kbar tal-lifts u tal-iskali mobbli, fosthom, Kone, Otis, Schindler u TyssenKrupp, ikkonkludew ftehimiet antikompetittivi. Fl‑2003, il-Kummissjoni Ewropea saret taf b’tali akkordju u, fl‑2007, imponiet multi għall-akkordju relatat mal-lifts fis-swieq tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Lussemburgu (8).

10.      Fl-Awstrija, il-Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni) u l-Kartellgericht (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija) fetħu proċedura kontra l-akkordju relatat mal-lifts. Il-multi imposti fl‑2007 mill-Kartellgericht (il-Qorti tal-Kompetizzjoni) (9), ġew ikkonfermati fl‑2008 mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) (10). ThyssenKrupp assumiet ir-rwol ta’ applikant għall-klemenza.

11.      Skont il-fatti rrilevati fil-proċeduri relatati mal-akkordji Awstrijaċi, sa mis-snin 80 sal-bidu tas-sena 2004, fost il-membri tal-akkordju kien hemm akkordju li kien imġedded regolarment, intiż għat-tqassim tas-suq tal-lifts u tal-iskali mobbli, li huma implimentaw fuq skala kbira anki jekk mhux kompletament. Il-koordinazzjoni twaqqfet malajr fl-aħħar tal‑2005. L-għan tal-akkordju kien li jiżgura, għall-impriża li ngħatat preferenza, prezz ogħla minn dak li setgħet tapplika f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. L-akkordju, li kkontrolla mill-inqas terz tas-suq, ħoloq distorsjoni fis-suq u fl-iżvilupp tal-prezzijiet meta mqabbel mal-mod kif kienu jiżviluppaw taħt kundizzjonijiet kompetittivi (11).

B.      It-talba għal danni tal-Land Oberösterreich

12.      Matul il-perijodu kopert mill-akkordju relatat mal-lifts, il-Land Oberösterreich ta diversi għajnuniet għall-proġetti ta’ kostruzzjoni, abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali għall-kostruzzjoni ta’ djar li kienu maħsuba biex jappoġġjaw il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dawn kienu, l-ewwel nett, għajnuniet diretti, li permezz tagħhom il-benefiċjarju tal-għajnuna jirċievi parti mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja li huwa ma għandux għalfejn iħallas lura, it-tieni nett, kienu allowances ta’ annwalità, fejn il-Land Oberösterreich jirrimborsa lill-benefiċjarju tal-għajnuna parti mill-pagamenti tas-self tiegħu, u t-tielet nett, kienu self promozzjonali jiġifieri, self b’kundizzjonijiet favorevoli, li jagħtu lill-benefiċjarji tal-għajnuna l-possibbiltà li jirċievu finanzjament estern b’rati ta’ interess iktar favorevoli minn dawk fis-suq (12).

13.      Dawn l-għajnuniet ammontaw għal ċertu perċentwali tal-ispejjeż totali tal-kostruzzjoni. Peress li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni kienu ogħla, minħabba l-prezzijiet eċċessivi tal-lifts, minn dawk li kien ikun hemm fl-assenza ta’ akkordju relatat mal-lifts, il-Land Oberösterreich (13) issa qiegħed jagħmel talba għad-danni mingħand il-manifatturi tal-lifts parteċipanti f’dan l-akkordju, jiġifieri Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp.

14.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss it-talbiet tal-Land Oberösterreich ibbażati fuq is-self promozzjonali li, minħabba l-akkordju, ingħata f’ammont ogħla.

15.      Il-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens għad-danni li jikkorrispondi għat-telf tal-interessi kkalkolat kif ġej: b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz ogħla kkawżat mill-akkordju tal-lifts installati fil-proprjetà immobbli li għaliha ngħatat l-għajnuna, is-self promozzjonali mogħti b’interessi vantaġġużi kien ikun ogħla minn dak fil-każ fl-assenza ta’ akkordju. Li kieku d-differenza bejn l-ammont imħallas mil-Land Oberösterreich lill-benefiċjarji tal-għajnuna u l-ammont iktar baxx li huwa kien ser iħallas lil dawn il-benefiċjarji fl-assenza tal-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-akkordju kienet tiġi investita bir-rata tal-interessi għas-self tal-Gvern Federali, il-Land Oberösterreich kien jakkwista ammont ta’ interessi ferm ogħla minn dak li rċieva mill-interessi vantaġġużi mħallsa lura minn dawn il-benefiċjarji. Id-dannu li għalih il-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens fil-kawża prinċipali jikkorrispondi, għaldaqstant, għad-differenza bejn id-dħul mill-interessi mħallsa lura mill-benefiċjarji tal-għajnuna u d-dħul mill-interessi li kienu jkunu miksuba li kieku l-ammont ikbar ta’ għajnuna li ngħata bħala riżultat tal-akkordju ġie investit bir-rata tal-interessi medja għas-self tal-Gvern Federali.

16.      Il-Qorti tal-Ewwel Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mil-Land Oberösterreich minħabba li huwa, bħala korp li jipprovdi l-għajnuna, ma kienx operatur ekonomiku fis-suq fil-qasam tal-lifts u tal-iskali mobbli. Għalhekk, huwa qiegħed jitlob biss kumpens għal danni indiretti li, bħala tali, ma jagħtux lok għal kumpens (14).

17.      Il-Qorti tal-Appell annullat id-deċiżjoni fl-ewwel istanza (15). Fil-fehma tagħha, il-projbizzjoni ta’ ftehimiet dwar il-prezzijiet tipproteġi wkoll l-interessi finanzjarji ta’ dawk li, minħabba dawn il-ftehimiet dwar il-prezzijiet, iġarrbu piżijiet finanzjarji addizzjonali. Barra minn hekk, billi jagħti għotjiet finanzjarji l-Land Oberösterreich jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni u b’hekk jiggarantixxi l-eżistenza stess ta’ domanda għall-offerta tal-membri tal-akkordju. Konsegwentement, il-Land Oberösterreich jaqa’ wkoll taħt il-protezzjoni segwita mid-dispożizzjonijiet ta’ projbizzjoni tad-dritt tal-akkordji.

18.      Il-manifatturi tal-lifts appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema). L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) taqbel mal-Qorti tal-Ewwel Istanza dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. Skontu l-kumpens għad-danni patrimonjali jippreżupponi l-ksur ta’ liġi li tipprovdi protezzjoni lill-membri ta’ ċertu grupp ta’ persuni minn ksur ta’ drittijiet legalment protetti. Madankollu, il-Land Oberösterreich ma sofra l-ebda dannu bħala fornitur jew xerrej fis-suq affettwat mill-ftehim dwar il-prezzijiet. Skont id-dritt Awstrijak, id-dannu tiegħu ma huwiex biżżejjed marbut mal-għan tal-projbizzjoni ta’ ftehimiet kollużorji, jiġifieri ż-żamma ta’ kompetizzjoni fis-suq affettwat mill-akkordju.

19.      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kumpens għal danni kkawżati minn akkordju, partikolarment is-sentenza Kone (16) u l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (17), l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), madankollu, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-soluzzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Għaldaqstant, b’digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018 (18), l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 85 tat-Trattat KEE, 81 KE u 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tinżamm l-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-effettività prattika tal-projbizzjoni li tirriżulta minnhom, il-membri tal-akkordju għandhom ukoll ikunu jistgħu jintalbu jħallsu kumpens għad-danni minn persuni li la huma attivi bħala fornituri u lanqas bħala xerrejja fis-suq materjalment u ġeografikament rilevanti kkonċernat minn akkordju iżda li jagħtu għajnuna f’kuntest legali taħt il-forma ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli lil xerrejja ta’ prodotti offruti fis-suq ikkonċernat mill-akkordju u li d-dannu tagħhom jikkonsisti fil-fatt li s-somma mislufa kienet ogħla, bħala perċentwali tal-ispejjeż tal-prodott, minn dik li kienet tkun fl-assenza ta’ ftehim kollużorju, peress li huma ma setgħux jinvestu dawn l-ammonti bi profitt?”

21.      Il-partijiet li ġejjin ipparteċipaw fil-parti bil-miktub tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, minn naħa l-Land Oberösterreich, u min-naħa l-oħra Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp, kif ukoll ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Taljana, dawn l-istess partijiet u r-Repubblika tal-Awstrija pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Mejju 2019.

V.      Evalwazzjoni

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

1.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari għall-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea

22.      L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) ma indirizzatx il-fatt li parti mill-fatti kkontestati seħħew qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Jannar 1995 (19). Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Land Oberösterreich għamel osservazzjonijiet iddettaljati dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali li rregolaw il-projbizzjoni tal-akkordji qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea.

23.      Skont il-Land Oberösterreich, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li kienu spirati mid-dispożizzjonijiet li ġew qabel l-Artikolu 101 TFUE u kellhom l-għan li jarmonizzaw id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali ma’ dak tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ikun japplika iktar u iktar għall-perijodu wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fl‑1 ta’ Jannar 1994 li aderixxiet miegħu l-Awstrija u li adottat ukoll fil-biċċa l-kbira, id-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni tal-akkordji.

24.      F’dan il-kuntest, il-Land Oberösterreich jinvoka l-ġurisprudenza li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet purament interni, fejn il-leġiżlatur nazzjonali kellu l-għan li jarmonizza d-dritt nazzjonali applikabbli ma’ dak tal-Unjoni (20).

25.      Madankollu, kuntrarjament għall-argument imressaq mil-Land Oberösterreich, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi ma ddikjaratx li hija kompetenti sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu għal jew huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Ir-raġuni għal dan hija li l-qrati tal-Istati Membri għandhom il-ġurisdizzjoni unika sabiex jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali (21). Għalhekk, fis-sentenzi ċċitati mil-Land Oberösterreich, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija kompetenti biss sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet fejn dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm ma kinux applikabbli direttament, id-dritt nazzjonali rrefera għalihom jew kien ispirat minnhom.

26.      Madankollu, din il-ġurisdizzjoni teżisti biss jekk il-fatti inkwistjoni, għalkemm ma humiex irregolati direttament mid-dritt tal-Unjoni, ikunu seħħew fid-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat kien diġà membru tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talbiet għal deċiżjoni preliminari li fihom il-fatti tal-kawża prinċipali kienu seħħew qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru fl-Unjoni. Ir-raġuni għal dan hija li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni esklużivament fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru l-ġdid mid-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni (22). L-istess japplika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni kienu diġà bbażati fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni. Anki f’dan il-każ, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali biss kellhom japplikaw u jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni (23).

27.      Peress li r-regoli sostantivi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu applikati b’mod retroattiv, il-projbizzjoni tal-akkordju fid-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi applikata fir-rigward ta’ akkordju li ħa l-forma ta’ ksur kontinwu li seħħ kemm qabel kif ukoll wara d-data tal-adeżjoni ta’ Stat fl-Unjoni Ewropea esklużivament sa fejn jiġu ssanzjonati l-effetti antikompetittivi possibbli ta’ dak l-akkordju għall-perijodu ta’ wara d-data tal-adeżjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din il-projbizzjoni ma tapplikax għal akkordju li kellu jew seta’ kellu biss effetti fit-territorju ta’ Stat Membru fil-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru fl-Unjoni (24).

28.      Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-atti tal-akkordju Awstrijak relatat mal-lifts inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħew kemm qabel kif ukoll wara l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni (25). Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar sa fejn huma bbażati t-talbiet għad-danni mil-Land Oberösterreich inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-effetti ta’ dan l-akkordju li żviluppa qabel jew wara l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni (26).

29.      Peress li, fi kwalunkwe każ, mill-inqas uħud mill-fatti inkwistjoni seħħew wara l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni u għalhekk għandhom jiġu eżaminati skont id-dritt tal-Unjoni, ma huwiex ikkontestat li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu.

30.      Jekk, fil-kuntest ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu jirrikjedu li l-Land Oberösterreich jingħata dritt għal kumpens mill-membri tal-akkordju relatat mal-lifts, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni għandhomx jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, jekk għandhomx jiġu interpretati li jiġġustifikaw ukoll dritt għal kumpens lil-Land Oberösterreich għad-dannu mġarrab matul il-perijodu qabel l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni.

2.      Fuq in-natura deċiżiva tad-domanda preliminari magħmula

31.      Fl-atti proċedurali tagħhom, il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni ddubitaw jekk telf ta’ interess bħal dak invokat mil-Land Oberösterreich jistax jagħti lok għal kumpens. Bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistaqsi jekk il-Land Oberösterreich jistax jinvoka d-dannu li ġarrab minħabba l-fatt li, sabiex jissodisfa l-obbligi legali tiegħu, huwa kellu jissellef iktar fis-suq finanzjarju milli kieku ma kien jeżisti l-ebda akkordju, diversi partijiet fil-proċedura waqt is-seduta argumentaw li tali ġustifikazzjoni għad-dannu mġarrab ma kinitx ġiet issottomessa fil-ħin fil-kawża prinċipali u ma setgħetx tiġi ppreżentata iktar tard f’dan l-istadju tal-proċedura.

