Language of document : ECLI:EU:C:2019:956

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Persuni li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 20(4) u (5) – Ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew aġir partikolarment vjolenti – Portata tad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli – Minuri mhux akkumpanjat – Limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”

Fil-Kawża C‑233/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Zubair Haqbin

vs

Federaal Agentschap voor de opvang van asielzoekers,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras (Relatur), M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Z. Haqbin, minn B. Dhont u K. Verstrepen, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul, C. Pochet u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn S. Ishaque u A. Detheux, advocaten,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju, bħala aġent, assistita minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zubair Haqbin u l-Federaal Agentschap voor de opvang van asielzoekers (l-Aġenzija Federali għall-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil, il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“Fedasil”) dwar talba għad-danni mressqa minn Z. Haqbin kontra l-Fedasil, wara żewġ deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar li eskludietu temporanjament mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2013/33

3        Konformement mal-Artikolu 32 tagħha, id-Direttiva 2013/33 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil [fl-Istati Membri] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101) fil-konfront tal-Istati Membri marbuta biha.

4        Il-premessi 7, 25 u 35 tad-Direttiva 2013/33 huma redatti kif ġej:

“(7)      Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti tad-Direttiva [2003/9] bil-ħsieb li jiġi żgurat titjib fl-akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (‘applikanti’).

[…]

(25)      Il-possibilità ta’ abbuż tas-sistemi ta’ akkoljenza għandha tkun ristretta billi jkunu speċifikati ċ-ċirkustanzi fejn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali għall-applikanti jistgħu jkunu ridotti jew tali akkoljenza rtirata filwaqt li fl-istess ħin għandu jkun żgurat standard ta’ ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

[…]

(35)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 4, 6, 7, 18, 21, 24 u 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali] u trid tiġi implimentata b’dan il-mod”.

5        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2013/33 għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti fl-Istati Membri.

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d)      ‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta’ 18‑il sena;

e)      ‘minorenni mhux akkompanjati’ tfisser minorenni li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkompanjat minn adult responsabbli għalih/għaliha kemm jekk bil-liġi jew bi prattika tal-Istat Membru kkonċernat u għaż-żmien sakemm ma jittiħdux effettivament fir-responsabbiltà ta’ persuna tali; din tinkludi persuna minorenni li titħalla mhux akkompanjata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

f)      ‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza’ tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lill-tal-applikanti skont din id-Direttiva;

g)      ‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]

i)      ‘ċentru ta’ akkomodazzjoni’ tfisser kull post użat għall-akkomodazzjoni kollettiva tal-applikanti;

[…]”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Detenzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

e)      meta l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubblika jeħtieġu hekk;

[…]”

8        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-titolu “Tagħlim u edukazzjoni tal-minorenni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ulied minorenni tal-applikanti u lil applikanti minorenni aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu sakemm ma tkunx tabilħaqq infurzata miżura ta’ tkeċċija kontra tagħhom jew il-ġenituri tagħhom. Edukazzjoni bħal din tista’ tkun ipprovduta f’ċentri ta’ akkomodazzjoni.

L-Istati Membri kkonċernati jistgħu jistipulaw li tali aċċess għandu jkun ristrett għas-sistema edukattiva Statali.

L-Istati Membri m’għandhomx jirtiraw edukazzjoni sekondarja għall-unika raġuni li l-minorenni laħaq l-età maġġoritarja.

2.      L-aċċess għas-sistema edukattiva m’għandux ikun pospost għal iktar minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata mill-minorenni jew f’ismu/isimha.

Klassijiet preparatorji, inklużi lezzjonijiet tal-lingwa, għandhom jiġu pprovduti lill-minorenni fejn dan hu meħtieġ sabiex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom għas-sistema ta’ edukazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1.

