Language of document : ECLI:EU:C:2019:940

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑7 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C659/18

VW

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Instrucción No 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4, Badalona, Spanja))

(Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3 – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Nuqqas ta’ dehra wara t-taħrika – Mandat ta’ arrest nazzjonali – Derogi temporanji – Artikolu 8 – Ċirkustanzi li fihom l-assistenza ta’ avukat tista’ tiġi ttardjata)






I.      Introduzzjoni

1.        L-oriġini tal-professjoni ta’ avukat imorru lura għall-Greċja antika u għal Ruma (2). Madanakollu, id-dritt ta’ persuni suġġetti għal proċeduri kriminali għall-assistenza ta’ avukat bħala materja ta’ dritt huwa innovazzjoni pjuttost moderna li tmur lura għas-sekli tmintax u dsatax (3).

2.        Illum il-ġurnata, id-dritt ta’ aċċess għal avukat (li f’ċertu ġurisdizzjonijiet huwa magħruf bħala “id-dritt għal avukat”) fi proċeduri kriminali huwa meqjus bħala komponent essenzjali tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar usa’, tad-dritt għal smigħ xieraq (4). Dan id-dritt huwa, inter alia, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fl-Artikolu 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u fl-Artikolu 14(3)(b) tal-Ftehim Internazzjonali fuq id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (5).

3.        Il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titfa’ dawl fuq il-portata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat taħt id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi informata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (6). Id-domanda preliminari speċifika mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi mqassra b’dan il-mod: jista’ d-dritt ta’ aċċess għal avukat jiġi ttardjat sakemm is-suspettat jidher personalment quddiem il-qorti fil-każ fejn ikun inħareġ mandat ta’ arrest (nazzjonali) fil-konfront tiegħu wara li jkun ġie preċedentement imħarrek minn dik il-qorti sabiex jidher iżda jkun naqas milli jidher?

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessi 12, 19 u 38 tad-Direttiva 2013/48 jiddikjaraw:

“(12)      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew […] B’dan hija tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati mill-[Qorti EDB] li fil-ġurisprudenza tagħha, regolarment tistabbilixxi standards dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat. Din il-ġurisprudenza tipprevedi, fost l-oħrajn, li proċedimenti ġusti jeħtieġu li persuna suspettata jew akkużata tkun tista’ tikseb il-firxa kollha ta’ servizzi assoċjati speċifikament mal-assistenza legali. F’dak ir-rigward, l-avukati tal-persuni suspettati jew akkużati għandhom ikunu jistgħu jiżguraw mingħajr restrizzjoni l-aspetti fundamentali tad-difiża.

[…]

(19)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed f’konformità ma’ din id-Direttiva. […]

[…]

(38)      L-Istati Membri għandhom jistipulaw b’mod ċar fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal kwalunkwe deroga temporanja mid-drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva, u għandhom jagħmlu użu ristrett minn dawk id-derogi temporanji. Kwalunkwe tali deroga temporanja għandha tkun proporzjonali, għandha tkun strettament limitata fiż-żmien, ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew il-gravità tiegħu, u ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti. […]”

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal- persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA (‘proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew’) li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat […]”

6.        L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

7.        Skont Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48 intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.

2.      Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:

a)      qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

b)      mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;

c)      mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

d)      fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

3.      Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:

a)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

b)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. […];

c)      għandhom, minn tal-inqas, ikollhom id-dritt li l-avukat tagħhom jattendi għall-avvenimenti investigattivi jew l-atti ta’ ġbir ta’ provi li ġejjin, fejn dawk l-atti huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata hija meħtieġa jew permessa li tattendi l-att konċernat:

i)      ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

ii)      konfrontazzjonijiet;

iii)      rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

[…]

5.      Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ’il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha.

6.      F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:

a)      fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

b)      fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”

8.        L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/48 intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji” jipprovdi:

“Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(5) jew (6) […]:

a)      għandha tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju;

b)      għandha tkun strettament limitata biż-żmien;

c)      ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; u

d)      ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti.”

B.      Id-dritt Spanjol

9.        L-Artikolu 24(1) u (2) tal-Kostituzzjoni Spanjola huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni effettiva tal-imħallfin u tal-qrati fl-eżerċizzju tad-drittijiet u interessi leġittimi tagħha, mingħajr ma qatt jistgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

2.      Bl-istess mod, kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal qorti ordinarja ddeterminata mil-liġi, għal difiża u għal assistenza minn avukat, li tiġi informata bl-akkużi miġjuba kontra tagħha, għal smigħ pubbliku mingħajr dewmien żejjed u bil-garanziji kollha, għall-użu ta’ provi rilevanti għad-difiża tagħha, li ma tinkriminax ruħha, li twieġeb mhux ħatja, u għall-preżunzjoni tal-innoċenza. […]”

10.      L-Artikolu 118(1) tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), kif emendat fl-2015 u fil-verżjoni tagħha attwalment fis-seħħ, jipprovdi:

“Kull persuna akkużata b’reat punibbli tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha billi tintervjeni fil-proċeduri, ikunu liema jkunu, mill-mument meta tiġi informata bl-eżistenza tal-proċeduri, jew tkun tqiegħdet taħt arrest jew kienet suġġetta għal kull miżura kawtelatorja oħra jew tkun tqiegħdet taħt eżami u għal dan il-għan hija għandha tiġi informata mingħajr dewmien żejjed bl-eżistenza tad-drittijiet li ġejjin:

[...]

