Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (ir-Rumanija) fit-22 ta’ Mejju 2019– AX vs Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice

(Kawża C-397/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AX

Konvenut: Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice

Domandi preliminari

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] huwa parti integrali tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005, u għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl ta’ dan it-trattat? Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rapporti taħt l-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għall-Istat Rumen u, jekk huma, il-qorti nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija obbligata li tiżgura l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jekk meħtieġ billi tirrifjuta ex officio li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontra l-imesemmija rekwiżiti?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ir-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ stabbiliti fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, jaqa’ taħt l-obbligu impost fuq l-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-Istat tad-dritt?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-istatus tal-imħallfin u l-prosekuturi), li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” b’mod lapidali u astratt, bħalma huma l-eżekuzzjoni tal-atti bi ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, mingħajr ma jispeċifikaw in-natura tar-regoli miksura, l-ambitu ratione materiae u ratione temporis ta’ dawk ir-regoli fil-kuntest tal-proċedura, il-modalitajiet, it-terminu u l-proċedura sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-imsemmija regoli tad-dritt, u lanqas l-entità kompetenti sabiex tikkonstata dan il-ksur, fatt li b’hekk jippermetti li ssir pressjoni fuq il-maġistrati?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-istatus tal-imħallfin u l-prosekuturi), li tiddefinixxi l-kunċett ta’ żball ġudizzjarju bħala l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva manifestament kontra l-liġi jew inkonsistenti mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura, mingħajr ma tispeċifika l-proċedura ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità u lanqas tiddefinixxi in concreto dan in-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni ġudizzjarja mal-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-fatti, u b’hekk ikun possibbli li tipprekludi l-interpretazzjoni tal-liġi u l-provi mill-maġistrat (imħallef u prosekutur)?

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-istatus tal-imħallfin u l-prosekuturi), skont liema r-responsabbiltà ċivili patrimonjali tal-maġistrat (imħallef jew prosekutur) fir-rigward tal-Istat, hija biss stabbilita abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess u, possibbilment, abbażi tar-rapport konsultattiv tal-ispezzjoni [ġudizzjarja], li tirrigwarda l-intenzjoni tal-maġistrat li jwettaq l-iżball materjali jew in-negliġenza kbira tiegħu f'dan ir-rigward, mingħajr ma l-maġistrat ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod sħiħ, u dan b’hekk jippermetti li tinbeda u li tiġi implimentata b’mod arbitrarju r-responsabbiltà materjali tal-maġistrat fir-rigward tal-Istat?

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-dispożizzjonijiet magħquda tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 539(2) u tal-Artikolu 541(2) u (3) tal-Codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), li taħtu l-persuna mixlija, impliċitament u sine die, għandha għad-dispożizzjoni tagħha rimedju straordinarju, sui generis, biex tappella mid-deċiżjoni finali tal-qorti li tirrigwarda l-legalità tad-detenzjoni provviżorja, f’każ li l-persuna tkun illiberata fuq il-mertu, peress li dan ir-rimedju jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti ċivili, filwaqt li l-illegalità tad-detenzjoni provviżorja ma tkunx ġiet stabbilita b’deċiżjoni ta’ qorti kriminali, fatt li jikser il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u aċċessibilità tal-liġi, il-prinċipju tal-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u s-sigurtà tar-relazzjonijiet ġuridiċi?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 825).