Language of document : ECLI:EU:C:2019:1055

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK

ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2019 (1)

Kawża C406/18

PG

v

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni dwar l-ażil u l-protezzjoni sussidjarja – Proċeduri komuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(3) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tas-setgħat tal-qorti jew tat-tribunal tal-ewwel istanza – Assenza ta’ setgħa ta’ bidla – Terminu ta’ 60 jum sabiex il-qorti jew it-tribunal jiddeċiedu”






I.      Introduzzjoni

1.        Liema huwa tul raġonevoli għal proċeduri ġudizzjarji? Din il-kwistjoni, li hija familjari għal kwalunkwe sistema ġudizzjarja moderna, għandha tendenza li tinqala’ tipikament meta wieħed ikun qed jiġġudika jekk iż-żmien meħud sabiex kawża tkun deċiża kienx twil wisq u għalhekk ikun kiser id-dritt ta’ parti għal smigħ xieraq.

2.        Ma jiġrix spiss li qorti, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, tkun iffaċċjata bil-kwistjoni opposta, jiġifieri, jekk terminu (f’dan il-każ terminu massimu ta’ 60 jum) huwiex qasir wisq, u b’hekk jimpedixxi lill-qorti inkwistjoni milli tilħaq l-istandard meħtieġ fl-eżami tal-kawża (f’dan il-każ eżami sħiħ u ex nunc ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma tilqax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE (2)) u b’dan il-mod jikser potenzjalment id-dritt ta’ parti għal smigħ xieraq.

3.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jistax jitqies li huwa rrispettat meta l-qrati nazzjonali ma jkollhomx is-setgħa li jibdlu d-deċiżjoni amministrattiva, kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat reċentement fis-sentenzi Alheto u Torubarov (3).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32 tiddikjara li “[h]uwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”.

5.        Il-premessa 34 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-“proċeduri għall-eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu tali li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”.

6.        L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna l-“Proċedura ta’ eżami”. Dan l-artikolu jipprovdi li:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

[…]

5.      Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-proċedura ta’ eżami f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 21 xahar minn meta ssir l-applikazzjoni.”

7.        L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jikkonċerna “Id-dritt għal rimedju effettiv”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)       li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

(ii)       li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2),

(iii)       meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru kif deskritt fl-Artikolu 43(1);

(iv)      li ma jsirx eżami f’konformità mal-Artikolu 39.

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

4.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. Il-limiti ta’ żmien ma għandhomx jagħmlu tali eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

[…]

10.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skont il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

[…]”

B.      Id-dritt Ungeriż

8.        Skont l-Artikolu 68(2) tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal-2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”), il-qorti għandha tagħti deċiżjoni f’perijodu ta’ 60 jum mid-data ta’ applikazzjoni għal eżami mill-qorti ta’ deċiżjoni amministrattiva. Skont l-Artikolu 68(5) tal-istess liġi, il-qorti ma tistax tibdel deċiżjonijiet adottati mill-awtorità tal-ażil kompetenti.

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

9.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li huwa ċittadin Iraqi ta’ etniċità Kurda, wasal fiż-żona ta’ tranżitu Ungeriża ta’ Tompa, li tinsab fuq il-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja.

10.      Fit-22 ta’ Awwissu 2017, huwa ressaq applikazzjoni sabiex ikun irrikonoxxut l-istatus tiegħu bħala refuġjat.

11.      Fit-18 ta’ Jannar 2018, il-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija) irrifjuta li jilqa’ t-talba tar-rikorrent għal protezzjoni internazjonali. Huwa ddeċieda li r-rikorrent kellu jintbagħat lura mit-territorju tal-Unjoni Ewropea lejn it-territorju tal-Gvern Reġjonali Kurd tal-Iraq u ordna li din id-deċiżjoni amministrattiva tkun infurzata bit-tneħħija tar-rikorrent. Barra minn hekk impona fuq ir-rikorrent projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ sentejn.

12.      Ir-rikorrent ikkontesta din id-deċiżjoni amministrattiva quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju.