32.      Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda dannu li dwaru għandu jiġi ddeterminat jekk dan jagħtix lok għal kumpens. Għaldaqstant, id-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) hija irrilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali u għaldaqstant ipotetika, u għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

33.      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Dan jinjora l-linja tad-demarkazzjoni tal-ammissibbiltà u l-evalwazzjoni sostantiva ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

34.      F’dan ir-rigward, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li d-domanda tagħha, skont il-ġurisprudenza, hija preżunta rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni (27), ma tesprimi l-ebda dubju la dwar l-eżistenza ta’ dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich, u lanqas dwar il-fatt li dan id-dannu huwa attribwibbli għall-akkordju relatat mal-lifts. Għall-kuntrarju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tistaqsi dwar jekk dan id-dannu huwiex relatat biżżejjed mal-għan tal-projbizzjoni tal-akkordji u għalhekk, għal din ir-raġuni, jekk dan jistax jagħti lok għal kumpens.

35.      Din il-kwistjoni, bħal dik imqajma mill-manifatturi tal-lifts u mill-Kummissjoni, dwar jekk id-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich bħala riżultat tal-akkordju relatat mal-lifts jikkostitwixxix dannu reali li jagħti lok għal kumpens, għandha rwol fl-evalwazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju relatat mal-lifts humiex issodisfatti. Huwa għalhekk li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami dwar il-merti tad-domanda preliminari magħmula, u mhux fil-kuntest tal-eżami tan-natura deċiżiva u, għalhekk, tal-ammissibbiltà tagħhom.

B.      Evalwazzjoni tal-merti tad-domanda preliminari

36.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu jirrikjedux li istituzzjoni tal-kreditu tal-Istat, li ma taġixxix bħala fornitur jew xerrej fis-suq affettwat minn akkordju, titlob kumpens għad-dannu li hija ġarrbet bħala riżultat tal-fatt li ma setgħetx tinvesti, xi mkien ieħor bi profitt, is-somom ogħla ta’ self li tat b’rata ta’ interess vantaġġuża minħabba l-akkordju.

37.      Il-partijiet f’din il-proċedura ma jaqblux dwar liema kriterju għandu jiġi applikat sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. Filwaqt li l-Land Oberösterreich hija tal-fehma li din id-domanda għandha tingħata risposta direttament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-risposta għandha tibqa’ rriżervata għad-dritt nazzjonali, li sussegwentement dan għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

38.      Kif l-Avukat Ġenerali Wahl iddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Skanska, id-differenza bejn evalwazzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, minn naħa, u dik direttament ibbażata fuq l-Artikolu 101 TFUE, min-naħa l-oħra, hija fundamentali sabiex tkun iddeterminata l-linja li tissepara kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni u dawk irregolati mis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri (28).

39.      Konsegwentement, l-ewwel ser ikun meħtieġ li jiġi ċċarat liema minn dawn il-kriterji, jiġifieri dak tal-interpretazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni jew pjuttost ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali mill-perspettiva tal-ekwivalenza u l-effettività li għandhom jiġu applikati sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari (ara t-Taqsima 1). Fit-tieni stadju għandha mbagħad tiġi eżaminata d-domanda preliminari fuq il-bażi tal-kriterju stabbilit (ara t-Taqsima 2).

1.      Id-dritt tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat għal kumpens għal danni kkawżati mill-akkordju: problema tad-dritt tal-Unjoni

40.      L-infurzar privat tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ rikorsi għad-danni ppreżentati quddiem il-qrati tal-Istati Membri, jikkostitwixxi, b’mod parallel mal-infurzar tal-awtoritajiet għall-osservanza tar-regoli tas-suq, it-tieni pilastru tad-dritt tal-akkordji Ewropew. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt ta’ kull persuna għal kumpens għal danni kkawżati minn ksur tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni ġej direttament mill-Artikolu 101 TFUE. Dan ifisser li kull persuna għandha d-dritt titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni filwaqt li l-eżistenza ta’ dan id-dritt bl-ebda mod ma tiddependi mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (29).

41.      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens quddiem il-qrati nazzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (30). Id-Direttiva 2014/104 tikkonferma dan it-tqassim tal-kompetenzi (31).

42.      Madankollu, kull meta jiġu ttrattati dawn il-prinċipji, terġa’ tqum il-kwistjoni dwar x’inhuma l-aspetti konkreti ta’ rikors għad-danni taħt id-dritt tal-akkordji tal-Unjoni u liema kwistjonijiet ta’ tali rikors għandhom jiġu rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (32).

43.      Fil-ġurisprudenza li ngħatat sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, fil-qasam ta’ kumpens għal danni kkawżati minn akkordju, il-linja tad-demarkazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri (Taqsima a). Fil-każ preżenti, din tirrigwarda l-kompetenza normattiva għal kwistjonijiet varji tal-kunċett tar-“rabta kawżali” li għandha tiġi rregolata fuq il-bażi ta’ din il-linja ta’ demarkazzjoni (Taqsima b).

a)      Il-linja tad-demarkazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kumpens għal danni kkawżati minn akkordju

44.      Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-diviżjoni tal-poteri bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-kumpens għal danni kkawżati minn akkordju timxi mal-linja tad-demarkazzjoni bejn id-dritt materjali u l-infurzar proċedurali: il-kwistjoni tal-eżistenza tad-drittijiet għall-kumpens (jiġifieri, il-kwistjoni ta’ jekk għandux jingħata kumpens) għandha tiġi ddeterminata mid-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni konkreta ta’ tali talbiet (jiġifieri l-kwistjoni dwar kif għandu jingħata l-kumpens għad-danni), jiġifieri, b’mod partikolari, il-kompetenza, il-proċeduri, it-termini u l-produzzjoni ta’ provi, huma rregolati mid-dritt nazzjonali (33).

45.      Kif spjega l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fil-kawża Skanska, ir-regoli għall-applikazzjoni tad-dritt għall-kumpens, għaldaqstant jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, filwaqt li l-kundizzjonijiet kostituttivi tad-dritt li jintalab kumpens u li għalhekk jiffurmaw il-bażi nnifisha ta’ dan id-dritt, huma stabbiliti direttament mill-Artikolu 101 TFUE (34).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan fis-sentenza tagħha mogħtija fil-kawża Skanska, billi kkonstatat li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-partijiet responsabbli għal ħlas ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija rregolata direttament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (35). Dan huwa konformi mas-sentenzi preċedenti li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jiddetermina mhux biss il-grupp ta’ persuni intitolati għal kumpens mill-membri tal-akkordju (“kwalunkwe persuna”) (36), iżda wkoll it-tipi ta’ danni li l-membri tal-akkordju jista’, fejn xieraq, ikollhom jikkumpensaw (kemm dannu reali (damnum emergens) iżda wkoll għat-telf ta’ qligħ (lucrum cessans) kif ukoll il-ħlas ta’ interessi) (37).

b)      Ir-“rabta kawżali” bejn id-determinazzjoni mid-dritt tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri

47.      Il-kwistjoni fil-kawża preżenti, li hija dwar jekk id-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich jagħtix lok għal kumpens, l-istess bħalma fil-kawża Kone l-kwistjoni kienet tikkonċerna jekk id-dannu kkawżat mill-hekk imsejħa effetti umbrella fuq il-prezzijiet (“umbrella pricing”) jagħtix lok għal kumpens, tikkostitwixxi, mil-lat legali, problema ta’ rabta kawżali (38): tqum il-mistoqsija dwar jekk, bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich permezz tal-għoti ta’ għajnuniet fil-forma ta’ kreditu f’ammonti ikbar minħabba l-prezz eċċessiv tal-lifts bħala riżultat tal-akkordju, hemmx rabta suffiċjentement qrib, jew jekk id-dannu huwiex remot wisq li l-kumpens għalih ma jistax jiġi impost b’mod raġonevoli fuq il-membri tal-akkordju.

48.      Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni jqisu li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ “rabta kawżali” bejn l-irregolarità u d-dannu għandha tiġi deċiża mhux direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni iżda fuq id-dritt nazzjonali, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

49.      Il-partijiet ikkonċernati fil-kawża jibbażaw ruħhom fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Manfredi li skontha “huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju [tad-]dritt [għal kumpens], fosthom dawk ta’ l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘relazzjoni kawżali’” (39). Din l-evalwazzjoni issa ġiet irrepetuta fil-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104, li, madankollu, ma tittrattax iktar il-kunċett ta’ rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu. Għall-kuntrarju, din il-premessa tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, fejn xieraq, iżommu fid-dritt nazzjonali tagħhom kundizzjonijiet oħra għall-kumpens, bħalma huma l-kawżalità, adegwatezza jew ħtija, sakemm dawn il-kundizzjonijiet jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, u din id-direttiva.

50.      Analiżi ulterjuri turi, madankollu, li fir-rigward tat-talba għall-kumpens il-kunċett ta’ “rabta kawżali’ bejn l-avveniment dannuż u d-danni huwa kunċett legali b’ħafna aspetti: Pereżempju, l-eżami ta’ din ir-rabta kawżali ma jikkonċernax biss li jiġi kkonstatat, jekk dannu partikolari, fil-fatt, għandux ikun attribwit għal avveniment partikolari. Dan l-eżami jista’ minflok ikun fih ukoll elementi normattivi ta’ evalwazzjoni li jirrelataw mal-kwistjoni dwar jekk id-dannu allegat għandux rabta suffiċjenti mal-għanijiet tad-dispożizzjoni tal-liġi li tkun inkisret (40).

51.      Dan l-aspett normattiv tal-kawżalità huwa enfasizzat fil-kawża preżenti bl-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kawża dwar jekk, kif mitlub mid-dritt Awstrijak, hemmx, fil-każ tal-Land Oberösterreich, “relazzjoni ta’ illegalità” bejn l-irregolarità u d-dannu mġarrab għad-dritt għall-kumpens. Fid-dritt Awstrijak, din ir-rabta teżisti biss jekk id-dispożizzjoni legali li l-awtur tad-dannu jkun kiser għandha wkoll l-għan speċifiku li tipproteġi lill-parti li ġarrbet il-ħsara. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li skont id-dritt Awstrijak, madankollu, f’din il-kawża dan ma huwiex il-każ. Skont din l-analiżi, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-protezzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji jestendi għal dawk il-persuni li jaġixxu bħala fornituri jew xerrejja fis-suq affettwat minn akkordju, iżda ma jestendix għal istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi li, permezz ta’ għajnuna finanzjarja, jippermettu lil ċerti gruppi ta’ xerrejja jakkwistaw iktar faċilment il-prodott affettwat mill-akkordju. Għalhekk, skont id-dritt Awstrijak, id-dritt għall-kumpens ta’ tali istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkun miċħud minħabba li d-danni tagħhom ma jkollhomx rabta suffiċjenti mal-għan tal-projbizzjoni tal-ftehim kollużorju, jiġifieri li tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq affettwat mill-akkordju.

52.      Dan l-argument biss juri li l-kwistjoni kkontestata hawnhekk hija aspett wieħed tal-eżami tal-kawżalità li ma tirrigwardax, pereżempju, il-modalitajiet proċedurali ta’ nfurzar, iżda pjuttost tikkonċerna r-rekwiżiti materjali tat-talba tad-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju. Dan peress li l-kwistjoni hija dwar jekk l-Artikolu 101 TFUE jagħtix dritt għal kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju anki lil persuna li ma aġixxietx bħala fornitur jew xerrej fis-suq affettwat minn dan l-akkordju. Din tikkonċerna l-kwistjoni tal-qasam tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 101 TFUE, u għalhekk, il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġi deċiża biss fuq il-bażi tiegħu.

53.      Ma jkunx xieraq li d-deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif proposta mill-Kummissjoni titħalla f’idejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, sabiex imbagħad jevalwaw d-deċiżjonijiet tagħhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività.

54.      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni kif ukoll l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (41). Dan ifisser, fil-kuntest preżenti, li kunċetti teoriċi tad-dritt nazzjonali li jimmiraw sabiex jirrestrinġu responsabbiltà mingħajr limiti, bħat-teorija tal-għan ta’ protezzjoni segwit mid-dispożizzjoni jew dik tal-adegwatezza tar-rabta kawżali bejn l-irregolarità u d-dannu, ma jistgħux ikunu deċiżivi fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

55.      Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni ta’ ftehimiet dwar il-prezzijiet għandha tiġi interpretata b’mod uniformi fl-Unjoni kollha bħala regola li tikkostitwixxi l-bażi tad-dannu sabiex l-Artikolu 101 TFUE jkun kompletament effettiv. Din id-dispożizzjoni sservi l-għan fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew, li fis-suq intern jinħolqu kundizzjonijiet kemm jista’ jkun uniformi għall-kumpanniji kollha li joperaw fih (“level playing field”). Dan l-għan ikun imminat fil-każ li l-kriterji ġuridiċi applikabbli mill-qrati nazzjonali għall-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-membri tal-akkordju fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE għal tipi speċifiċi ta’ dannu u fir-rigward ta’ persuni speċifiċi jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor (42).

