Language of document : ECLI:EU:C:2019:923

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Novembru 2019 (*)

“Appell – Ammissibbiltà – Rappreżentanza ta’ parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Mandat mogħti lill-avukat – Irtirar tal-mandat mill-istralċjarju tal-kumpannija rikorrenti – Tkomplija tal-proċedura mill-bord tad-diretturi tal-kumpannija rikorrenti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà – Effett dirett fuq l-azzjonisti tal-kumpannija li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata”

Fil-Kawżi magħquda C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2017 (C‑663/17 P), fis-27 ta’ Novembru 2017 (C‑665/17 P) u fit-28 ta’ Novembru 2017 (C‑669/17 P),

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou u C. Hernández Saseta, bħala aġenti, assistiti minn B. Schneider, Rechtsanwalt, u minn M. Petite, avocat,

appellant,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, V. Di Bucci u K.-Ph. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Trasta Komercbanka AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja),

Ivan Fursin, residenti fi Kiev (l-Ukraina),

Igors Buimisters, residenti f’Jurmala (il-Latvja),

C & R Invest SIA, stabbilita f’Riga,

Figon Co. Ltd, stabbilita f’Nikosija (Ċipru),

GCK Holding Netherlands BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Rikam Holding SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn M. Kirchner, L. Feddern u O. H. Behrends, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza (C‑663/17 P),

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, V. Di Bucci u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Trasta Komercbanka AS, stabbilita f’Riga,

Ivan Fursin, residenti fi Kiev,

Igors Buimisters, residenti f’Jurmala,

C & R Invest SIA, stabbilita f’Riga,

Figon Co. Ltd, stabbilita f’Nikosija,

GCK Holding Netherlands BV, stabbilita f’Amsterdam,

Rikam Holding SA, stabbilita fil-Lussemburgu,

irrappreżentati minn M. Kirchner, L. Feddern u O. H. Behrends, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou u C. Hernández Saseta, bħala aġenti, assistiti minn B. Schneider, Rechtsanwalt, u minn M. Petite, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza (C‑665/17 P),

u

Trasta Komercbanka AS, stabbilita f’Riga,

Ivan Fursin, residenti fi Kiev,

Igors Buimisters, residenti f’Jurmala,

C & R Invest SIA, stabbilita f’Riga,

Figon Co. Ltd, stabbilita f’Nikosija,

GCK Holding Netherlands BV, stabbilita f’Amsterdam,

Rikam Holding SA, stabbilita fil-Lussemburgu,

irrappreżentati minn M. Kirchner, L. Feddern u O. H. Behrends, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou u C. Hernández Saseta, bħala aġenti, assistiti minn B. Schneider, Rechtsanwalt, u minn M. Petite, avocat,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, V. Di Bucci u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell (C‑669/17 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Prechal, M. Vilaras (Relatur), M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, C. Vajda, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV u Rikam Holding SA qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2017:623), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali, minn naħa, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ Trasta Komercbanka intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ECB/SSM/2016 – 529900WIP0INFDAWTJ81/1 WOANCA-2016-0005, tat-3 ta’ Marzu 2016, li tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Trasta Komercbanka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE sa fejn kienet tikkonċerna r-rikors ippreżentat minn diversi azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka, jiġifieri minn I. Fursin, I. Buimisters, C & R Invest, Figon Co., GCK Holding Netherlands u Rikam Holding, u intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), “Stat Membru parteċipanti” tfisser, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro u li jkun stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7” tiegħu. Skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, “mekkaniżmu superviżorju uniku” (MSU) tfisser “is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6” tal-istess regolament.

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

(a)      jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jirtira l-awtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġett għal-Artikolu 14;

[…]”

4        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan il-MSU”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.”

5        Skont l-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament:

“Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni […] tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.”

6        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Bord Amministrattiv ta’ Rieżami”, jipprevedi:

“1.      Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet.

[…]

5.      Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Talba għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv imsemmija fil-paragrafu 7 ma għandhiex tkun ammissibbli.

[…]

7.      Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

[…]”

 Id-dritt Latvjan

 Il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu

7        L-Artikolu 129 tal-Kredītiestāžu likums (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 163) jipprevedi:

“(1)      Jekk […] il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija [(il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali, il-Latvja)] tirrevoka l-liċenzja (awtorizzazzjoni) maħruġa għall-operat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali għandha taħtar fiduċjarju u għandha tissottometti quddiem il-qorti applikazzjoni għall-istralċ ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu kif ukoll għall-ħatra ta’ stralċjarju, filwaqt li tipproponi kandidat għal stralċjarju.

(2)      Wara r-revoka tal-liċenzja, il-laqgħa tal-azzjonisti tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx għadha tista’ tiddeċiedi dwar l-istralċ volontarju u dwar il-ħatra ta’ stralċjarju.

[…]”

8        L-Artikolu 133(4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu XI ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 160 u 166, kif ukoll id-drittijiet, id-dmirijiet u s-setgħat mogħtija lil-likwidatur permezz tal-Artikoli 172 u 1721 ta’ din il-liġi, japplikaw għal stralċjarju tal-istituzzjoni ta’ kreditu maħtur minn qorti.”

9        L-Artikolu 161(1) tal-imsemmija liġi, li jinsab fil-Kapitolu XI tagħha, jipprovdi:

“Wara li istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata insolventi, il-likwidatur għandu jassumi d-dmirijiet, id-drittijiet u s-setgħat kollha tal-korpi amministrattivi u tad-diretturi ta’ dawn il-korpi previsti mil-liġi u mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu.”

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

10      L-Artikolu 377(2) taċ-Civilprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jipprovdi:

“Meta tingħata sentenza dwar l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-qorti għandha taħtar stralċjarju għall-istituzzjoni ta’ kreditu. Il-qorti għandha taħtar bħala stralċjarju tal-istituzzjoni ta’ kreditu persuna proposta mill-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali.”