3.      Fejn aċċess għas-sistema ta’ edukazzjoni kif iddikjarat fil-paragrafu 1 mhux possibbli minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-minorenni, l-Istat Membru kkonfeċernat għandu joffri arranġamenti edukattivi oħra skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tiegħu.”

9        L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja jkun issodisfat fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, skont l-Artikolu 21, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni li huma f’detenzjoni.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.

4.      L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-applikanti biex ikopru jew jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u għall-kura tas-saħħa li tipprovdi għalihom din id-Direttiva, skont id-dispożizzjoni tal-paragrafu 3, jekk l-applikanti għandhom riżorsi suffiċjenti, pereżempju jekk kienu qegħdin jaħdmu għal perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Jekk jinstab li applikant kellu mezzi suffiċjenti biex ikopri kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u kura tas-saħħa fiż-żmien li dawk il-ħtiġiet bażiċi kienu qegħdin ikunu koperti, l-Istati Membri jistgħu jitolbu rimborż mingħand l-applikant.”

10      L-Artikolu 18 tal-istess direttiva huwa intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” u jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

a)      binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ssir fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu;

b)      ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

c)      djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jiġu addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.”

11      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, li huwa l-unika dispożizzjoni tal-Kapitolu III tagħha, huwa intitolat “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant:

a)      jabbanduna l-post ta’ residenza ddeterminat mill-awtorità kompetenti mingħajr ma jinformaha jew, jekk dan ikun mitlub, mingħajr permess; jew

b)      ma jikkonformax ruħu ma’ doveri ta’ rrapportar jew ma’ talbiet biex jipprovdi informazzjoni jew jidher għal intervisti personali dwar il-proċedura tal-asil matul perjodu raġonevoli stipulat fil-liġi nazzjonali, jew

c)      ikun iddepożita applikazzjoni sussegwenti kif definit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas ‑ 26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)].

Rigward il-każijiet (a) u (b), meta l-applikant jinstab jew jirrapporta volontarjament lill-awtorità kompetenti, għandha tittieħed deċiżjoni mmotivata kif xieraq, ibbażata fuq ir-raġunijiet tal-għajbien, dwar installazzjoni mill-ġdid tal-għotja ta’ xi wħud minn jew tal-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza irtirati jew imnaqqsa kollha.

2.      L-Istati Membri jistgħu wkoll inaqqsu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jkunu jistgħu jistabbilixxu li l-applikant, għall-ebda raġuni ġustifikabbli, ma jkunx iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattiku wara l-wasla f’dak l-Istat Membru.

3.      L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew jirtiraw il-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant ikun ħeba riżorsi finanzjarji u għalhekk ikun ibbenefika minn kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza indebitament.

4.      L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw sanzjonijiet applikabbli għal ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll għal imġiba serjament vjolenti.

5.      Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni koperti bl-Artikolu 21, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma jkunux irtirati jew imnaqqsa qabel ma tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 5.”

12      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Il-prinċipju ġenerali”, jipprevedi li, fid-dritt nazzjonali tagħhom li jittrasponi din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-persuni vulnerabbli, b’mod partikolari tal-minuri u tal-minuri mhux akkumpanjati.

13      L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Evalwazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza ta’ persuni vulnerabbli”, jipprovdi, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.      […]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ mogħti lill-applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza skont din id-Direttiva jieħu kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tagħhom matul il-proċedura tal-asil u għandhom jipprovdu għall-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni tagħhom.

[…]

3.      Huma biss il-persuni vulnerabbli skont l-Artikolu 21 li jistgħu jitqiesu li għandhom bżonnijiet speċjali u b’hekk jibbenefikaw mill-appoġġ speċifiku mogħti skont din id-Direttiva.”