(d)      Id-dritt li avukat jiġi maħtur liberament, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 527(1)(a).

[…]”

11.      L-Artikolu 527 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi:

“1.      Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 509 persuna li hija detenuta jew arrestata mqiegħda taħt iżolament tista’ tiġi mċaħħda mid-drittijiet li ġejjin meta dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ:

(a)      Id-dritt li taħtar avukat tal-fiduċja tagħha.

[…]

(d)      Id-dritt li tintervjeni fil-proċeduri, direttament jew permezz tal-avukat tagħha, bl-eskulżjoni tal-elementi essenzjali sabiex tkun tista’ tikkontesta l-legalita’ tad-detenzjoni.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

12.      Il-konvenut fil-proċeduri prinċipali (iktar ’il quddiem il-“konvenut”) kien suġġett għal spezzjoni fit-triq mill-pulizija ta’ Badalona (Spanja). Wara li ġie ssuspettat li l-liċenzja tas-sewqan Albaniża li ntweriet mill-konvenut ma kinitx awtentika l-pulizija għamlu rapport dwar il-konvenut fl‑20 ta’ April 2018 rigward allegati reati ta’ sewqan mingħajr liċenzja u falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku. Fid‑19 ta’ Mejju 2018, perizja fir-rigward tal-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni kkonfermat li d-dokument kien iffalsifikat.

13.      Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Ġunju 2018, il-Juzgado de Instrucción No 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona, Spanja) li quddiemha tressqu proċeduri kriminali kontra l-konvenut, iddeċidiet li tisma’ lill-akkużat assistit minn avukat. Għaldaqstant avukat ġie assenjat lilu. Diversi tentattivi sabiex jitħarrek il-konvenut kienu mingħajr suċċess peress li l-konvenut ma setax jiġi llokalizzat. Finalment, fis‑27 ta’ Settembru 2018, inħareġ mandat għall-arrest u għat-tressiq tiegħu quddiem il-qorti.

14.      Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, ġiet irċevuta faks mingħand avukat sabiex tidher fil-proċeduri għan-nom tal-konvenut u talbet li miżuri proċedurali sussegwenti jiġu kkomunikati lilha. Il-ħatra tagħha mill-konvenut u l-kunsens tal-avukat li ġie preċedentement assenjat lilu kienu nklużi bħala annessi. L-avukat talbet ukoll li l-mandat ta’ arrest jiġi sospiż fejn qalet li l-klijent tagħha xtaq jidher quddiem il-qorti volontarjament.

15.      Madanakollu peress li l-konvenut ma deherx quddiem il-qorti meta ġie mħarrek għall-ewwel darba u għadu suġġett għal mandat ta’ arrest, il-Juzgado de Instrucción No 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona) tistaqsi jekk, konformement mal-Artikolu 118 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, id-dritt tal-konvenut ta’ aċċess għal avukat jistax jiġi ttardjat sakemm il-mandat jiġi eżegwit.

16.      Kif ġie spjegat mill-qorti tar-rinviju, li ma ġietx kontradetta fuq dan il-punt mill-Gvern Spanjol fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ġiet interpretata mill-qrati nazzjonali fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa suġġett għar-rekwiżit li s-suspettat jidher personalment. Dan ifisser li dan id-dritt jista’ jiġi rrifjutat meta l-persuna ssuspettata tkun assenti jew ma tkunx tista’ tiġi llokalizzata. Skont il-qorti tar-rinviju dan il-prinċipju ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-sentenza Nru 87/1984 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) tas‑27 ta’ Lulju 1984 (7) u, minkejja l-emendi li saru fl-Artikolu 118 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/48 fid-dritt nazzjonali, għadu applikabbli sa llum. Skont din il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit li l-persuna ssuspettata tidher personalment huwa raġonevoli u ma jkollux impatt sinjifikanti fuq id-drittijiet tad-difiża. Essenzjalment, il-preżenza tal-persuna akkużata hija meħtieġa peress li tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu kkjarifikati l-fatti. Barra minn hekk, assenza li tippersisti fil-konklużjoni tal-investigazzjoni tagħti lok għal ostakolu tal-ġustizzja sa fejn is-smigħ u l-għoti tas-sentenza ma jkunux setgħu jseħħu. Assenza kontinwa għaldaqstant ikollha l-effett li tipparalizza l-proċeduri.

17.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif ġew interpretati mill-qrati nazzjonali, mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant il-Juzgado de Instrucción No 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirreferi d-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 47 tal-[Karta] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2013/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għas-servizzi ta’ avukat jista’ jiġi ttardjat b’mod ġustifikat jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata ma tidhirx għall-ewwel taħrika tal-qorti u fejn ikun inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali, fejn is-servizzi ta’ avukat u l-intervent tiegħu fil-proċeduri jiġu ttardjati sakemm jiġi eżegwit il-mandat u l-pulizija tressaq lill-persuna ssuspettata quddiem il-qorti?”