11      Skont l-Artikolu 387(2) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-qorti tista’ tneħħi likwidatur jew stralċjarju fuq talba tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali għandha tkun mehmuża mat-talba li tesprimi nuqqas ta’ fiduċja fil-likwidatur jew fl-istralċjarju b’rabta ma’ waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin: […]”

 Il-Kodiċi Kummerċjali

12      Skont l-Artikolu 322 tal-Komerclikums (il-Kodiċi Kummerċjali):

“(1)      L-istralċjarju għandu jkollu d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-bord tad-diretturi u tal-bord superviżorju li ma humiex f’kontradizzjoni mal-għanijiet tal-istralċ.

(2)      L-istralċjarju għandu jiġbor id-djun, inklużi ammonti li huma dovuti lill-kumpannija fir-rigward ta’ ishma kapitali mhux imħallsa, ibigħ l-assi tal-kumpannija u jissodisfa t-talbiet tal-kredituri.

(3)      L-istralċjarju jista’ jikkonkludi biss dawk it-tranżazzjonijiet li huma meħtieġa għall-istralċ tal-kumpannija.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 7 tad-digriet appellat u jistgħu jiġu ppreżentati fil-qosor kif ġej.

14      Trasta Komercbanka hija istituzzjoni ta’ kreditu Latvjana li tipprovdi servizzi finanzjarji bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni li ngħatatilha mill-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u Kapitali (iktar ’il quddiem il-“KSFK”) f’Settembru 1991.

15      I. Buimisters, kif ukoll il-kumpanniji C & R Invest, Figon Co., GCK Holding Netherlands u Rikam Holding huma azzjonisti diretti ta’ Trasta Komercbanka. I. Fursin, li jżomm il-kapital ta’ dawn il-kumpanniji, huwa azzjonist indirett ta’ Trasta Komercbanka.

16      Wara li rċieva, fil-5 ta’ Frar 2016, proposta mill-KSFK sabiex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka u wara li rċieva l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, il-BĊE, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1024/2013, adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha rtira l-imsemmija awtorizzazzjoni.

17      Fl-14 ta’ Marzu 2016, fuq talba tal-KSFK, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) adottat deċiżjoni li tordna l-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fir-rigward ta’ Trasta Komercbanka u ħatret stralċjarju. Dik il-qorti ċaħdet ukoll ir-rikors ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu intiż għaż-żamma tas-setgħat ta’ rappreżentanza tal-bord tad-diretturi tagħha fir-rigward tat-tressiq ta’ talba għal rieżami quddiem il-BĊE u fir-rigward tal-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni ma hijiex suġġetta għal appell.

18      Fis-17 ta’ Marzu 2016 ġie ppubblikat avviż fil-Latvijas Vēstnesis dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ ta’ Trasta Komercbanka u dwar is-sostituzzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu bl-istralċjarju. Fl-istess jum, dan l-istralċjarju adotta deċiżjoni li biha rrevoka l-mandati kollha li kienu ngħataw minn Trasta Komercbanka. Fil-21 ta’ Marzu 2016, nutar ippubblika, fil-Latvijas Vēstnesis, avviż dwar ir-revoka tal-mandati kollha adottati qabel is-17 ta’ Marzu 2016.

19      Mill-punt 7 tad-digriet appellat jirriżulta li, fit-3 ta’ April 2016, Trasta Komercbanka ressqet quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, previst fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, talba għar-rieżami tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan il-bord ċaħad din it-talba fit-30 ta’ Mejju 2016 għaliex qies li l-allegazzjonijiet ta’ ksur proċedurali u materjali permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, imressqa fit-talba għal rieżami ta’ Trasta Komercbanka, ma kinux fondati u li din id-deċiżjoni kienet immotivata suffiċjentement u kienet proporzjonali. L-imsemmi bord madankollu rrakkomanda lill-bord tad-diretturi tal-BĊE jiċċara ċerti elementi.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2016, Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem l-“azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka”) ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21      Wara d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-BĊE, permezz tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2016 – 5299WIP0INFDAWTJ81/2 WOANCA-2016-0005 tal-11 ta’ Lulju 2016, ħassar, b’effett minn din id-data, id-deċiżjoni kontenzjuża u ssostitwixxiha filwaqt li kkonferma l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka. Din tal-aħħar u l-azzjonisti tagħha ppreżentaw ukoll, quddiem il-Qorti Ġenerali, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2016. Din il-kawża, li għandha n-numru T‑698/16, għadha pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2016, il-BĊE qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

23      Permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ Trasta Komercbanka. Permezz tal-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE sa fejn kienet tikkonċerna r-rikors tar-rikorrenti l-oħra.

24      Fl-ewwel lok, wara li, fil-punti 17 sa 22 tal-imsemmi digriet, stħarrġet jekk Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha kellhomx interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża minkejja t-tħassir ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 23 tal-istess digriet, li dawn kienu “stabbilixxew b’mod suffiċjenti fid-dritt li kien għad għandhom interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni [kontenzjuża], minkejja [l-imsemmi] tħassir”.

25      Fit-tieni lok, fil-punti 24 sa 51 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali eżaminat in-natura regolari tal-mandat tal-avukat li kien ippreżenta r-rikors f’isem Trasta Komercbanka.

26      Il-Qorti Ġenerali fakkret li kien il-kompitu tagħha li tevalwa, fid-dawl tad-deċiżjoni meħuda mill-istralċjarju fis-17 ta’ Marzu 2016 li jirrevoka l-mandati kollha adottati minn Trasta Komercbanka qabel is-17 ta’ Marzu 2016, jekk, bis-saħħa tad-dritt Latvjan applikabbli, l-istralċjarju kellux is-setgħa jirrevoka l-mandat mogħti lil dan l-avukat u jekk kienx effettivament irrevokah.