14      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/33, iddedikat għall-minuri, jiddikjara:

“1.      L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jinvolvu minorenni. […]

2.      Meta jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari dawn il-fatturi li ġejjin:

[…]

b)      il-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minorenni, billi titqies b’mod partikolari l-oriġini tal-minorenni;

c)      konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza, b’mod partikolari fejn hemm riskju li t-tfal ikunu vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin;

[…]”

15      L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, li huwa ddedikat għall-minuri mhux akkumpanjati, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Minorenni mhux akkumpanjati li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom, mill-mument li jkunu ammessi fit-territorju sal-mument li huma obbligati jħallu l-Istat Membru li fih tkun saret jew fejn tkun qiegħda tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jitqiegħdu:

[…]

c)      f’ċentri ta’ akkomodazzjoni bi provvedimenti speċjali għall-minorenni;

d)      f’akkomodazzjoni oħra addattata għall-minorenni.

[…]”

 Id-Direttiva 2013/32

16      “[A]pplikazzjoni sussegwenti” hija ddefinita, fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida mressqa wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inkluż il-każ fejn l-applikant ikun irtira l-applikazzjoni tiegħu b’mod espliċitu u l-każ fejn l-awtorità determinanti tkun ċaħdet applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tagħha, konformement mal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva.

 Id-dritt Belġjan

17      L-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza tal-Applikanti għal Ażil u ta’ Ċerti Kategoriji ta’ Barranin Oħrajn tat‑12 ta’ Jannar 2007 (Moniteur belge tas‑7 ta’ Mejju 2007, p. 24027), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Akkoljenza”), kien jipprovdi:

“Il-benefiċjarju tal-akkoljenza jista’ jiġi suġġett għal sanzjoni f’każ ta’ ksur gravi tas-sistema u r-regoli ta’ funzjonament applikabbli għall-istrutturi ta’ akkoljenza msemmija fl-Artikolu 19. Meta tiġi imposta sanzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-importanza tal-ksur, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom twettaq il-ksur.

Jistgħu jiġu imposti biss is-sanzjonijiet li ġejjin:

[…]

7°      l-esklużjoni temporanja tal-benefiċċju tal-għajnuna materjali fi struttura ta’ akkoljenza għal tul massimu ta’ xahar.

Is-sanzjonijiet jiġu imposti mid-direttur jew mill-persuna responsabbli għall-istruttura ta’ akkoljenza. Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) għandha tiġi kkonfermata mid-direttur ġenerali tal-[Fedasil] f’terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol b’effett mill-adozzjoni tas-sanzjoni mid-direttur jew mill-persuna responsabbli għall-istruttura ta’ akkoljenza. F’każ ta’ nuqqas ta’ konferma f’dan it-terminu, is-sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja titneħħa awtomatikament.

Is-sanzjonijiet jistgħu jitnaqqsu jew jitneħħew matul it-twettiq tagħhom mill-awtorità li tkun imponiethom.

Id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni għandha tittieħed b’mod oġġettiv u imparzjali u tkun immotivata.

Bla ħsara għas-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7), l-implimentazzjoni ta’ sanzjoni fl-ebda każ ma tista’ twassal għat-tneħħija totali tal-għajnuna materjali mogħtija skont din il-liġi, u lanqas għat-tnaqqis tal-aċċess għall-assistenza medika. Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) twassal sabiex din il-persuna ma tkun tista’ tibbenefika mill-ebda forma ta’ akkoljenza ħlief l-aċċess għall-assistenza medika, kif previst fl-Artikoli 24 u 25 tal-[Liġi dwar l-Akkoljenza].

Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu 2(7) tista’ tiġi imposta biss f’każ ta’ ksur gravi ħafna tar-regoli interni tal-istruttura ta’ akkoljenza, b’tali mod li jitpoġġew f’perikolu l-persunal jew ir-residenti l-oħrajn tal-istruttura ta’ akkoljenza jew li jinħolqu riskji manifesti għas-sigurtà jew l-osservanza tal-ordni pubbliku fl-istruttura ta’ akkoljenza.