56.      Skont il-linja tad-demarkazzjoni bejn id-dritt materjali u l-infurzar proċedurali, għalhekk “il-modalitajiet […] għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘relazzjoni kawżali’”, li d-definizzjoni tagħhom, skont il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Manfredi u l-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104, hija rriżervata għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, jistgħu jkunu biss il-modalitajiet għall-istabbiliment fattwali ta’ rabta kawżali bejn l-avveniment dannuż u d-dannu f’każ partikolari. Dan huwa konsistenti mal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Manfredi, inkludiet “[il-]modalitajiet […] għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘relazzjoni kawżali’” taħt il-“modalitajiet għall-eżerċizzju [tad-]dritt [għal kumpens]”: dan jikkonċerna l-infurzar ta’ drittijiet għall-kumpens u mhux l-eżistenza ta’ tali drittijiet.

57.      Il-modalitajiet tal-konstatazzjoni fattwali ta’ rabta kawżali bejn l-avveniment dannuż u d-danni f’każ partikolari jirrigwardaw, pereżempju, il-kwistjoni tal-għadd u n-natura ta’ opinjonijiet konsultattivi jew il-livell ta’ evidenza xjentifika li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit li t-tbatija tal-vittma ta’ inċident jew mard bħala riżultat ta’ ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol (bħal preżempju, li jkunu esposti għal sustanzi perikolużi) għandha fil-fatt tkun attribwita għal dak l-inċident jew għal dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u mhux, pereżempju, għal mard preeżistenti. Bl-istess mod, il-modalitajiet speċifiċi għall-infurzar tad-drittijiet għal kumpens jirrigwardaw it-tip ta’ prova li hija meħtieġa, pereżempju, għal klijent li biħsiebu jagħti prova li l-ħsara fil-bini kienet fil-fatt ikkawżata minn difett fil-kostruzzjoni u mhux minn aġenti atmosferiċi lil hinn mill-qasam ta’ influwenza tal-kumpannija tal-kostruzzjoni.

58.      Jekk din l-analiżi tiġi trasposta għall-kawża prinċipali, il-modalitajiet għall-konstatazzjoni fattwali ta’ rabta kawżali bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-dannu finanzjarju invokat mil-Land Oberösterreich jistgħu, pereżempju, ikunu n-natura tal-prova meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li l-għajnuniet finanzjarji kienu fil-fatt mogħtija għall-ammont inkwistjoni, li l-ispejjeż addizzjonali mitluba huma fil-fatt attribwibbli għall-ispejjeż tal-lifts li ġew installati fil-bini li bbenefikaw mill-għajnuna, jew li r-rata medja tal-interessi għas-self tal-Gvern Federali matul il-perijodu rilevanti kienet tikkorrispondi ma’ dik li fuqha l-Land Oberösterreich ibbaża l-kalkoli tad-dannu mġarrab.

59.      Dawn l-aspetti jikkostitwixxu fil-fatt, il-modalitajiet għall-infurzar proċedurali tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-akkordju stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, li r-regolamentazzjoni tiegħu taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, li sussegwentement għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Il-kwistjoni dwar jekk dannu bħal dak invokat mil-Land Oberösterreich għandux rabta suffiċjenti mal-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu, tikkonċerna, min-naħa l-oħra, kif spjegat iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal kumpens taħt id-dritt tal-Unjoni għal danni kkawżati minn akkordju u għandha għalhekk tiġi deċiża direttament fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

60.      Fl-aħħar nett, din hija kwistjoni ta’ min għandu d-dritt għal kumpens u għal liema danni skont l-Artikolu 101 TFUE; għalhekk hija kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta’ dritt għall-kumpens taħt id-dritt tal-Unjoni għal danni kkawżati minn akkordju. Dawn huma kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħalma hija l-kwistjoni li kienet is-suġġett tat-tilwima fil-kawża Skanska, dwar min hu obbligat, skont l-Artikolu 101 TFUE, sabiex jagħti kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju (43).

61.      Kuntrarjament għal dak li ġie sostnut fil-kawża Kone, f’din il-kawża jirriżulta li s-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kone ma timplika l-ebda konklużjoni oħra. Għalhekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret il-prinċipju ġenerali li skontu r-regolamentazzjoni tal-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju, inklużi dawk relatati mal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”, għandha ssir mill-ordinament ġuridiku intern ta’ dak l-Istat Membru, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (44). Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali Wahl spjega fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Skanska, il-kwistjoni dwar jekk ir-responsabbiltà privata tal-membri ta’ akkordju għall-kumpens għad-danni testendix għall-effetti umbrella fuq il-prezzijiet, ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja esklużivament fid-dawl tal-effett sħiħ tal-Artikolu 101 TFUE (45).

62.      Konformement mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda preliminari, għaldaqstant ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, u mhux fuq dik tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2.      Fuq id-dritt għal kumpens ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat għal danni kkawżati minn akkordju

63.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat, li la taġixxi bħala fornitur u lanqas bħala xerrej fis-suq affettwat minn akkordju, tistax titlob kumpens, skont l-Artikolu 101 TFUE u skont id-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu għall-fatt li hija ma setgħetx tinvesti s-somom ogħla ta’ self li tat b’rata ta’ interess vantaġġuża minħabba l-akkordju, xi mkien ieħor bi profitt (46).

64.      F’dan ir-rigward, il-Land Oberösterreich isostni li s-sentenza Kone (47) hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE li, għal raġunijiet legali, kategoriċi u indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ, tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju għal ċertu tip ta’ dannu.

65.      Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni jirribattu li l-għan tal-protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE huwa l-kompetizzjoni u li, għalhekk, persuni biss li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab abbażi ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ parteċipazzjoni bħal din. Is-sentenza Kone kienet tikkonċerna biss tali danni. Min-naħa l-oħra, id-dannu li l-Land Oberösterreich qiegħed jitlob ma għadux marbut biżżejjed mal-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE u għalhekk ma jagħtix lok għal kumpens.

66.      Fis-sentenza Kone, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat mhux biss jekk l-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE jipprekludix li r-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju tiġi eskluża kategorikament għal ċerti danni; iżda wkoll jekk dannu kkawżat mill-effetti umbrella fuq il-prezzijiet huwiex relatat biżżejjed ma’ akkordju li jirnexxielu jżid il-prezz artifiċjalment ta’ ċerti prodotti (48).

67.      Minn dan isegwi li r-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju għad-danni kkawżati minnhom hija suġġetta, fil-qosor, għal kundizzjonijiet simili għal dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u r-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-konfront ta’ individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (49). Dawn il-kundizzjonijiet essenzjalment jirrikjedu li d-dispożizzjoni legali miksura tagħti d-drittijiet lill-parti li ġarrbet il-ħsara, li rriżulta dannu reali u li hemm rabta kawżali suffiċjentement diretta ta’ kawża bejn l-aġir dannuż u d-dannu invokat (50).

68.      Mis-sentenza Kone jirriżulta li fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li teżamina f’termini astratti u ġenerali jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fir-rigward tad-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali li sussegwentement għandha teżamina jekk, fil-każ preżenti, dawn il-kundizzjonijiet humiex fil-fatt ukoll issodisfatti (51). Dan it-tqassim tal-kompetenzi huwa konformi mal-prinċipju li filwaqt li minkejja li, fl-aħħar mill-aħħar huwa f’idejn il-qorti nazzjonali biex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet għall-kumpens humiex issodisfatti fil-każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, ta’ natura li jippermettu lil din l-istess qorti tiddeċiedi dwar it-tilwima konkreta li jkollha quddiemha (52).

69.      Jekk din l-analiżi tiġi trasposta għal din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ifisser li l-ewwel huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE jipprekludix, kif isostnu l-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni, milli jintalab kumpens għad-dannu mġarrab bl-għoti tal-għajnuna bħal dak invokat mil-Land Oberösterreich fil-kawża prinċipali (Taqsima a). Sussegwentement ikun meħtieġ li jiġi diskuss l-argument ta’ dawn il-partijiet fil-kawża li d-dannu mitlub mil-Land Oberösterreich għall-kumpens ma jikkostitwixxix dannu reali u li jista’ jagħti lok għal kumpens (Taqsima b). Fl-aħħar nett, għandu jiġi evalwat jekk id-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich għandux rabta suffiċjentement diretta mal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu mill-membri tal-akkordju relatat mal-lifts (Taqsima c).

a)      Fuq l-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE

70.      Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-Land Oberösterreich, fil-kapaċità tiegħu bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat, ma jaqax taħt l-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE minħabba li, f’dik il-kapaċità, ma aġixxiex bħala operatur ekonomiku.

71.      Għaldaqstant, ikun ċertament restrittiv li wieħed jassumi li huma biss l-operaturi ekonomiċi f’suq ta’ prodotti, f’dan il-każ il-lifts, li huwa affettwat direttament minn akkordju, li jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu mġarrab bħala riżultat tal-akkordju relatat mal-lifts. Pjuttost, l-għan tal-protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna wkoll fornituri u xerrejja diretti u indiretti li joperaw fi swieq upstream jew downstream, bħal persuni li kkonsenjaw partijiet għall-prodott affettwat mill-akkordju jew li jkunu akkwistawhom bħala parti minn prodott ieħor.

72.      Madankollu, sabiex dannu jkun jista’ jagħti lok għal kumpens abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, dan għandu jseħħ permezz tal-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet tas-suq, jiġifieri billi jiġu pprovduti jew mitluba prodotti jew servizzi. Iżda dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich, peress li dan, bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat, aġixxa fil-portata tas-setgħat politiċi tiegħu li jipprovdi għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, u mhux bl-intenzjoni li jagħmel profitti. Id-dritt tal-Unjoni sempliċement ma jipprevedix li tali istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat għandhom id-dritt għal kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju, abbażi tal-Artikolu 101 TFUE.

73.      Għalhekk, korpi pubbliċi ċertament ma humiex esklużi minnhom infushom mill-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE, bħalma d-Direttiva 2014/104, telenka wkoll l-awtoritajiet pubbliċi bħala l-benefiċjarji tad-dritt għal kumpens (53), kif ukoll is-sentenza fil-kawża Otis, li fiha, drittijiet għall-kumpens tressqu mill-Unjoni nnifisha (54). Madankollu, fis-sitwazzjoni li wasslet għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni ma aġixxietx fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha bħala awtorità pubblika, iżda bħala xerrej fis-suq, u għalhekk f’dak il-każ, id-danni lill-proprjetà kontenzjużi kienu ġraw permezz tal-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet tas-suq.

74.      Dan l-argument għandu l-għan li jċaħħad lil-Land Oberösterreich mid-dritt għall-kumpens għad-dannu li huwa jinvoka fil-kawża prinċipali essenzjalment fuq il-bażi tal-fatt li dan ġarrab dan id-dannu matul l-eżerċizzju ta’ attività li kellha l-għan li timplimenta r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu u li ma kellhiex l-għan li tagħmel profitti. Fl-aħħar mill-aħħar, dan l-argument huwa għalhekk ibbażat fuq il-preżunzjoni li l-għan segwit mill-Artikolu 101 TFUE huwa li tinżamm il-kompetizzjoni, li huma biss dawk il-persuni li jipparteċipaw fil-kompetizzjoni bħala fornituri jew xerrejja li huma protetti mill-Artikolu 101 TFUE u, b’hekk, id-danni biss li jirriżultaw fuq din il-bażi fil-portata tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni huma li jagħtu lok għal kumpens.

75.      Din il-konklużjoni għandha, madankollu, tiġi miċħuda mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-attività tal-Land Oberösterreich inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies bħala parteċipazzjoni f’operazzjonijiet tas-suq. Kif ġustament jirrimarka l-Land Oberösterreich, diġà jirriżulta li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti, restrizzjoni kategorika tad-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju ma hijiex kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni segwit mill-Artikolu 101 TFUE (Taqsima 1). La n-natura partikolari tal-Land Oberösterreich bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat (Taqsima 2) u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 (Taqsima 3) ma huma xierqa sabiex jitfgħu dubju fuq tali konstatazzjoni.

1)      Fuq l-inkompatibbiltà tar-restrizzjoni kategorika tad-dritt għal kumpens mal-Artikolu 101 TFUE

76.      Għandu jiġi nnotat ukoll li l-għan ewlieni tal-Artikolu 101 TFUE huwa li jiżgura li tinżamm kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni (55). Madankollu, dan ma jfissirx, li għall-kuntrarju, id-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jappartjeni biss għall-persuni li jġarrbu danni bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq affettwat, jew f’suq upstream jew downstream jew fi qrib tas-swieq affettwati bl-akkordji, jew saħansitra fil-portata tal-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet tas-suq.

