Language of document : ECLI:EU:C:2019:668

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 103(2)(a) – Il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) – Il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX – Rata mnaqqsa ta’ VAT – Xogħlijiet tal-arti – Kunċett – Ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT biss għar-ritratti li jkunu ta’ natura artistika”

Fil-Kawża C‑145/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

Regards Photographiques SARL

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Regards Photographiques SARL, minn E. Piwnica, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Alidière, E. de Moustier u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 103 u 311, kif ukoll tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Regards Photographiques SARL u l-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għat-Taxxa u għall-Kontijiet Pubbliċi, Franza, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li japplika r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-kunsinna ta’ ritratti tal-persuna u ta’ ritratti taż-żwieġ imwettqa matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Frar 2009 u l‑31 ta’ Jannar 2012.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 51 tad-Direttiva dwar il-VAT hija fformulata kif ġej:

“Hu xieraq li tiġi adottata sistema ta’ tassazzjoni tal-Komunità li għandha tkun applikata għall-oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, antikitajiet u oġġetti tal-kollezzjoni, bil-għan li tkun evitata t-taxxa doppja u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli.”

4        L-Artikolu 96 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

5        L-Artikolu 98 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 99(1) ta’ din l-istess direttiva:

“Ir-rati mnaqqsa għandhom jiġu ffissati bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %.”

7        L-Artikolu 103 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa redatt kif ġej:

“1.       L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rata mnaqqsa, jew waħda mir-rati mnaqqsa, li huma japplikaw skond l-Artikoli 98 u 99 għandha tapplika wkoll għall-importazzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet, kif definiti fil-punti (2) […] ta’ l-Artikolu 311(1).

2.       Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla skond il-paragrafu 1, dawn jistgħu japplikaw ukoll ir-rata mnaqqsa għat-transazzjonijiet li ġejjin:

a)      il-provvista ta’ xogħlijiet ta’ l-arti, magħmula mill-kreatur [awtur] tagħhom jew is-suċċessuri tiegħu fit-titolu;

[…]”

8        L-Artikolu 311 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.       Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

2)      ‘xogħlijiet ta’ l-arti’ tfisser il-merkanzija elenkata fl-Anness IX il-Parti A;

[…]

2.       L-Istati Membri jistgħu ma jikkunsidrawx bħala xogħlijiet ta’ l-arti l-merkanzija elenkata fil-[punt (7)] ta’ l-Anness IX, il-Parti A.”

9        Il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ 30 kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi.”

 Id-dritt Franċiż

10      L-Artikolu 278f tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal‑1 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem il-“KĠT”), kien jipprevedi:

“[Il-VAT] hija ta’ 5.5 %:

[…]

2.      Fuq il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti, magħmula mill-awtur tagħhom jew l-aventi kawża tiegħu fit-titolu;

[…]”

11      Mill‑1 ta’ Jannar 2012, ir-rata prevista minn din id-dispożizzjoni żdiedet għal 7 %.

12      Konformement mal-punt 7 tal-Artikolu 98 A tal-Anness II tal-KĠT, ir-ritratti segwenti jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti:

“ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi […]”

13      L-Istruttorja tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tal‑25 ta’ Ġunju 2003, intitolata “VAT. Rata mnaqqsa ta’ 5.5 % applikabbli għax-xogħlijiet tal-arti. Sitwazzjoni ta’ ritratti artistiċi.”, ippubblikata fil-Bulletin officiel des impôts n115, tat‑2 ta’ Lulju 2003, kif applikabbli fil-mument tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istruttorja tal‑25 ta’ Ġunju 2003”), kienet intiża sabiex tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT previsti fl-Artikolu 278f tal-KĠT għal dak li jikkonċerna r-ritratti artistiċi. Din l-istruttorja kienet tipprevedi:

“[…]

I.      Kriterji għar-ritratti artistiċi:

1.       Ir-ritratti li jistgħu jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT huma dawk biss li jixhdu intenzjoni ċara ta’ kreattività min-naħa tal-awtur tagħhom.