13.      Waqt is-seduta, kien ikkonfermat li żewġ deċiżjonijiet amministrattivi oħra li rrifjutaw l-istess applikazzjoni kienu ġew adottati preċedentement. Dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew annullati b’żewġ sentenzi ta’ qorti nazzjonali differenti. Madankollu, wara emendi leġiżlattivi li saru fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati f’materja ta’ ażil, il-kawża preżenti tqiegħdet taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju.

14.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) issospendiet il-proċedura u għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)       L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2013/32] – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv anki fil-każ fejn filwaqt li ma jippermettix lill-qrati jbiddlu d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil, jippermettilhom biss jannullaw tali deċiżjonijiet u jobbligaw lill-awtorità amministrattiva twettaq proċedura ġdida?

(2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] u l-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2013/32] – fid-dawl ta’ kif inhu pprovdut fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu rispettivament jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprevedi terminu imperattiv u uniformi ta’ total ta’ 60 jum għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam ta’ ażil, indipendentement minn kull ċirkustanza individwali u mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-kawża u diffikultajiet eventwali relatati mal-produzzjoni tal-provi?”

15.      Il-qorti tar-rinviju talbet li t-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tiġi ttrattata skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2018, l-Awla magħżula ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

16.      Ir-rikorrent, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huma ħadu sehem ukoll fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2019.

IV.    Evalwazzjoni

17.      Dawn il-konklużjonijiet huma maqsuma kif ġej. Se nibda billi nfisser għaliex nemmen li d-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Alheto u Torubarov jipprovdu soluzzjoni għall-punti kollha mqajma bl-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju (Parti A). Fir-rigward tat-tieni domanda, se nipproponi li l-kwistjoni ta’ jekk it-terminu preskritt ta’ 60 jum huwiex xieraq tiddependi fuq jekk dan it-terminu jippermettix li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent ikunu ggarantiti. Dan irid ikun evalwat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, b’osservanza tal-obbligu tagħħa li twettaq eżami sħiħ u ex nunc, imma wkoll fi ħdan il-kuntest taċ-ċirkustanzi u tal-kundizzjonijiet kollha li fihom din il-qorti hija msejħa sabiex twettaq il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha. Fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkonkludi li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-terminu inkwistjoni ma jistax ikun osservat, hija għandha ma tapplikax t-terminu applikabbli u twettaq l-eżami kemm jista’ jkun malajr wara li t-terminu jkun skada (Parti B).

A.      L-ewwel domanda: is-sentenzi Alheto u Torubarov

18.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-assenza ta’ setgħa tagħha li tibdel deċiżjoni meħuda minn korp amministrattiv fi proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali hijiex kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kif previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32(4), moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (5).

19.      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jgħid li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”.

20.      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-livell tad-dritt sekondarju, it-tip ta’ stħarriġ li għandu jsir meta deċiżjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32 tkun ikkontestata quddiem qorti. Naturalment, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu konformi mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (6).

21.      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ġie reċentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ sentenzi.

22.      Fis-sentenza Alheto, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, l-ewwel nett, id-Direttiva 2013/32 ma tiddeterminax xi mod partikolari li bih għandu jkun implimentat l-Artikolu 46(3). Għalhekk, huma l-Istati Membri li jridu jfasslu mudell speċifiku ta’ stħarriġ. It-tieni nett, l-eżami minn qorti jew tribunal għandu jkun stħarriġ sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi. It-tielet nett, fejn il-qorti tkun tista’ biss tannulla d-deċiżjoni amministrattiva li hija tqis kontra l-liġi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fid-deċiżjoni sussegwenti tiegħu, il-korp amministrattiv kompetenti jwettaq malajr kemm jista’ jkun ir-riżultat tal-eżami mill-qorti (7).

23.      Fis-sentenza Torubarov (8), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tkompli telabora fuq dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward tat-tħaddim f’każ speċifiku tal-mudell ta’ stħarriġ adottat mill-Ungerija fil-kamp tal-protezzjoni internazzjonali. Mill-15 ta’ Settembru 2015, dan il-mudell inbidel minn wieħed fejn il-qorti kellha s-setgħa li tannulla deċiżjoni amministrattiva u tbiddilha għal wieħed fejn il-qorti setgħet biss tannulla d-deċiżjoni u tibgħat il-każ lura lill-korp amminstrattiv għal deċiżjoni ġdida.