77.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju sservi, minn naħa, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa u prattika tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll il-projbizzjoni tal-akkordji stabbilita fih (56). Tabilħaqq, id-dritt li jintalab kumpens għal tali dannu huwa partikolarment xieraq sabiex ikunu jistgħu jiġu skoraġġiti akkordji jew prattiki li joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (57). Min-naħa l-oħra, dan id-dritt jikkostitwixxi protezzjoni effettiva kontra l-effetti negattivi li kwalunkwe ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jipproduċi lil individwi sa fejn huwa jippermetti lill-persuni li jkunu sofrew dannu minħabba l-imsemmi ksur, jitolbu kumpens sħiħ (58).

78.      Kemm il-garanzija tal-effettività sħiħa u l-prattika tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll il-protezzjoni effettiva kontra l-effetti negattivi ta’ ksur tal-kompetizzjoni jkunu mminati serjament jekk il-possibbiltà li jintalab kumpens għal dannu kkawżat minn akkordju tkun limitata għal operaturi ekonomiċi. Mill-bidu, dan effettivament iċaħħad assolutament għadd kbir ta’ rikorrenti potenzjali mill-possibbiltà li jitolbu kumpens mingħand il-membri tal-akkordju, irrispettivament minn jekk hemmx rabta kawżali diretta biżżejjed bejn l-akkordju u d-dannu mġarrab.

79.      Għalhekk, filwaqt li huwa minnu li akkordju li għandu l-effett li jipprevjeni, jirrestrinġi jew li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, ipprojbit bl-Artikolu 101 TFUE, ġeneralment iseħħ fis-suq, madankollu, dan ma jfissirx li dannu kkawżat minn akkordju jista’ jimmaterjalizza biss fis-suq affettwat b’dan l-akkordju, jew f’suq upstream jew downstream jew qrib tas-swieq affettwati bl-akkordji (59), u lanqas li d-dannu kkawżat minn akkordju jista’ jirriżulta biss fil-portata tal-provvista jew tad-domanda għal prodotti jew servizzi fis-suq. Għall-kuntrarju, il-każ preżenti juri d-diversità tat-tipi ta’ danni li jistgħu jkunu kkawżati minn imġiba antikompetittiva u dawn ma humiex limitati għal danni lill-fornituri jew lix-xerrejja diretti jew indiretti f’suq affettwat minn akkordju jew f’suq qrib tiegħu, u lanqas għal danni mġarrba fl-eżerċizzju ta’ attività bi qligħ.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat din id-diversità billi qieset b’mod ġenerali ħafna d-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju permezz tal-formula li “kwalunkwe persuna” hija intitolata li titlob kumpens għal danni kkawżati minn akkordju sakemm teżisti rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-akkordju (60), u billi ddeċidiet li l-esklużjoni kategorika, għal raġunijiet ġuridiċi, ta’ dan id-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju, irrispettivament miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari, hija inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE (61). Madankollu, ir-restrizzjoni tad-dritt għal kumpens għall-operaturi ekonomiċi jkollha preċiżament l-effett li, għal raġunijiet ġuridiċi, teskludi kategorikament u assolutament ir-responsabbiltà ta’ kumpanniji li jipparteċipaw f’akkordju għal ċerti tipi ta’ danni, irrispettivament miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ partikolari.

81.      Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan segwit mill-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern, ma jinkludi l-ebda restrizzjoni għad-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju. Pjuttost, l-Artikolu 101 TFUE jagħti lil kwalunkwe persuna d-dritt li titlob kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju.

82.      Madankollu, kuntrarjament għall-biża’ mill-manifatturi tal-lifts, dan ir-rikonoxximent la għandu jkun ekwivalenti għal estensjoni bla limitu tad-dritt għal kumpens, li jimponi fuq il-membri tal-akkordju obbligu bla limitu, irrispettivament miċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, ta’ responsabbiltà għad-danni kollha possibbli, u lanqas id-danni mbiegħda li jistgħu jiġu kkawżati permezz tal-aġir tagħhom kontra r-regoli tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ “conditio sine qua non” (magħrufa wkoll bħala “kawżalità ta’ ekwivalenza” jew “kawżalità but-for”)(62).

83.      Għall-kuntrarju, id-dritt tal-membri tal-akkordju għal ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi limitata r-responsabbiltà bla limitu huma kkunsidrati mill-fatt li l-membri tal-akkordju huma responsabbli biss għad-danni li għandhom rabta diretta biżżejjed mal-imġiba antikompetittiva tagħhom u li għalhekk kienu prevedibbli għalihom (63).

84.      Konsegwentement, għall-kuntrarju tal-argument tal-Kummissjoni u tal-manifatturi tal-lifts, il-kwistjoni deċiżiva dwar jekk fil-kawża ineżami d-danni mġarrba mil-Land Oberösterreich jagħtux lok għal kumpens, ma hijiex dwar jekk dan id-dannu għandux rabta suffiċjenti mal-għan ta’ protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Kif għadni kif spjegajt, l-għan tal-protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE huwa preċiżament li kwalunkwe dannu li għandu rabta kawżali mal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jagħti lok għal kumpens. Huwa għalhekk li l-kwistjoni deċiżiva fil-kawża ineżami hija jekk bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-danni li għalihom l-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens, teżistix rabta kawżali diretta biżżejjed.

2)      Fuq in-natura tal-Land Oberösterreich bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat

85.      Jirriżulta mill-osservazzjonijiet preċedenti li l-argument tal-Kummissjoni u tal-manifatturi tal-lifts, partikolarment li d-dannu tal-Land Oberösterreich ma huwiex kopert mill-għan ta’ protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għar-raġuni li dan seħħ fil-portata tal-eżekuzzjoni tal-kompiti politiċi ta’ din l-awtorità reġjonali, x’aktarx li ma jistax jintlaqa’.

86.      Jekk il-Land Oberösterreich jiġi mċaħħad mill-kumpens għad-dannu tiegħu minħabba li aġixxa fil-portata tal-eżekuzzjoni tal-kompiti politiċi tiegħu billi ta self promozzjonali, u mhux sabiex jinkisbu fondi għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti, bħal pereżempju, għax-xiri ta’ lifts għall-bini tiegħu, ikun ifisser li l-korpi pubbliċi jkunu dejjem esklużi mill-għan ta’ protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jekk ma jaġixxux fil-qafas tal-attività tal-akkwist tagħhom u għalhekk bħala xerrejja fis-suq.

87.      Fl-aħħar mill-aħħar, minħabba raġunijiet ġuridiċi, dan iwassal sabiex il-kumpens għal ċertu tip ta’ danni, irrispettivament miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ikun eskluż kategorikament u assolutament. Madankollu, skont is-sentenza mogħtija fil-kawża Kone, esklużjoni assoluta hija preċiżament inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE (64). Ir-raġuni għal dan hija li l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE teħtieġ preċiżament li kwalunkwe persuna tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.

88.      F’dan ir-rigward, l-għoti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat tad-dritt għal kumpens għad-danni jidher xieraq biex jagħmel kontribuzzjoni partikolarment importanti għall-infurzar tal-projbizzjoni tal-akkordji. B’differenza mill-infurzar pubbliku tad-dritt tal-akkordji, l-infurzar privat jiddependi fuq l-inizjattiva tal-partijiet li ġarrbu l-ħsara. Din l-inizjattiva tfalli meta l-partijiet li ġarrbu l-ħsara ma jkollhom l-ebda inċentiv ekonomiku sabiex jinfurzaw id-dritt għall-kumpens għad-danni mġarrba minnhom, pereżempju meta l-persuna tkun ġarrbet biss dannu mhux sostanzjali. Dan ġeneralment ikun il-każ meta l-konsumaturi finali privati jakkwistaw prodott bi prezz kemxejn ogħla u jkunu affettwati biss marġinalment minn tali ftehim dwar il-prezzijiet. F’ħafna mill-każijiet, għal tali konsumaturi finali, rikors għad-danni ma jkunx fattibbli.

89.      Min-naħa l-oħra, istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat li jagħtu ammonti ikbar ta’ fondi għandhom interess jagħmlu talba għad-danni tagħhom permezz ta’ rikors u għalhekk huma operaturi affidabbli fl-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew.

90.      Barra minn hekk, la l-Kummissjoni u lanqas il-manifatturi tal-lifts ma taw l-ebda raġuni li tiġġustifika esklużjoni assoluta li d-danni li ġarrbu l-korpi pubbliċi fil-portata tal-eżekuzzjoni tal-kompiti politiċi tagħhom mingħajr skop ta’ qligħ, ma jagħtux lok għal kumpens. Ma jidhirx li hemm xi raġuni għal din l-esklużjoni. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li mid-dritt li jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju għandhom jibbenefikaw biss l-operaturi privati li jaġixxu fit-twettiq tal-missjonijiet intraprenditorjali tagħhom u għal skop ta’ qligħ, u mhux l-operaturi pubbliċi li jwettqu l-missjonijiet tagħhom fl-interess ta’ skopijiet ġenerali u mhux għall-profitt.

91.      Għall-kuntrarju, kif ġie osservat iktar ’il fuq, ir-restrizzjoni ta’ dannu kumpensabbli li jirriżulta fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni bi skop ta’ qligħ, ma tikkunsidrax il-kumplessità tal-attività tas-suq u l-interventi tal-operaturi pubbliċi relatati ma’ din l-attività (65). Fil-każ preżenti, din il-kumplessità marbuta mar-rabta ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi u r-rabtiet kawżali tidher mill-fatt li l-Land Oberösterreich, bħala kreditur, ħoloq possibbiltà ta’ finanzjament għax-xerrejja tal-lifts, u b’hekk kien hu li ppermetta parti kbira mid-domanda fis-suq affettwat mill-akkordju relatat mal-lifts. Ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attur bħal dan, li huwa pilastru tas-suq tal-bejgħ affettwat minn akkordju, sabiex jiġi eskluż mill-bidu nett mill-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 101 TFUE.

92.      Dan jgħodd iktar u iktar minħabba l-fatt li minkejja li ma aġixxiex għal skop ta’ qligħ jew bħala kompetitur fl-għoti ta’ għajnuniet, il-Land Oberösterreich madankollu ħa sehem fil-ħajja ekonomika bħala entità indipendenti u, bħala tali, ġarrab id-dannu invokat fil-kawża prinċipali.

93.      Konsegwentement, il-perspettiva żviluppata mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża (66) u msemmija mill-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet fil-kawża, li huma l-operaturi ekonomiċi biss, bħala prinċipju, li huma intitolati li jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju, minbarra soċji, diretturi, ħaddiema jew investituri ta’ kumpannija kkonċernata (67), madankollu, ma tipprekludix id-dritt tal-Land Oberösterreich.

94.      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun meħtieġ fil-każ preżenti li tittieħed pożizzjoni f’dan id-dibattitu, li s-sitwazzjoni tal-Land Oberösterreich bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat ma hijiex, fi kwalunkwe każ, komparabbli ma dik tas-soċji, diretturi, ħaddiema jew investituri ta’ kumpannija li ġarrbet dannu minn akkordju. Madankollu, is-soċji, diretturi, ħaddiema jew investituri ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma jikkostitwixxux, f’din il-kapaċità, entità indipendenti fil-ħajja ekonomika, u d-dannu tagħhom ġeneralment jirriżulta mit-tnaqqis tal-valur jew kwalunkwe dannu ieħor imġarrab mill-kumpannija li tipparteċipa fil-ħajja ekonomika. B’kuntrast ma’ dan, istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat bħalma huwa l-Land Oberösterreich huma, mingħajr dubju, entitajiet indipendenti fil-ħajja ekonomika u d-dannu tagħhom ma jikkonsistix fit-telf tal-valur jew dannu li kumpannija ġarrbet bħala riżultat ta’ ftehim dwar il-prezzijiet. Għall-kuntrarju, il-Land Oberösterreich f’dan il-każ ġarrab telf speċifiku fil-funzjoni tiegħu bħala istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat.

3)      Fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104

95.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-fehma ta’ ThyssenKrupp, mid-dispożizzjonijiet partikolari tad-Direttiva 2014/104 dwar id-dritt għall-kumpens tal-fornituri u x-xerrejja indiretti tal-membri tal-akkordju (68) ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat bħal-Land Oberösterreich huma esklużi mid-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju. Pjuttost, dawn id-dispożizzjonijiet jiddikjaraw li d-dannu għall-fornituri u x-xerrejja indiretti tul il-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni ta’ akkordju huwa fenomenu partikolarment komuni, li jista’ jiġi rregolat b’dispożizzjonijiet ġenerali.

96.      Għall-kuntrarju, madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet separati li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jillimita ċ-ċirku ta’ persuni intitolati li jitolbu kumpens għal danni kkawżati minn akkordju għal parteċipanti diretti u indiretti fis-suq kopert minn akkordju jew, b’mod ġenerali, għal operaturi ekonomiċi, filwaqt li jċaħħad lill-partijiet l-oħra li ġarrbu l-ħsara mid-dritt għall-kumpens trasport direttament mill-Artikolu 101 TFUE u għaldaqstant stabbilit fid-dritt primarju. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur espressament u mingħajr l-ebda riżerva kkonkluda fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/104 li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara (69).