Il-persuna fil-mira tas-sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja għandha tinstema’ qabel ma din tiġi imposta fuqha.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Z. Haqbin, ta’ nazzjonalità Afgana, wasal il-Belġju bħala minuri mhux akkumpanjat u fit‑23 ta’ Diċembru 2015 ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Inħatar “tutur” responsabbli għalih u ntlaqa’ suċċessivament fiċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ Sugny u ta’ Broechem. F’dan l-aħħar ċentru huwa kien involut, fit‑18 ta’ April 2016, fi ġlieda bejn residenti ta’ oriġini etniċi diversi. Il-pulizija kellha tintervjeni sabiex ittemm din il-ġlieda u arrestat lil Z. Haqbin minħabba li huwa kien wieħed mill-provokaturi tagħha. L-għada Z. Haqbin ġie lliberat.

19      B’deċiżjoni tad-Direttur taċ-Ċentru ta’ Akkoljenza ta’ Broechem tad‑19 ta’ April 2016, ikkonfermata b’deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Fedasil tal‑21 ta’ April 2016, Z. Haqbin ġie eskluż, għal perijodu ta’ ħmistax‑il jum, mill-benefiċċju tal-għajnuna materjali fi struttura ta’ akkoljenza konformement mal-paragrafu 2(7) tal-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Akkoljenza.

20      Skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess u dawk tat-tutur tiegħu, Z. Haqbin għadda l-iljieli mid‑19 sal‑21 ta’ April u mill‑24 ta’ April sal‑1 ta’ Mejju 2016 f’park fi Brussell u l-iljieli l-oħra għand ħbieb jew konoxxenzi.

21      Fil‑25 ta’ April 2016, it-tutur ta’ Z. Haqbin ressaq talba quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (il-Qorti Industrijali ta’ Antwerpen, il-Belġju) għas-sospensjoni tal-miżura ta’ esklużjoni imposta mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. Din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li ma kinitx ta’ urġenza estrema, minħabba li Z. Haqbin naqas milli juri li ma kellux saqaf fuq rasu.

22      Mill‑4 ta’ Mejju 2016, Z. Haqbin ġie assenjat għal ċentru ta’ akkoljenza differenti.

23      It-tutur ta’ Z. Haqbin ippreżenta rikors quddiem in-Nederlandstalige arbeidsrechtbank te Brussel (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), bl-għan li jikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet tad‑19 u tal‑21 ta’ April 2016 u l-kumpens għad-dannu mġarrab. Permezz ta’ sentenza ta’ din il-qorti tal‑21 ta’ Frar 2017 dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat.

24      Fis‑27 ta’ Marzu 2017 it-tutur ta’ Z. Haqbin appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju). Fil‑11 ta’ Diċembru 2017, Z. Haqbin, li sadanittant sar maġġorenni, ħa l-kawża f’ismu stess.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33 iqajjem problema ta’ interpretazzjoni. Hija tirrileva li l-kumitat ta’ kuntatt, stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea sabiex jassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33, indika, waqt laqgħa tat‑12 ta’ Settembru 2013, li, fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva jkopri tipi oħra ta’ sanzjonijiet minbarra miżuri li jinvolvu limitazzjoni jew irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. Fil-fehma ta’ dan il-kumitat, din l-interpretazzjoni tirriżulta min-natura eżawrjenti tal-motivi, elenkati fl-Artikolu 20(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, li jiġġustifikaw il-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. Madankollu, fl-opinjoni li ħareġ fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tal-Liġi tas‑6 ta’ Lulju 2016 li temenda l-Liġi dwar l-Akkoljenza (Moniteur belge tal‑5 ta’ Awwissu 2016, p. 47647), adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2013/33, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) qies li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33 ma hijiex l-unika waħda possibbli fid-dawl tar-redazzjoni u tal-artikolazzjoni tal-paragrafi 4 sa 6 ta’ dan l-artikolu.