27      Wara li fakkret, fil-punt 32 tad-digriet appellat, li dan il-mandat kien ingħata qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ stralċ u li ma kienx ikkontestat li, “f’dik id-data, dan kien effettivament mandat mogħti minn persuna awtorizzata fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura”, il-Qorti Ġenerali qieset li l-istralċjarju kellu, bis-saħħa tad-dritt Latvjan, is-setgħa li jirrevoka l-imsemmi mandat, u għalhekk ċaħdet, rispettivament fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, l-argumenti ta’ Trasta Komercbanka bbażati fuq kunflitt ta’ interessi min-naħa tal-istralċjarju u fuq l-inkapaċità ta’ dan tal-aħħar li jippreżenta rikors f’isimha, kif ukoll fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

28      Fil-punt 46 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali indikat li l-avukat li kien ippreżenta r-rikors f’isem Trasta Komercbanka kien ipproduċa ittra ta’ revoka tal-mandat tiegħu, iffirmata mill-istralċjarju u bid-data tal-31 ta’ Marzu 2016, li dan l-avukat kien irċieva b’ittra elettronika fit-28 ta’ Ottubru 2016. Fid-dawl ta’ dan l-element, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 47 u 48 tal-imsemmi digriet, li l-imsemmi avukat ma setax jargumenta li r-revoka tal-mandat tiegħu ma kinitx effettiva b’effett minn din id-data tal-aħħar u li, għaldaqstant, huwa ma kienx għad għandu mandat stabbilit b’mod regolari f’isem Trasta Komercbanka.

29      Fil-punt 49 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li, bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, l-osservanza tal-obbligu ta’ rappreżentanza li għandhom il-persuni ġuridiċi kellha tkompli sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja għaliex fl-assenza tagħha ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Wara li kkonstatat li Trasta Komercbanka ma kinitx għadha rrappreżentata quddiemha minn avukat b’mandat validu għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 50 ta’ dan id-digriet, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn din il-kumpannija.

30      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 52 sa 72 tad-digriet appellat, jekk l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka kellhomx interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża u jekk kellhomx locus standi sabiex jieħdu azzjoni kontriha.

31      Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, qieset li dawn ir-rikorrenti, minħabba t-trasferiment tas-setgħat tal-bord tad-diretturi ta’ Trasta Komercbanka lill-istralċjarju, kienu ġew imċaħħda mill-possibbiltà konkreta li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti li jiddefendu l-interessi ta’ din il-kumpannija u, fil-punt 58 ta’ dan id-digriet, iddeċidiet li kienu stabbilixxew b’mod suffiċjenti fid-dritt l-interess ġuridiku tagħhom.

32      It-tieni nett, wara li kkonstatat li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali xorta waħda qieset li huma kienu jikkostitwixxu grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li din id-deċiżjoni kienet taffettwahom fil-kwalità partikolari tagħhom ta’ azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka, li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet ġiet irtirata. Hija għalhekk qieset, fil-punt 63 tal-imsemmi digriet, li r-rikorrenti azzjonisti diretti ta’ Trasta Komercbanka kienu affettwati individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża.

33      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punt 69 tad-digriet appellat, li dawn ir-rikorrenti kienu kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn l-intensità tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni taffettwa l-kontenut u l-portata tad-drittijiet tagħhom. Fil-punti 66 u 67 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali b’hekk enfasizzat li din id-deċiżjoni kellha l-effett li tipprekludi lil Trasta Komercbanka milli twettaq l-għan statutorju tagħha u milli jkollha attività ekonomika u, għaldaqstant, ċaħħdet lill-azzjonisti tagħha mill-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħhom li jirċievu dividendi u tad-drittijiet tagħhom ta’ votazzjoni u ta’ parteċipazzjoni fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija.

34      Barra minn hekk, fil-punt 70 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-azzjonisti diretti ta’ Trasta Komercbanka kienet ġiet stabbilita, ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat il-locus standi ta’ I. Fursin, azzjonist indirett ta’ Trasta Komercbanka.

35      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE sa fejn kienet tikkonċerna l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36      Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑663/17 P, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat sa fejn jiddikjara li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka, rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, kellhom interess ġuridiku u locus standi quddiemha;

–        tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu u tiċħad ir-rikorsi ta’ dawn l-azzjonisti bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna lil Trasta Komercbanka u lill-azzjonisti tagħha għall-ispejjeż.

37      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑665/17 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat sa fejn jiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka;

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat minn dawn l-azzjonisti bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna lil Trasta Komercbanka u lill-azzjonisti tagħha għall-ispejjeż.

38      Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑669/17 P, Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat sa fejn jiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Trasta Komercbanka;

–        tiddikjara li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Trasta Komercbanka ma huwiex mingħajr skop;

–        tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

–        tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet għal annullament, u

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura tal-appell.

39      Fir-risposti tagħhom fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P, Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli f’dawn il-kawżi;

–        tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament tagħhom u tiddikjara li ma tilifx l-iskop tiegħu, u

–        tikkundanna, rispettivament, lill-BĊE u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Fir-risposta tiegħu fil-Kawża C‑665/17 P, il-BĊE jtenni t-talbiet irmessqa fl-appell tiegħu, kif indikati fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

41      Fir-risposta tiegħu fil-Kawża C‑669/17 P, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Trasta Komercbanka u lill-azzjonisti tagħha għall-ispejjeż.

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2018, il-Kawżi C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ġiet ammessa, fuq talba tagħha, tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑669/17 P sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

 Fuq l-appelli

 Osservazzjonijiet preliminari

44      Għandu jiġi kkonstatat li kemm l-appell fil-Kawża C‑669/17 P, u kemm l-atti proċedurali l-oħra ppreżentati f’isem Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha fil-Kawżi C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P ġew iffirmati mill-avukat O. H. Behrends. Dan tal-aħħar, li rrappreżenta wkoll lil Trasta Komercbanka u lill-azzjonisti tagħha matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, invoka, sabiex jiġġustifika l-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant ta’ Trasta Komercbanka, il-mandat ta’ rappreżentanza li kien ingħatalu mill-president tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija fl-10 ta’ Frar 2016.