Dan ikun il-każ meta l-fotografu, minħabba l-għażla tat-tema, il-kundizzjonijiet tal-ħolqien tax-xena, il-partikolaritajiet tal-mod kif jittieħed ir-ritratt jew kull karatteristika oħra ta’ xogħlu li hija marbuta b’mod partikolari mal-kwalità tal-għażla tal-immaġni, tal-kompożizzjoni, tal-espożizzjoni, tad-dawl, tal-kuntrasti, tal-kuluri u tal-ipproġettar, tal-logħob bid-dawl u tal-volumi, tal-għażla tal-mira u tal-film jew mal-kundizzjonijiet partikolari tal-iżvilupp tan-negattiva, iwettaq xogħol li jisboq is-sempliċi ffissar mekkaniku ta’ rikordju ta’ avveniment, ta’ vjaġġ jew ta’ persunaġġi u li għaldaqstant huwa ta’ interess għall-pubbliku kollu.

II.       Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

1.       Mill-artikolu preċedenti jirriżulta li r-ritratti tal-identità, ir-ritratti tal-iskola, kif ukoll ir-ritratti ta’ gruppi huma esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa.

2.       Ir-ritratti li l-interess fihom jiddependi qabelxejn mill-kwalità tal-persuna jew min-natura tal-oġġett irrappreżentat fir-ritratt ma jitqisux, b’mod ġenerali, bħala ritratti artistiċi. Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-ritratti li juru avvenimenti tal-familja jew reliġjużi (żwiġijiet, tqarbin, eċċ).

3.       Dan premess, għar-ritratti minn kull tip, barra minn dawk imsemmija fil-parti II-1, l-intenzjoni kreattiva tal-awtur li tirriżulta mill-kriterji elenkati diġà u min-natura tal-interess għall-pubbliku kollu jistgħu jkunu kkorroborati mill-indizji li ġejjin.

a)      Il-fotografu jiġġustifika l-eżibizzjoni tax-xogħlijiet tiegħu f’istituzzjonijiet kulturali (reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali), fil-mużewijiet (mużewijiet, eżibizzjonijiet temporanji jew permanenti) jew kummerċjali (fieri, swali jew galleriji, eċċ.), jew inkella l-preżentazzjoni tagħhom f’pubblikazzjonijiet speċjalizzati.

[…]

b)      L-użu ta’ materjali speċifiċi kemm f’termini tal-mod kif jittieħed ir-ritratt kif ukoll tal-iżvilupp tiegħu.

[…]”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Regards Photographiques għandha bħala attività t-teħid u l-bejgħ tar-ritratti.

15      Wara verifika tal-kontabbiltà, l-awtorità fiskali kkontestat ir-rata mnaqqsa ta’ VAT li din il-kumpannija kienet applikat għall-kunsinna ta’ ċerti ritratti, jiġifieri ritratti tal-persuna u ritratti taż-żwieġ. Billi qieset li dawn ir-ritratti kellhom ikunu suġġetti għar-rata normali ta’ VAT, l-awtorità fiskali talbet mingħand il-kumpannija Regards Photographiques arretrati ta’ VAT għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Frar 2009 u l‑31 ta’ Jannar 2012.

16      Ir-rikors ippreżentat minn Regards Photographiques kontra dawn l-arretrati ta’ VAT ġie miċħud kemm mit-tribunal administratif d’Orléans (il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans, Franza) kif ukoll mill-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza). Fid-deċiżjoni tagħha tal‑21 ta’ April 2016, din l-aħħar qorti qieset li r-ritratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħux jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT, peress li dawn ma kinux ta’ natura oriġinali u ma kinux juru intenzjoni kreattiva, b’tali mod li ma kienx hemm lok li dawn jitqiesu bħala ritratti meħuda minn artist.

