Language of document : ECLI:EU:C:2019:700

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Awtorità ta’ res judicata – Ħlas lura tat-taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi l-ħlas ta’ taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Talba għal reviżjoni ta’ tali deċiżjoni ġuridika – Terminu għat-tressiq ta’ din it-talba”

Fil-Kawża C‑676/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploieşti, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Oana Mădălina Călin

vs

Direcţia Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Dâmboviţa,

Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice,

Administraţia Fondului pentru Mediu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R.‑H. Radu kif ukoll minn C.‑M. Florescu u R. I. Haţieganu, bħala aġenti, u sussegwentement minn C.‑R. Canţăr kif ukoll minn C.‑M. Florescu u R. I. Haţieganu bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 110 TFUE, tal-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Oana Mădălina Călin u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Ploiești – Administrația Județeană a Finanțelor Publice Dâmbovița (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Ploiești – Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Dâmbovița, ir-Rumanija) u Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice (L-Istat Rumen – Il-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi) u l-Administrația Fondului pentru Mediu (l-Amministrazzjoni tal-Fondi għall-Ambjent, ir-Rumanija) dwar rikors intiż għall-ksib ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni ġuridika finali li tiddikjara inammissibbli, minħabba tardività, rikors għal reviżjoni ppreżentat kontra deċiżjoni ġuridika oħra finali, li timponi fuq O. M. Călin il-ħlas ta’ boll ambjentali iktar tard iġġudikat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 21 tal-Legea contenciosului administrativ nr. 554/2004 (il-Liġi Nru 554/2004 dwar il-kontenjuż amministrattiv) tat-2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 1154 tas-7 ta’ Diċembru 2004), intitolat “Mezzi ta’ appell straordinarji”, kien jipprovdi:

“(1)      Ir-rimedji ġudizzjarji previsti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistgħu jiġu eżerċitati kontra deċiżjonijiet finali u irrevokabbli meħuda minn organi ta’ proċeduri amministrattivi.

(2)      Barra minn dak ipprovdut mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenzi li jkunu saru finali u irrevokabbli u li jiksru s-supremazija tad-dritt [tal-Unjoni] irregolata mill-Artikolu 148(2) moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, kif emendata, għandhom jikkostitwixxu motivi għal reviżjoni. It-talba għal reviżjoni għandha titressaq fil-15‑il jum ta’ wara d-data tal-komunikazzjoni, li ssir permezz ta’ deroga għar-regola stabbilita fl-Artikolu 17(3), fuq talba debitament motivata tal-persuna kkonċernata, fil-15‑il jum ta’ wara l-għoti tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni dwar it-talba għal reviżjoni għandha tingħata b’urġenza u bi prijorità f’terminu massimu ta’ 60 jum minn meta tiġi rreġistrata.”

4        Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ġiet iddikjarata antikostituzzjonali permezz tas-sentenza Nru 1609/2010 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) tad-9 ta’ Diċembru 2010.

5        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tindika li huma biss l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 li jkomplu jipproduċu effetti ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, relatata mat-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni, ma għadhiex tipproduċi tali effetti.

6        Permezz tas-sentenza Nru 45/2016 tat-12 ta’ Diċembru 2016, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României fit-23 ta’ Mejju 2017, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) iddeċidiet li t-terminu għall-preżentata ta’ talba għal reviżjoni bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 huwa ta’ xahar u jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni finali li hija s-suġġett tar-reviżjoni.

7        L-Artikolu 509 tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), intitolat “Suġġett u motivi ta’ reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fuq il-mertu, jew li tinvoka l-mertu [...] tista’ tintalab jekk:

[...]

11.       wara li s-sentenza ssir finali, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) tkun tat deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni magħmula f’dik il-kawża, billi tiddikjara li d-dispożizzjoni inkwistjoni tkun antikostituzzjonali.”

8        L-Artikolu 511(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, intitolat “Terminu ta’ eżerċizzju”, jipprovdi:

“F’dak li jikkonċerna l-motivi msemmija fil-punti 10 u 11 tal-Artikolu 509(1), it-terminu huwa ta’ tliet xhur li jibda mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew tad-deċiżjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-Monitorul Oficial al României, parti 1”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Fit-12 ta’ April 2013, O. M. Călin, ċittadina Rumena, xtrat vettura second-hand li kienet toriġina mill-Ġermanja. Is-Serviciul Public Comunitar Regim Permise de Conducere și Înmatriculare a Vehiculelor Târgoviște (is-Servizz Pubbliku tal-Liċenzji tas-Sewqan u tar-Reġistrazzjoni tal-Vetturi ta’ Târgoviște, ir-Rumanija) issuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ din il-vettura fir-Rumanija għall-ħlas ta’ boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur, fl-ammont ta’ RON 968 (bejn wieħed u ieħor EUR 207). O. M. Călin ħallset dan l-ammont.