45      Fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li dan il-mandat kien ġie rrevokat b’ittra tal-istralċjarju, tal-31 ta’ Marzu 2016, li ntbagħtet lill-avukat ikkonċernat permezz ta’ ittra elettronika fit-28 ta’ Ottubru 2016. Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jsostnu li din ir-revoka ma kellhiex effett u li O. H. Behrends għadu awtorizzat jirrappreżenta lil Trasta Komercbanka quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Minn dan isegwi li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C‑669/17 P, sa fejn ġie ppreżentat minn Trasta Komercbanka, kif ukoll tan-natura regolari tar-rappreżentanza tagħha fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P hija marbuta b’mod li ma jistax jiġi sseparat mas-suġġett tal-appell fil-Kawża C‑669/17 P, li, għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

 Fuq l-appell fil-Kawża C669/17 P

 L-argumenti tal-partijiet

47      Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jikkontestaw kemm ir-raġunijiet li jinsabu fil-punti 46 sa 48 tad-digriet appellat, fis-sens li l-mandat maħruġ lill-avukat tagħhom mill-bord tad-diretturi ta’ Trasta Komercbanka kien ġie rrevokat b’mod validu mill-istralċjarju ta’ din il-kumpannija tal-aħħar, u kemm il-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali siltet minn dan fil-punt 50 ta’ dan id-digriet, fis-sens li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat min Trasta Komercbanka.

48      Fir-rigward tan-natura regolari tar-revoka tal-mandat, huma jsostnu li l-fatt li jitqies li d-difiża tal-interessi ta’ Trasta Komercbanka f’kull proċedura intiża li tikkontesta d-deċiżjoni kontenzjuża tappartjeni biss lill-istralċjarju, jiġifieri persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istralċ ta’ din il-kumpannija u proposta minn awtorità li tkun hija stess il-kawża tal-adozzjoni mill-BĊE tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikun inkompatibbli mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali mhux biss naqset milli tosserva l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iżda wkoll id-dritt Latvjan. Fil-fatt, l-istralċjarju jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, sa fejn it-tkomplija tal-istralċ ta’ Trasta Komercbanka tinsab f’kunflitt, min-natura tagħha stess, maż-żamma tal-awtorizzazzjoni li din tal-aħħar qiegħda tipprova tikseb permezz tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ġenerali li l-atti legali li jinvolvu kunflitt ta’ interess manifest huma nulli.

49      Il-BĊE, sostnut essenzjalment mill-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati matul is-seduta, jargumenta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li d-difiża tal-interess ta’ Trasta Komercbanka kienet żgurata mill-istralċjarju. Skont il-BĊE, id-dritt Latvjan jirregola d-determinazzjoni tal-persuni kompetenti sabiex jaġixxu f’isem Trasta Komercbanka.

50      Barra minn hekk, il-BĊE, filwaqt li jirrikonoxxi li l-mandat mogħti lill-avukat li ppreżenta r-rikors f’isem Trasta Komercbanka, maħruġ mill-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, kien validu fid-data li fiha ġie redatt, jenfasizza li, wara l-iffirmar ta’ dan il-mandat, il-qorti kompetenti Latvjana ordnat l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka u ħatret stralċjarju li, konformement mad-dritt Latvjan, kellu l-kompetenza neċessarja sabiex jirrevoka dan il-mandat.

51      Il-BĊE jsostni li l-argument ta’ Trasta Komercbanka u tal-azzjonisti tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi miċħud sa fejn Trasta Komercbanka ma ġietx imċaħħda mid-dritt li tippreżenta rikors ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba li l-istralċjarju għandu d-dritt li jippreżenta tali rikors f’isimha, jekk iqis li dan ikun opportun. L-argument li dan l-istralċjarju ġie maħtur mill-KSFK lanqas ma jista’ jintlaqa’ sa fejn l-istralċjarju nħatar mill-qorti kompetenti Latvjana u mhux mill-imsemmija kummissjoni jew mill-BĊE. Skont il-BĊE, l-istralċjarju għandu kemm interess u kemm obbligu li jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn il-valur tal-assi li jistgħu jiġu rkuprati ta’ Trasta Komercbanka jista’ jiżdied jekk jirbaħ il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-appell fil-Kawża C‑669/17 P, sa fejn ġie ppreżentat mill-azzjonist indirett u mill-azzjonisti diretti ta’ Trasta Komercbanka, jiġifieri I. Fursin kif ukoll I. Buimisters, C & R Invest, Figon Co., GCK Holding Netherlands u Rikam Holding, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

53      Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, permezz tad-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ippreżentat minn dawn il-partijiet kien ammissibbli u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li l-imsemmija partijiet ma tilfux, parzjalment jew kompletament, fit-talbiet tagħhom, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, ma jistgħux jippreżentaw appell mid-digriet appellat.

54      Fir-rigward tal-istess appell, sa fejn ġie ppreżentat minn Trasta Komercbanka, għandu jitfakkar li l-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-kontroll tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat FUE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, fejn l-imsemmi trattat stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa tisħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 44, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 35). Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jisiltu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li joħroġ mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan il-prinċipju ġie sanċit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Huwa attwalment jinsab affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35, u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 49).

56      Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuna ġuridika bħalma hija Trasta Komercbanka, li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata permezz ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni bħalma huwa l-BĊE, adottata fuq il-bażi ta’ att tal-Unjoni bħalma huwa r-Regolament Nru 1024/2013, hija żgurata mid-dritt li din il-persuna għandha, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tippreżenta quddiem il-qorti tal-Unjoni rikors għall-annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni.

57      Sabiex tali rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li jintwera li l-persuna kkonċernata verament ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta r-rikors u li l-avukati li jallegaw li qegħdin jirrappreżentawha jkunu effettivament ingħataw mandat għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa preċiżament sabiex jiġi żgurat li dan huwa effettivament il-każ li l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jeżiġi li l-avukati, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, jippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mandat maħruġ mill-imsemmija parti, u n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-imsemmi mandat jista’ jwassal, konformement mal-Artikolu 51(4) ta’ dawn ir-Regoli, għall-inammissibbiltà formali tar-rikors.

58      Fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inkorporata fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru, bħalma hija Trasta Komercbanka, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa konformement ma’ dan id-dritt li għandu jiġi ddeterminat liema huma l-korpi ta’ din il-persuna ġuridika li huma awtorizzati jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti.

