Language of document : ECLI:EU:C:2019:1036

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/59/UE – Unjoni bankarja – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu u tal-impriżi tal-investiment – Kontribuzzjonijiet annwali – Kalkolu – Regolament (UE) Nru°806/2014 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu u tal-impriżi tal-investiment – Proċedura amministrattiva li tinvolvi awtoritajiet nazzjonali u organu tal-Unjoni – Setgħa deċiżjonali esklużiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) – Proċedura quddiem il-qrati nazzjonali – Nuqqas ta’ preżentata fil-ħin ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni – Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 – Esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Interkonnessjonijiet bejn diversi banek”

Fil-Kawża C‑414/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo

vs

Banca d’Italia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo, minn P. Messina, A. Gemma, F. Isgrò u A. Dentoni Litta, avvocati,

–        għal Banca d’Italia, minn M. Mancini, D. Messineo u L. Sciotto, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u G. Rocchitta, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u M. A. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo (iktar ’il quddiem “Iccrea Banca”) u l-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja), fir-rigward ta’ diversi deċiżjonijiet u noti ta’ dan tal-aħħar dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-Fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni Taljan u lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR).

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Seba’ Direttiva 83/349/KEE

3        Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58), tħassret bid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19).

4        L-Artikolu 1 tas-Seba’ Direttiva 83/349, kif emendata bid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273, iktar ’il quddiem id-Direttiva 83/349”), kien jipprevedi:

“1.      Stat Membru għandu jeħtieġ li kull impriża regolata bil-liġi nazzjonali tiegħu għandha tlesti kontijiet konsolidati u rapport annwali konsolidat jekk dik l-impriża (impriża ewlenija [omm]):

a)      għandha maġġoranza tal-jeddijiet għall-voti ta’ l-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra (impriża sussidjarja);

jew

b)      għandha l-jedd li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ impriża oħra (impriża sussidjarja) u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru ta’ dik l-impriża;

jew

ċ)      għandha l-jedd teżerċita influwenza dominanti fuq impriża (impriża sussidjarja) li tagħha hija azzjonista jew membru, skond kuntratt li jsir ma’ dik l-impriża jew skond dispożizzjoni fl-istatut ta’ assoċjazzjoni [tagħha], [...]

jew

d)      hija azzjonist jew membru ta’ impriża, u:

aa)      maġġoranza tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ dik l-impriża [(impriża sussidjarja)] [...] inħatru biss bħala riżultat ta’ l-ezerċizzju tal-jeddijiet tagħha ġħall-vot;

jew

bb)      tikkontrolla waħedha, skond ftehim ma’ azzjonisti oħra jew membri ta’ dik l-impriża (impriża sussidjarja), maġġoranza ta’ jeddijiet għall-vot ta’ azzjonisti jew membri f’dik l-impriża. [...]

[...]

2.      Barra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li kull impriża regolata bil-liġijiet tal-pajjiż tagħha sabiex tagħmel kontijiet konsolidati u rapport konsolidat annwali jekk:

a)      dik l-impriża (impriża parent [omm]) għandha s-saħħa li teżerċita, jew teżerċita attwalment, influwenza dominanti jew kontroll fuq impriżi oħra (impriża sussidjarja); jew

b)      dik l-impriża (impriża parent) u impriżi oħra (impriża sussidjarja) huma ġestiti fuq bażi waħda mill-impriża parent,”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 83/349 kien jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 1(1)(a), (b) u (d), il-jeddijiet għall-vot u l-jeddijiet ta’ ħatra u tneħħija ta’ kull impriża sussidjarja oħra kif ukoll dawk ta’ kull persuna li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ l-impriża omm jew ta’ impriża sussidjarja oħra għandhom jiżdiedu ma’ dawk ta’ l-impriża ewlenija [omm].

2.      Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 1(1)(a), (b) u (d), il-jeddijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandhom jitnaqqsu bil-jeddijiet:

a)      li jmorru ma’ ishma miżmuma għan-nom ta’ persuna li la hija l-impriża ewlenija u lanqas sussidjarja tagħha;

jew

b)      li jmorru ma’ ishma miżmuma bħala garanzija, sakemm il-jeddijiet relattivi huma eżerċitati skond l-istruzzjonijiet riċevuti, jew miżmuma b’konnessjoni ma’ l-għoti ta’ self bħala parti mill-attivitajiet normali ta’ negozju sakemm il-jeddijiet għall-vot huma eżerċitati fl-interessi tal-persuna li tipprovdi dik il-garanzija.

3.      Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 1(1)(a) u (d), it-total tal-jeddijiet għall-vot ta’ l-azzjonisti jew membri fl-impriża sussidjarja għandhom jitnaqqsu bil-jeddijiet għall-vot li jmorru ma’ l-ishma miżmuma minn dik l-impriża nnifisha minn impriża sussidjarja ta’ dik l-impriża jew minn persuna li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ dawk l-impriżi.”