26      Skont il-qorti tar-rinviju, it-tweġiba li għandha tingħata għall-kwistjoni ta’ interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha, peress li, kieku l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33 kellu jiġi interpretat fis-sens li esklużjoni mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza hija possibbli biss fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u mhux fil-kuntest ta’ miżura ta’ sanzjoni meħuda skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, dan il-fatt ikun biżżejjed sabiex jiġi deċiż li d-deċiżjonijiet tad‑19 u tal‑21 ta’ April 2016 huma vvizzjati b’illegalità u li l-Fedasil wettqet nuqqas billi imponiet sanzjoni li tmur kontra l-liġi.

27      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni konkreta tal-obbligu li jiġi żgurat livell tal-għajxien dinjituż għall-applikanti kollha, imposta fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 20(5) u (6) tad-Direttiva 2013/33, ukoll tqajjem mistoqsijiet. F’dan ir-rigward, hija tindika, b’mod partikolari, li mix-xogħol preparatorju tal-Liġi tas‑6 ta’ Lulju 2016 li temenda l-Liġi dwar l-Akkoljenza, imsemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, u b’mod iktar partikolari mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi, jirriżulta li, skont il-Ministri kompetenti, l-għan tad-Direttiva 2013/33 jista’ jitwettaq permezz tal-possibbiltà li għandhom l-applikanti, esklużi temporanjament jew definittivament mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, li jmorru għand wieħed miċ-ċentri privati għall-persuni mingħajr saqaf fuq rashom, li l-lista tagħhom tkun ġiet ikkomunikata lilhom.

28      Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi żgurat livell tal-għajxien dinjituż lill-applikanti, l-awtorità pubblika responsabbli mill-akkoljenza tagħhom għandhiex tkun ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li applikant għal ażil li ġie eskluż mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza minħabba sanzjoni jkollu madankollu livell tal-għajxien dinjituż jew jekk din l-awtorità tistax tillimita ruħha li toqgħod fuq l-assistenza privata u tintervjeni biss jekk din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura tali livell tal-għajxien għall-persuna kkonċernata.

29      Fl-aħħar nett, li kieku kellu jitqies li s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 jistgħu jieħdu l-forma ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali sanzjonijiet jistgħux jiġu imposti fuq minuri, b’mod partikolari fuq minuri mhux akkumpanjat.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-arbeidshof te Brussel (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva [2013/33] għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina b’mod eżawrjenti l-każijiet fejn il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jista’ jiġi limitat jew irtirat? Jew mill-Artikolu 20(4) u (5) [ta’ din id-direttiva] jirriżulta li d-dritt għall-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jista’ wkoll jiġi rtirat bħala sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur serju tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkoljenza [akkomodazzjoni] kif ukoll fil-każ ta’ aġir partikolarment vjolenti?

2)      L-Artikolu 20(5) u (6) [tal-imsemmija direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma jiġu imposti sanzjonijiet jew qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-limitazzjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza u fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw, matul il-perijodu tal-esklużjoni, id-dritt għal livell ta’ għajxien deċenti? Jew huwa possibbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati billi jiġi vverifikat, wara d-deċiżjoni li tillimita jew tirtira l-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, jekk il-persuna suġġetta għad-deċiżjoni tgawdix minn livell ta’ għajxien deċenti u, jekk ikun il-każ, billi jiġu adottati miżuri korrettivi f’dak il-mument?

3)      L-Artikolu 20(4), (5) u (6) [tal-istess direttiva] flimkien mal-Artikoli 14, 21, 22, 23 u 24 [tagħha] u mal-Artikoli 1, 3, 4 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura jew sanzjoni ta’ esklużjoni temporanja (jew definittiva) mid-dritt għall-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza tista’ tittieħed kontra minuri u, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jipprevedi, fost is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq applikant f’każ ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ aġir partikolarment vjolenti, l-irtirar jew il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, fis-sens tal-Artikolu 2(f) u (g) ta’ din id-direttiva u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi imposta tali sanzjoni, b’mod partikolari meta din tkun tirrigwarda minuri u, b’mod iktar partikolari, minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 2(d) u (e).