59      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, l-awtonomija li l-Istati Membri għandhom f’dan ir-rigward hija ristretta bl-obbligu tagħhom, b’mod partikolari, li jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u tad-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali, irrikonoxxuti fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Issa, ikun hemm ksur tad-dritt ta’ persuna ġuridika, bħalma hija Trasta Komercbanka, għal rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qrati tal-Unjoni jekk, b’applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, stralċjarju kompetenti sabiex jieħu tali deċiżjonijiet kien maħtur fuq proposta ta’ awtorità nazzjonali li pparteċipat fl-adozzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju lill-persuna ġuridika kkonċernata u li wassal għat-tqegħid tagħha taħt proċedura ta’ stralċ. Fil-fatt, fid-dawl tar-rabta ta’ fiduċja li timplika tali proċedura ta’ ħatra bejn din l-awtorità u l-istralċjarju maħtur kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-missjoni ta’ stralċjarju hija li jasal għall-istralċ definittiv tal-persuna ġuridika mqiegħda taħt proċedura ta’ stralċ, jeżisti r-riskju li dan l-istralċjarju jevita kwalunkwe kontestazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ta’ att li l-imsemmija awtorità tkun adottat hija stess jew li ġie adottat bl-involviment tagħha u li wassal għat-tqegħid tal-persuna ġuridika kkonċernata taħt proċedura ta’ stralċ.

61      Dan huwa iktar u iktar minnu f’sitwazzjoni fejn l-istralċjarju tal-persuna ġuridika kkonċernata jkun jista’ jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu minn din l-istess awtorità jew fuq proposta tagħha fil-każ li jiġi annullat, wara rikors li l-preżentata jew iż-żamma tiegħu tiddependi mid-deċiżjoni tal-istralċjarju stess, att tal-Unjoni adottat bl-involviment tal-imsemmija awtorità u li wassal għat-tqegħid tal-imsemmija persuna ġuridika taħt proċedura ta’ stralċ.

62      Kif l-Avukat Ġenerali osservat essenzjalment fil-punti 75 sa 77 tal-konklużjonijiet tagħha, sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, sa fejn jimplikaw kunflitt ta’ interessi, jistgħu jippreġudikaw id-dritt tal-persuna ġuridika kkonċernata għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punti 117 u 118).

63      F’dan il-każ, mill-punt 32 tad-digriet appellat jirriżulta li l-mandat prodott mill-avukat li ppreżenta r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali f’isem Trasta Komercbanka kien inħareġ minn persuna li, fid-data tal-ħruġ tal-mandat, kienet awtorizzata tagħmel dan.

64      Madankollu, kif osservat fil-punti 5 u 34 ta’ dan id-digriet, il-qorti kompetenti Latvjana ordnat l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka wara l-ħruġ ta’ dan il-mandat, fl-14 ta’ Marzu 2016, fuq talba tal-KSFK u b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Latvjan li jipprevedu l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet irtirata. Konformement mal-istess dispożizzjonijiet, l-imsemmija qorti ħatret l-istralċjarju propost mill-KSFK. Barra minn hekk, hija ċaħdet it-talba ta’ Trasta Komercbanka sabiex jinżammu s-setgħat ta’ rappreżentanza ta’ dak li kien il-bord tad-diretturi tagħha fir-rigward, b’mod partikolari, tal-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-qorti tal-Unjoni.

65      Barra minn hekk, mill-punti 6 u 46 tal-imsemmi digriet jirriżulta li, wara l-ħatra tiegħu, l-istralċjarju ta’ Trasta Komercbanka rrevoka l-mandati kollha maħruġa minn din il-kumpannija, inkluż dak tal-avukat li kien ippreżenta r-rikors f’isem Trasta Komercbanka quddiem il-Qorti Ġenerali, revoka li dan l-avukat sar jaf biha sa mhux iktar mit-28 ta’ Ottubru 2016, id-data li minnha r-revoka għandha titqies li hija effettiva.

66      Għaldaqstant, fil-punti 48 sa 50 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-avukat ma kienx għad għandu mandat stabbilit b’mod regolari minn din il-kumpannija, fis-sens tal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u li, għalhekk, ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ din tal-aħħar.

67      Għal dan il-għan, fil-punt 35 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Trasta Komercbanka bbażat fuq kunflitt ta’ interessi tal-istralċjarju, billi qieset li, sa fejn il-qorti kompetenti Latvjana kienet ċaħdet it-talba ta’ Trasta Komercbanka sabiex jinżammu s-setgħat ta’ rappreżentenza tal-bord tad-diretturi tagħha, dan l-argument ma setax iqiegħed f’dubju l-eżistenza, taħt id-dritt Latvjan, tas-setgħa tal-istralċjarju ta’ Trasta Komercbanka li jirrevoka l-mandat maħruġ preċedentement lill-avukat ta’ din tal-aħħar.

68      Fil-punt 36 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li, “fi kwalunkwe każ […] l-applikazzjoni tad-dritt Latvjan [ma kinitx twassal] għal ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, sa fejn din l-applikazzjoni ma kinitx twassal sabiex iċċaħħad lill-banek li l-awtorizzazzjoni tagħhom ġiet irtirata mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors iżda kienet twassal sabiex tħalli r-responsabbiltà għal dan ir-rikors f’idejn l-istralċjarju.

69      Ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

70      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-fatt, imsemmi fil-punt 35 tad-digriet appellat, li l-istralċjarju kellu, taħt id-dritt Latvjan, is-setgħa li jirrevoka l-mandat maħruġ mill-avukat ta’ Trasta Komercbanka għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat ir-rikonoxximent ta’ tali revoka mill-qorti tal-Unjoni jekk din ir-revoka tippreġudika, b’mod partikolari għar-raġunijiet indikati fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, id-dritt ta’ Trasta Komercbanka, irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

71      Peress li t-tqegħid ta’ Trasta Komercbanka taħt proċedura ta’ stralċ huwa, konformement mad-dispożizzjonijiet Latvjani applikabbli, konsegwenza tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-annullament ta’ din tal-aħħar bħala riżultat tar-rikors ta’ Trasta Komercbanka jista’ jwassal għall-irtirar tad-deċiżjoni li tordna l-istralċ tagħha u, għaldaqstant, għall-irtirar tad-deċiżjoni li jinħatar l-istralċjarju.