17      Regards Photographiques ippreżentat rikors għal annullament kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Din il-kumpannija ssostni li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mir-rata ta’ VAT imnaqqsa, huwa biżżejjed li l-awtur tar-ritratti inkwistjoni, qabel ma jkun ikkunsinnahom huwa stess jew l-aventi kawża tiegħu, ikun ikkontrolla l-istampar tagħhom u jkun iffirmahom u nnumerahom bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 103 u 311 tad-Direttiva [dwar il-VAT] kif ukoll tal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jeżiġu biss li r-ritratti jittieħdu mill-artist tagħhom, jiġu stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, jiġu ffirmati u nnumerati u sa massimu ta’ 30 kopja, bid-daqsijiet u montaturi kollha inklużi, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ [VAT]?

2)      Fil-każ fejn tingħata risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, l-Istati Membri jistgħu madankollu jeskludi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa ta’ [VAT] ir-ritratti li, barra minn hekk, ma humiex ta’ natura artistika?

3)      Fil-każ fejn tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ir-ritratti għandhom jissodisfaw liema kundizzjonijiet oħra sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ [VAT]? B’mod partikolari, dawn ir-ritratti għandhom ikunu ta’ natura artistika?

4)      Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jew inkella dawn jirreferu għad-dritt ta’ kull Stat Membru, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-qasam tal-proprjetà intellettwali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

19      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kundizzjonijiet li r-ritratti għandhom jissodisfaw sabiex jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT, skont l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, u, b’mod partikolari, jekk għandhomx, għal dan l-għan, ikunu ta’ natura artistika.

20      Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddetermina s-sinjifikat tal-kunċett ta’ “xogħlijiet tal-arti” b’mod ġenerali, iżda sabiex tinterpreta dan il-kunċett fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-VAT u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT.

21      Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 96 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, hija applikabbli għall-kunsinna ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi. B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 103(1) u (2)(a) ta’ din l-istess direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT, jew waħda mir-rati mnaqqsa, li japplikaw konformement mal-Artikoli 98 u 99 tagħha, għall-importazzjonijiet ta’ xogħlijiet tal-arti, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 311(1) tagħha u, meta jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, anki għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu.

22      Għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “xogħlijiet tal-arti”, il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi li l-merkanzija li tinsab fil-Parti A tal-Anness IX tal-imsemmija direttiva għandha titqies bħala xogħlijiet tal-arti. Il-punt 7 ta’ din il-Parti A jirreferi għar-“ritratti meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi”.

23      Il-Gvern Franċiż isostni li huma biss ir-“ritratti artistiċi” li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT, li huwa kunċett li huwa limitat, skont dan il-gvern, għar-ritratti li juru intenzjoni kreattiva manifesta min-naħa tal-awtur tagħhom u li huma ta’ interess għall-pubbliku kollu. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-użu tat-terminu “artist” fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT, min-neċessità li tiġi interpretata b’mod strett il-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ VAT kemm bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT kif ukoll mill-għan tal-promozzjoni tal-produzzjoni artistika billi tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ VAT.

24      Għall-kuntrarju, Regards Photographiques u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-Artikolu 103(2)(a) ta’ din id-direttiva ma jirreferix għall-“artist”, iżda għall-“awtur” ta’ ritratt li jitqies bħala xogħol tal-arti, skont il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha. Barra minn hekk, huma jagħmlu enfasi fuq in-natura ddettaljata u oġġettiva tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mir-ritratti skont dan il-punt 7 sabiex jitqiesu bħala tali oġġetti, filwaqt li l-valur artistiku ta’ ritratt jikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, kriterju suġġettiv u varjabbli li l-evalwazzjoni tiegħu timplika li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ta’ biċċa xogħol. Huwa sabiex tiġi evitata tali evalwazzjoni suġġettiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-imsemmi punt 7, kundizzjonijiet iddettaljati u oġġettivi li, għaldaqstant, huma l-uniċi determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-ritratti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa tal-VAT.

25      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ ritratti, kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, kemm il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2017, Sjelle Autogenbrug, C‑471/15, EU:C:2017:20, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C‑308/16, EU:C:2017:869, punt 38).

26      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għalkemm l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT ukoll għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu, dan jirreferi għal “xogħlijiet tal-arti”, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness IX tagħha.