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri ġew sottomessi mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

19.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2013/48, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali jew prassi ġudizzjarja li tinterpreta dik id-dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha, meta l-persuna ssuspettata tonqos milli tidher meta tirċievi l-ewwel taħrika mill-qorti u jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, id-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’ jiġi ttardjat sakemm il-mandat jiġi eżegwit u l-persuna ssuspettata tidher quddiem il-qorti.

20.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju, qabel kollox, li jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/48 tapplikax għal ċirkustanzi bħal dawk tal-proċedura prinċipali (A). Sussegwentement, ser tiġi analizzata l-portata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat (B). Finalment, ser indur għad-derogi temporanji eventwali li jinsabu fid-Direttiva 2013/48 (C).

21.      Qabel ma nagħmel dan, iridu jsiru żewġ kjarifiki preliminari.

22.      L-ewwel nett, domandi mressqa minn qrati nazzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (8). Għaldaqstant, għalkemm jista’ ma jkunx immedjatament evidenti kif ċerti kwistjonijiet legali jkunu neċessarjament rilevanti fid-dawl tal-fatti kollha ta’ kawża quddiem qorti nazzjonali, sakemm, taħt ċirkustanzi pjuttost straordinarji din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tiġix ikkonfutata (9), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta in bona fide għad-domanda magħmula.

23.      It-tieni nett, meta tagħmel hekk, il-liġi nazzjonali u l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali jittieħdu bħala fatt stabbilit mill-qorti tar-rinviju, hekk kif potenzjalment ikkjarifikat ulterjorment mill-intervenjenti. F’din il-kawża, ir-regola nazzjonali inkwistjoni tidher li ġiet primarjament maħluqa mill-ġurisprudenza. Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol iżid referenzi għal ġurisprudenza iżjed reċenti tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) fuq is-suġġett (10). Filwaqt li l-Gvern Spanjol jenfasizza li skont l-interpretazzjoni tiegħu ta’ din il-ġurisprudenza, id-dewmien sabiex jingħata d-dritt ta’ aċċess għal avukat ma huwiex awtomatiku, huwa essenzjalment jikkonferma li dan id-dewmien huwa fil-fatt possibbli, iżda jikkostitwixxi limitazzjoni neċessarja u proporzjonata għad-drittijiet tad-difiża (11).

A.      L-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/48

24.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/48 hija ddefinita fl-Artikolu 2(1) tagħha kif ġej: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. […]”

25.      Fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fil-proċess, jidher li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti.

26.      L-ewwel nett, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/48, ma hemmx dubju li d-Direttiva 2013/48 hija applikabbli ratione temporis.

27.      It-tieni nett, id-Direttiva 2013/48 tapplika ratione personae. Il-konvenut huwa ċertament ikkunsidrat bħala “suspettat” għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48 quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Huwa ssuspettat li wettaq żewġ reati u, għal din ir-raġuni, huwa ġie mħarrek sabiex jidher quddiem qorti. Inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali kontra tiegħu. Jekk dan il-mandat ġiex fil-frattemp eżegwit ma huwiex rilevanti: persuni ssuspettati u akkużati huma intitolati għal avukat hekk kif “jiġu suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà.”

28.      It-tielet nett, il-kwistjoni hija l-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/48 ratione materiae. Minn naħa huwa paċifiku li l-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinvinju huma ta’ natura kriminali. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ikkonfermat li sabiex id-direttivi li jiggarantixxu standards minimi fi proċeduri kriminali (12), bħad-Direttiva 2013/48, ikunu applikabbli, ma hijiex meħtieġa dimensjoni transkonfinali fil-każ speċifiku quddiem il-qorti nazzjonali (13).

29.      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol jistaqsi jekk il-konvenut “ġiex informat mill-awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48 bil-fatt li huwa suspettat li wettaq xi reati kriminali. Fil-fatt, huwa ġie, iżjed minn darba, imħarrek uffiċjalment sabiex jidher u jagħti xhieda, assistit minn avukat. Madankollu peress li din it-taħrika tqieset li kienet mingħajr eżitu peress li l-konvenut ma setax jiġi llokalizzat, il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li l-konvenut għadu ma ġiex uffiċjalment informat bl-istatus tiegħu ta’ persuna ssuspettata mill-awtoritajiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48 ma ġewx skattati.

30.      Ma ninsabx konvint b’dan l-argument.

31.      Fil-fehma tiegħi, l-enfasi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48 huwa fuq in-natura tal-informazzjoni u mhux fuq il-mod ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. L-importanti huwa li fil-fatt kien hemm deċiżjoni uffiċjali jew pass proċedurali ieħor kif rikjest mil-liġi nazzjonali meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, indirizzat lejn il-persuna inkwistjoni, intiż li jinformah li huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala persuna ssuspettata jew akkużata. Min-naħa l-oħra din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li din l-informazzjoni tingħata b’mod speċifiku. Hija tgħid espressament li deċiżjoni bħal din, meta tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti, tista’ titwassal lil din il-persuna “b’notifika uffiċjali” iżda wkoll “b’mod ieħor”.