 Ir-Regolament (UE) Nru°575/2013

6        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2), jipprovdi:

“Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

15)      ‘impriża prinċipali [omm]’ tfisser:

a)      impriża prinċipali skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE,

[...]

16)      ‘sussidjarja’ tfisser:

a)      impriża sussidjarja skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE;

b)      impriża sussidjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 83/349/KEE u kwalunkwe impriża li fuqha, impriża prinċipali effettivament teżerċita influwenza dominanti.

Is-sussidjarji ta’ sussidjarji għandhom jitqiesu wkoll bħala sussidjarji tal-impriża li tkun l-impriża prinċipali oriġinali tagħhom;

[...]”

 Id-Direttiva 2014/59/UE

7        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190, iktar ’il-quddiem id-“Direttiva 2014/59”), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonjiet li ġejjin:

[...]

5.      ‘sussidjarja’ tfisser sussidjarja kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

6.      ‘intrapriża prinċipali [omm]’ tfisser intrapriża prinċipali kif definit fil-punt (15)(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[...]

26.      ‘grupp’ tfisser intrapriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha;

[...]”

8        L-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom, jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli mmirati li jeċċedu dak l-ammont.”

9        L-Artikolu 103(1), (2) u (7) ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“1.      Sabiex jilħqu l-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-anqas annwalment mill-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tagħhom inkluż mill-fergħat fl-Unjoni.

2.      Il-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni għandha tkun pro rata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru.

Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, f’konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[...]

7.      Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 115 sabiex tispeċifika l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tqis dan kollu li ġej [...]”

 Ir-Regolament (UE) Nru°806/2014

10      Skont kliem il-premessa 120 tar-Regolament (UE) Nru°806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1):

“[Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR)] ilaqqa’ flimkien lill-[Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR)], il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll biex tiġi determinata r-responsabilità mhux kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom ikunu kompetenti, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jirrieżaminaw il-legalità ta' deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament, kif ukoll biex jiddeterminaw i r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.”

11      L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru°806/2014 jipprevedi:

“[Il-BUR], fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu:

[...]

b)      jieħu d-deċiżjonijiet kollha biex ikun implimentat dan ir-Regolament, sakemm dan ir-Regolament ma jistipulax mod ieħor.”

12      L-Artikolu 70(2) u (6) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“2.      Kull sena, il-[BUR], wara li jikkonsulta l-BĊE [il-Bank Ċentrali Ewropew] jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira.

[...]

6.      L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva [2014/59], għandhom jiġu applikati.”

 Ir-Regolament ta’ Delega 2015/63

13      Il-premessi 8 u 9 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 huma fformulati kif ġej:

“(8)      Il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fil-livell individwali jwassal, fil-każ ta’ gruppi, għall-għadd doppju ta’ ċerti obbligazzjonijiet meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika tal-entitajiet differenti tal-grupp, peress li l-obbligazzjonijiet marbuta mal-ftehimiet li entitajiet tal-istess grupp jikkonkludu ma’ xulxin ikunu, parti mill-obbligazzjonijiet totali li jitqiesu biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull entità tal-grupp. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika għandha tiġi speċifikata aktar f’każ ta’ gruppi biex tirrifletti l-karattru interkonness tal-entitajiet tal-grupp u jiġi evitat l-għadd doppju tal-iskoperturi intragrupp. [...]

(9)      Għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ entità ta’ grupp, l-obbligazzjonijiet totali li jitqiesu ma jinkludux l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kwalunkwe kuntratt li dik l-entità tal-grupp tikkonkludi ma’ kwalunkwe entità oħra li hija parti mill-istess grupp. Madankollu, din l-esklużjoni tkun possibbli biss meta kull entità ta' grupp tkun stabbilita fl-Unjoni, tkun inkluża fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa, tkun soġġetta għal proċeduri ta’ evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju ċentralizzati u adattati, u jekk ma jkunx hemm impediment prattiċi jew legali materjali attwali jew previsti għar-ripagament tal-obbligazzjonijiet rilevanti meta dovuti. Dan għandu jevita li l-obbligazzjonijiet jiġu esklużi mill-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jekk ma jkunx hemm garanziji li l-iskoperturi tas-self intragrupp ikunu koperti meta s-saħħa finanzjarja tal-grupp tmur għall-agħar. [...]”

14      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ta’ delega jispeċifika:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fid-[...]Direttiva [2014/59]. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijet li ġejjin jgħoddu wkoll:

[...]

28)      ‘self promozzjonali’ tfisser self minn bank promozzjonali jew permezz ta’ bank intermedjarju, fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali fi Stat Membru;

[...]”