27      Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni, mill-kliem użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa, fil-punt 2 tal-Artikolu 311(1), li skonthom il-merkanzija li tinsab fil-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT “tfisser [xogħlijiet tal-arti]”, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 7 ta’ din il-Parti A, li jiddeskrivu b’mod iddettaljat il-kundizzjonijiet li r-ritratti għandhom jissodisfaw sabiex jitqiesu bħala “xogħlijiet tal-arti”, jirriżulta li kull ritratt li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi ttrattat bħala “xogħol tal-arti” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT. Issa, l-imsemmi punt 7 ma jsemmix ritratti artistiċi, iżda r-“ritratti [kollha] meħuda mill-artist, stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, iffirmati u nnumerati u bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, id-daqsijiet u montaturi kollha inklużi”.

28      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Franċiż, li jgħid li mill-użu tal-kelma “artist” fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT hemm lok li jiġi dedott li ritratt għandu jkollu natura artistika sabiex ikun jista’ jibbenefika mir-rata mnaqqsa ta’ VAT skont l-Artikolu 103(2)(a) ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mhux minn “artist”, iżda “mill-kreatur [awtur] tagħhom jew is-suċċessuri tiegħu fit-titolu”.

29      Issa, meta jirreferu għall-kliem “awtur” u “artist”, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-istess persuna, jiġifieri l-persuna li għandha l-kwalità ta’ awtriċi ta’ ritratt li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti b’mod espliċitu f’dan il-punt 7.

30      Fil-fatt, it-termini “awtur” u “artist” użati fl-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT u fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha għandhom portata identika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza partikolari li dan il-punt 7 jagħti lill-involviment personali tal-awtur tar-ritratt fil-produzzjoni tiegħu. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, ritratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala “xogħol tal-arti”, skont dan il-punt 7, ħlief jekk iż-żewġ fażijiet maġġuri tal-produzzjoni tiegħu, jiġifieri l-mod kif jittieħed ir-ritratt u l-istampar, ikunu twettqu mill-awtur tar-ritratt jew, fir-rigward tal-istampar, tal-inqas taħt is-sorveljanza tiegħu. Barra minn hekk, sabiex jitqiesu bħala “xogħlijiet tal-arti”, ir-ritratti stampati għandhom jiġu ffirmati, innumerati u limitati għal tletin kopja.

31      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, mill-użu tal-kelma “artist” li tinsab fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT ma jistax jiġi dedott li, minbarra l-kundizzjonijiet li jelenka dan il-punt 7, ritratt għandu wkoll ikollu natura artistika sabiex ikun jista’ jibbenefika mir-rata mnaqqsa ta’ VAT skont l-Artikolu 103(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu, skont l-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-rata tal-VAT normali. Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva u l-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, li jidentifikaw ir-ritratti li fir-rigward tagħhom din ir-rata mnaqqsa tista’ tapplika, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-każijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija rata mnaqqsa għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-imsemmija sistema u għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ newtralità fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑492/08, EU:C:2010:348, punt 35, u tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċetti użati mid-Direttiva dwar il-VAT huma ta’ natura oġġettiva u japplikaw indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C‑154/17, EU:C:2018:560, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Kif sostnew Regards Photographiques u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, jiddetermina r-ritratti li għandhom jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti permezz ta’ kriterji oġġettivi li, essenzjalment, huma relatati mal-identità u mal-kwalità tal-awtur tar-ritratt, mal-mod tal-istampar, mal-firma, man-numerazzjoni u mal-limitazzjoni tan-numru ta’ kopji. Kriterji bħal dawn huma biżżejjed sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT biss għar-ritratti li jissodisfaw dawn il-kriterji tikkostitwixxi l-eċċezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rata normali għal kull ritratt ieħor. Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kriterji huma ta’ natura li jeskludu li ritratti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet tal-arti” meta dawn ikunu r-riżultat ta’ produzzjoni tal-massa, li timplika stampar fdat lil laboratorji speċjalizzati mingħajr ma l-fotografu jkollu kontroll fuq l-effett finali.

