Language of document : ECLI:EU:C:2019:684

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 45 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 4 – Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn l-Istat Membru ta’ impjieg u pajjiż terz – Benefiċċji tal-familja – Applikazzjoni għal ħaddiem transkonfinali li la huwa ċittadin u lanqas residenti ta’ wieħed mill-Istati kontraenti tal-konvenzjoni”

Fil-Kawża C‑801/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

EU

vs

Caisse pour l’avenir des enfants,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE, tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EU u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied, il-Lussemburgu) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowances tal-familja lill-wild ta’ EU residenti ma’ ommha f’pajjiż terz.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965

3        Il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Istati Uniti tal-Brażil, iffirmata f’Rio de Janeiro fis-16 ta’ Settembru 1965 (Mémorial A 1966, p. 621), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965”), kienet tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

“Din il-[k]onvenzjoni għandha l-għan li tirregola, fil-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, is-sigurtà soċjali taċ-ċittadini tal-Partijiet Għolja Kontraenti.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni kien jipprovdi:

“Il-[k]onvenzjoni tapplika għall-assigurazzjonijiet għall-mard, għall-maternità, għall-invalidità, għax-xjuħija, għall-mewt u għall-inċidenti tax-xogħol, kif ukoll għall-allowances tal-familja (minbarra l-provvisti ta’ twelid ipprovduti fuq bażi mhux kontributorja).”

5        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni:

“Iċ-ċittadini ta’ waħda jew oħra mill-Partijiet li jaħdmu abitwalment fit-territorju ta’ waħda minnhom, għandhom ikunu rregolati mil-leġiżlazzjoni ta’ dik il-Parti.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess konvenzjoni kien jipprovdi:

“Iċ-ċittadini ta’ Parti li għandhom dritt għal benefiċċji fi flus kontanti għandhom jirċievu dawn il-benefiċċji kompletament u mingħajr restrizzjoni sakemm jgħixu fit-territorju ta’ wieħed mill-Partijiet.”

 Ir-Regolament Nru 883/2004

7        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

 Id-dritt Lussemburgiż

8        Il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 ġiet approvata, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, permezz tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 1966 (Mémorial A 1966, p. 620).

9        L-Artikolu 269 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti” jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Għandhom dritt għall-allowances tal-familja taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu,

a)      kull wild, għall-benefiċċju tiegħu stess, li huwa effettivament residenti fuq bażi kontinwa fil-Lussemburgu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu fil-Lussemburgu;

b)      għall-benefiċċju tal-membri tal-familja tiegħu, konformement mal-istrument internazzjonali applikabbli, kull persuna li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigrutà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ impjieg. Il-wild li jappartjeni għall-grupp familjari ta’ din il-persuna, kif iddefinit fl-Artikolu 270, jitqies li huwa membru tal-familja. Il-membri tal-familja msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fit-8 ta’ Diċembru 2015, EU, ċittadin Portugiż residenti fi Franza u li jaħdem il-Lussemburgu, ippreżenta talba għall-allowances tal-familja għal wild tiegħu, quddiem il-Caisse nationale des prestations familiales (il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja, il-Lussemburgu) (li sar la Caisse pour l’avenir des enfants) (il-Fond għall-Futur tal-Ulied), li tirrisjedi flimkien ma’ ommha l-Brażil.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2016, il-Fond għall-Futur tal-Ulied ċaħad din it-talba, għar-raġuni li EU ma kienx jaqa’ taħt l-Artikolu 269(1)(b) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, fid-dawl tal-fatt li, peress li la kien ta’ nazzjonalità Brażiljana u lanqas ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 ma kinitx tapplika fir-rigward tiegħu.

12      Adit b’rikors ippreżentat minn EU, il-conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu), permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Lulju 2017, ċaħad dan ir-rikors bħala infondat. Huwa qies li l-wild ta’ EU ma kellhiex dritt għall-allowances tal-familja, la f’isimha, peress li ma kinitx residenti b’mod effettiv u kontinwu fil-Lussemburgu, la bħala membru tal-familja ta’ ommha, li ma kinitx suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, u lanqas bħala membru tal-familja ta’ missierha, li ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965, peress li la huwa ċittadin Lussemburgiż u lanqas ċittadin Brażiljan, u fid-dawl tal-fatt li s-sempliċi kwalità ta’ ħaddiem transkonfinali hija insuffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala ċittadin Lussemburgiż.