15      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega jipprevedi:

“Il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva [2014/59] tiġi kkalkulata billi jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet li ġejjin:

a)      l-obbligazzjonijiet intragrupp li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn istituzzjoni u istituzzjoni li hija parti mill-istess grupp, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

i)      kull istituzzjoni tkun stabbilita fl-Unjoni;

ii)      kull istituzzjoni tkun inkluża fl-istess superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 6 sa 17 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi sħiħa u tkun soġġetta għal evalwazzjoni, kejl u proċeduri ta’ kontroll tar-riskju ċentralizzati u xierqa. kif ukoll,

iii)      ma jkunx hemm impediment materjali, prattiku jew ġuridiku, attwali jew previst għar-ripagament tal-obbligazzjoni meta dovut;

[...]

f)      fil-każ ta’ istituzzjonijiet li joperaw self promozzjonali, l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni intermedjarja lejn il-bank oriġinatur jew bank promozzjonali ieħor jew istituzzjoni intermedjarja oħra u l-obbligazzjonijiet tal-bank promozzjonali oriġinali lejn il-partijiet tal-finanzjament tiegħu, sakemm l-ammont ta’ dawn l-obbligazzjonijiet ikun korrispost bis-self promozzjonali ta’ dik l-istituzzjoni.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni  (UE) 2015/81

16      L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), jistipula:

“Għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, il-[BUR] għandu jikkalkula l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni, abbażi tal-livell annwali fil-mira tal-Fond, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. [...].”

17      L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“1.      Il-[BUR] għandu jikkomunika lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.      Wara li tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika lil kull istituzzjoni awtorizzata fl-Istat Membru tagħha bid-deċiżjoni tal-[BUR] dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali dovuta minn dik l-istituzzjoni.”

18      L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jistipula:

“Il-[BUR] għandu jistabbilixxi l-formati tad-data u r-rappreżentazzjonijiet li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet biex jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali sabiex titjieb il-komparabbiltà tal-informazzjoni rappurtata u l-effikaċja tal-ipproċessar tal-informazzjoni rċevuta.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Iccrea Banca hija bank li jinsab f’ras netwerk ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u li għandu l-missjoni li jsostni l-operazzjonijiet, fost l-oħrajn, ta’ banek ta’ kreditu kooperattiv fl-Italja.

20      Għal dan il-għan, hija tipprovdi lil dawn il-banek servizzi ta’ ħlas, ta’ trattament elettroniku, informatiku u telematiku meħtieġ għall-ġestjoni tal-kards bankarji, ta’ regolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet f’titoli u ta’ żamma fiż-żgur ta’ titoli kif ukoll servizzi ta’ natura finanzjarja u jaqdi l-funzjoni ta’ korp finanzjarju prinċipali tas-sistema ta’ kreditu kooperattiv. F’dan l-aħħar rigward, hija b’mod partikolari toffri lill-imsemmija banek sensiela ta’ servizzi li permezz tagħhom jistgħu jaċċedu għal forma strutturata għall-finanzjamenti kollateralizzati disponibbli mal-BĊE u fis-suq. F’dan il-kuntest, hija waqqfet grupp li miegħu ngħaqdu madwar 190 bank ta’ kreditu kooperattiv, bil-għan esklużiv li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet immirati ta’ finanzjament mill-ġdid fuq żmien twil, stabbiliti mill-BĊE.

21      Permezz ta’ deċiżjonijiet adottati bejn is-sena 2015 u s-sena 2017, il-Bank tal-Italja talab lil Iccrea Banca tħallas kontribuzzjonijiet ordinarji, straordinarji u addizzjonali lill-Fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni Taljan. Barra minn hekk, permezz ta’ nota tat-3 ta’ Mejju 2016, il-Bank tal-Italja talab lil Iccrea Banca tħallas kontribuzzjoni ex ante lill-FUR għas-sena 2016 stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-BUR tal-15 ta’ April 2016. Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Mejju 2016, huwa kkoreġa l-ammont ta’ din l-aħħar kontribuzzjoni, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-BUR tal-20 ta’ Mejju 2016.

22      Iccrea Banca ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet u dawn in-noti tal-Bank tal-Italja quddiem il-qorti tar-rinviju. L-imsemmi rikors huwa wkoll intiż għad-determinazzjoni tal-metodu xieraq ta’ kalkolu tal-ammonti effettivament dovuti minn Iccrea Banca u rimbors tal-ammonti li din tal-aħħar tqis li tħallsu indebitament.

23      Insostenn tal-imsemmi rikors, Iccrea Banca ssostni, essenzjalment, li l-Bank tal-Italja bbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Huwa għalhekk ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligazzjonijiet marbuta mar-relazzjonijiet bejn Iccrea Banca u banek ta’ kreditu kooperattiv, filwaqt li dawn kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu b’applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ta’ delega li jirrigwardaw l-obbligazzjonijiet intragrupp jew l-istabbilimenti li joperaw self promozzjonali. Din l-interpretazzjoni żbaljata wasslet ukoll sabiex il-Bank tal-Italja ma jirrilevax, fil-kuntest tal-komunikazzjoni ta’ data lill-BUR, in-natura partikolari tas-sistema integrata li fiha kienet topera Iccrea Banca u għalhekk wasslet għal żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante lill-FUR għas-sena 2016.