35      Għall-kuntrarju, interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT hija limitata għal ritratti li jkunu, barra minn hekk, ta’ natura artistika tfisser li l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa tkun dipendenti fuq id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-valur artistiku tagħhom, li huwa valur li jikkostitwixxi karatteristika mhux oġġettiva, iżda suġġettiva. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret, il-valur artistiku ta’ oġġett huwa ddefinit essenzjalment abbażi ta’ kriterji suġġettivi u varjabbli (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Westfälischer Kunstverein, 23/77, EU:C:1977:171, punt 3, u tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Raab, C‑1/89, EU:C:1989:648, punt 25).

36      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li skontha r-ritratti li jkollhom natura artistika biss jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT jista’ jkollha l-konsegwenza li r-ritratti, bħal, pereżempju, ir-ritratti li juru avvenimenti familjari bħal dawk taż-żwiġijiet, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT, skont jekk l-awtorità fiskali tqisx li dawn għandhom jew ma għandhomx natura artistika, anki jekk dawn ir-ritratti jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur. Madankollu, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li jixxiebhu mill-perspettiva tal-konsumatur medju, li huma għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C‑454/12 u C‑455/12, EU:C:2014:111, punti 52 u 53).

37      Għalhekk, l-eżami tal-kuntest li fih jinsabu d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom ġiet mitluba jitlob ukoll interpretazzjoni li kull ritratt li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jitqies bħala xogħol tal-arti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT, skont l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tagħha, mingħajr ma din il-klassifikazzjoni tista’ tkun dipendenti fuq l-evalwazzjoni, mill-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti, tan-natura artistika tiegħu.

38      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva dwar il-VAT, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 103(1) u (2)(a) tagħha tippermetti lill-Istati Membri li jagħtu trattament fiskali favorevoli lill-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti mwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu, billi japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward tagħhom. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 51 ta’ din id-direttiva, is-sistema ta’ taxxa li din tistabbilixxi fil-qasam tax-xogħlijiet tal-arti, li tinkludi definizzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “xogħlijiet tal-arti”, hija intiża sabiex jiġu evitati kemm it-taxxi doppji kif ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn persuni taxxabbli.

39      Issa, l-interpretazzjoni li tgħid li r-ritratti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet oġġettivi previsti fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT hija konformi mal-għan li jinsab f’din il-premessa 51, peress li din tevita, kif tfakkar fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, in-neċessità li jiġi evalwat il-valur artistiku ta’ ritratt li jirriżulta minn kriterji suġġettivi u varjabbli, li hija evalwazzjoni li timplika r-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

40      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda hija li sabiex jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ VAT, skont l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, ir-ritratti għandhom jissodisfaw il-kriterji f’dan il-punt 7 sa fejn dawn ikunu ttieħdu mill-awtur tagħhom, ġew stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, ġew iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, bl-esklużjoni ta’ kull kriterju ieħor, b’mod partikolari l-evalwazzjoni, mill-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti, tan-natura artistika tagħhom.

 Dwar it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT biss għar-ritratti li jkunu ta’ natura artistika.

42      Hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT prevista fl-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm xejn fit-test ta’ din id-dispożizzjoni li jimponi li din tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa hija neċessarjament intiża għall-aspetti kollha ta’ kategorija ta’ servizzi msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Għalhekk, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward ta’ aspetti konkreti u speċifiċi ta’ waħda mill-kategoriji ta’ servizzi msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punti 25 sa 27; tas‑27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C‑454/12 u C‑455/12, EU:C:2014:111, punti 43 u 44, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, K, C‑219/13, EU:C:2014:2207, punt 23).