72      Issa, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 322 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-missjoni fdata lill-istralċjarju ta’ persuna ġuridika bħalma hija Trasta Komercbanka ma hijiex l-istess bħal dik fdata normalment lid-direttur ta’ tali persuna, sa fejn l-uniku għan tal-istralċjarju huwa li jirkupra l-krediti, li jbigħ l-assi u li jissodisfa t-talbiet tal-kredituri bil-għan li l-attività ta’ din il-persuna titwaqqaf kompletament.

73      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, invokat quddiemha minn Trasta Komercbanka, li l-istralċjarju, konformement mal-Artikolu 377(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kien inħatar fuq proposta tal-KSFK u li, skont l-Artikolu 387(2) ta’ dan il-kodiċi, il-KSFK setgħet titlob ir-revoka ta’ dan l-istralċjarju jekk ma jkunx għad għandha fiduċja fih.

74      Issa, għalkemm il-KSFK la hija l-awtur tad-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas ma hija l-konvenut quddiem il-Qorti Ġenerali, għaliex huwa l-BĊE li għandu dawn iż-żewġ kwalitajiet, jibqa’ l-fatt li l-KSFK ipparteċipat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet adottata fuq propsota tagħha. Fid-dawl tal-missjoni fdata lilu skont id-dritt Latvjan, l-istralċjarju jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi minħabba l-fatt li l-kontestazzjoni, quddiem il-qrati tal-Unjoni, tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-persuna ġuridika rrappreżentata minnu tista’ twassal, għall-kuntrarju ta’ din il-missjoni, sabiex il-proċedura ta’ stralċ ta’ din il-persuna tiġi mċaħħda minn kull bażi legali.

75      Konformement ma’ dak li ġie osservat fil-punti 60 sa 62 ta’ din is-sentenza, mill-eżistenza ta’ tali rabtiet bejn il-KFSK u l-istralċjarju u mir-rwol tal-KFSK fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li r-responsabbiltà għall-eventwali revoka tal-mandat maħruġ lill-avukat ta’ Trasta Komercbanka għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra din id-deċiżjoni ma tistax titħalla f’idejn l-imsemmi stralċjarju mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, ta’ Trasta Komercbanka.

76      Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkorraborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, din tal-aħħar qieset, fid-deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Settembru 2004, Capital Bank AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0909DEC004942999), dwar istituzzjoni bankarja rrappreżentata minn stralċjarji, li lill-bord tad-diretturi preċedenti ta’ din l-istituzzjoni kellu jiġi rrikonoxxut id-dritt li tippreżenta quddiemha applikazzjoni individwali fis-sens tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, f’sitwazzjoni fejn dawn l-istralċjarji jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li jagħmel teoretiku u illużorju l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mill-istituzzjoni li huma inkarigati bir-rappreżentanza tagħha.

77      Din l-evalwazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-kunsiderazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tad-digriet appellat. Għalkemm huwa minnu li t-trasferiment lil stralċjarju, skont id-dritt Latvjan, tar-responsabbiltà li jiddeċiedi dwar il-preżentata jew iż-żamma ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni bħalma hija d-deċiżjoni kontenzjuża ma jimplikax, bħala prinċipju, ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk il-persuna li lilha tiġi ttrasferita din ir-responsabbiltà tinsab, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-preżentata jew iż-żamma ta’ tali rikors, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 35 u 36 tad-digriet appellat, li l-applikazzjoni tad-dritt Latvjan ma kinitx twassal, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa minn Trasta Komercbanka sabiex tiġġustifika ż-żamma tas-setgħa ta’ rappreżentanza ta’ dak li kien il-bord tad-diretturi tagħha, għal ksur tad-dritt ta’ din il-kumpannija għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u meta minn dan iddeduċiet, fil-punti 47 u 48 ta’ dan id-digriet, li l-avukat li kien ippreżenta r-rikors quddiemha f’isem Trasta Komercbanka ma kienx għad għandu mandat stabbilit b’mod regolari, f’isem din il-kumpannija, minn persuna awtorizzata tagħmel dan, u dan minħabba li l-mandat li kien inizjalment ingħata kien ġie rrevokat mill-istralċjarju ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 70 sa 77 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni din ir-revoka sa fejn hija kienet tikser id-dritt ta’ Trasta Komercbanka għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-appell ta’ Trasta Komercbanka fil-Kawża C‑669/17 P huwa kemm ammissibbli kif ukoll fondat u d-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka.

 Fuq ir-rikors ta’ Trasta Komercbanka quddiem il-Qorti Ġenerali

80      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, hija tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża definittivament hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.

81      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa sabiex tiddeċiedi definittivament dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Trasta Komercbanka.

82      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 54 sa 61 u fil-punti 70 sa 77 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandha tiġi miċħuda bħala infondata sa fejn tikkonċerna r-rikors ta’ Trasta Komercbanka.

83      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi hija stess dwar il-mertu tar-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka. Għaldaqstant, din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal dan il-għan.

 Fuq l-appelli fil-Kawżi C663/17 P u C665/17 P

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C663/17 P

84      Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jsostnu li t-talbiet tal-appell ippreżentat mill-BĊE fil-Kawża C‑663/17 P ma humiex intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv tad-digriet appellat, kif jeżiġi l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huma intiżi għall-annullament ta’ ċerti punti tar-raġunijiet ta’ dan id-digriet. Skont Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha, tali talbiet ma humiex ammissibbli, bħalma lanqas ma huma dawk intiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament dwar il-mertu tal-kawża sa fejn, sal-lum, il-Qorti Ġenerali għadha tat deċiżjoni biss dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemha.

85      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

86      Minn naħa, l-ewwel talba tal-appell tal-BĊE hija intiża, b’mod espliċitu, għall-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet appellat. Min-naħa l-oħra, permezz tat-tieni talba ta’ dan l-appell, il-BĊE essenzjalment jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jista’ jagħmel taħt l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tilqa’ t-talbiet li huwa kien ippreżenta fl-ewwel istanza, li huma intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka bħala inammissibbli.