24      Il-qorti tar-rinviju ċaħdet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Bank tal-Italja f’dak li jirrigwarda t-talbiet relatati mal-atti tal-Bank tal-Italja fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016. Hija ddeduċiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward mill-fatt li l-Bank tal-Italja ma jaġixxix bħala sempliċi intermedjarju bejn il-BUR u l-istabbilimenti ta’ kreditu. Għal din ir-raġuni, il-Bank tal-Italja jaqdi, b’mod konformi mal-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, rwol attiv u deċiżiv kemm matul il-fażi ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet kif ukoll matul il-fażi ta’ ġbir tagħhom. F’dan il-kuntest, Iccrea Banca tista’ tikseb vantaġġ konkret minn eżami mill-ġdid u minn definizzjoni ġdida tal-elementi li l-Bank tal-Italja għandu jibgħat lill-BUR għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni dovuta minnha.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Sabiex isir il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 103(2) tad-[Direttiva 2014/59], l-Artikolu 5(1) b’mod partikolari s-subparagrafi (a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega [2015/63], interpretat fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti f’dak ir-regolament [ta’ delega], fid-Direttiva [2014/59], fir-Regolament [Nru 806/2014], fl-Artikolu 120 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tat-taxxa doppja, jipprekludi li s-sistema prevista għall-obbligazzjonijiet fi ħdan grupp tapplika wkoll fil-każ ta’ grupp ‘de facto’ jew, fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-interkonnessjonijiet bejn istituzzjoni u banek oħra eżistenti fl-istess sistema?

It-trattament favorevoli previst fl-imsemmi Artikolu 5 għall-obbligazzjonijiet ippreferuti jista’ għall-kuntrarju, fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq, jiġi applikat ukoll b’analoġija għall-obbligazzjonijiet ta’ bank imsejħa tat-‘tieni livell’ fil-konfront ta’ banek oħra fis-sistema (ta’ kreditu kooperattiv)? Jew din il-kwalità – jiġifieri li tkun entità li taħdem konkretament, inkluż fil-konfront tal-BĊE u s-swieq finanzjarji, bħala istituzzjoni ċentrali fi ħdan numru ta’ banek żgħar interkonnessi u integrati – għandha fi kwalunkwe każ twassal, skont il-kuntest ġuridiku applikabbli, għal forma ta’ korrezzjoni fil-preżentazzjoni ta’ data finanzjarja mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għall-istituzzjonijiet Komunitarji u fl-iffissar tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjoni lill-fond ta’ riżoluzzjoni abbażi tal-obbligazzjonijiet effettivi tagħha u tal-profil ta’ riskju konkret tagħha?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

26      Il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija totalment inammissibbli, minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix punti ta’ fatt li jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom Iccrea Banca tista’ titqies li tmexxi grupp jew li tagħti self promozzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li din it-talba hija inammissibli biss sa fejn tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016.

27      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, huwa b’mod partikolari indispensabbli, kif jindika l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tad-data fattwali li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi data fattwali suffiċjenti li tippermetti li jinftehmu kemm id-domanda kif ukoll il-portata tagħha. Din tesponi, b’mod partikolari, in-natura tar-relazzjonijiet li jgħaqqdu lil Iccrea Banca ma’ numru ta’ banek ta’ kreditu kooperattiv, li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Fir-rigward tal-argumenti tal-Gvern Taljan intiżi li juru li d-data hekk esposta ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li Iccrea Banca tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tagħhom hija indissoċjabbilment marbuta mar-risposta li għandha tingħata għat-talba għal deċiżjoni preliminari u li għalhekk lanqas dawn ma jistgħu jwasslu għall-inammissibbiltà ta’ din it-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, KPMG Baltics, C‑639/17, EU:C:2019:31, punt 11).

31      Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biss sabiex jiddeċiedu dwar il-metodi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-FUR u li għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata parzjalment inammisibbli, b’mod konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), peress li Iccrea Banca ma ppreżentatx fil-ħin rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante dovuta minnha lill-FUR għas-sena 2016.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Madankollu, domanda preliminari għal finijiet ta’ interpretazzjoni ma tistax titqies ammissibbli meta jidher li l-uniku għan tagħha huwa li tippermetti li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar kwistjoni li ma taqax taħt, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, fid-dawl, b’mod partikolari tad-Direttiva 2014/59, li, l-istess bħal dan ir-regolament ta’ delega, tistabbilixxi ċerti regoli rilevanti kemm għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali kif ukoll għal dak tal-kontribuzzjonijiet lill-FUR, din id-domanda tagħmel ukoll riferiment għar-Regolament Nru°806/2014, li jistabbilixxi biss regoli dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni li minnu jifforma parti l-FUR. Barra minn hekk, din id-domanda tirrigwarda parzjalment il-provvista ta’ data finanzjarja mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali lill-“istituzzjonijiet Komunitarji”.