32      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2013/33, l-espressjoni “kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza” tfisser il-miżuri kollha meħuda mill-Istati Membri konformement ma’ din id-direttiva favur l-applikanti u li jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ħwejjeġ, ipprovduti in natura jew fil-forma ta’ allowance finanzjarja jew ta’ vouchers, jew billi jiġu kkombinati dawn it-tliet formuli, kif ukoll allowance ta’ kuljum.

33      Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li l-miżuri adottati għal dawn il-finijiet jiżguraw lill-applikanti livell tal-għajxien adegwat li jiżgura l-għajxien tagħhom u jipproteġi s-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali tagħhom.

34      Fil-każ ta’ “persuni vulnerabbli”, fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, li minnhom jagħmlu parti l-minuri mhux akkumpanjati bħal Z. Haqbin fil-mument meta dan kien is-suġġett tas-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li tali livell tal-għajxein jiġi “issodisfat”.

35      Madankollu, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ma huwiex assolut. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/33, li jinsab taħt il-Kapitolu III tagħha, li t-tnejn li huma huma intitolati “Tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, iċ-ċirkustanzi li fihom il-benefiċċju ta’ tali kundizzjonijiet jista’ jiġi limitat jew irtirat.

36      Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-ewwel tliet paragrafi ta’ dan l-artikolu jirreferu espressament għall-“kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”.

37      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta applikant jabbanduna l-post ta’ residenza li jkun ingħatalu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr awtorizzazzjoni jew mingħajr ma jinformaha, ma josservax l-obbligu li jippreżenta ruħu lill-awtoritajiet, ma jissodisfax it-talbiet għal informazzjoni jew ma jidhirx għal intervisti personali dwar il-proċedura tal-ażil, jew iressaq “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32.

38      L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi li l-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jistgħu jiġu limitati meta jiġi kkonfermat li l-applikant, mingħajr raġuni valida, ma jkunx ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali malli jkun jista’ raġonevolment jagħmel dan wara l-wasla tiegħu fl-Istat Membru.

39      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jirtiraw il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza meta applikant ikun ħeba r-riżorsi finanzjarji tiegħu u għalhekk ikun ibbenefika b’mod indebitu minn dawn il-kundizzjonijiet.

40      L-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw is-“sanzjonijiet” applikabbli fil-każ ta’ ksur gravi mill-applikant tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew ta’ aġir partikolarment vjolenti min-naħa tiegħu.

41      Fl-assenza ta’ definizzjoni, fid-Direttiva 2013/33, tal-kunċett ta’ “sanzjoni” imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20(4) tagħha u fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni fir-rigward tan-natura tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq applikant taħt din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet.

42      Peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33 ma tippermettix, fiha nnifisha, li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hekk kif ġew ifformulati mill-ġdid fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jitqies il-kuntest tagħha, l-istruttura ġenerali u l-iskop ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk “sanzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, tistax tirreferi għall-“kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li miżura li tillimita jew li tirtira l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza għall-applikant minħabba ksur tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew aġir partikolarment vjolenti tikkostitwixxi, fid-dawl tal-iskop tagħha u tal-konsegwenzi negattivi tagħha għal dan l-applikant, “sanzjoni” skont it-tifsira komuni tal-kelma u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni tinsab taħt il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, li huwa ddedikat għal-limitazzjoni u għall-irtirar tal-benefiċċju ta’ tali kundizzjonijiet. Minn dan isegwi li s-sanzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jistgħu, bħala prinċipju, jirrigwardaw il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza.