10      O. M. Călin ressqet quddiem it-Tribunalul Dâmbovița – Secția a II-a civilă, de contencios administrativ și fiscal (il-Qorti tal-Kontea ta’ Dâmbovița, it-Tieni Awla Ċivili tal-Kontenzjuż Amministrattiv u Fiskali, ir-Rumanija) talba għall-ħlas lura ta’ dan l-ammont, minħabba li l-impożizzjoni ta’ tali boll ambjentali kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

11      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, din il-qorti ċaħdet din it-talba.

12      Fit-28 ta’ April 2015, O. M. Călin ressqet l-ewwel talba għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni, billi invokat is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea (C‑76/14, EU:C:2015:216), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-boll ambjentali kien ġie stabbilit bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2015.

13      Fis-17 ta’ Awwissu 2016, O. M. Călin ressqet it-tieni talba għal reviżjoni quddiem it-Tribunalul Dâmbovița – Secția a II-a civilă, de contencios administrativ și fiscal (il-Qorti tal-Kontea ta’ Dâmbovița, it-Tieni Awla Ċivili tal-Kontenzjuż Amministrattiv u Fiskali) kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014. Din it-talba għal reviżjoni kienet ibbażata fuq is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Budişan (C‑586/14, EU:C:2016:421), kif ukoll fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, li kellha tippermetti r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2016, l-imsemmija qorti laqgħet din it-talba għal reviżjoni u ordnat il-ħlas lura tal-boll ambjentali, flimkien mal-interessi.

14      Id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Ploiești – Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Dâmbovița appella minn din id-deċiżjoni tal-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești, ir-Rumanija).

15      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Jannar 2017, din il-qorti annullat is-sentenza tat-Tribunalul Dâmbovița – Secția a II-a civilă, de contencios administrativ și fiscal (il-Qorti tal-Kontea ta’ Dâmbovița, it-Tieni Awla Ċivili tal-Kontenzjuż Amministrattiv u Fiskali) tal-11 ta’ Ottubru 2016, billi kkunsidrat li t-tieni talba għal reviżjoni kienet tressqet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni finali suġġett tar-reviżjoni. Dan it-terminu li jirriżulta mis-sentenza Nru 45/2016, huwa obbligatorju għall-qrati kollha Rumeni mill-mument tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza fil-Monitorul Oficial al României. Issa, is-sentenza li ntalbet ir-reviżjoni tagħha kienet ġiet ikkomunikata lil O. M. Călin fis-26 ta’ Mejju 2014, filwaqt li t-talba għal reviżjoni tressqet fis-17 ta’ Awwissu 2016.

16      It-tilwima fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett talba għal reviżjoni tas-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2017, imressqa minn O. M. Călin quddiem il-qorti tar-rinviju. Din it-talba hija bbażata, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi, peress li s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Budişan (C‑586/14, EU:C:2016:421), ingħatat wara li d-deċiżjoni nazzjonali li ntalbet ir-reviżjoni tagħha saret finali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija talba hija bbażata fuq il-ksur, mill-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești), tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iggarantit fl-Artikolu 4(3) TFUE.

17      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tas-sentenza Nru 45/2016 mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-assenza ta’ proċedura ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali, meta din id-deċiżjoni tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssostni li, b’differenza mill-imsemmija sentenza, teżisti, fil-kawża prinċipali, possibbiltà li tinkiseb ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

19      Din il-qorti tfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlas lura tat-taxxi miġbura indebitament, huwa kull Stat Membru, abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet li l-kontribwenti jiġbdu mid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-modalitajiet proċedurali għandhom madankollu dejjem jirrispettaw il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

20      F’dan il-każ, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ma jipprovdi ebda terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni, u tali terminu jirriżulta biss mis-sentenza Nru 45/2016.

21      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-applikazzjoni tal-imsemmi terminu għandha bħala konsegwenza l-impossibbiltà li O. M. Călin titħallas lura t-taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, O. M. Călin ma għandha ebda modalità proċedurali nazzjonali oħra sabiex tikseb il-ħlas lura ta’ din it-taxxa.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(3) TUE, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-[Karta], l-Artikolu 110 TFUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 21(2) tal-[Liġi Nru 554/2004], kif interpretata fis-sentenza [Nru 45/2016] li tipprevedi li t-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-[Liġi Nru 554/2004] huwa ta’ xahar u jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja finali li tagħha tkun qiegħda tintalab ir-reviżjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, kif interpretata minn sentenza ta’ qorti nazzjonali, li tipprovdi terminu ta’ dekadenza ta’ xahar għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li hija mitluba r-reviżjoni tagħha.