4)      Konklużjoni intermedjarja

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-għan ta’ protezzjoni tal-projbizzjoni tal-ftehim dwar il-prezzijiet li jinsab fl-Artikolu 101 TFUE jestendi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat bħal-Land Oberösterreich. Għaldaqstant, huma jistgħu jitolbu kumpens meta jkunu ġarrbu dannu reali kkawżat minn ftehim dwar il-prezzijiet u meta hemm rabta kawżali diretta suffiċjenti bejn dan id-dannu u l-ftehim dwar il-prezzijiet inkwistjoni.

b)      Fuq in-natura reali u d-dannu kumpensabbli, imġarrab mil-Land Oberösterreich

98.      Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, anki jekk l-għan tal-protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi estiż għal istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat bħal-Land Oberösterreich, id-dannu mitlub mil-Land Oberösterreich xorta waħda ma jistax jagħti lok għal kumpens.

99.      Il-fondi użati mil-Land Oberösterreich għall-għoti ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli kienu marbuta mal-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar u ma setgħu jintużaw għall-ebda skop ieħor. Barra minn hekk, l-ammont totali ta’ fondi disponibbli kull sena jkun iffissat minn qabel u għalhekk ikun indipendenti mill-ispejjeż tal-proġetti ta’ kostruzzjoni li jirċievu għajnuna individwalment, inklużi l-ispejjeż ogħla tal-lifts installati fihom li allegatament ġew ikkawżati mill-akkordju. Finalment, il-prattika preċedenti tal-Land Oberösterreich turi li l-fondi disponibbli huma eżawriti kompletament kull sena. Madankollu, anki jekk dan ma kienx il-każ, il-fondi li jifdal xorta waħda kienu wkoll jiġu allokati għall-għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar għas-sena ta’ wara.

100. Għalhekk, id-dannu kkawżat mill-fatt li s-self marbut mal-ammont tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni rispettivi kien allegatament ogħla minħabba l-prezz eċċessiv tal-lifts ikkawżat mill-akkordju milli kieku, min-naħa l-oħra, ma kien ikun hemm l-ebda akkordju (70), l-iktar l-iktar, dan id-dannu fuq il-Land Oberösterreich jista’ jiżvela ruħu mill-fatt li dan ma setax jagħti numru daqshekk kbir ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli milli kieku ma kien hemm l-ebda akkordju. Ir-raġuni għal dan hija, li kieku kull self individwali kien iktar baxx, il-Land Oberösterreich kien jagħti numru ikbar ta’ self u għalhekk, seta’ jagħti għajnuna għal numru ikbar ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ djar.

101. Fuq il-bażi ta’ dan l-argument, il-manifatturi tal-lifts, minn naħa, huma tal-fehma, li l-akkordju relatat mal-lifts ma kkawża l-ebda dannu lil-Land Oberösterreich jew, fi kwalunkwe każ, l-ebda dannu finanzjarjament kwantifikabbli, iżda l-iktar l-iktar dannu politiku. Dan jimmanifesta ruħu mill-fatt li l-Land Oberösterreich ma setax jimplimenta l-politika tiegħu dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar b’mod estensiv bħalma kieku kien jimplimentaha f’ċirkustanzi normali minħabba l-akkordju relatat mal-lifts. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich innifsu, iżda, jekk xejn, dannu għall-pubbliku inġenerali.

102. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-manifatturi tal-lifts isostnu li t-telf tal-interessi invokat mil-Land Oberösterreich huwa wkoll purament spekulattiv u ipotetiku. Fil-fatt, il-fondi allokati għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni qatt ma setgħu jiġu investiti sabiex jinkiseb profitt b’mod ieħor.

103. L-ewwel nett, ta’ min jinnota li l-manifatturi tal-lifts manifestament qegħdin ifittxu li b’mod sottili jqajmu dubju dwar il-fatt li s-self promozzjonali mogħti mil-Land Oberösterreich kien effettivament ogħla minħabba l-prezzijiet eċċessivi tal-lifts ikkawżati mill-akkordju milli kieku ma kien hemm l-ebda akkordju relatat mal-lifts. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi rrifjutat. Dan peress li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-fatt li l-prezzijiet tal-lifts fis-suq Awstrijak kienu ogħla matul il-perijodu rilevanti minħabba l-akkordju relatat mal-lifts milli kienu jkunu f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-fatt li s-self promozzjonali ġie marbut mal-ammont tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u għalhekk ukoll mal-ispejjeż tal-lifts, u l-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma ċaħdet serjament dawn il-fatti. Konsegwentement, dawn il-fatti għandhom iservu wkoll bħala bażi sabiex tingħata risposta għal din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

104. F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-argument ibbażat fuq in-natura ipotetika tat-telf tal-interess invokat (Taqsima 1) u lanqas l-argument ibbażat fuq in-natura purament politika tad-dannu kkontestat f’dan il-każ (Taqsima 2) ma jikkontribwixxu sabiex l-argumenti tal-manifatturi tal-lifts u tal-Kummissjoni jintlaqgħu.

1)      Fuq in-natura kumpensabbli tad-dannu fir-rigward tat-telf ta’ interessi invokat mil-Land Oberösterreich fil-kawża prinċipali

105. Il-manifatturi tal-lifts għandhom raġun isostnu li huwa l-pubbliku inġenerali li ġarrab dannu f’dan il-każ minħabba li kien impossibbli, minħabba l-prezzijiet eċċessivi tal-lifts ikkawżati mill-akkordju, li jingħataw ammonti ikbar ta’ self promozzjonali milli kieku ma kien hemm ebda akkordju. Bħala riżultat, ġew iffinanzjati numru iżgħar ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni u l-politika ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar fil-Land Oberösterreich ġiet għalhekk implimentata b’mod inqas mifrux milli kieku ma kienx hemm akkordju. L-argument imressaq waqt is-seduta mill-manifatturi tal-lifts, li skonthom qatt ma kien hemm biżżejjed fondi għall-għajnuna u li dejjem kien hemm termini ta’ stennija għall-benefiċjarji tal-għajnuna, juri r-realtà tad-dannu mġarrab.

106. Madankollu, l-argument li l-manifatturi tal-lifts żviluppaw abbażi ta’ dan il-fatt huwa żbaljat f’żewġ aspetti: minn naħa, għaliex jidher li jpoġġi fuq l-istess livell id-dannu kkawżat lill-pubbliku inġenerali identifikat iktar ’il fuq u d-dannu li l-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens għalih fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, minħabba li jidher li huwa bbażat fuq l-idea li d-dannu kkawżat lill-pubbliku inġenerali minnu nnifsu ma jagħtix lok għal kumpens.

107. Għalhekk, għandu jiġi ċċarat, qabel kollox, li d-dannu mġarrab mill-pubbliku inġenerali mill-fatt li ma setgħetx tingħata iktar għajnuna għall-proġetti ta’ kostruzzjoni soċjali milli kieku ma kien hemm l-ebda akkordju, ma huwiex relatat mat-telf tal-interessi li l-Land Oberösterreich jinvoka fil-kawża prinċipali.

108. Huwa minnu li dawn iż-żewġ danni huma attribwibbli għall-istess ċirkustanza, jiġifieri li l-Land Oberösterreich tassew ta ammonti ikbar ta’ self minħabba l-ispejjeż eċċessivi tal-lifts milli kieku kien jagħti fl-assenza tal-akkordju. Il-fatt li, f’termini sempliċi, il-Land Oberösterreich kien ikollu iktar fondi disponibbli fl-assenza tal-akkordju, jista’, madankollu, jirriżulta f’dannu b’modi differenti.

109. Għalhekk, l-ewwel nett, jista’ jiġi argumentat, li dawn il-fondi kienu jagħmluha possibbli li jiġu ffinanzjati iktar proġetti ta’ akkomodazzjoni u li d-dannu jimmanifesta ruħu għalhekk fin-nuqqas ta’ residenzi bħal dawn – dan huwa d-dannu politiku għall-pubbliku inġenerali, li l-eżistenza tiegħu l-manifatturi tal-lifts jirrikonoxxu.

110. It-tieni nett, jista’ jiġi argumentat li l-Land Oberösterreich qatt ma seta’ jakkwista l-fondi mħallsa żejda fis-swieq finanzjarji jew li seta’ jallokahom biex iħallas lura s-self pendenti.

111. Finalment, it-tielet nett, id-dannu jista’ jkun rifless mill-fatt li l-fondi mħallsa żejda, li l-benefiċjarji tal-għajnuna sempliċement ħallsu lura lil-Land Oberösterreich flimkien mar-rata ta’ interessi b’kundizzjonijiet favorevoli, setgħu jiġu investiti b’rata ta’ interessi ogħla.

112. L-aħħar żewġ forom ta’ dannu biss jikkorrispondu għal dak invokat mil-Land Oberösterreich fil-kawża prinċipali. F’kull wieħed mill-każijiet, huma jqisu d-dannu mġarrab bħala telf tal-interessi minħabba l-fatt li l-fondi mħallsa żejda mil-Land Oberösterreich bħala riżultat tal-akkordju ġew imħallsa lura mill-benefiċjarji tal-għajnuna b’sempliċement rata ta’ interessi b’kundizzjonijiet favorevoli.

113. Għalhekk, fiż-żewġ każijiet, id-dannu jikkonsisti fid-differenza bejn l-ammont ta’ interessi mħallsa lura mill-benefiċjarji tal-għajnuna u l-ammont ta’ interessi li kien ikun dovut għall-fondi mħallsa żejda skont ir-rata tal-interessi prevalenti, jiġifieri, fil-każ tal-Land Oberösterreich ir-rata tal-interessi għas-self tal-Gvern Federali. Il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza titqiesx bħala lucrum cessans, peress li l-Land Oberösterreich seta’ investa l-fondi mħallsa żejda bir-rata medja tal-interessi għas-self tal-Gvern Federali, jew bħala telf imġarrab, peress li l-Land Oberösterreich innifsu kien ikollu jakkwista dawn il-fondi għar-rata tal-interessi għas-self tal-Gvern Federali, fl-aħħar mill-aħħar twassal għall-istess ħaġa. It-telf ta’ qligħ li ġej mill-interessi u t-telf tal-interessi mġarrab li jirriżulta mill-assenza ta’ ċertu ammont għal perijodu partikolari, huma, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ naħat tal-istess munita, jiġifieri li dawn l-ammonti la setgħu jiġu investiti u lanqas amministrati ekonomikament.

114. L-iżvantaġġ ikkawżat mill-assenza ta’ ċertu ammont matul perijodu partikolari, kif ukoll il-benefiċċju ġġenerat mid-disponibbiltà ta’ ċertu ammont matul perijodu partikolari, huma ġeneralment ikkumpensati mill-fatt li l-ammonti li għandhom jitħallsu lura għandhom ikunu miżjuda bl-ammont ta’ interessi akkumulati sa mill-eżiġibbiltà tagħhom bl-użu tar-rata ta’ interessi prevalenti. B’mod partikolari, huwa previst li mal-ammonti li jridu jiġu mħallsa lura wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew bħala riżultat ta’ soluzzjoni amikevoli, għandhom jiżdiedu l-interessi (71). Bl-istess mod, mal-għajnuniet li jridu jiġu mħallsa lura abbażi ta’ digriet ta’ rkupru mill-Kummissjoni, iridu jiżdiedu l-interessi (72).

115. Jekk sussegwentement l-għajnuna illegali tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni, il-vantaġġ mhux iġġustifikat li l-benefiċjarju tal-għajnuna bbenefika minnu, li seta’ jiddisponi diġà mill-għajnuna qabel id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-Kummissjoni huwa kkumpensat mill-fatt li, għalkemm ma għandux iħallas lura l-għajnuna huwa stess, madankollu huwa għandu jħallas l-interessi li kien ikollu jħallas li kieku huwa ffinanzja dak l-ammont permezz ta’ kreditu sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (73). Jekk għajnuna illegali kienet tikkonsisti minn self mogħti mingħajr interessi jew b’rata ta’ interessi b’kundizzjonijiet favorevoli, l-ammont li għandu jiġi rkuprat jikkorrispondi għad-differenza bejn l-interessi dovuti bir-rata prevalenti tas-suq u dawk l-interessi effettivament imħallsa (74).