35      Għalhekk jidher li ċerti aspetti tal-imsemmija domanda jirrigwardaw speċifikament il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-FUR.

36      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni mitluba tar-regoli applikabbli għal dan il-kalkolu hija neċessarja sabiex jiġu speċifikati l-metodi li skonthom il-Bank tal-Italja kellu jintervjeni fil-proċedura ta’ determinazzjoni u ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016. Dik il-qorti għalhekk tqis li għandha tiddeċiedi dwar dan l-intervent kemm fil-fażi tal-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, billi tiddetermina b’mod partikolari liema huma l-elementi ta’ informazzjoni li l-Bank tal-Italja kellu jibgħat lill-BUR, kif ukoll fil-fażi tal-proċedura ta’ wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-BUR u ddedikata għall-ġbir tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, sa fejn ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tista’, jekk ikun il-każ, twassal għal konstatazzjoni tal-invalidità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bank tal-Italja insegwitu għall-imsemmija deċiżjonijiet tal-BUR.

37      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-aspetti tat-talba għal deċiżjoni preliminari intiżi sabiex jippermettu li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-intervent tal-Bank tal-Italja fil-fażi tal-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, għandu jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tistħarreġ il-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, li minnhom jifforma parti l-BUR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 42).

38      L-involviment eventwali tal-awtoritajiet nazzjonali matul proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ atti bħal dawn ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-klassifikazzjoni tagħhom bħala atti tal-Unjoni, meta l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali huma stadju ta’ proċedura li fiha korp jew organu tal-Unjoni jeżerċita, waħdu, is-setgħa deċiżjonali finali mingħajr ma jkun marbut mill-atti preparatorji jew mill-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 43).

39      Fil-fatt, f’każ ipotetiku bħal dan, fejn id-dritt tal-Unjoni jissanċixxi s-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-korp jew mill-organu tal-Unjoni inkwistjoni u li għandha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, id-difetti eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C-219/17, EU:C:2018:1023, punt 44).

40      Barra minn hekk, minn qari tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik imsemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 47).

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel proċedura amministrattiva li tipprevedi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ atti preparatorji għal deċiżjoni finali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tipproduċi effetti legali u li tista’ tikkawża preġudizzju, huwa għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bejn din l-istituzzjoni u dawn l-awtoritajiet nazzjonali, mekkaniżmu partikolari ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-kompetenza deċiżjonali esklużiva tal-istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 48).

42      Issa, l-effikaċja ta’ tali proċess deċiżjonali neċessarjament tinvolvi stħarriġ ġudizzjarju uniku, li jitwettaq, unikament mill-qrati tal-Unjoni, biss wara li tittieħed id-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva, li hija l-unika deċiżjoni li tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 49).

43      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, atti tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali ta’ qabel il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, għandu jiġi osservat li dawn il-kontribuzzjonijiet huma kkalkolati u miġbura fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru°806/2014 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

44      L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru°806/2014 jipprevedi li l-BUR jieħu, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, id-deċiżjonijiet kollha biex ikun implimentat dan ir-regolament, sakemm dan ir-regolament ma jistipulax mod ieħor.

45      Mill-Artikolu 70(2) tal-istess regolament u mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirriżulta li huwa esklużivament il-BUR li għandu, wara li jikkonsulta mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, jikkalkola kull sena l-kontribuzzjonijiet individwali ex ante ta’ kull stabbiliment awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

46      Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jirriżulta li l-ġbir ta’ informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għandu jsir permezz ta’ formati u ta’ rappreżentazzjonijiet tad-data ddefiniti mill-BUR u kkompletati mill-istabbilimenti kkonċernati.

47      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, il-BUR jeżerċita biss is-setgħa deċiżjonali finali u li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali jillimitaw ruħhom, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jipprovdu appoġġ operattiv lill-BUR. Għalhekk, għalkemm dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġu kkonsultati mill-BUR sabiex tiġi ffaċilitata d-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante dovut minn stabbiliment u għalkemm huma għandhom, f’kull każ, jikkooperaw mal-BUR għal dan il-għan, l-evalwazzjonijiet li huma jistgħu, jekk ikun il-każ, jipprovdu f’dawn iċ-ċirkustanżi dwar is-sitwazzjoni ta’ stabbiliment bl-ebda mod ma jistgħu jorbtu lill-BUR.

48      Konsegwentement, hija biss il-qorti tal-Unjoni li għandha ġurisdizzjoni biex tevalwa, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-BUR li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali ex ante lill-FUR ta’ stabbiliment, jekk att adottat minn awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali bi preparazzjoni għal tali deċiżjoni huwiex ivvizzjat b’difetti li jistgħu jaffettwaw din id-deċiżjoni tal-BUR, mingħajr ma qorti nazzjonali tkun tista’ teżerċita stħarriġ fuq dan l-att nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 57).