32.      Għaldaqstant nassumi li l-Artikolu 2(1) huwa ntiż li jilħaq bilanċ bejn, minn naħa, id-drittijiet tad-difiża tal-individwi u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu protetti l-integrità u l-effiċjenza ta’ investigazzjonijiet kriminali. Huwa għalhekk li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-Istati Membri jiggarantixxu dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat qabel mal-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeċidew li jieħdu l-pass formali li jinformaw lill-persuna ssuspettata jew akkużata bl-istatus tagħha, anki jekk ikun hemm investigazzjoni għaddejja fuq din il-persuna. Għaldaqstant, informazzjoni miksuba mill-persuna ssuspettata jew akkużata li tikkonċerna l-eżistenza ta’ investigazzjoni kriminali kontra tagħha, pereżempju, minn żvelar jew minn mezzi mhux uffiċjali, qabel kull komunikazzjoni uffiċjali magħmula mill-awtoritajiet kompetenti, ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48.

33.      Madanakollu, ladarba l-awtoritajiet ikunu aġixxew formalment, bl-intenzjoni li jinformaw lill-persuna inkwistjoni bil-fatt li qiegħda tiġi kkunsidrata bħala persuna ssuspettata jew akkużata, il-mod kif din il-persuna ssir taf b’dan il-fatt huwa ta’ rilevanza limitata għal jekk oġġettivament tkunx kisbet dan l-istatus taħt id-direttiva jew le. Pereżempju, ma narax għalfejn persuna ssuspettata li ssir taf bl-istatus tagħha mill-istampa, mit-televiżjoni jew mill-internet, wara li tkun innotat jew tkun ġiet informata b’dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula mill-awtoritajiet kompetenti u li jkunu ġew irrapportati jew meħuda minn xi waħda minn dawn il-mezzi tax-xandir, għandha tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat, anki li kieku xi notifiki formali magħmula mill-awtoritajiet lilha personali kienu mingħajr eżitu. Hemm varjetà ta’ ċirkustanzi li fihom notifika uffiċjali tista’ ma tasalx għand ir-reċipjent. Numru minn dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu wkoll ma jkunux relatati ma’ rieda min-naħa tal-persuna ssuspettata li tevadi notifika uffiċjali u l-proċeduri. F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha l-awtoritajiet kompetenti lissnu b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jikkunsidraw lill-persuna inkwistjoni bħala persuna ssuspettata jew akkużata, għalkemm din il-persuna tkun saret taf b’dan b’mezz li ma huwiex notifika uffiċjali.

34.      Dan premess, nixtieq nenfasizza li din l-interpretazzjoni tal-mument meta d-Direttiva 2013/48 tibda tapplika b’ebda mod ma tawtorizza jew tirrikjedi nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali kriminali nazzjonali fuq in-notifika ta’ dokumenti fi proċeduri kriminali, b’mod partikolari dawk li jirrelataw ma’ notifika obbligatorja ta’ dokumenti bil-miktub. Madanakollu, fid-dawl tal-varjeta’ potenzjali ta’ regoli proċedurali kriminali nazzjonali fuq dan il-punt, huwa naturali li strument ġenerali tal-Unjoni jagħżel bħala l-punt tat-tluq sitwazzjoni fattwali (meta persuna effettivament issir taf bl-istatus tagħha), u mhux osservanza ta’ rekwiżit formali taħt il-liġi nazzjonali.

35.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48 hija wkoll iżjed konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li skontha d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat ma jiddependix minn notifika uffiċjali mill-awtoritajiet, iżda jrid jiġi ggarantit mill-mument meta l-pożizzjoni ta’ persuna tiġi affettwata b’mod sinjifikanti (14).

36.      Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li (i) il-konvenut sar suspettat f’investigazzjoni kriminali, (ii) l-awtoritajiet kompetenti għamlu diversi tentattivi sabiex jinformawh bil-proċeduri, u (iii) l-ittra mill-avukat tal-konvenut waslet għand l-awtoritajiet wara li kienet inħarġet it-taħrika formali.

37.      Għalhekk jidher li bħala stat ta’ fatt il-konvenut fil-fatt sar jaf bl-investigazzjoni kriminali b’mod ieħor milli b’notifika uffiċjali. Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1), sitwazzjoni bħal din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/48.

B.      Il-portata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat

38.      Il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata issa hija jekk dispożizzjoni nazzjonali jew prassi ġudizzjarja li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, fejn il-persuna ssuspettata tonqos milli tidher meta tkun ġiet imħarrka mill-qorti u jkun inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, jittardjaw id-dritt ta’ aċċess għal avukat sakemm il-mandat jiġi eżegwit, hijiex konsistenti mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48.

39.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistipula l-prinċipju bażiku li l-persuni suspettati u akkużati “jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv” (15).