116. Il-kawża preżenti hija simili għall-aħħar sitwazzjoni peress li d-dannu li għalih il-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens, ma jinkludix il-ħlas lura tal-ammont imħallas żejjed, iżda biss l-interessi li kienu jkunu dovuti mill-benefiċjarji tal-għajnuna fir-rigward tal-ammont imħallas żejjed bħala riżultat tal-akkordju skont ir-rata ta’ interessi prevalenti, wara t-tnaqqis tal-interessi b’kundizzjonijiet favorevoli li l-benefiċjarji tal-għajnuna nnifishom diġà ħallsu lil-Land Oberösterreich. Min-naħa l-oħra, il-Land Oberösterreich mhux jitlob il-ħlas lura tal-ammont innifsu mħallas żejjed bħala riżultat tal-akkordju, peress li l-ispejjeż żejda bħala riżultat tal-akkordju preċiżament ma kinux tħallsu mil-Land Oberösterreich, iżda mill-benefiċjarji tal-għajnuna rispettivi permezz tas-self b’rata ta’ interessi baxxa mogħti mil-Land Oberösterreich.

117. F’dan ir-rigward, il-każ ineżami huwa differenti minn każ ta’ ffinanzjar ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni skont il-kundizzjonijiet tas-suq: f’tali każ, il-kreditur ma jkunx ġarrab danni minħabba li huwa jitħallas lura s-self mogħti bir-rata ta’ interessi tas-suq, iżda, għal din ir-raġuni, id-dannu mill-interessi tal-kuntrattur tal-bini jkun korrispondentement ogħla u ċertament għandu jiġi kkumpensat mill-membri tal-akkordju. Il-fatt li istituzzjoni ta’ kreditu pubblika tat kreditu ta’ għajnuna b’kundizzjonijiet iktar favorevoli ma jiġġustifikax it-tnaqqis tar-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju.

118. Fil-każ preżenti hemm żewġ danni distinti kkawżati mill-istess kawża, jiġifieri l-ispejjeż żejda bħala riżultat tal-akkordju: minn naħa, id-dannu mġarrab mill-benefiċjarju tal-għajnuna, li jikkonsisti fl-ispejjeż żejda bħala riżultat tal-akkordju, flimkien mal-interessi b’kundizzjonijiet favorevoli mħallsa lil-Land Oberösterreich talli pprovda dan l-ammont u, min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mil-Land, li jikkonsisti fid-dħul mill-interessi li kienu jkunu dovuti b’rata ta’ interessi prevalenti għall-parti żejda tas-self b’kundizzjonijiet favorevoli bħala riżultat tal-akkordju, wara t-tnaqqis tal-ammont ta’ interessi ridott bl-applikazzjoni ta’ rata tal-interessi b’kundizzjonijiet favorevoli mħallas mill-benefiċjarji tal-għajnuna għal dan il-għan (75).

119. Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li l-argument tal-manifatturi tal-lifts li d-dannu huwa mġarrab mill-benefiċjarji tal-għajnuna u mhux mil-Land Oberösterreich għandu jiġi miċħud. L-istess japplika għall-argument tal-Kummissjoni li t-telf ta’ interessi fil-każ preżenti huwa kkumpensat mill-fatt li l-ammont li jikkorrispondi għad-dannu tal-benefiċjarji tal-għajnuna (l-ispejjeż żejda flimkien ma’ rata tal-interessi b’kundizzjonijiet favorevoli mħallsa għal dan il-għan) għandu, min-naħa l-oħra, jitħallas lura flimkien mal-interessi. Ir-raġuni għal dan hija li, iż-żewġ argumenti huma bbażati fuq l-ekwiparazzjoni żbaljata tad-dannu mġarrab mill-benefiċjarji tal-għajnuna u tad-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq konfużjoni tal-fatt li d-dannu nnifsu li qiegħed jinvoka l-Land Oberösterreich huwa telf ta’ interessi, mal-fatt li l-ammonti kollha tal-kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju, irrispettivament min-natura tagħhom, jiġifieri, irrispettivament minn jekk humiex telf ta’ interessi, danni minħabba prezzijiet eċċessivi jew danni oħra, għandhom jitħallsu lura flimkien mal-interessi akkumulati sa mill-eżiġibbiltà tagħhom għal dawn l-ammonti (76).

120. Min-naħa l-oħra, min-natura tad-dannu invokat mil-Land Oberösterreich jirriżulta li l-argument tal-manifatturi tal-lifts u tal-Kummissjoni li dan id-dannu huwa biss ipotetiku, minħabba li l-Land Oberösterreich xorta waħda ma setax jinvesti l-ammonti ta’ kreditu mogħtija żejda bħala riżultat tal-akkordju, huwa żbaljat. Dan peress li kif diġà ġie spjegat fil-punti 114 u 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa konformi mas-sitwazzjoni u l-prattika legali komuni li s-sempliċi nuqqas irregolari ta’ ammont partikolari matul perijodu speċifikat jitqies bħala telf finanzjarju konkret, mingħajr ma jkun meħtieġ ġustifikazzjonijiet ulterjuri. Bl-istess mod, hija s-sitwazzjoni u l-prattika legali komuni li dan id-dannu jiġi rifless permezz tad-dħul tal-interessi akkumulati bl-użu ta’ rata ta’ interessi rilevanti għall-ammont korrispondenti matul il-perijodu rilevanti.

121. Huwa għalhekk neċessarju, li l-ewwel nett, jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni u tal-manifatturi tal-lifts, li skontu d-dannu invokat mil-Land Oberösterreich jikkorrispondi għal qligħ addizzjonali fuq l-interessi u għalhekk għal lucrum cessans, jiġifieri li l-Land Oberösterreich seta’ jikseb biss li kieku l-ammonti inkwistjoni ntużaw kuntrarjament għall-iskop previst u b’mod illegali għal operazzjonijiet spekulattivi fis-swieq finanzjarji u mhux għall-għoti ta’ krediti għall-għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar b’kundizzjonijiet favorevoli. Fil-fatt, fir-rigward tad-dannu li għalih il-Land Oberösterreich qiegħed jitlob kumpens huwa pjuttost dannu patrimonjali u għalhekk damnum emergens, li, kif spjegat fil-punti 114, 115 u 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkonsisti fil-fatt li l-Land Oberösterreich ma setax jiddisponi mill-ammonti ta’ kreditu mħallsa eċċessivament, matul il-perijodu rilevanti.

122. Minn dan isegwi li huwa wkoll żbaljat l-argument li l-Land Oberösterreich la wera b’mod suffiċjenti li seta’ jinvesti l-ammonti inkwistjoni b’rata tal-interessi medja għas-self tal-Gvern Federali, u lanqas ma sostna b’mod suffiċjenti jew fil-ħin li huwa stess kellu jakkwista dawn l-ammonti b’din ir-rata ta’ interessi fil-forma ta’ self jew li huwa seta’ jallokahom biex iħallas lura s-self pendenti. Dan peress, li d-dritt għall-interessi previst mil-liġi għandu l-għan li ma jagħmilx neċessarju li tiġi prodotta prova dwar il-profitti ġġenerati b’mod konkret minn opportunità ta’ investiment.

123. Kif spjega l-Land Oberösterreich waqt is-seduta, il-ġurisprudenza Awstrijaka nnifisha stabbilixxiet il-prinċipju li entitajiet pubbliċi għandhom jinvestu l-fondi disponibbli f’self tal-Gvern Federali b’rata fissa u r-rata ta’ interessi applikabbli għandha tittieħed bħala valur referenzjarju għall-kalkolu tat-telf li jirriżulta min-nuqqas temporanju ta’ tali fondi. Skont l-argument tal-Land Oberösterreich, din il-ġurisprudenza kienet ukoll espressament applikata għad-dannu mġarrab fil-każ preżenti.

124. Dan ifisser li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża preżenti, istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat bħal-Land Oberösterreich ma għandhiex għalfejn tispjega jew tipproduċi prova li l-ammont inkwistjoni seta’ jiġi investit b’mod iktar profittabbli jew seta’ jintuża sabiex jitħallas lura s-self pendenti. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li tali istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat tispjega lill-qorti nazzjonali liema ammont kien nieqes u għal kemm żmien u, jekk ikun il-każ, ir-rata tal-interessi applikabbli. Kif ġustament jirrimarka l-Land Oberösterreich, obbligu iktar estensiv, b’mod partikolari għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu pubbliċi, sabiex jipproduċu prova li għandhom il-kompetenza sabiex jinvestu l-ammonti inkwistjoni jew jużawhom sabiex iħallsu lura s-self tagħhom stess, jikkostitwixxi żvantaġġ indebitu għall-operaturi tal-Istat meta mqabbla ma’ operaturi privati li ma humiex suġġetti għal dan l-obbligu probatorju.

125. Għalhekk, huwa għall-finijiet tal-kompletezza li għandu jiġi nnotat li, fil-każ preżenti, il-Land Oberösterreich, fi kwalunkwe każ, spjega b’mod konvinċenti li ma kellux biss il-kompetenza li jinvesti l-fondi disponibbli għal żmien qasir, intiżi għall-għajnuna tal-kostruzzjoni tad-djar, sakemm jerġgħu jintużaw għall-iskop proprju tagħhom (ħlas lill-benefiċjarji tal-għajnuna) jew f’self tal-Gvern Federali b’rabta fissa jew sabiex iħallas lura s-self pendenti, iżda dan kien proprju l-obbligu tiegħu fil-portata tal-ġestjoni tal-assi tiegħu. Bl-istess mod, il-Land Oberösterreich spjega li, fis-sottomissjonijiet introduttorji fil-kawża prinċipali, li huwa kien diġà bbaża d-dannu tiegħu kemm fuq il-possibbiltà li jinvesti l-ammonti inkwistjoni taħt kundizzjonijiet normali tas-suq kif ukoll fuq il-possibbiltà li jintużaw dawn l-ammonti sabiex iħallas lura s-self tiegħu stess. Dan jidher ukoll li huwa kkonfermat mid-digriet tal-Qorti tat-Tieni Istanza fil-kawża prinċipali (77).

126. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li dannu bħal dak li l-Land Oberösterreich qiegħed jinvoka fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkumpensat abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, li jistabbilixxi direttament id-dritt għal kwalunkwe persuna li tikseb kumpens għal dannu kkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, issa hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-firxa eżatta tad-dannu li għandu jiġu kkumpensat (78).

2)      Fuq id-dannu kkawżat lill-pubbliku inġenerali minħabba insuffiċjenza fl-għotjiet ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar li tirriżulta mill-akkordju

127. Kif spjegat hawn fuq, l-argument li d-dannu, li huwa kkawżat bħala riżultat tal-akkordju relatat mal-lifts, li huwa purament politiku u li huwa mġarrab mill-pubbliku inġenerali, ma jagħtix lok għal kumpens ma jirrigwardax id-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u għalhekk huwa ineffettiv (79). Għall-finijiet tal-kompletezza biss, għandu jiġi nnotat li dan l-argument huwa irrilevanti anki fil-mertu.

128. Fil-fatt, irrispettivament mill-kwistjoni tal-kalkolu preċiż tad-dannu mġarrab, li għandha tingħata risposta fit-tieni lok, il-fatt li jiġi kkunsidrat li dannu kkawżat lill-pubbliku inġenerali min-nuqqas ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku kkawżat minn akkordju, li ma jagħtix lok għal kumpens, jew saħansitra huwa ineżistenti, tkun manifestazzjoni inaċċettabbli tal-prinċipju favur “il-privatizzazzjoni tal-profitti u s-soċjalizzazzjoni tat-telf”.

129. Filwaqt li jista’ jkun diffiċli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż id-dannu mġarrab mill-pubbliku inġenerali f’termini ta’ materjalità u rappreżentazzjoni konkreta, kif ukoll in-natura finanzjarja u kalkolabbli ta’ tali dannu, f’każijiet bħal dawn. Madankollu, jistgħu jintużaw jew jitqiesu mudelli ta’ kalkolu ekonomiċi, jew li d-dannu kkonċernat jiġi kunċettwalment ekwiparat ma’ dannu morali.

130. Bl-istess mod, huwa pjuttost possibbli li wieħed jimmaġina każijiet li fihom huwa diffiċli li tiġi identifikata l-persuna ġuridika li fir-rigward tagħha “dannu mġarrab mill-pubbliku inġenerali” għandu jiġi kkumpensat b’mod konkret. Madankollu, f’każijiet bħal dawn ikun konċepibbli li rappreżentant tal-interess ġenerali, bħala rappreżentant tal-pubbliku inġenerali, ifittex kumpens għad-dannu mġarrab u li l-kumpens imħallas minn dawk l-atturi li kkawżaw id-dannu jitħallas f’fond li l-qligħ tiegħu jibbenefika l-pubbliku inġenerali (80).