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li O. M. Călin kellha tħallas boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur, meta, fis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Budişan (C‑586/14, EU:C:2016:421), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħal dan il-boll ambjentali.

25      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li jinkiseb il-ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jissupplimenta drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi, hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, obbligati jħallsu lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 12; tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24; kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 24).

26      Barra minn hekk, għandha titfakkar l-importanza li għandu l-prinċipju tar-res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 58; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28; u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 54).

27      Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29; u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 55).

28      Fil-fatt, ġie deċiż li d-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, ibiddel id-deċiżjoni tiegħu li jkollha awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 60; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 38; u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 56).

29      Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tibdel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex trendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 62; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 30; u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 60).

30      Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċeduri kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u l-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 24).

32      F’dan il-każ, mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Rumen joffri rimedju ġudizzjarju li jippermetti li tintalab ir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan ir-rikors għal reviżjoni huwa suġġett għal terminu ta’ xahar, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija mitluba r-reviżjoni tagħha. L-imsemmi terminu jirriżulta mis-sentenza Nru 45/2016, li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż jekk tali terminu huwiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

34      Kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprevedi regoli ddettaljati proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rikorsi simili ta’ natura interna.

35      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikors għal reviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat li huwa simili għal rikors ibbażat fuq ksur tad-dritt intern, billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett, il-kawża kif ukoll l-elementi essenzjali ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39, u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 27).

36      F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix, fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-eżistenza ta’ rikors għal reviżjoni bbażat fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jista’ jiġi kkunsidrat li huwa simili għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li tikser id-dritt tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, huwa simili għal dak previst fil-punt 11 tal-Artikolu 509(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jipprovdi l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meta, wara li d-deċiżjoni ssir finali, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) tkun iddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità mqajma f’din il-kawża u ddikjarat l-antikostituzzjonalità tad-dispożizzjoni msemmija f’din l-eċċezzjoni.

38      Issa, il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju ta’ ekwivalenza nkiser f’dan il-każ, peress li l-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rikorsi bbażati fuq il-punt 11 tal-Artikolu 509(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huma iktar favorevoli minn dawk applikabbli għar-rikors għal reviżjoni ppreżentat abbażi tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, filwaqt li l-ewwel rikors jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li tikkonstata l-antikostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali, it-tieni rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li hija mitluba r-reviżjoni tagħha.

39      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-punt 11 tal-Artikolu 509(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, is-sentenza mogħtija mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li tikkonstata l-antikostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali tippermetti li tinbidel biss deċiżjoni ġudizzjarja finali, adottata fil-kuntest tal-proċedura li fiha l-partijiet qajmu l-antikostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali, meta l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 jippermetti li tinbidel kull deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

40      Għaldaqstant, fl-assenza ta’ preċiżjoni dwar dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ xebh bejn ir-rikors għal reviżjoni stabbilit fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u dak previst fil-punt 11 tal-Artikolu 509(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u lanqas, għalhekk, dwar il-punt jekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwivalenza humiex osservati f’dan il-każ.

41      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, fejn huwa mfakkar li din il-qorti għandha l-fakultà li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari ġdida meta hija tkun f’pożizzjoni li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha li jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-prinċipju ta’ effettività

42      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49; tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 44; kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 49).

43      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-iffissar ta’ termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C‑261/95, EU:C:1997:351, punt 28; tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28; kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 47).

44      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești) ikkunsidrat, b’konformità mas-sentenza Nru 45/2016, li t-tieni rikors għal reviżjoni ppreżentat minn O. M. Călin kien tardiv. Skont din is-sentenza, it-terminu għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni kien ta’ xahar mid-data tal-komunikazzjoni lil O. M. Călin tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 li hija mitluba r-reviżjoni tagħha.

45      Għalhekk, għandha tiġi vverifikata n-natura raġonevoli ta’ tali terminu, li wara l-iskadenza tiegħu parti f’kawża ma tkunx iktar tista’ tressaq talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li terminu ta’ xahar sabiex jiġi ppreżentat tali rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali, li hija, skont it-titolu tal-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004, rimedju ġudizzjarju ta’ natura “straordinarja”, ma jistax fih innifsu jiġi kkritikat.

47      Fil-fatt, terminu ta’ dekadenza sabiex jiġi ppreżentat rikors għal reviżjoni huwa ta’ natura raġonevoli peress li jippermetti lil parti f’kawża tevalwa jekk ikunux jeżistu raġunijiet sabiex tintalab ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali u, jekk ikun il-każ, li tipprepara r-rikors għal reviżjoni kontra din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, imkien ma ġie sostnut li t-terminu ta’ xahar mogħti għal dan il-għan ma huwiex raġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 44).