40.      Dan il-prinċipju huwa elaborat, fir-rigward tal-mument fil-proċedura li minnu għandu jingħata dan id-dritt, fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48. Skont din id-dispożizzjoni d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jingħata “mingħajr dewmien żejjed” (16). Id-dispożizzjoni tkompli billi tispeċifika li, fi kwalunkwe każ, l-aċċess għandu jingħata mill-mument l-iktar qrib minn lista ta’ erba’ avvenimenti speċifiċi.

41.      Għal dak li huwa rilevanti f’dawn il-proċeduri, huwa biżżejjed li jingħad li, skont is-subparagrafu (a) ta’ din il-lista, persuni ssuspettati u akkużati għandhom ikollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat “qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja”. Barra minn hekk, taħt is-subparagrafu (d) ta’ din il-lista, dan id-dritt irid jingħata fejn dawn il-persuni “ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti”.

42.      Jidhirli li każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ b’mod ċar taħt is-sitwazzjoni prevista fis-subparagrafu (d), jekk mhux ukoll taħt dik prevista fis-subparagrafu (a). Fil-fatt, il-konvenut ġie imħarrek biex jidher quddiem il-qorti tar-rinviju – jekk qiegħed nifhem il-liġi nazzjonali applikabbli b’mod korrett – sabiex jisma’ l-akkużi miġjuba kontrih u/jew sabiex jiġi interrogat mill-awtoritajiet. Kien preċiżament in-nuqqas tal-konvenut milli jidher minkejja t-taħrika li wassal lill-qorti tar-rinvinju sabiex tistaqsi jekk id-dispożizzjoni nazzjonali jew il-prassi ġudizzjarja inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

43.      Huwa minnu li, kif jinnota l-Gvern Spanjol, il-kontenut eżatt tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat ma huwiex iddefinit b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 2013/48 u huwa fil-maġġoranza tiegħu ggvernat mid-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jirrikjedi biss li avukati jitħallew jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet proċedurali, li ebda waħda minnhom, skont dan il-gvern, ma seħħew fil-każ tal-konvenut.

44.      Madanakollu, fir-rigward tal-fatti ta’ dan il-każ, ma narax kif taħrika sabiex persuna tidher quddiem qorti sabiex tiġi interrogata, u sussegwentement, mandat ta’ arrest, ma jaqgħux, mill-mument preċiż kif jiġu eżegwiti, taħt l-Artikolu 3(3)(b) li skontu “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna ssuspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata”. L-iskop ta’ dawn il-miżuri huwa proprju sabiex il-persuna kkonċernata tiġi interrogata.

45.      Huwa ċertament minnu li dan il-pass proċedurali partikolari ta’ interrogazzjoni quddiem il-qorti kien għadu ma seħħx meta l-qorti nazzjonali ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża ineżami. Madankollu jidher ukoll li taħt il-prassi ġudizzjarja nazzjonali huwa possibbli li l-avukat magħżul mill-persuna ssuspettata jew akkużata ma jitħalliex jidher għan-nom ta’ dik il-persuna għall-iskopijiet ta’ interrogazzjoni quddiem il-qorti (17).

46.      Fir-rigward tal-kwistjoni strutturali mqajjma mill-Gvern Spanjol, huwa improbabbli li l-lista li tinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48 tolqot b’mod ristrett u eżawrjenti l-elementi kollha tal-kunċett tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Kif inhu ndikat fil-premessi tad-Direttiva 2013/48, persuna ssuspettata u akkużata għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ “tikseb il-firxa kollha ta’ servizzi assoċjati speċifikament mal-assistenza legali” (premessa 12) u “tikkuntattja, tikkonsulta u tkun megħjuna liberament minn avukat” (premessa 27). Sussegwentement, l-avukati ta’ dawn il-persuni “għandhom ikunu jistgħu jiżguraw mingħajr restrizzjoni l-aspetti fundamentali tad-difiża” (premessa 12) (18). Dawn it-termini jirriflettu b’mod ċar dak stipulat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li skontu “kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata” (19).

47.      F’dan il-kuntest, subparagrafi (a) sa (c) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva huma pjuttost sempliċi illustrazzjoni ta’ dak li huwa ċertament kopert mid-dritt ta’ aċċess għal avukat milli lista ristretta.

48.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/48 kif proposta mill-Gvern Spanjol ma hijiex konkordanti mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Din il-qorti qalet b’mod konsistenti li l-fatt li konvenut, minkejja li jkun ġie validament imħarrek, jonqos milli jidher quddiem il-qorti, ma jistax, anki fl-assenza ta’ skuża, jiġġustifika li jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jiġi assistit minn avukat (20). Għaldaqstant interpretazzjoni bħal din mhux talli tikser il-garanzija ġenerali minima pprovduta fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, iżda wkoll tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif espressa speċifikament permezz tal-istrument legali inkwistjoni. Skont il-premessa 12, id-Direttiva 2013/48 “tibni fuq l-Artikoli 3, 5, 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretati mill-[QortiEDB], li fil-ġurisprudenza tagħha, regolarment tistabbilixxi standards dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”.