87      Għaldaqstant, l-appell ippreżentat mill-BĊE fil-Kawża C‑663/17 P huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu tal-appelli fil-Kawżi C663/17 P u C665/17 P

88      Insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑663/17 P, il-BĊE invoka, essenzjalment, tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tat-tieni aggravju, il-BĊE jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li dawn l-azzjonisti kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. It-tielet aggravju jikkonċerna l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset li l-imsemmija azzjonisti kienu direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

89      Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑665/17 P, il-Kummissjoni tressaq żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, b’mod żbaljat, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fih żewġ partijiet, marbuta mal-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset li l-azzjonisti kienu, minn naħa, individwalment u, min-naħa l-oħra, direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

90      Għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox, b’mod konġunt, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑663/17 P u t-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑665/17 P.

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, li ma tippreġudikax is-sustanza tad-drittijiet tagħhom. Hija biss Trasta Komercbanka, li l-awtorizzazzjoni tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu ġiet irtirata, li tista’ titqies li hija direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni. B’hekk, huwa biss fil-konfront ta’ Trasta Komercbanka li din tal-aħħar tipproduċi effetti legali b’mod dirett. L-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka ma humiex huma stess id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni bankarja u, għaldaqstant, ma jistgħux jallegaw li kienu affettwati personalment mill-irtirar ta’ tali awtorizzazzjoni. Meta ddeċidiet, fid-digriet appellat, li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka kienu direttament ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni, minħabba l-intensità tal-effetti tagħha fuq is-sitwazzjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tagħha stess.

92      Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li għandha ssir distinzjoni bejn l-interess ekonomiku tal-kumpannija u l-interess tal-azzjonisti tagħha, sa fejn dawn tal-aħħar ma għandhomx drittijiet fuq l-assi tal-impriża. Huwa minnu li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka għandu impatt ekonomiku fuq l-azzjonisti tagħha, iżda dan ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-azzjonisti humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ rtirar, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-impatt ekonomiku, irrispettivament mill-importanza tiegħu. Kriterju marbut mal-evalwazzjoni kwalitattiva tal-effetti ta’ att ikun kuntrarju għall-kliem u għall-għanijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

93      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kellha ebda effett legali fuq id-dritt tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka li jirċievu dividendi.

94      Huwa wkoll żbaljat li jingħad li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja ta’ Trasta Komercbanka jipprekludi lil din tal-aħħar milli twettaq l-għan statutorju tagħha u milli jkollha attività ekonomika. Dan l-irtirar ma jipprekludix l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika differenti minn Trasta Komercbanka, jekk ikun il-każ wara emenda tal-istatuti tagħha.

95      Il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża lanqas ma kellha impatt fuq l-istruttura ta’ Trasta Komercbanka jew fuq l-amministrazzjoni interna tagħha. Dawn setgħu ġew affettwati mid-deċiżjoni li jiġi ordnat l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka, iżda din id-deċiżjoni ttieħdet fuq il-bażi tad-dritt Latvjan u mhux fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, li ma jimponix l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet irtirata. Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn id-deċiżjoni kontenzjuża u d-deċiżjoni li tordna l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka.

96      Min-naħa tagħhom, Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jqisu li s-sitwazzjoni tal-imsemmija azzjonisti ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija kummerċjali. L-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka huma d-detenturi tal-maġġoranza l-kbira tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà rrikonoxxiet li azzjonist maġġoritarju jista’ jikkontesta deċiżjoni li d-destinatarja tagħha tkun il-kumpannija li tagħha jżomm l-azzjonijiet, u dan fuq il-bażi biss tal-effett ekonomiku li jkollha din id-deċiżjoni fuq l-imsemmi azzjonist.

97      L-interpretazzjoni fis-sens li huma biss l-effetti legali u mhux l-effetti ekonomiċi ta’ att li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma għandha ebda bażi fil-ġurisprudenza. Għall-kuntrarju, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew il-locus standi ta’ persuni li jkunu kompetituri tad-destinatarju ta’ att fuq il-bażi biss tal-konsegwenzi ekonomiċi ta’ dan l-att fuq dawn il-persuni.

98      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża taffettwa l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka b’mod dirett u individwali, sa fejn iċċaħħadhom mill-possibbiltà li jiddeċiedu dwar l-istabbiliment ta’ fergħa ta’ Trasta Komercbanka fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni bankarja tagħha fil-Latvja. Hija ċċaħħadhom ukoll, konformement mad-dritt Latvjan, mill-possibbiltà li jiddeċiedu dwar l-istralċ volontarju tal-kumpannija tagħhom u mill-possibbiltà li jaħtru huma stess l-istralċjarju. Barra minn hekk, l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka huma identifikati b’isimhom fid-deċiżjoni kontenzjuża u kienu aċċettati bħala interlokutorji matul il-proċedura li wasslet għall-imsemmija deċiżjoni, bl-istess mod bħall-persuni awtorizzati li jirrappreżentaw legalment lil Trasta Komercbanka.

99      Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jgħidu wkoll li l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ rikorrent, konformement mal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li, konformement mad-dritt Latvjan, l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka huwa konsegwenza awtomatika tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha u li la l-KSFK u lanqas il-qorti Latvjana li ordnat dan l-istralċ ma kellhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

100    Fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit li l-azzjonisti ta’ kumpannija għandhom jinvokaw interess distint mill-annullament ta’ att li d-destinatarja tiegħu tkun il-kumpannija li tagħha jżommu l-azzjonijiet ma japplikax f’każ, bħalma huwa dak ineżami, fejn għall-azzjonisti tal-kumpannija kkonċernata, minkejja li huma d-detenturi tal-maġġoranza tal-azzjonijiet, ikun impossibbli li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom sabiex iġiegħlu lill-kumpannija tippreżenta rikors.

101    Fl-aħħar nett, Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jaffermaw li l-locus standi tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka huwa indipendenti mill-eżitu tal-appell fil-Kawża C‑669/17 P.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102    Għandu jitfakkar li, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra fil-każ biss li l-imsemmija deċiżjoni tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.

103    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tad-digriet appellat, jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, C‑15/06 P, EU:C:2007:183, punt 31; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42).

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kontenzjuża rtirat l-awtorizzazzjoni ta’ Trasta Komercbanka bħala istituzzjoni ta’ kreditu u, għaldaqstant, kellha effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-kumpannija b’mod dirett sa fejn din il-kumpannija, ladarba ġiet adottata d-deċiżjoni, ma kinitx għadha awtorizzata tkompli l-attività tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Din l-awtorizzazzjoni kienet inħarġet lil Trasta Komercbanka stess u mhux, fuq bażi personali, lill-azzjonisti tagħha.

