Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn Pilatus Bank plc mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-10 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-687/18, Pilatus Bank vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-701/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Pilatus Bank plc (rappreżentanti: O.H. Behrends, M. Kirchner, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali;

tiddikjara li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament; u

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż tal-appellant u għall-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin.

L-ewwel aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-liġi Maltija meta assumiet li l-poteri kollha tal-appellant u tal-bord tiegħu ġew ittrasferiti lill-persuna kompetenti.

It-tieni aggravju li jallega li d-digriet appellat kiser il-garanzija ta’ rimedju effettiv sanċit fid-dritt Ewropew.

It-tielet aggravju li jallega li l-Qorti Ġenearli wettqet żball meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata hija sempliċi att preparatorju.

Ir-raba’ aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, b’mod ġenerali, il-fatti tal-kawża.

Il-ħames aggravju li jallega li d-digriet appellat ma jistax jiġi kkonfermat abbażi tal-motiv sussidjarju tal-possibbiltà li l-persuna kompetenti kkonsultat mad-diretturi.

Is-sitt aggravju li jallega li d-digriet appellat ma jistax jiġi kkonfermat abbażi tal-motiv sussidjarju tal-involviment ta’ avukat fil-kawża.

Is-seba’ aggravju li jallega li d-digriet appellat ma jistax jiġi kkonfermat abbażi tal-motiv sussidjarju li d-deċiżjoni kkontestata kienet tinsab f’sempliċi messaġġ ta’ posta elettronika.

It-tmien aggravju li jallega li r-rikors għad għandu skop.

____________