13      Sussidjarjament, il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali nnota li setgħet tqum il-kwistjoni dwar jekk is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16), tistax tapplika fil-kawża prinċipali, mingħajr madankollu ma ssottometta din il-kwistjoni lill-partijiet fil-kawża prinċipali u mingħajr ma silet konsegwenzi legali minnha.

14      Fl-4 ta’ Awwissu 2017, EU appella mis-sentenza tal-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali quddiem il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali (il-Lussemburgu), fejn invoka d-dritt għall-ħlas ta’ allowances tal-familja favur il-wild tiegħu.

15      EU sostna li, kieku kien jaħdem fi Franza, huwa jkun jista’ jibbenefika, fir-rigward tal-wild tiegħu, mill-allowances tal-familja Franċiżi, abbażi tal-Ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Brażil fil-Qasam tas-Sigurtà Soċjali, iffirmat fi Brasilia fil-15 ta’ Diċembru 2011, u li, kieku kien jaħdem fil-Portugall, huwa jkun jista’ jibbenefika, fir-rigward tal-wild tiegħu, mill-allowances tal-familja Portugiżi bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali msejjaħ “Iberoamericano”.

16      Billi invoka l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea u billi rrefera għall-Artikolu 45 TFUE, għad-Direttiva 2004/38 kif ukoll għar-Regolament Nru 883/2004, EU talab id-dritt għall-allowances tal-familja Lussemburgiżi, billi sostna li, fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn l-allowances, huwa jġarrab żvantaġġ partikolari li jista’ jinċitah ma jibqax jaħdem il-Lussemburgu, aspett li jikkostitwixxi ostakolu għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

17      Sussidjarjament, EU invoka is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16), u sostna li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi invokat kontra l-istituzzjoni tal-Istat Membru li huwa affiljat magħha, fil-każ ta’ konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn dan l-Istat Membru u l-pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, EU talab li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Il-Fond għall-Futur tal-Ulied talab il-konferma tad-deċiżjoni tal-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali, għar-raġuni li la l-wild, la ommha, u lanqas EU ma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-allowances tal-familja previsti fl-Artikolu 269 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

19      Fit-22 ta’ Jannar 2018, il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali talab lill-partijiet fil-kawża prinċipali jieħdu pożizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 lil persuni li, bħal fil-kawża prinċipali, ma humiex residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati li huma parti minn din il-konvenzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar li tissuġġetta l-kisba ta’ benefiċċji fi flus għar-residenza taċ-ċittadin ikkonċernat fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati.

20      F’dan ir-rigward, EU rrefera mill-ġdid għas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16), sabiex isostni li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 ma jistax jiġi invokat kontrih.

21      Skont il-Fond għall-Futur tal-Ulied, sa fejn, wara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu issa huwa obbligat, sabiex jevita kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, li jibbenefika minn kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u pajjiż terz, fil-kawża prinċipali, EU ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni oġġettiva bħaċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat, li huwa parti minn tali ftehim, li għandhom ukoll id-domiċilju legali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat.

22      Il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali jirrileva li, peress li ma għandhiex id-domiċilju legali tagħha fil-Lussemburgu u li effettivament ma hijiex residenti hemmhekk, il-wild ta’ EU ma għandhiex dritt għall-allowances tal-familja, la f’isimha, la bħala membru tal-familja ta’ ommha, li ma hijiex suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, u lanqas bħala membru tal-familja ta’ missierha.

23      Sabiex din il-wild tkun tista’ tirċievi allowances tal-familja bħala membru tal-familja ta’ EU, hemm lok, skont il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, li dan tal-aħħar, li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża abbażi tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu fil-Lussemburgu, jaqa’ taħt ftehim bilaterali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 kien, skont l-Artikoli 3 u 4 tagħha, limitat għaċ-ċittadini u r-residenti ta’ wieħed mill-Istati partijiet ta’ din il-konvenzjoni.

24      EU jsostni li dawn il-limitazzjonijiet jikkostitwixxu ostakolu għall-prinċipji ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi jirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 45 TFUE, li jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa żgurat ġewwa l-Unjoni u jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, kif ukoll għar-Regolament Nru 883/2004 u, b’mod partikolari, għall-Artikolu 4 tiegħu, li jiżgura li l-persuni li fir-rigward tagħhom japplika r-regolament jibbenefikaw mill-istess benefiċċji u huma suġġetti għall-istess obbligi, skont il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kompetenti ta’ Stat Membru wieħed huma obbligati, konformement mal-obbligi li huma għandhom taħt l-Artikolu 39 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE), jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-akkwist tad-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiż terz minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor meta, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu, insegwitu ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u dan il-pajjiż terz, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess.