3)      Konklużjoni intermedjarja

131. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich, li jikkonsisti f’somma ogħla ta’ self skont perċentwali tal-ispejjeż tal-prodott, minn dik li kieku kienet tingħata fl-assenza ta’ ftehim kollużorju, u li minħabba f’hekk il-Land Oberösterreich ma setax jinvesti dawn l-ammonti bir-rata ta’ interessi normali tas-suq jew iħallas lura s-self pendenti, jikkostitwixxi dannu li għandu jiġu kkumpensat fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn teżisti rabta suffiċjentement diretta mad-dannu u l-ftehim dwar il-prezzijiet inkwistjoni.

c)      Fuq ir-rabta suffiċjentement diretta bejn l-irregolarità u d-dannu

132. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tnejn mit-tliet kundizzjonijiet għall-kumpens għad-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich, jiġifieri l-inklużjoni tal-parti li ġarrbet id-dannu u tad-dannu fl-għan ta’ protezzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll l-eżistenza ta’ dannu reali u li jagħti lok għal kumpens, huma ssodisfatti. Għalhekk, il-kwistjoni deċiżiva issa hija jekk hemmx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich.

133. Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni jikkontestaw din ir-rabta. Dan peress li minn naħa, ma hemm l-ebda rabta kawżali konkreta biżżejjed bejn iż-żidiet fil-prezzijiet tal-lifts ikkawżati mill-akkordju u l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija mil-Land Oberösterreich (Taqsima 1). Min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich kien ikun assolutament imprevedibbli għall-manifatturi tal-lifts li huma parti fl-akkordju (Taqsima 2).

1)      Fuq ir-rabta kawżali konkreta bejn il-prezz tal-lifts u l-ammont tas-self

134. Il-manifatturi tal-lifts ma jiddubitawx serjament il-fatt li r-rabta kawżali suffiċjentement diretta li teżisti bejn iż-żidiet fil-prezz tal-lifts ikkawżati mill-akkordju u d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi li l-Land Oberösterreich innifsu ma kellu l-ebda relazzjonijiet kuntrattwali diretti mal-manifatturi tal-lifts li huma parti fl-akkordju. Argument bħal dan ikun destinat ukoll li ma jreġġix peress li ġie ċċarat, għall-inqas mis-sentenza fil-kawża Kone, li dan l-element ma kienx rilevanti (81).

135. Madankollu, il-manifatturi tal-lifts jargumentaw li r-rikonoxximent ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-dannu relatat mal-għajnuna tal-Land Oberösterreich iwassal għal estensjoni mingħajr limitu tar-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju għad-danni kollha li jirriżultaw mid-danni direttament ikkawżati mill-akkordju, li ma jkollhom assolutament xejn iktar x’jaqsmu mas-suq relatat mal-akkordju.

136. Filwaqt li huwa minnu li l-għajnuniet pubbliċi jistgħu, bħala prinċipju, jinfluwenzaw l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni, l-istess jgħodd għall-politiki dwar ir-rata tal-interessi tal-banek, l-istruttura tas-sistema tat-taxxa jew attivitajiet regolatorji oħra tal-Istat. Li tiġi preżunta, fil-każ preżenti, rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-akkordju relatat mal-lifts u d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich, ikun ekwivalenti għall-aċċettazzjoni li kwalunkwe dannu li jġarrbu l-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ miżuri, kemm jekk ġenerali, fiskali, regolatorji jew miżuri oħra jista’ jiġi kkumpensat minħabba s-sempliċi raġuni li jista’ jkollhom xi impatt fuq is-suq affettwat mill-akkordju.

137. Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

138. Il-miżura meħuda mil-Land Oberösterreich, li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma hijiex miżura ġenerali komparabbli ma’ leġiżlazzjoni fiskali jew leġiżlazzjoni oħra. Għalhekk, il-politika tal-għajnuna għall-kostruzzjoni tad-djar hija ċertament miżura ġenerali tal-politika soċjali li għandha l-għan li tappoġġja mhux biss id-diversi benefiċjarji tal-għajnuna, iżda wkoll kwistjonijiet ta’ servizz pubbliku tal-Istat. L-għoti ta’ self promozzjonali fil-kuntest ta’ din il-politika ġenerali ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar, li l-implimentazzjoni tagħhom wasslet għad-dannu inkwistjoni, madankollu jikkostitwixxi sett ta’ miżuri individwali konkreti ħafna li jittieħdu fir-rigward tal-benefiċjarji differenti tal-għajnuna.

139. Kif spjegat mil-Land Oberösterreich, l-ammont tas-self individwali mhux biss jikkorrispondi għal ċertu perċentwali tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni, iżda l-kompożizzjoni eżatta ta’ dawn l-ispejjeż hija indikata wkoll b’mod iddettaljat fid-dokumenti tas-self, u li għalhekk jistgħu jiġu rrilevati wkoll l-ispejjeż eżatti tal-lifts rispettivi installati.

140. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex importanti jekk il-Land Oberösterreich kellux xi influwenza fuq il-kompożizzjoni ta’ dawn l-ispejjeż u, b’mod partikolari, fuq l-għażla tal-lifts magħżula rispettivament, ħaġa li l-manifatturi tal-lifts jikkontestaw. Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li fid-dokumenti tal-għajnuna hemm elenkati fid-dettall id-diversi proġetti ffinanzjati flimkien mal-lifts installati u l-ispejjeż imħallsa għalihom. Dan huma wkoll dawk li servew ukoll bħala bażi għal-Land Oberösterreich fil-kawża prinċipali fil-kalkolu tal-ammont eżatt tad-dannu (82).

141. Konsegwentement, id-dannu invokat ma jikkostitwixxi l-ebda konsegwenza vaga ta’ miżura regolatorja ġenerali li, koinċidentalment, kellha impatt fuq suq affettwat minn akkordju. Ir-rabta kawżali bejn iż-żieda fil-prezz tal-lifts installati u l-ammont korrispondenti kkalkolat perċentwalment tas-self promozzjonali rispettiv tista’, pjuttost, tiġi stabbilita b’mod konkret f’kull każ individwali. Għalhekk, teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn id-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich u ż-żidiet fil-prezz ikkawżati mill-akkordju fis-suq Awstrijak tal-lifts, u r-rikonoxximent ta ’din ir-rabta fil-każ preżenti bl-ebda mod ma huwa ekwivalenti għal estensjoni mingħajr limitu tar-responsabbiltà tal-membri tal-akkordju.

2)      Fuq il-prevedibbiltà tad-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich għall-membri tal-akkordju relatat mal-lifts

142. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, l-eżami tal-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur u l-irregolarità jservi wkoll biex jiżgura li persuna tagħmel tajjeb biss għad-dannu kkawżat mill-aġir illegali tagħha li jista’ raġonevolment ikun mistenni li jseħħ (83).

143. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-prevedibbiltà ta’ ċertu tip ta’ dannu għall-parteċipanti fil-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni ma hijiex kwistjoni sempliċi ta’ fatt, li l-eżami tagħha hija taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti tar-rinviju. Kif diġà ġie spjegat, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kone jirriżulta li, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’mod astratt u ġenerali jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni għall-kumpens għad-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali, filwaqt li sussegwentement il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex tassew issodisfatti fil-każ partikolari (84).

144. Għalhekk, fis-sentenza mogħtija fil-kawża Kone, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat b’mod espliċitu, jekk mil-lat astratt, l-effetti umbrella fuq il-prezzijiet (“umbrella pricing”), li minħabba fihom terz li ma huwiex membru ta’ akkordju jiffissa l-prezzijiet tiegħu f’livell ogħla, minħabba l-prezzijiet tas-suq eċċessivi li jirriżultaw mill-akkordju, milli kien ikun il-każ taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, l-effett prevedibbli possibbli ta’ akkordju ma jistax jiġi injorat mill-membri tal-akkordju. Peress li dan kien il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha mbagħad tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku u l-ispeċifiċitajiet tas-suq rilevanti, jekk l-akkordju inkwistjoni kienx fil-fatt probabbli li jkollu l-effett ta’ “umbrella pricing” minn terzi li jaġixxu b’mod awtonomu, u jekk dan ma jistax jiġi injorat mill-membri tal-akkordju (85).

145. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat fil-każ ineżami jekk dannu relatat mal-għajnuna bħal dak li għalih il-Land Oberösterreich qiegħed ifittex kumpens fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix, b’mod astratt u ġenerali, effett possibbli u prevedibbli ta’ akkordju li għandu l-għan li jiżgura prezzijiet ogħla għall-membri tiegħu milli kienu jkunu applikabbli taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

146. Il-manifatturi tal-lifts u l-Kummissjoni jsostnu li dan il-prinċipju ma jista’ bl-ebda mod jittieħed bħala bażi. Għall-kuntrarju, it-tentattiv sabiex jiġi deskritt id-dannu allegat mil-Land Oberösterreich f’termini konċiżi u li jinftiehmu huwa diġà biżżejjed sabiex juri kemm huwa artifiċjali u “implawżibbli”. L-ebda manifattur tal-lift prudenti ma jista’ u ma għandu jistenna li awtorità lokali li ma toperax bi skop ta’ qligħ tqiegħed fondi pubbliċi fis-swieq finanzjarji għal skopijiet spekulattivi, kuntrarjament għall-għan previst u b’mod irregolari, minflok ma tallokahom għall-implimentazzjoni tal-kompiti politiċi tagħha ta’ servizz pubbliku, u li għaldaqstant fl-aħħar mill-aħħar, tkun qiegħda twettaq miżapproprjazzjoni. Tali approċċ ikun kompletament kuntrarju għall-esperjenza komuni u, għalhekk, għall-operaturi ekonomiċi, bħall-manifatturi tal-lifts, ikun kompletament imprevedibbli li dannu jseħħ mit-telf ta’ opportunità spekulattiva bħal din.

147. Dan l-argument huwa bla bażi.

148. L-ewwel nett, huwa komuni ħafna fis-settur tal-bini li l-kuntratturi tal-bini jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom bi krediti. Għalhekk, għall-membri ta’ akkordju li jkun ġie konkluż bl-għan li jiġu applikati prezzijiet ogħla milli taħt kundizzjonijiet normali tas-suq huwa prevedibbli li d-dannu kkawżat minn prezzijiet eċċessivi jistgħu jiġu mgħoddija fuq min jipprovdi l-finanzi lill-kuntratturi tal-bini.

149. Barra minn hekk, kif spjegaw il-manifatturi tal-lifts innifishom waqt is-seduta, il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ ġew adottati fi ħdan qafas legali stabbilit li huwa magħruf sew għall-operaturi ekonomiċi involuti fl-industrija tal-kostruzzjoni jew li jimmanifatturaw komponenti tal-bini bħal lifts. Għalhekk, il-manifatturi tal-lifts kellhom jistennew li l-prezzijiet eċċessivi tagħhom ikunu għall-inqas parzjalment iffinanzjati minn għajnuniet fil-forma ta’ kreditu b’rata ta’ interessi b’kundizzjonijiet favorevoli.

150. Finalment, sabiex ikun jista’ jipprevedi li istituzzjoni ta’ kreditu tal-Istat bħal-Land Oberösterreich x’aktarx issofri telf ta’ interessi minħabba l-ħlas indebitu ta’ fondi kkawżat minn akkordju, operatur ekonomiku bl-ebda mod ma jista’ jassumi li dan l-attur tal-Istat qiegħed jaġixxi kuntrarjament għall-għan maħsub, b’mod irregolari u lil hinn mill-kompetenza tiegħu, billi minflok juża l-fondi disponibbli, allokati għal proġetti ta’ servizz pubbliku, jinvestihom fis-swieq finanzjarji, b’mod spekulattiv u kuntrarjament għall-għan oriġinali tagħhom u bl-intenzjoni li jagħmel profitt. Kif spjegat fil-punti 114, 115 u 120 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pjuttost hija sitwazzjoni u prattika legali komuni li l-assenza ta’ ċertu ammont għal perijodu partikolari, jitqies bħala telf tal-interessi.

3)      Konklużjoni intermedjarja

151. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dannu bħal dak li ġarrab il-Land Oberösterreich minħabba l-fatt li s-somma mislufa skont perċentwali tal-ispejjeż tal-prodott kienet ogħla minn dik li kienet tiġi mislufa fin-nuqqas ta’ ftehim kollużorju, kienet ir-raġuni għaliex dawn l-ammonti ma ġewx investiti bir-rata ta’ interessi normali tas-suq jew intużaw sabiex jitħallas lura s-self pendenti, huwa f’rabta suffiċjentement diretta mal-ftehim kollużorju u huwa prevedibbli għall-membri tal-akkordju.

VI.    Konklużjoni

152. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li anki persuni li ma joperawx bħala fornituri jew xerrejja fis-suq affettwat minn akkordju jistgħu wkoll jitolbu kumpens għad-danni mingħand il-membri tal-akkordju. Dan jinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istat li jipprovdu self b’kundizzjonijiet favorevoli lix-xerrejja tal-membri tal-akkordju u li d-dannu tagħhom jikkonsisti fil-fatt li s-somma mislufa skont perċentwali tal-ispejjeż tal-prodott kienet ogħla, minn dik li kienet tiġi mislufa fl-assenza tal-akkordju, u din kienet ir-raġuni għaliex hija ma investietx dawn l-ammonti bir-rata ta’ interessi normali tas-suq jew sabiex tħallas lura s-self pendenti.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Ara s-sentenzi preċedenti tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684), tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522) kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317).