49.      Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/48, persuna ssuspettata f’sitwazzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, bħala prinċipju, tgawdi mid-dritt ta’ aċċess għal avukat. Dan premess, fadal li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2013/48 tippermettix lill-Istati Membri jidderogaw minn dawn il-garanziji f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

C.      Id-derogi temporanji

50.      L-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi għal tliet tipi ta’ ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

51.      Hija lista eżawrjenti. L-Istati Membri ma jistgħux, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal derogi minbarra dawk imsemmija fid-Direttiva 2013/48. Li kieku l-Istati Membri setgħu liberament iżidu derogi oħra, jista’ jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għal avukat stabbilit fl-Artikolu 3 jibqa’ biss kunċettwali. Fil-fatt, sa fejn id-direttiva ma tipprovdix għal kriterji, prinċipji jew limiti f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni assoluta sabiex jirriduċu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3. Minflok ma tilħaq armonizzazzjoni minima (21) id-Direttiva 2013/48 tispiċċa għalhekk tidħol fir-riskju li ġġib biss armonizzazzjoni illużorja (22).

52.      L-ebda waħda minn dawn it-tliet derogi ma tidher li hija applikabbli għall-każ inkwistjoni.

53.      L-ewwel nett huwa paċifiku li l-konvenut ma jaqax taħt is-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(5) jew fl-Artikolu 3(6)(a) tad-Direttiva 2013/48. Id-deroga tal-bidu tirrigwarda każijiet fejn “id-distanza ġeografikament ’il bogħod ta’ persuna ssuspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha”, filwaqt li l-aħħar deroga tapplika fejn “hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna”.

54.      B’mod simili, huwa improbabbli li ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jikkorrispondu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, li tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn “l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.

55.      Nibda sabiex ngħid li ma narax għalfejn azzjoni mill-awtoritajiet f’każ bħal dak tal-konvenut għandha tkun daqstant urġenti li ma tistax tiġi ttardjata taħt ebda ċirkustanza (“l-azzjoni immedjata […] tkun essenzjali”). Iżjed importanti minn hekk, ma huwiex ċar kif iċ-ċaħda ta’ persuni ssuspettati minn aċċess għal avukat sakemm ma jidhrux tista’ tikkontribwixxi biex jiġi evitat “li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.

56.      Għalkemm id-Direttiva 2013/48 ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett li l-proċeduri “jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”, hija tipprovdi xi eżempji fi premessa 32, fejn tirreferi għall-“qerda jew it-tibdil tal-evidenza essenzjali” u “interferenza max-xhieda”. Fid-dawl ta’ dawn l-eżempji, l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandu jiġi interpretat b’mod li jirrikjedi l-eżistenza ta’ riskju kredibbli li, mingħajr azzjoni urġenti, il-proċedura tkun ser tiġi kompromessa b’mod irrimedjabbli jew sinjifikanti. Madanakollu, sempliċi dewmien fil-proċedura, fih innifsu, mhux neċessarjament jinvolvi dan ir-riskju. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li proċeduri huma mfixkla u l-ispeditezza tagħhom hija mnaqqsa sakemm il-persuna ssuspettata tidher quddiem il-qorti (volontarjament jew meta l-mandat ta’ arrest jiġi eżegwit) ma jistax, fil-fehma tiegħi, jitqies li jikkostitwixxi “perikolu sostanzjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

57.      Naturalment, mhux qiegħed nissottovaluta l-importanza li proċeduri kriminali jitwettqu b’mod effettiv, b’mod li jiġi evitat dewmien żejjed u li dawn jitlestew fi żmien raġonevoli. Madankollu, dan il-prinċipju japplika għall-proċeduri kriminali kollha, u sa fejn nista’ nara jien, ma hemmx element li jiġġustifika urġenza partikolari fi proċeduri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jippermetti dewmien fid-dritt ta’ aċċess għal avukat kull darba li persuna ssuspettata jew akkużata tfixkel il-progress mgħaġġel tal-proċeduri. Dan ikun ikabbar b’mod sinjifikanti l-portata tad-derogi, b’mod li jmur kontra l-formulazzjoni u l-għan tad-dispożizzjoni.

58.      Il-“perikolu sostanzjali” lanqas ma jista’ jiġi identifikat fil-fatt, issuġġerit mill-Gvern Spanjol, li l-preżenza tal-persuna ssuspettata quddiem il-qorti tar-rinvinju tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu kkjarifikati l-fatti. Għandu jitfakkar li persuna ssuspettata jew akkużata tgawdi d-dritt li tibqa’ siekta u li ma tinkriminax ruħha (23). Barra minn hekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom obbligu li jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenut jiġu informati minnufih, inter alia, bid-dritt tagħhom li jibqgħu siekta (24).