26      Il-qorti tar-rinviju tqis li, konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-qasam tal-allowances tal-familja, il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 hijiex applikabbli għal EU minkejja li la huwa ċittadin u lanqas residenti ta’ wieħed miż-żewġ Stati partijiet ta’ din il-konvenzjoni.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kompetenti ta’ Stat Membru wieħed (f’dan il-każ il-Caisse pour l’avenir des enfants) huma obbligati, konformement mal-obbligi [...] imposti fuqhom skont l-Artikolu 45 TFUE, id-[Direttiva 2004/38], kif ukoll skont ir-[Regolament Nru 883/2004], b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu, li jħallsu l-benefiċċji tal-familja lil ċittadin ta’ tieni Stat Membru meta, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ għoti tal-imsemmija allowances, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru, (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) u pajjiż terz (l-Istati Uniti tal-Brażil, li saru r-Repubblika Federattiva tal-Brażil) dritt għall-benefiċċji tal-familja għaċ-ċittadini u r-residenti tagħhom stess?

2)      Fil-każ affermattiv, u fil-każ fejn il-prinċipju adottat [fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16)] jiġi estiż għall-kuntest tal-benefiċċji tal-familja, l-awtorità kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u b’mod iktar speċifiku fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja – f’dan il-każ il-Caisse pour l’avenir des enfants, istituzzjoni nazzjonali tal-benefiċċji tal-familja fil-Grand Dukat tal-Lussemburgu – tista’ tinvoka ġustifikazzjoni oġġettiva abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw piżijiet finanzjarji u amministrattivi [partikolarment] kbar iffaċċati mill-amministrazzjoni kkonċernata, sabiex tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi – Partijiet kontraenti (tal-Konvenzjoni Bilaterali imsemmija) u ċ-ċittadini oħra ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut, mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, li jagħtu lil ċittadin tat-tieni Stat Membru, li jaħdem fl-ewwel Stat Membru mingħajr ma jirrisjedi fih, il-benefiċċji tal-familja għall-wild tiegħu li tirrisjedi f’pajjiż terz ma’ ommha meta, fil-każ tal-istess kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, l-imsemmija awtoritajiet jirrikonoxxu, fid-dawl ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u dan il-pajjiż terz, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja għaċ-ċittadini u għar-residenti tagħhom stess. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw it-toqol tal-piżijiet finanzjarji u amministrattivi li jkollha l-amministrazzjoni kkonċernata jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati partijiet għall-konvenzjoni bilaterali kkonċernata u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni.

29      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

30      Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

31      F’dan il-każ, huwa paċifiku li EU jaħdem il-Lussemburgu bħala ħaddiem fruntalier, huwa affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża u huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Lussemburgu. Peress li jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża minħabba l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu fil-Lussemburgu, EU talab li jibbenefika, fir-rigward tal-wild tiegħu, minn allowances tal-familja abbażi tal-Artikolu 269(1)(b) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, li jipprovdi li għandha dritt għall-allowances tal-familja “għall-membri tal-familja tiegħu, konformement mal-istrument internazzjonali applikabbli, kull persuna li hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigrutà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ impjieg”.

32      Għandu jitfakkar qabelxejn li, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-residenza tiegħu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot, C‑385/00, EU:C:2002:750, punt 76; tat-28 ta’ Frar 2013, Petersen, C‑544/11, EU:C:2013:124, punt 34, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 21).

33      Fid-dawl tad-domandi magħmula f’din il-kawża, għandha titfakkar, sussegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn id-dritt tal-Unjoni u l-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejn żewġ Stati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz.

34      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna ftehim kulturali konkluż bejn żewġ Stati Membri u li jirriżerva l-benefiċċju ta’ boroż ta’ studju għaċ-ċittadini biss ta’ dawn iż-żewġ Stati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kien jimponi lill-awtoritajiet tal-imsemmija Stati Membri jestendu l-benefiċċju ta’ għajnuna għat-taħriġ, prevista mill-ftehim bilaterali inkwistjoni, fir-rigward ta’ ħaddiema li jirrisjedu u jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju tagħhom, iżda li għandhom in-nazzjonalità tat-tielet Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, EU:C:1988:460, punti 16 u 23).