43      Il-possibbiltà li ssir tali applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-fatt li, peress li din ir-rata hija l-eċċezzjoni mill-applikazzjoni tar-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ servizz inkwistjoni hija koerenti mal-prinċipju li jipprovdi li l-eżenzjonijiet u d-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, AZ, C‑499/16, EU:C:2017:846, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fiż-żewġ punti preċedenti japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-Artikolu 103(2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni testendi l-possibbiltà li r-rata mnaqqsa ta’ VAT li tirriżulta mill-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din id-direttiva tiġi applikata għall-kunsinni ta’ xogħlijiet tal-arti, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 311(1) tal-imsemmija direttiva, imwettqa mill-awtur tagħhom jew mill-aventi kawża tiegħu.

45      Kuntrarjament għal dak li ssostni Regards Photographiques fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 311(2) tad-Direttiva dwar il-VAT ma jimponix interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 103(1) u (2)(a) ta’ din l-istess direttiva. Fil-fatt, dan il-punt 2 tal-Artikolu 311(1) u l-Artikolu 311(2) jiddefinixxu l-kunċett ta’ “xogħol tal-arti” kemm għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ marġni ta’ profitt kif ukoll għal dik tar-rata mnaqqsa tal-VAT. Għalhekk, għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux ir-ritratti li jaqgħu taħt il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX ta’ din id-direttiva bħala xogħlijiet tal-arti, hija ma tistax teskludi l-possibbiltà, li tirriżulta mill-Artikolu 103(2)(a) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 96 tagħha, li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT tiġi limitata għal kategorija ristretta ta’ dawn ir-ritratti, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

46      Minn dan isegwi li l-eżerċizzju tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jillimitaw l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għal kategorija ristretta ta’ ritratti li jaqgħu taħt il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, l-aspetti konkreti u speċifiċi ta’ dawn ir-ritratti u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi sabiex jiżguraw li l-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà biss f’ċirkustanzi li jiżguraw l-applikazzjoni sempliċi u korretta tar-rata mnaqqsa magħżula kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, ta’ kull evażjoni u ta’ kull abbuż eventwali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punt 30, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C‑454/12 u C‑455/12, EU:C:2014:111, punt 45).

47      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma’ dawn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, madankollu hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, EMS-Bulgaria Transport, C‑284/11, EU:C:2012:458, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tal-KĠT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretati mill-Istruttorja tal‑25 ta’ Ġunju 2003, ritratt jitqies li jkollu natura artistika biss jekk dan jagħti xhieda ta’ intenzjoni kreattiva manifesta min-naħa tal-awtur tiegħu u huwa ta’ interess għall-pubbliku kollu, peress li dawn il-kriterji huma ppreċiżati minn ċertu numru ta’ indizji stabbiliti minn din l-istruttorja għall-finijiet li jiggwidaw l-evalwazzjoni, każ b’każ, tal-awtorità fiskali. Għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, interpretata b’dan il-mod, tipprovdi li r-ritratti li juru, b’mod partikolari, avvenimenti familjari bħalma huma ż-żwiġijiet, ma humiex, bħala prinċipju, ta’ natura artistika, hija ma teskludix li tali ritratti jistgħu eċċezzjonalment ikunu ta’ tali natura. Huma biss ir-ritratti tal-identità, ir-ritratti tal-iskola u r-ritratti ta’ gruppi li huma meqjusa bħala nieqsa minn natura artistika.

49      Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ir-ritratti li jkunu ta’ natura artistika, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom, fl-ewwel lok, jikkostitwixxu aspett konkret u speċifiku tar-ritratti li jaqgħu taħt il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT, u dan jimplika li dawn jistgħu jiġu identifikati, bħala tali, separatament mir-ritratti l-oħra li jaqgħu taħt dan il-punt. Tali identifikazzjoni tippreżumi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi, ċari u preċiżi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippermettu li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni r-ritratti li għalihom din il-leġiżlazzjoni tirriżerva l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punti 33 u 35; tas‑27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C‑454/12 u C‑455/12, EU:C:2014:111, punt 47, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, AZ, C‑499/16, EU:C:2017:846, punti 25 u 28).