105    Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali qieset, fuq il-bażi tar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 68 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonċerna wkoll, b’mod dirett, lill-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka.

106    Essenzjalment, kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali bbażat din l-evalwazzjoni fuq l-“intensità” tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet taffettwa “neċessarjament il-kontenut u l-portata” tad-drittijiet tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka. Minn naħa, id-dritt tal-azzjonisti li jirċievu dividenti minn kumpannija “li ma tkunx għadha awtorizzata teżerċita l-attività tagħha” isir “neċessarjament illużorju”. Min-naħa l-oħra, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża kellha l-effett li “tipprojbixxi lil Trasta Komercbanka milli twettaq l-għan statutorju tagħha”, l-eżerċizzju, mill-azzjonisti, tad-drittijiet tagħhom ta’ votazzjoni u ta’ parteċipazzjoni fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jsir “essenzjalment formali”.

107    Dawn ir-raġunijiet huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

108    Minn naħa, billi tat preferenza lil kriterju żbaljat, ibbażat fuq l-“intensità” tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx, kif kienet meħtieġa tagħmel, in-natura eventwalment diretta tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka.

109    Min-naħa l-oħra, kif josservaw ġustament il-BĊE u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti mhux legali iżda ekonomiċi tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Issa, id-dritt tal-azzjonisti li jirċievu dividendi u li jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ Trasta Komercbanka, bħala kumpannija inkorporata konformement mad-dritt Latvjan, ma ġiex affettwat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

111    Huwa minnu li, wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, Trasta Komercbanka ma setgħetx tkompli bl-attività tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu u, għaldaqstant, hemm dubju dwar il-kapaċità tagħha li tiddistribwixxi dividendi lill-azzjonisti tagħha. Madankollu, l-effett negattiv ta’ dan l-irtirar huwa ta’ natura ekonomika, u d-dritt tal-azzjonisti li jirċievu dividendi, l-istess bħad-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija, jekk ikun il-każ wara emenda tal-għan statutorju tagħha, bl-ebda mod ma ġie affettwat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

112    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex imqiegħda f’dubju bl-argumenti ta’ Trasta Komercbanka u tal-azzjonisti tagħha, esposti fil-qosor fil-punt 97 ta’ din is-sentenza u bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. B’hekk, il-fatt li jiġi rrikonoxxut li ċerti kompetituri tad-destinatarji ta’ att tal-Unjoni dwar dawn l-oqsma jistgħu jkunu affettwati direttament minn dan l-att ma huwiex iġġustifikat mill-effetti purament ekonomiċi tal-att inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni tagħhom iżda mill-fatt li l-imsemmi att jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-kompetituri, b’mod partikolari d-dritt tagħhom, li jiriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, li ma jġarrbux distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43).

113    Fir-rigward tal-istralċ ta’ Trasta Komercbanka b’konsegwenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa minnu li tali fatt affettwa b’mod dirett id-dritt tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka li jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija, sa fejn din it-tmexxija ġiet fdata, permezz tad-deċiżjoni li tordna l-istralċ, lil stralċjarju.

114    Madankollu, l-istralċ ta’ Trasta Komercbanka ma huwiex l-implimentazzjoni “purament awtomatika u [li] tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess” tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprevedix l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet irtirata. Id-deċiżjoni ta’ stralċ ittieħdet minn qorti Latvjana, fuq il-bażi tad-dritt Latvjan, jiġifieri fuq il-bażi ta’ “regoli intermedjarji oħra”, fis-sens ta’ din l-istess ġurisprudenza.

115    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka kienu direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-deċiżjoni kontenzjuża.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑663/17 P u t-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑665/17 P għandhom jintlaqgħu u, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra, id-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn jiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka.

 Fuq ir-rikors tal-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka quddiem il-Qorti Ġenerali

117    Konformenent mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, hija tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża hija stess jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża.

118    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni definittiva dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka.

119    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 108 sa 114 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE għandha tintlaqa’ sa fejn tikkonċerna r-rikors ta’ dawn l-azzjonisti u, għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

121    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

122    Peress li l-BĊE u l-Kummissjoni talbu li Trasta Komercbanka u l-azzjonisti tagħha jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom fil-Kawżi C‑663/17 P u C‑665/17 P, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-BĊE u mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn l-appelli. Barra minn hekk, peress li l-azzjonisti ta’ Trasta Komercbanka tilfu fir-rigward tal-motivi tagħhom fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li, konformement mat-talbiet tal-BĊE, jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-BĊE fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza marbuta mal-imsemmi rikors, sa fejn ippreżentat minn dawn l-azzjonisti.

123    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

124    Il-Kummissjoni, intervenjenti fil-Kawża C‑663/17 P, għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din il-kawża.

125    Fl-aħħar nett, peress li l-Kawża C‑669/17 P intbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż f’din il-kawża huma rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell fil-Kawża C669/17 P huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat minn Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV u Rikam Holding SA.

2)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623), huwa annullat.

3)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Bank Ċentrali Ewropew hija miċħuda sa fejn tikkonċerna r-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka AS u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ECB/SSM/2016 – 529900WIP0INFDAWTJ81/1 WOANCA-2016-0005, tat-3 ta’ Marzu 2016, li tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Trasta Komercbanka.

4)      Ir-rikors ippreżentat minn Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV u Rikam Holding SA, u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-3 ta’ Marzu 2016, huwa miċħud.

5)      Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi r-rikors ippreżentat minn Trasta Komercbanka AS u intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-3 ta’ Marzu 2016.

6)      Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV u Rikam Holding SA huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest, rispettivament, tal-appelli fil-Kawżi C663/17 P u C665/17 P.

7)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawża C663/17 P.

8)      Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV u Rikam Holding SA huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza marbuta mar-rikors ippreżentat minn dawn l-azzjonisti.

9)      L-ispejjeż fil-Kawża C669/17 P huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.