44      Huwa minnu li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw jew li jirtiraw, skont il-każ, il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza hija prevista espressament biss fl-Artikolu 20(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/33, li essenzjalment jirrigwardaw, kif jirriżulta mill-premessa 25 ta’ din id-direttiva, ipoteżijiet ikkaratterizzati minn riskju ta’ abbuż, min-naħa tal-applikanti, tas-sistema ta’ akkoljenza stabbilita mill-imsemmija direttiva. Madankollu, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu ma jeskludix espressament li sanzjoni tista’ tirrigwarda l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza. Barra minn hekk, kif sostniet b’mod partikolari l-Kummissjoni, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jieħdu miżuri li jirrigwardaw dawn il-kundizzjonijiet sabiex jipproteġu ruħhom minn riskju ta’ abbuż tas-sistema ta’ akkoljenza, huma għandu, bl-istess mod, ikollhom din il-possibbiltà f’każ ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni jew ta’ aġir partikolarment vjolenti peress li tali atti jistgħu, fil-fatt, ifixklu l-ordni pubbliku kif ukoll is-sigurtà tal-persuni u tal-oġġetti.

45      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33, kull sanzjoni, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, għandha tkun oġġettiva, imparzjali, motivata u proporzjonata għas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant u għandu, f’kull ċirkustanza, jinżamm l-aċċess tiegħu għall-kura medika kif ukoll livell tal-għajxien dinjituż.

46      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit dwar il-preservazzjoni tad-dinjità tal-livell tal-għajxien, mill-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem u sabiex jiffavorixxi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u konsegwentement għandu jiġi implimentat. F’dan ir-rigward, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, fis-sens ta’ dan l-artikolu, jeżiġi li l-persuna kkonċernata ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma dawk li jkollha fejn tgħix, li tiekol, li jkollha x’tilbes u li tinħasel, u li b’hekk iddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tqegħedha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli ma’ din id-dinjità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Issa, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni li, fuq is-sempliċi bażi ta’ motiv imsemmi fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, tikkonsisti fl-irtirar, anki jekk b’mod temporanju, tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza kollha jew tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza relatati mal-akkomodazzjoni, mal-ikel jew mal-ħwejjeġ ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-obbligu, li jirriżulta mit-tielet sentenza tal-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, li jiġi żgurat livell tal-għajxien dinjituż għall-applikant, peress li dan iċaħħad lil dan tal-aħħar mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu, kif ippreċiżati fil-punt preċedenti.

48      Barra minn hekk, tali sanzjoni twassal sabiex jiġi injorat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità li jinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33, peress li s-sanzjonijiet l-iktar severi intiżi sabiex jissanzjonaw, fil-qasam kriminali, il-ksur jew l-aġir imsemmija fl-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva ma jistgħux iċaħħdu lill-applikant mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu.

49      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-applikant li minħabba sanzjoni huwa eskluż minn ċentru ta’ akkomodazzjoni fil-Belġju jingħata, fil-mument meta tiġi imposta fuqu din is-sanzjoni, lista ta’ ċentri privati għall-persuni mingħajr saqaf fuq rashom li jistgħu jilqgħuh. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jistgħux jillimitaw ruħhom li jagħtu lil applikant, eskluż minn ċentru ta’ akkomodazzjoni wara sanzjoni li ġiet imposta fuqu, lista ta’ strutturi ta’ akkoljenza fejn huwa jkun jista’ jmur sabiex jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza ekwivalenti għal dawk li jkunu ġew irtirati.

50      Għall-kuntrarju, minn naħa, l-obbligu li jiġi żgurat livell tal-għajxien dinjituż, previst fl-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/33, jobbliga lill-Istati Membri, minħabba l-użu tal-verb “żgura”, li jiżguraw tali livell tal-għajxien b’mod permanenti u mingħajr interruzzjoni. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jkun tali li jiggarantixxi tali livell tal-għajxien għandu jiġi żgurat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’mod sorveljat u taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, inkluż meta jirrikorru, jekk ikun il-każ, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi privati sabiex jimplimentaw, taħt l-awtorità tagħhom, tali obbligu.