35      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, jekk l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ tiġi ostakolata minn miżura adottata fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali, anki jekk konkluża barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, kull Stat Membru huwa obbligat jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u jassisti, għal dan il-għan, lil kull Stat Membru ieħor, li għandu obbligu taħt id-dritt Komunitarju (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, EU:C:1988:460, punt 19).

36      Għalhekk, fil-punt 23 tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci (235/87, EU:C:1988:460), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim bilaterali li jirriżerva l-benefiċċju tal-boroż ta’ studju biss għaċ-ċittadini taż-żewġ Stati Membri, li huma partijiet għal dan il-ftehim, ma setax jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema nazzjonali u l-ħaddiema Komunitarji stabbiliti fit-territorju ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

37      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar ma setgħux madankollu jonqsu milli josservaw ir-regoli Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C‑307/97, EU:C:1999:438, punti 57 sa 59). Għaldaqstant, hija ddeċidiet li l-prinċipju tat-trattament nazzjonali jimponi lill-Istat Membru parti kontraenti ta’ tali konvenzjoni jagħti lill-istabbilimenti fissi ta’ kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor il-vantaġġi previsti mill-konvenzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-kumpanniji residenti fl-Istat Membru parti kontraenti tal-konvenzjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C‑307/97, EU:C:1999:438, punt 59).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret din il-ġurisprudenza fil-kuntest tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 32), li kienet tikkonċerna d-dritt, għal ċittadina Franċiża li ħadmet fl-Italja, fl-Isvizzera u fi Franza u li ma kellhiex drittijiet suffiċjenti għall-kisba ta’ pensjoni tax-xjuħija fl-Italja, li tibbenefika mill-aggregrazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija kienet wettqet fl-Isvizzera u fl-Italja, kif kienet tipprevedi l-konvenzjoni bilaterali konkluża bejn ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-qorti nazzjonali fittxet li tkun taf jekk l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali Taljani kompetenti kinux obbligati, konformement mal-obbligi li huma għandhom, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 39 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE), li jestendu għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri għajr ir-Repubblika Taljana, il-benefiċċju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvizzera għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija Taljani.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fl-implimentazzjoni tal-impenji li jkunu kkuntrattaw abbażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, kemm jekk tkun konvenzjoni bejn Stati Membri jew konvenzjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz jew diversi pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 307 KE (li sar l-Artikolu 351 TFUE), josservaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 33, u tal-21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 42). Il-fatt li l-pajjiżi terzi, min-naħa tagħhom, ma huma obbligati josservaw ebda obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

40      Konsegwentement, meta Stat Membru jikkonkludi ma’ pajjiż terz konvenzjoni internazzjonali bilaterali dwar is-sigurtà soċjali, li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-imsemmi pajjiż terz għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija, il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li dan l-Istat Membru jagħti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra l-istess vantaġġi li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tiegħu stess bis-saħħa tal-imsemmija konvenzjoni, sakemm ma jkunx jista’ jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 34).

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tfixkil tal-ekwilibriju u tar-reċiproċità ta’ ftehim internazzjonali bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tal-Istat Membru li huwa parti kontraenti tal-ftehim li jestendi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra l-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu stess igawdu mill-imsemmi ftehim (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZV, C‑307/97, punt 60, u tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 36).

42      Fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset li l-Gvern Taljan ma kienx stabbilixxa li l-obbligi li d-dritt tal-Unjoni kien jimponi fuqu kienu jikkompromettu dawk li jirriżultaw mill-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-estensjoni għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra għajr ir-Repubblika Taljana tal-benefiċċju tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvizzera għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija Taljani, applikata unilateralment mir-Repubblika Taljana, bl-ebda mod ma kienet tikkomprometti d-drittijiet li jirriżultaw għall-Konfederazzjoni Svizzera mill-konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Svizzera u lanqas ma kienet timponilha obbligi ġodda.

43      Barra minn hekk, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-argumenti mressqa mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti u mill-Gvern Taljan sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jaċċettaw l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-persuna kkonċernata, ibbażati fuq iż-żieda eventwali tal-piżijiet finanzjarji tagħhom u tad-diffikultajiet amministrattivi marbuta mal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Svizzeri kompetenti, ma setgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika Taljana tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat.