49      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-preċiżazzjoni prevista fil-premessa 120 tar-Regolament Nru°806/2014, li tgħid li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom minn dan ir-regolament.

50      Fil-fatt, din il-preċiżazzjoni għandha tinftiehem, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni li jirriżulta mid-dritt primarju, li għalih tagħmel riferiment din il-premessa billi barra minn hekk tfakkar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-BUR, bħala li tirrigwarda biss l-atti nazzjonali li jiġu adottati fil-kuntest ta’ proċedura li fil-kuntest tagħha dan ir-regolament ta lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali setgħa deċiżjonali rispettiva.

51      Barra minn hekk, qorti nazzjonali ma tistax b’mod validu toħroġ, fil-konfront tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, ordni li tirrigwarda l-metodi ta’ intervent ta’ din l-awtorità qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-neċessità għal stħarriġ ġudizzjarju uniku ta’ tali deċiżjonijiet tal-BUR, l-esklużività tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni la hija affettwata mit-tip ta’ rimedju tad-dritt nazzjonali magħżul sabiex l-atti preparatorji adottati mill-awtoritajiet nazzjonali jiġu suġġetti għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru u lanqas min-natura tal-kapijiet ta’ talbiet jew tal-motivi ppreżentati għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 51).

53      Issa, l-eventwali ħruġ, minn qorti nazzjonali, ta’ ordni li tobbliga lil awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali tadotta aġir speċifiku fl-intervent tagħha qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR jippreġudika l-uniċità ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju billi joħloq riskju ta’ diverġenzi ta’ evalwazzjonijiet, fl-istess proċedura, bejn dik il-qorti nazzjonali u l-qrati tal-Unjoni li jistgħu, iktar ’il quddiem, jintalbu jevalwaw, inċidentalment, il-legalità, ta’ dan l-intervent fil-kuntest tal-eżami ta’ eventwali rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat kontra din id-deċiżjoni tal-BUR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 50).

54      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, għalhekk, lill-qorti tar-rinviju milli tiddeċiedi dwar il-legalità tal-intervent tal-Bank tal-Italja fil-fażi tal-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016.

55      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-aspetti tat-talba għal deċiżjoni preliminari intiżi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-intervent tal-Bank tal-Italja fil-fażi tal-proċedura wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR tal-istabbilimenti awtorizzati fit-territorju ta’ Stat Membru jiġu kkomunikati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li għandha, sussegwentement, tinnotifika lil kull wieħed minn dawn l-istabbilimenti bid-deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu.

56      Hija wkoll din l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali li għandha tiġbor, b’applikazzjoni tal-Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru°806/2014, il-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-BUR mingħand l-imsemmija stabbilimenti.

57      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali huma inkarigati biss li jinnotifikaw u li jimplimentaw din id-deċiżjoni.

58      F’dan il-kuntest, fid-dawl tas-setgħat rispettivi tal-BUR, imfakkra fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, dawn l-awtoritajiet ma humiex awtorizzati li jeżaminaw mill-ġdid il-kalkoli mwettqa mill-BUR sabiex ibiddlu l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u għalhekk dawn ma jistgħux, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-BUR, jerġgħu jikkunsidraw, għal dan il-għan, il-profil tar-riskju ta’ stabbiliment.

59      Bl-istess mod, li kieku qorti nazzjonali setgħet, kif tqis il-qorti tar-rinviju, tannulla n-notifika, minn awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, ta’ deċiżjoni tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ stabbiliment lill-FUR, billi tibbaża ruħha fuq in-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ dan l-istabbiliment li fuqha huwa bbażat dan il-kalkolu, hija tkun qed tikkontesta evalwazzjoni mwettqa mill-BUR u tkun qed tostakola, fl-aħħar mill-aħħar, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-BUR fl-Italja.

60      Issa, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, kif ukoll il-qrati nazzjonali msejħa jistħarrġu l-azzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, ma jistgħux validament jadottaw deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR u li jċaħħdu, bħala prinċipju, l-imsemmija deċiżjonijiet mill-effetti tagħhom, billi jostakolaw il-ġbir ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 52; tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 66, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 50 u 51).

61      Madankollu, meta s-soluzzjoni ta’ tilwima pendenti quddiem qorti nazzjonali tiddependi fuq il-validità ta’ deċiżjoni tal-BUR, din il-qorti tista’, bħala prinċipju, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689, punt 57, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 68).

62      F’dan ir-rigward, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, għalkemm ċerti aspetti tad-domanda preliminari jirrigwardaw speċifikament il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, il-qorti tar-rinviju ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkoli tal-imsemmija kontribuzzjonijiet għas-sena 2016. Iktar minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Iccrea Banca ma invokatx, quddiem dik il-qorti, l-invalidità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li l-imsemmija qorti ma esprimietx dubji dwar il-validità tagħhom.