59.      F’dan l-isfond, ninsab kemxejn konfuż bl-argument ċentrali tal-Gvern Spanjol. Minn naħa, dan il-gvern jgħid li d-dewmien fl-għoti ta’ aċċess għal avukat huwa neċessarju għall-ispeditezza ta’ proċeduri kriminali peress li jista’ jkun hemm bżonn kruċjali li jinkisbu stqarrijiet mill-persuna inkwistjoni u/jew kjarifika potenzjali tal-fatti. Min-naħa l-oħra, anki jekk tiġi mġiegħla li tidher, din il-persuna ma hijiex obbligata tgħid kelma u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformawha b’dan anki fl-assenza tal-avukat tagħha.

60.      F’dan l-istadju, l-għan iddikjarat ta’ prassi ġudizzjarja nazzjonali bħal din ma jibqax jixbah xi ħaġa kruċjali fit-twettiq (normali) ta’ proċeduri kriminali (normali). B’mod dirett, dan il-għan jibda jidher pjuttost bħala “għodda ta’ skambju” sabiex il-persuna ssuspettata tiġi obbligata tidher quddiem il-qorti jew bħala “inċentiv” għal persuni ssuspettati li jikkooperaw.

61.      Fil-fehma tiegħi, din il-loġika tkun inkonsistenti mhux biss mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li ġew analizzati iktar ’il fuq, iżda wkoll mad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48 tal-Karta (id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, u l-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, rispettivament) (25). Ċertament mhux qiegħed niċħad ir-rilevanza tal-prinċipju ġenerali morali “tagħtix gallettini lil nies ħżiena”. Il-kwistjoni madanakollu hija li l-għoti tal-gallettina speċifika inkwistjoni f’din il-kawża ma hijiex negozjabbli fid-dawl tal-kliem ċar użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva u tad-drittijiet tal-Karta li għadhom kif issemmew.

62.      Barra minn hekk, nenfasizza li d-derogi pprovduti fid-Direttiva 2013/48 iridu jiġu interpretati b’mod strett. Dan il-prinċipju joħroġ mill-premessa 38 li skontha l-Istati Membri għandhom jagħmlu “użu ristrett” mid-derogi temporanji. Dan joħroġ ċar ħafna wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) u (6), li skontu dawn id-derogi jistgħu jiġu applikati biss f’“ċirkostanzi eċċezzjonali” (26). Għandi dubji serji kemm il-fatt li persuna ssuspettata naqset milli jidher quddiem qorti minkejja li ġiet imħarrka jista’ jitqies li jagħti lok għal “ċirkostanzi eċċezzjonali”.

63.      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/48 jirrikjedi li deroga temporanja, inter alia, “għandha tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju”, “għandha tkun strettament limitata biż-żmien” u “ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti” (27). Anki li kieku miżura bħal dik fil-kawża prinċipali kellha tiġi kkunsidrata bħala permissibbli taħt Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, quod non, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif ser tissodisfa dawn it-tliet kriterji kollha.

64.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ebda waħda mid-derogi temporanji previsti fid-Direttiva 2013/48 ma hija applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li, kif jinnota l-Gvern Spanjol, id-deroga inkwistjoni ma tiġix applikata b’mod awtomatiku iżda fuq bażi ta’ każ b’każ ma jbiddilx il-fatt li, prima facie, din id-deroga ma tikkorrispondi ma’ ebda deroga inkluża fid-Direttiva 2013/48. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċertu każijiet partikolari li għalihom tiġi applikata d-dispożizzjoni nazzjonali jew il-prassi ġudizzjarja huma każijiet partikolarment serji u urġenti li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, xorta jibqa’ l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħha, kif muri permezz tal-kawża inkwistjoni, ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-ittra u l-ispirtu tad-Direttiva 2013/48.

65.      Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena tal-fehma li, taħt id-Direttiva 2013/48, id-dritt ta’ aċċess għal avukat ma jistax jiġi ttardjat sa meta mandat ta’ arrest jiġi esegwit u l-persuna ssuspettata titressaq quddiem qorti minħabba li l-persuna ssuspettata naqset milli tidher meta ġiet imħarrka minn qorti.

V.      Konklużjoni

66.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de Instrucción No 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4, Badalona, Spanja):

–        L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali jew prassi ġudizzjarja li skontha, fejn persuna ssuspettata tonqos milli jidher meta tirċievi l-ewwel taħrika tal-qorti u jinħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, id-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’ jiġi ttardjat sakemm jiġi eżegwit il-mandat u l-persuna ssuspettata tidher quddiem il-qorti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, pereżempju, Timberlake, E. W., “Origin and Development of Advocacy as a Profession”, Virginia Law Review, Vol. 9, Nru 1, 1922, p. 25 sa 40.


3      Summers, S. J., Fair Trials: The European Criminal Procedural Tradition and the European Court of Human Rights, Hart Publishing, Oxford, 2007, b’mod partikolari p. 61 sa 96.


4      Pereżempju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), “id-dritt ta’ kull persuna akkużata b’reat kriminali li tkun effettivament difiża minn avukat […] huwa wieħed mill-karatteristiċi fundamentali ta’ smigħ xieraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti EdB tat‑13 ta’ Ottubru 2009, Dayanan vs It-Turkija (CE:ECHR:2009:1013JUD000737703, punt 30), u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Doyle vs L-Irlanda (CE:ECHR:2019:0523JUD005197917, punt 67).