44      F’dan il-każ, EU, ta’ nazzjonalità Portugiża, jaħdem il-Lussemburgu filwaqt li joqgħod Franza. Għaldaqstant, jidher li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, li jimponi l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol, u li huwa, l-istess bħall-wild tiegħu, huma koperti mir-Regolament Nru 883/2004, li l-Artikolu 4 tiegħu jiżgura li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament jibbenefikaw mill-istess benefiċċji, skont il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, bħaċ-ċittadini tiegħu.

45      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-awtoritajiet Lussemburgiżi qiesu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-wild ta’ EU ma għandhiex dritt għall-allowances tal-familja la f’isimha, la bħala membru tal-familja ta’ ommha, u lanqas bħala membru tal-familja ta’ missierha.

46      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 42 ta’ dan id-digriet, ma jidhirx li l-obbligu, għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jestendi għal ħaddiem migrant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu stess jiksbu minn din il-konvenzjoni, huwa ta’ natura li jfixkel l-ekwilibriju u r-reċiproċità tagħha, sa fejn din l-estensjoni ma tikkompromettix l-obbligi li jirriżultaw mill-impenji meħuda mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fir-rigward tal-Istati Uniti tal-Brażil (li saru r-Repubblika Federattiva tal-Brażil). Fil-fatt, l-estensjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jaħdmu fit-territorju Lussemburgiż tal-benefiċċju tal-allowances tal-familja għall-ulied tagħhom li ma jirrisjedux f’dan it-territorju, applikata unilateralment mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ma hijiex ta’ natura li tikkomprometti d-drittijiet li jirriżultaw, għar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, mill-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1965 u lanqas ma timponi obbligi ġodda fuq dan il-pajjiż terz.

47      Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq it-toqol tal-ispejjeż finanzjarji u amministrattivi li jista’ jkollha l-amministrazzjoni kkonċernata li kieku testendi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra l-benefiċċju tal-vantaġġi mogħtija liċ-ċittadini tagħha stess ma jistax, bħala tali, jiġġustifika r-rifjut ta’ din l-amministrazzjoni li tipproċedi għal din l-estensjoni.

48      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-motivazzjonijiet ibbażati fuq iż-żieda tal-piżijiet finanzjarji u ta’ diffikultajiet amministrattivi possibbli ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, stabbilita fl-Artikolu 45 TFUE (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C‑55/00, EU:C:2002:16, punt 38; tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida, C‑400/02, EU:C:2004:537, punt 30; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny, C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 48, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 77).

49      Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-wild ta’ ħaddiem migrant ċittadin ta’ Stat Membru residenti ma’ ommha f’pajjiż terz ma għandhiex dritt għal benefiċċji tal-familja la f’isimha, la bħala membru tal-familja ta’ ommha, u lanqas bħala membru tal-familja ta’ missierha, l-Istat Membru ta’ impjieg ta’ dan il-ħaddiem huwa fil-prinċipju obbligat, konformement mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, jirrikonoxxi lil dan il-wild id-dritt għall-benefiċċji tal-familja li jingħataw liċ-ċittadini u lir-residenti tiegħu, taħt l-istess kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija allowances, skont ftehim internazzjonali bilaterali konkluż mal-imsemmi pajjiż terz, sakemm dan l-Istat Membru jista’ jinvoka ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tiegħu. It-tfixkil tal-ekwilibriju u tar-reċiproċità ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jestendi liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra l-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu stess igawdu mill-imsemmija konvenzjoni.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut, mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, li jagħtu lil ċittadin tat-tieni Stat Membru, li jaħdem fl-ewwel Stat Membru mingħajr ma jirrisjedi fih, il-benefiċċji tal-familja għall-wild tiegħu li tirrisjedi f’pajjiż terz ma’ ommha meta, taħt l-istess kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, l-imsemmija awtoritajiet jirrikonoxxu, skont konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u dan il-pajjiż terz, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja għaċ-ċittadini u għar-residenti tagħhom stess, sakemm dawn l-awtoritajiet ma jinvokawx ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 45 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut, mill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, li jagħtu lil ċittadin tat-tieni Stat Membru, li jaħdem fl-ewwel Stat Membru mingħajr ma jirrisjedi fih, il-benefiċċji tal-familja għall-wild tiegħu li tirrisjedi f’pajjiż terz ma’ ommha meta, taħt l-istess kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, l-imsemmija awtoritajiet jirrikonoxxu, skont konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u dan il-pajjiż terz, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja għaċ-ċittadini u għar-residenti tagħhom stess, sakemm dawn l-awtoritajiet ma jinvokawx ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.