63      Għandu jitfakkar li, f’kull każ, il-possibbiltà għal parti f’kawża li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’att tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda fil-konfront tagħha, tippreżupponi, jew li hija tkun ippreżentat ukoll, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra dan l-att tal-Unjoni fit-termini imposti, jew li ma tkunx ippreżentatu minħabba li ma kellhiex, mingħajr ebda dubju, id-dritt li tippreżenta tali rikors (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-kuntest, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija b’mod partikolari suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, għalkemm id-destinatarju tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016 kien, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Bank tal-Italja, Iccrea Banca kienet, mingħajr ebda dubju, direttament u individwalment ikkonċernata minn dawn id-deċiżjonijiet.

66      Fil-fatt, għandu, minn naħa, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42, u tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 103).

67      Issa, id-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016 jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Iccrea Banca sa fejn dawn jiddeterminaw l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante lill-FUR li hija obbligata tħallas. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet ma jħallu, hekk kif jirriżulta mill-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza, ebda setgħa diskrezzjonali lill-Bank tal-Italja, li għandu jiġbor, mingħand Iccrea Banca, kontribuzzjoni li tkopri l-ammont li l-imsemmija deċiżjonijiet jiddeterminaw għal dan l-istabbiliment u għalhekk ma huwiex awtorizzat li jimmodifika dan l-ammont.

68      Min-naħa l-oħra, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jsostnu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Dan huwa l-każ, hawnhekk, ta’ Iccrea Banca, sa fejn hija tissemma b’isimha fl-anness tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod konformi mal-prinċipju mfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, Iccrea Banca kienet tkun tista’ tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-illegalità tad-deċiżjonijiet tal-BUR dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għas-sena 2016 biss li kieku hija ppreżentat ukoll, fit-termini imposti u abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet.

71      F’dan ir-rigward, fid-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u BUR (T‑494/17, EU:T:2018:804), li sar definittiv, ġie kkonstatat li Iccrea Banca kienet ġiet innotifikata, fit-3 ta’ Mejju 2016, mill-Bank tal-Italja, dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha lill-FUR għas-sena 2016, hekk kif ikkalkolata mill-BUR, u li hija kienet ippreżentat tardivament rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-BUR tal-15 ta’ April 2016.

72      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-BUR tal-20 ta’ Mejju 2016, sa fejn Iccrea Banca ma ppreżentatx rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni, hija ma tistax tinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-invalidità ta’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 43).

73      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li ma huwiex kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ deċiżjonijiet tal-Bank tal-Italja mar-regoli li jirregolaw il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR, sa fejn l-imsemmija qorti la tista’, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, tiddeċiedi dwar l-atti tal-Bank tal-Italja preparatorji għal dan il-kalkolu, u lanqas ma tista’ tostakola l-ġbir, mingħand Iccrea Banca, ta’ kontribuzzjoni li tkopri l-ammont iddeterminat permezz ta’ atti tal-BUR li l-invalidità tagħhom ma ġietx stabbilita.

74      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-aspetti tad-domanda magħmula li huma speċifikament relatati mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR għandhom jiġu kkunsidrati inammissibbli.

75      Min-naħa l-oħra, din id-domanda hija ammissibbli sa fejn tirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ordinarji, straordinarji u addizzjonali lill-Fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni Taljan.

 Fuq id-domanda preliminari

76      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 5(1)(a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn bank tat-tieni livell u l-membri ta’ grupp kompost minnu u minn numru ta’ banek kooperattivi li lilhom jipprovdi diversi servizzi, huma esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lil fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 103(2).

77      L-Artikolu 102(1) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament tagħhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha awtorizzati fit-territorju tagħhom.

78      Mill-Artikolu 103(1) u (2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira, Stat Membru għandu jiżgura li tinġabar, mingħand kull stabbiliment awtorizzat fit-territorju tiegħu, kontribuzzjoni proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tiegħu, esklużi l-fondi proprji, li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati, esklużi l-fondi proprji, li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti tal-istabbilimenti kollha awtorizzati f’dan it-territorju.

79      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment għall-profil tar-riskju tal-istabbilimenti.

80      Il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju tal-istabbilimenti jista’ jiġi speċifikat mill-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 103(7) tal-istess direttiva, permezz ta’ atti delegati adottati b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ elementi elenkati f’din id-dispożizzjoni.

81      Din il-possibbiltà ġiet implimentata bl-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, li, bit-titolu “Aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika”, jipprevedi l-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

82      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament ta’ delega jistipula li din l-esklużjoni għandha tiġi applikata għall-obbligazzjonijiet intragrupp li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet konklużi bejn stabbiliment u stabbiliment ieħor membru tal-istess grupp, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet addizzjonali.

83      Mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tista’ tiġi applikata biss għat-tranżazzjonijiet bejn żewġ stabbilimenti li huma membri tal-istess grupp.

84      Għalkemm ir-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jipprevedix definizzjoni diretta tal-kunċett ta’ “grupp”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament ta’ delega jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2014/59.