3      Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 18); ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 17).


4      Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


5      Ir-rikors fl-ewwel istanza tal-Land Oberösterreich ġie ppreżentat quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) fit‑2 ta’ Frar 2010, filwaqt li skont l-Artikolu 23 tagħha, id-Direttiva 2014/104 daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil‑25 ta’ Diċembru 2014.


6      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punt 60).


7      Skont il-premessa 12, “[id-Direttiva 2014/104] tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu.”


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi preċedenti tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 18 et seq.), tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 10 et seq.) u tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 5 u 6) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 5).


9      Digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) fil-funzjoni tagħha bħala l-Kartellgericht (il-Qorti tal-Kompetizzjoni) tal‑14 ta’ Diċembru 2007 (Az. 25 Kt 12/07).


10      Digriet tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) fil-funzjoni tagħha bħala l-Kartellobergericht (il-Qorti Superjuri tal-Kompetizzjoni), tat‑8 ta’ Ottubru 2008 (Az. 16 Ok 5/08).


11      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 7 et seq.) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 6 et seq.).


12      Dan jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-Land Oberösterreich fis-sentenza parzjali tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-kawża prinċipali) tal‑21 ta’ Settembru 2016 (Az. 40 Cg 65/10z-66, p. 5 u 6) u d-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) fil-funzjoni tagħha bħala l-Qorti tal-Appell (il-Qorti tat-Tieni Istanza fil-kawża prinċipali) tas‑27 ta’ April 2017 (Az. 5 R 193/16p-73, p. 6 u 7)


13      Il-Land Oberösterreich huwa parti fil-kawża prinċipali bħala rikorrent 1 Ir-rikorrenti l-oħra f’din il-proċedura huma kumpanniji tal-kostruzzjoni ta’ djar. Bħala riżultat tas-sentenza parzjali l-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-kawża prinċipali) tal‑21 ta’ Settembru 2016 (Az. 40 Cg 65/10z-66) din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss ir-rikors tal-Land Oberösterreich.


14      Sentenza parzjali tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) tal‑21 ta’ Settembru 2016 (Az. 40 Cg 65/10z-66).


15      Digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) fil-funzjoni tagħha bħala l-Qorti tal-Appell tas‑27 ta’ April 2017 (Az. 5 R 193/16p-73).


16      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317).


17      Konklużjonijiet fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 27 et seq.).


18      Az. 9 Ob 44/17m.


19      Ara iktar ’il fuq il-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 17 et seq.), tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punti 11 et seq.), tal‑21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C‑542/14, EU:C:2016:578, punti 16 et seq.) kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young (C‑633/16, EU:C:2018:371, punti 28 et seq.)


21      Ara, pereżempju, id-Digriet tal‑21 ta’ Diċembru 1995, Max Mara (C‑307/95, EU:C:1995:465, punt 5) kif ukoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères (C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 35 u 36) u tal‑10 ta’ Jannar 2019, ET (C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 24).


22      Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 31 et seq.), tal‑10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9, punti 30, 34 et seq.) kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Varna Holideis (C‑364/17, EU:C:2018:500, punt 17).


23      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 61 u 62) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punti 49 et seq.).


24      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 44 et seq.) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punti 37 et seq.).


25      Ara iktar ’il fuq il-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Dwar l-evalwazzjoni tal-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet isseħħ qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru fl-Unjoni, skont is-sitwazzjoni legali fis-seħħ sussegwentement, ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, X (C‑318/13, EU:C:2014:2133, punt 21 et seq.) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza X (C‑318/13, EU:C:2014:333, punt 18 et seq.).


27      Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 45), tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 31), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 73).


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punt 39).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 23 sa 26), tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 58 sa 61 u 63), tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 20 sa 22) u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 24 sa 26), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 26).


30      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29), tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 62 u 64), tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 24 sa 26) kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 27).


31      Ara, partikolarment, il-premessi 3, 4, 11, 12 u 13 tad-Direttiva 2014/104 u l-Artikoli 1, 3 u 4 tagħha.


32      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punt 33). “Imma liema kwistjonijiet relatati mal-azzjonijiet għad-danni huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni u liema, minflok, huma rregolati mid-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri?”


33      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 23), kif ukoll bħala eżempju ta’ tali modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens, sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 42 et seq. u 56 et seq.) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:32, punti 75 et seq. u 87 et seq.)


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punti 40 u 41).


35      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 28, b’riferiment għall-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’din il-kawża (EU:C:2019:100)).


36      Ara l-punt 40 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata.


37      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 95 sa 97) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 27).


38      Dwar is-sitwazzjoni fil-kawża Kone ara l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 19). Il-kwistjoni f’din il-kawża kienet jekk kienx hemm rabta suffiċjentement qrib bejn l-akkordju u d-danni attribwiti għall-effetti umbrella  (umbrella pricing) fuq il-prezzijiet ikkawżati mill-akkordju. L-effetti msemmija huma kkaratterizzati mill-fatt li terz li ma huwiex parti minn akkordju jistabbilixxi l-prezzijiet tiegħu, minħabba l-prezzijiet tas-suq eċċessivi kkawżati mill-akkordju, f’livell ogħla minn dak li kien ikun possibbli f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali.


39      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 64) (enfasi miżjuda minni).


40      Fuq din il-kwistjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 35 u 53 et seq.)


41      Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, EU:C:1984:11, punt 11), tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 40) u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus (C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 66).


42      F’dan is-sens ara l-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 29). L-importanza partikolari marbuta mal-uniformità tar-regoli dwar il-kumpens għad-danni fid-dritt tal-akkordji issa hija kkonfermata fil-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2014/104.


43      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punti 28, b’riferiment għall-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’din il-kawża (EU:C:2019:100)).


44      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 24 u 32).


45      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punt 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20) kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317), punti 27 et seq. u partikolarment il-punti 34 u 37). B’paragun, l-Avukat Ġenerali Wahl jiċċita, bħala eżempji ta’ eżami bbażat fuq il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 30 sa 32) kif ukoll tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 32 sa 34) li magħhom issa tista’ tiżdied is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications (C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 43 sa 55).


46      Ara l-punti 1 u 36 preċedenti iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317).


48      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, puntI 27 et seq.).


49      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza preċedenti tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 65).


50      Dwar il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1982 Oleifici Mediterranei vs Il‑KEE (26/81, EU:C:1982:318, punt 16) u tat‑18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 40); dwar drittijiet għall-kumpens ta’ individwi kontra Stati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 40), tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51) u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 41).


51      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 34). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza preċedenti tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 66).


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR (C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 56).


53      Ara l-premessi 3 u 13 tad-Direttiva 2014/104.


54      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 43 u 44).


55      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 32) u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand AG, (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 36).


56      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26), tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 60) u tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 21).


57      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 24). Dwar iż-żewġ funzjonijiet tad-dritt għal kumpens għal danni kkawżati minn akkordju, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 59, 60 u 71) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:100, punt 28).


59      Bl-istess mod, impriża nnifisha li ma taġixxix bħala fornitur jew xerrej fis-suq affettwat minn akkordju tista’ tikkontribwixxi wkoll fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq u b’hekk tikser l-Artikolu 101 TFUE; ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand AG, (C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punti 26, 33 et seq.).


60      Ara iktar ’il fuq il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 29.


61      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 19, 33 u 37).


62      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 33)


63      Ara, f’dan ir-rigward, iktar ’il fuq il-punt 66 u 67 kif ukoll il-punti 132 et seq. sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara iktar ’il fuq il-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara iktar ’il fuq il-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      L-Artikolu 33(3) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi Ġermaniża kontra Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”) jipprevedi min huwa affettwat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u għalhekk huwa intitolat li jitlob kumpens, “kwalunkwe persuna milquta mill-ksur bħala kompetitur jew operatur ekonomiku ieħor” (enfasi miżjuda minni).


67      Ara Logemann, H. P., Der kartellrechtliche Schadensersatz, Duncker & Humblot, Berlin, 2009, p. 243 u 244; Emmerich, V., in Immenga, U./Mestmäcker, E.-J., Wettbewerbsrecht, Edizzjoni 5, Vol. 2, Beck, München, 2014, § 33 GWB punt 14; Heinze, C., Schadensersatz im Unionsprivatrecht, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, p. 191 u 192. Min-naħa l-oħra, P./Müller, B., “Kartellschadensersatz für Aktionäre einer kartellgeschädigten AG?”, Wirtschaft und Wettbewerb (WuW) 2018, p. 602 et seq. ma jaqbilx mal-locus standi tal-azzjonisti li jistgħu jitolbu kumpens għad-dannu tagħhom stess, distint minn dak tal-kumpannija, filwaqt li rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fil-kawża Engelhoven.


68      Ara l-premessi 38 sa 44 kif ukoll il-Kapitolu IV intitolat “Trasferiment tal-ispejjeż żejda” (l-Artikoli 12 et seq.) tad-Direttiva 2014/104


69      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessi 11, 12 u 13 kif ukoll il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104.


70      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tas-self promozzjonali u d-danni tal-Land Oberösterreich, ara l-punti 13 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara l-Artikoli 108(4) u l-Artikoli 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p.36).


72      Ara l-premessa 25. Kif ukoll l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


73      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 51 et seq.).


74      Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ April 1998, Cityflyer Express Ltd (T‑16/96, EU:T:1998:78, punti 8, 43 u 50 et seq.), tas‑27 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑257/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:504, punti 3, 4 u 146 et seq.) u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il‑Kummissjoni (T‑303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punti 3, 4 u 154 et seq.).


75      Is-self promozzjonali mogħti b’rati ta’ interessi baxxi huwa għalhekk distint minn għajnuniet finanzjarji diretti li bihom il-Land Oberösterreich jirrimborsa, permezz ta’ għajnuniet finanzjarji jew allowances ta’ annwalità, parti mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni jew tal-pagamenti tal-benefiċjarji tal-għajnuna, u li ma humiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari (ara l-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fir-rigward ta’ dawn l-għajnuniet finanzjarji diretti, id-danni mġarrba mil-Land Oberösterreich u mill-benefiċjarji minħabba l-ispejjeż żejda bħala riżultat tal-akkordju jikkoinċidu minħabba li d-dannu mġarrab mil-Land Oberösterreich fir-rigward tal-ammont tal-parti tal-għajnuniet finanzjarji diretti li jikkorrispondi għall-ispejjeż eċċessivi tal-lifts bħala riżultat tal-akkordju huwa inkluż fl-ispejjeż żejda mħallsa mill-benefiċjarju tal-għajnuna bħala riżultat tal-akkordju. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarji tal-għajnuniet diretti ttrasferixxu lil-Land Oberösterreich il-parti tad-drittijiet tagħhom fil-konfront tal-membri tal-akkordju fir-rigward tal-ispejjeż żejda mħallsa, li jikkorrispondu għall-għajnuniet finanzjarji diretti tal-Land Oberösterreich, u issa dan tal-aħħar jista’ jasserixxi dawn id-drittijiet fil-konfront tal-membri tal-akkordju; ara l-evidenza fis-sentenzi tal-ewwel u t-tieni istanza tal-kawża prinċipali, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 97).


77      Dan jirriżulta mill-argumenti mressqa mill-partijiet, minkejja li l-Qorti tat-Tieni Istanza finalment iddeċidiet li l-Land Oberösterreich ibbaża l-kalkolu tad-dannu tiegħu fuq it-telf ta’ opportunitajiet ta’ investiment; ara d-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) fil-funzjoni tagħha bħala l-Qorti tal-Appell (il-Qorti tat-Tieni Istanza fil-kawża prinċipali) tas‑27 ta’ April 2017 (Az. 5 R 193/16p-73, p. 10, 13, 48).


78      Ara f’dan is-sens iktar ’il fuq il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 95 sa 98).


79      Ara iktar ’il fuq il-punti 105 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Il-“parens patriae antitrust actions”, li jeżistu taħt id-dritt tal-Istati Uniti, jibbażaw, pereżempju, fuq kostruzzjoni simili, li tippermetti lill-Avukati Ġenerali tal-Istat jitolbu, f’isem iċ-ċittadini tagħhom, kumpens għal danni kkawżati lill-popolazzjoni għaż-żieda fil-prezz tal-prodotti għall-konsum li tirriżulta minn akkordju, u sabiex jallokaw id-dħul minn dawn ir-rikorsi għal proġetti komunitarji; ara, f’dan ir-rigward, Farmer, S. B., “More lessons from the laboratories: Cy pres distributions in parens patriae antitrust actions brought by state Attorneys General”, 68 Fordham L. Rev. 1999, p. 361 et seq.


81      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 33).


82      Ara d-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) fil-funzjoni tagħha bħala l-Qorti tal-Appell (il-Qorti tat-Tieni Istanza fil-kawża prinċipali) tas‑27 ta’ April 2017 (Az. 5 R 193/16p-73, p. 30 u 31).


83      Ara iktar ’il fuq il-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84      Ara iktar ’il fuq il-punt 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 30 u 34).