48      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li t-terminu ta’ rikors għal reviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni lill-partijiet tad-deċiżjoni ġudizzjarja finali kkonċernata. Għalhekk, il-partijiet ma jistgħux isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn dan it-terminu jiskadi mingħajr ma jkunu saru jafu bid-deċiżjoni ġudizzjarja finali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 45).

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tul ta’ terminu ta’ rikors għal reviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx, bħala tali, ta’ natura li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli t-tressiq ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali.

50      F’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan it-terminu, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu bħala korollarju l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jeżiġi, minn naħa, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-parti fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20; tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 46; kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 77).

51      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-terminu ta’ xahar għall-preżentata ta’ rikors għal reviżjoni ġie stabbilit mis-sentenza Nru 45/2016 li tapplika għall-qrati Rumeni mill-pubblikazzjoni fil-Monitorul Oficial al României. Kif jirriżulta mir-risposti bil-miktub tal-partijiet għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li kienet inqatgħet fit-12 ta’ Diċembru 2016, is-sentenza ma ġietx ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României qabel it-23 ta’ Mejju 2017.

52      Għalhekk, is-sentenza Nru 45/2016 ma kinitx għadha ġiet ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României meta O. M. Călin ippreżentat, fis-17 ta’ Awwissu 2016, it-tieni rikors għal reviżjoni tagħha.

53      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher, taħt riżerva ta’ verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești) applikat it-terminu previst mis-sentenza Nru 45/2016 sabiex tikkonstata t-tardività tat-tieni rikors għal reviżjoni ppreżentat minn O. M. Călin meta din is-sentenza kienet għadha ma ġietx ippubblikata. Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax li, fid-dritt Rumen, fil-mument meta O. M. Călin ippreżentat l-imsemmi rikors għal reviżjoni, kien jeżisti terminu ieħor sabiex titressaq tali talba għal reviżjoni, li seta’ jitqies li kien ċar, preċiż u prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

54      Matul is-seduta, il-Gvern Rumen madankollu indika li, qabel il-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 45/2016 fil-Monitorul Oficial al României, il-qrati Rumeni kienu japplikaw termini differenti għall-preżentata tar-rikorsi għal reviżjoni bbażati fuq l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, peress li ma kellhomx l-obbligu li japplikaw terminu speċifiku.

55      Jekk, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Gvern Rumen jipprova jiġġustifika l-applikazzjoni tas-soluzzjoni mogħtija mis-sentenza Nru 45/2016 qabel il-pubblikazzjoni stess ta’ din, għandu jiġi kkonstatat li tali prassi ma kinitx ta’ natura li trendi ċara, preċiża u prevedibbli r-regola tat-terminu tar-rikors għal reviżjoni u, b’hekk, li tilħaq l-għan ta’ ċertezza legali.

56      Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju rrilevat li l-applikazzjoni tal-imsemmi terminu mill-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești) kellha bħala konsegwenza l-impossibbiltà li O. M. Călin titħallas lura t-taxxa li kienet inġabret mingħandha bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li O. M. Călin ma kellha ebda mezz proċedurali nazzjonali sabiex tikseb il-ħlas lura ta’ din it-taxxa, għandu jitfakkar, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-prinċipju ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat abbażi tad-deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 40), bħall-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jkunx iktar jista’ jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C 224/01, EU:C:2003:513, punt 34; tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40; kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 58).

57      Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun kif ġej:

–        id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik interpretata minn sentenza ta’ qorti nazzjonali, li tipprovdi terminu ta’ dekadenza ta’ xahar għall-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġuridika finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni li hija mitluba r-reviżjoni tagħha;

–        madankollu, il-prinċipju ta’ effettività, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni minn qorti nazzjonali ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahar għall-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali, meta, fil-mument tal-preżentata ta’ din it-talba għal reviżjoni, is-sentenza li tistabbilixxi l-imsemmi terminu ma tkunx għadha ġiet ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-prinċipju, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik interpretata minn sentenza ta’ qorti nazzjonali, li tipprovdi terminu ta’ dekadenza ta’ xahar għall-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġuridika finali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni li hija mitluba r-reviżjoni tagħha.

2)      Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni minn qorti nazzjonali ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahar għall-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali, meta, fil-mument tal-preżentata ta’ din it-talba għal reviżjoni, is-sentenza li tistabbilixxi l-imsemmi terminu ma tkunx għadha ġiet ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.