50      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-KĠT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretati mill-Istruttorja tal‑25 ta’ Ġunju 2003, ma jistabbilixxux kriterji oġġettivi, ċari u preċiżi sabiex jiġu indikati r-ritratti li huma ta’ natura artistika, iżda sempliċement jistabbilixxu definizzjoni astratta ta’ dawn ir-ritratti, ibbażata fuq kriterji vagi u suġġettivi li jirrigwardaw l-intenzjoni kreattiva manifesta tal-awtur u l-eżistenza ta’ interess għall-pubbliku ġenerali li dawn ir-ritratti għandu jkollhom.

51      Għalkemm din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, interpretata b’dan il-mod, tistabbilixxi numru ta’ indizji sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji, jibqa’ l-fatt li hija tippermetti lill-awtorità fiskali, abbażi ta’ kriterji vagi u suġġettivi, li tieħu deċiżjoni dwar il-kwalità artistika tar-ritratti inkwistjoni, li hija deċiżjoni li abbażi tagħha l-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT ser jingħata jew ma jingħatax.

52      Għalhekk jidher li l-kriterji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-KĠT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretati mill-Istruttorja tal‑25 ta’ Ġunju 2003, li jirrigwardaw l-intenzjoni kreattiva manifesta tal-awtur u l-eżistenza ta’ interess għall-pubbliku kollu, ma jippermettux li jiġu identifikati, bħala tali, ir-ritratti li jkunu ta’ natura artistika u li ssir distinzjoni bejnhom u bejn ir-ritratti l-oħra li jaqgħu taħt il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT u, għaldaqstant, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

53      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, abbażi ta’ dawn il-kriterji, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT għar-ritratti li huma ta’ natura artistika tista’ wkoll tippreġudika l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tosservax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

54      F’dak li jirrigwarda r-ritratti tal-identità, ir-ritratti tal-iskola u r-ritratti ta’ gruppi li, skont id-dispożizzjonijiet tal-KĠT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretati mill-Istruttorja tal‑25 ta’ Ġunju 2003, huma jitqiesu, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, bħala nieqsa minn natura artistika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-ritratti humiex identifikabbli, bħala tali, separatament mir-ritratti l-oħra li jaqgħu taħt il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva dwar il-VAT u, jekk ikun il-każ, jekk il-fatt li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija ritratti jiġu esklużi mill-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tal-VAT huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT biss għar-ritratti li jkunu ta’ natura artistika, sa fejn l-eżistenza ta’ din in-natura tal-aħħar hija suġġetta għal evalwazzjoni mill-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti li ma hijiex eżerċitata fil-limiti ta’ kriterji oġġettivi, ċari u preċiżi, stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippermettu li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni r-ritratti li għalihom l-imsemmija leġiżlazzjoni tirriżerva l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa, b’mod li jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

 Fuq ir-raba’ domanda

56      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Dwar l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sabiex jitqiesu bħala xogħlijiet tal-arti li jistgħu jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), skont l-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, ir-ritratti għandhom jissodisfaw il-kriterji f’dan il-punt 7 sa fejn dawn ikunu ttieħdu mill-awtur tagħhom, ġew stampati minnu jew taħt is-sorveljanza tiegħu, ġew iffirmati u nnumerati bil-limitazzjoni ta’ tletin kopja, bl-esklużjoni ta’ kull kriterju ieħor, b’mod partikolari l-evalwazzjoni, mill-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti, tan-natura artistika tagħhom.

2)      L-Artikolu 103(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 311(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-punt 7 tal-Parti A tal-Anness IX tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ VAT biss għar-ritratti li jkunu ta’ natura artistika, sa fejn l-eżistenza ta’ din in-natura tal-aħħar hija suġġetta għal evalwazzjoni mill-awtorità fiskali nazzjonali kompetenti li ma hijiex eżerċitata fil-limiti ta’ kriterji oġġettivi, ċari u preċiżi, stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jippermettu li jiġu ddeterminati bi preċiżjoni r-ritratti li għalihom l-imsemmija leġiżlazzjoni tirriżerva l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa, b’mod li jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.