85      Il-kunċett ta’ “grupp” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(26) ta’ din id-direttiva bħala li “intrapriża prinċipali [omm] u s-sussidjarji tagħha”. Dawn l-aħħar żewġ kunċetti huma, min-naħa tagħhom, iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(5) u (6) tal-imsemmija direttiva, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°575/2013, li min-naħa tiegħu jagħmel riferiment għall-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349, li għalihom jikkorrispondu, essenzjalment, l-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34.

86      Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li r-relazzjoni omm/sussidjarja tippreżupponi forma ta’ kontroll li jinvolvi li l-impriża omm ikollha l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan is-sussidjarja tagħha, id-dritt li taħtar jew li tneħħi ċerti persuni li jmexxu ta’ din is-sussidjarja jew saħansitra influwenza dominanti fuq l-imsemmija sussidjarja.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-relazzjoni ma tistax titqies li hija stabbilita bl-eżistenza ta’ relazzjonijiet ekonomiċi li jiriflettu sħubija bejn diversi stabbilimenti, mingħajr il-kontroll ta’ wieħed minn dawn l-istabbilimenti fuq il-membri l-oħra tal-grupp li huwa jikkostitwixxi flimkien ma dawn l-istabbilimenti l-oħra.

88      Għaldaqstant, relazzjonijiet bejn stabbilimenti bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li jgħaqqdu bank tat-tieni livell mal-imsieħba tiegħu u li jikkonsistu fil-provvista ta’ diversi servizzi minn dan il-bank tat-tieni livell, ma jistgħux jitqiesu li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ grupp li fi ħdanu jistgħu jeżistu “obbligazzjonijiet intragrupp”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

89      Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(1)(f) ta’ dan ir-regolament ta’ delega jirrigwarda ċerti obbligazzjonijiet “fil-każ ta’ istituzzjonijiet li joperaw self promozzjonali”.

90      Il-kunċett ta’ “self promozzjonali” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(28) tal-imsemmi regolament ta’ delega bħala li jkopri s-self mogħti minn bank promozzjonali jew permezz ta’ stabbiliment intermedjarju fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru.

91      Peress li dawn il-kriterji jirreferu kemm għal kundizzjonijiet speċifiċi ta’ operat kif ukoll għall-ilħuq ta’ ċerti objettivi ddeterminati minn qabel, is-sempliċi fatt li banek kooperattivi jifformaw parti minn grupp, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jippermetti li jiġi stabbilit li l-bank tat-tieni livell li jagħmel parti minn dan il-grupp jista’ jitqies li huwa stabbiliment li jopera self promozzjonali, u dan huwa suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li parti mill-obbligazzjonijiet tiegħu tista’ tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

92      Fit-tielet lok, għalkemm il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 5(1)(a) u (f) ta’ dan ir-regolament ta’ delega għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat għal sitwazzjonijiet li jixbhu s-sitwazzjonijiet deskritti fih, minkejja li dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mat-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

93      Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament ta’ delega ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti biex jeskludu ċerti obbligazzjonijiet abbażi tal-aġġustament skont ir-riskju tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59, iżda jelenka, bil-kontra ta’ dan, b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom obbligazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ tali esklużjoni.

94      Il-fatt li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 tista’ twassal għal għadd doppju ta’ ċerti obbligazzjonijiet ma jistax jiġġustifika konklużjoni differenti, sa fejn, hekk kif huwa indikat fil-premessa 9 ta’ dan ir-regolament ta’ delega, il-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li telimina kompletament kull forma ta’ għadd doppju tal-obbligazzjonijiet u eskludiet tali prattika biss sakemm jeżistu garanziji suffiċjenti li l-iskoperturi tas-self intragrupp ikunu koperti meta s-saħħa finanzjarja tal-grupp tmur għall-għar.

95      Bl-istess mod, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, li ssemmew mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġġustifika riżultat differenti, peress li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 identifika bi preċiżjoni sitwazzjonijiet li għandhom karatteristiċi partikolari notevoli, direttament marbuta mar-riskji rrappreżentati mill-obbligazzjonijiet inkwistjoni.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta li l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 5(1)(a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn bank tat-tieni livell u l-membri ta’ grupp kompost minnu u minn numru ta’ banek kooperattivi li lilhom jipprovdi diversi servizzi mingħajr ma jikkontrolla lil dawn tal-aħħar, u li ma jkoprux self mogħti fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi ta’ politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru, ma humiex esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lil fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 103(2).

 Fuq l-ispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-Artikolu 5(1)(a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet bejn bank tat-tieni livell u l-membri ta’ grupp kompost minnu u minn numru ta’ banek kooperattivi li lilhom jipprovdi diversi servizzi mingħajr ma jikkontrolla lil dawn tal-aħħar, u li ma jkoprux self mogħti fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi ta’ politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali ta’ Stat Membru, ma humiex esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lil fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 103(2).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.