51      Fir-rigward ta’ sanzjoni li tikkonsisti, abbażi ta’ motiv imsemmi fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, fil-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, inkluż li jiġi rtirat jew li jiġi limitat il-benefiċċju tal-allowance ta’ kuljum, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiżguraw f’kull ċirkustanza li, konformement mal-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, tali sanzjoni tkun, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma tippreġudikax id-dinjità ta’ dan l-applikant.

52      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-Istati Membri jistgħu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, jimponu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti magħmula fl-Artikolu 20(5) ta’ din id-direttiva, sanzjonijiet li ma jkollhomx l-effett li jċaħħdu lill-applikant mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza, bħalma huma ż-żamma tiegħu f’parti separata taċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ kuntatt ma’ ċerti residenti taċ-ċentru jew it-trasferiment tiegħu lejn ċentru ta’ akkomodazzjoni ieħor jew f’akkomodazzjoni oħra fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) tal-imsemmija direttiva. Bl-istess mod, l-Artikolu 20(4) u (5) tad-Direttiva 2013/33 ma jipprekludix miżura ta’ detenzjoni tal-applikant bis-saħħa tal-Artikolu 8(3)(e) ta’ din id-direttiva, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 8 sa 11 tal-imsemmija direttiva.

53      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-applikant huwa minuri mhux akkumpanjat, jiġifieri “persuna vulnerabbli”, fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, meta jadottaw sanzjonijiet skont l-Artikolu 20(4) ta’ din id-direttiva, jieħdu iktar inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(5) tal-imsemmija direttiva, is-sitwazzjoni partikolari tal-minuri kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

54      Barra minn hekk, mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-aħjar interess tat-tfal jikkostitwixxi kunsiderazzjoni fundamentali għall-Istati Membri meta jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jinvolvu l-minuri. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom, meta jevalwaw dan l-aħjar interess, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fatturi bħalma huma l-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà u s-sikurezza tiegħu. Il-premessa 35 tal-imsemmija direttiva tenfasizza wkoll li din hija intiża sabiex tiffavorixxi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u konsegwentement għandha tiġi implimentata.

55      F’dan il-kuntest, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali esposti fil-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza, attenzjoni partikolari għandha, f’kull ċirkustanza, tingħata lis-sitwazzjoni tal-minuri meta tiġi adottata sanzjoni skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/33, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru milli jiddeċiedu li jafdaw lill-minuri kkonċernat lis-servizzi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli mill-protezzjoni taż-żgħażagħ.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 20(4) u (5) tad-Direttiva 2013/33, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jipprevedi, fost is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq applikant f’każ ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ aġir partikolarment vjolenti, sanzjoni li tikkonsisti fl-irtirar, anki b’mod temporanju, tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, fis-sens tal-Artikolu 2(f) u (g) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel jew tal-ħwejjeġ, peress li dan ikollu l-effett li jċaħħad lil dan l-applikant mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet oħra abbażi tal-imsemmi Artikolu 20(4) għandha, f’kull ċirkustanza, tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari dawk relatati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dinjità tal-bniedem. Fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, dawn is-sanzjonijiet għandhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġu adottati billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aħjar interess tat-tfal.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20(4) u (5) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jipprevedi, fost is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq applikant f’każ ta’ ksur gravi tar-regoli taċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ aġir partikolarment vjolenti, sanzjoni li tikkonsisti fl-irtirar, anki b’mod temporanju, tal-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza, fis-sens tal-Artikolu 2(f) u (g) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel jew tal-ħwejjeġ, peress li dan ikollu l-effett li jċaħħad lil dan l-applikant mill-possibbiltà li jissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tiegħu. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet oħra abbażi tal-imsemmi Artikolu 20(4) għandha, f’kull ċirkustanza, tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari, dawk relatati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dinjità tal-bniedem. Fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, dawn is-sanzjonijiet għandhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġu adottati billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aħjar interess tat-tfal.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.