5      Adottata fis‑16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 999, p. 171).


6      ĠU 2013, L 294, p. 1.


7      ES:TC:1984:87.


8      Ara, reċentement, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, pereżempju, id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, Eli Lilly and Company (C‑239/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:687).


10      Sentenzi Nru 149/1986 tas‑26 ta’ Novembru 1986 (ES:TC:1986:149); Nru 198/2003 tal‑10 ta’ Novembru 2003 (ES:TC:2003:198); Nru 132/2011 tat‑18 ta’ Lulju 2011 (ES:TC:2011:132); u Nru 24/2018 tal‑5 ta’ Marzu 2018 (ES:TC:2018:24).


11      Fejn b’hekk indirettament jikkonferma d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju (iktar ’il fuq, fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet) fis-sens li għalkemm il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ġie emendat fis-sena 2015, milli jidher il-prassi ġudizzjarja ma nbidlitx.


12      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentament ikkonfermat dan il-punt fir-rigward tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 29 sa 37), li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha għandhom essenzjalment l-istess formulazzjoni bħad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2013/48.


13      Għal spjegazzjoni tal-istrumenti in kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Moro (C‑646/17, EU:C:2019:95, punti 27 sa 54).


14      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2009,  Shabelnik vs L-Ukraina (CE:ECHR:2009:0219JUD001640403, punt 57), u tat‑18 ta’ Frar 2010, Zaichenko vs Ir-Russja (CE:ECHR:2010:0218JUD003966002, punt 42).


15      Enfasi miżjuda.


16      Din l-espressjoni hija wkoll inkluża fil-premessa 19 tad-Direttiva 2013/48.


17      Ikolli nammetti li dan huwa element ieħor tal-każ ineżami li ma huwiex ċar, b’mod speċifiku għalfejn imħallef, imħasseb dwar l-effiċjenza u l-ispeditezza tal-proċeduri, ma setax sempliċement japprova l-bidla fir-rappreżentanza legali hekk kif il-persuna mħarrka tidher fil-qorti assistita b’avukat differenti tal-għażla tagħha. F’dan is-sens għandu jitqies li, skont l-Artikolu 6(3)(c) tal-QEDB,persuna akkużata għandu jkollha d-dritt li tiddefendi lilha nnifisha “permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess”. Madankollu, jista’ wkoll jiġi ssuġġerit li, b’mod ġenerali, hemm atti proċedurali li avukat jista’ jwettaq għan-nom tal-klijent tiegħu anki qabel ma l-klijent tiegħu jidher personalment sabiex jiġi interrogat (bħal jispezzjona l-proċess, jikkomunika u jikkonsulta mal-klijent jew ikun preżenti għal kull att proċedurali ieħor li jista’ jseħħ f’dan l-istadju).


18      Enfasi miżjuda.


19      Enfasi miżjuda.


20      Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 1994, Pelladoah vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1994:0922JUD001673790, punt 40), u tal‑21 ta’ Jannar 1999, Van Geyseghem vs Il-Belġju (CE:ECHR:1999:0121JUD002610395, punt 34).


21      Ara l-premessa 8 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/48.


22      In-natura eżawrjenti tal-lista hija wkoll ikkonfermata mill-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva (għal espożizzjoni ara Cras, S., “The Directive on the Right of Access to a Lawyer in Criminal Proceedings and in European Arrest Warrant Proceedings”, Eucrim, l-ewwel ħarġa, 2014, p. 40-41) kif issuġġerit mill-istudji legali (ara, pereżempju, Flore, D., Droit Pénal Européen, it-tieni edizzjoni, Larcier, Brussell, 2014, p. 404, Klip, A., European Criminal Law – An Integrative Approach, it-tielet edizzjoni, Intersentia, Cambridge, 2016, p. 263), u Covolo, V. “Judicial protection of the right to access a lawyer in the Member States”, f’ Allegrezza, S., Covolo, V. (edituri), “Effective Defence Rights in Criminal Proceedings”, Wolters Kluwer/CEDAM, Milan, 2018, p. 487 sa 493).


23      Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2013/48. Ara wkoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016 L 65, p. 1).


24      Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13.


25      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 12, id-Direttiva 2013/48 “tippromwovi l-applikazzjoni tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 4, 6, 7, 47 u 48 tagħha”. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 37).


26      Dan il-kriterju jinsab ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Skont ġurisprudenza ferm stabbilita ta’ din il-qorti, id-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’ jiġi llimitat biss għal “raġunijiet konvinċenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It-Turkija (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 55). Reċentement, il-Qorti EDB għamiltha ċara li l-“kriterju tar-raġunijiet konvinċenti huwa wieħed strett: meta wieħed jikkunsidra n-natura fundamentali u l-importanza ta’ aċċess bikri għal parir legali [...] restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal parir legali huma permissibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali [...]”. Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 258). Enfasi miżjuda.


27      Ara wkoll il-premessa 38 tad-Direttiva 2013/48.