24.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat in-nuqqas ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja ladarba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet taħt id-Direttiva 2011/95/UE (9). Billi jipprovdi għal obbligu tal-qorti rilevanti li teżamina, fejn ikun applikabbli, il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ta lill-imsemmija qorti s-setgħa li tiddeċiedi jekk l-applikant jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet (10).

25.      Għaldaqstant, meta qorti tannulla deċiżjoni ta’ korp amministrattiv, wara eżami eżawrijenti u aġġornat tal-punti rilevanti kollha ta’ liġi u ta’ fatt, u tibgħat il-każ mill-ġdid lill-korp amministrattiv għal deċiżjoni ġdida, dan il-korp ma jibqagħlux setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li jikkonċedi jew jirrifjuta l-protezzjoni mfittxija. Altrimenti, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95 jiġu mċaħħad minn kull effett prattiku (11).

26.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe rimedju ieħor fid-dritt Ungeriż li jista’ jippermetti li l-qorti nazzjonali tiżgura li d-deċiżjoni tagħha tkun implimentata, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-applikant ikkonċernat kien imċaħħad minn rimedju effettiv (12). Fir-rigward tal-azzjoni li jinħtieġ li tittieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti għandha tibdel id-deċiżjoni amministrattiva li kienet tinjora il-gwida ġudizzjarja preċedenti tagħha u għandha ma tapplikax l-liġi nazzjonali li tipprojbiha milli tipproċedi b’dan il-mod (13).

27.      Sa fejn jirrigwarda dan il-każ, jeħtieġ li ssir enfasi fuq tliet punti.

28.      L-ewwel nett, mill-ispjegazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jsegwi li r-regola nazzjonali inkwistjoni fil-każ preżenti hija l-istess waħda li kienet ittrattata fis-sentenza Torubarov, jiġifieri l-Artikolu 68(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, li jipprovdi li qrati nazzjonali ma jistgħux jagħmlu tibdil f’deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-kuntest ta’ protezzjoni internazzjonali.

29.      It-tieni nett, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax jekk u sa fejn sentenza preċedenti mogħtija fil-każ tal-istess applikant, imma minn qorti nazzjonali differenti, ma kinitx implimentata mill-korp amministrattiv kompetenti (14).

30.      It-tielet nett, il-kliem tal-ewwel domanda preliminari u l-motivazzjoni pprovduta fid-digriet tar-rinviju huma relattivament qosra u astratti. Ma joffru ebda kunsiderazzjoni oħra ħlief mistoqsija dwar jekk id-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jippermettix il-mudell ta’ protezzjoni ġudizzjarja ddefinit fl-Artikolu 68(5) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

31.      Għalhekk, fl-assenza ta’ karatteristiċi distintivi addizzjonali, naħseb li r-risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju ngħatat fil-frattemp b’mod eżawrijenti bid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Alheto u  Torubarov. Fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet, ir-risposta għandha żewġ partijiet.

32.      L-ewwel nett, mis-sentenza Alheto jsegwi li l-eżistenza ta’ mudell ġudizzjarju bbażat fuq is-setgħa li deċiżjonijiet amministrattivi jiġu annullati, bħala tali, ma tiksirx ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-Istati Membri għandhom il-libertà li jistabbilixxu kwalunkwe mudell ta’ eżami minn qorti jew tribunal li jħossu li huwa xieraq. Madankollu, għandhom jiggarantixxu wkoll li f’każ li l-fajl jintbagħat lura lill-korp amministrattiv kompetenti wara l-annullament ta’ deċiżjoni oriġinali, għandha malajr kemm jista’ jkun tittieħed deċiżjoni ġdida li tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza.

33.      It-tieni nett, mis-sentenza Torubarov isegwi li fejn deċiżjoni ġudizzjarja, li fiha l-qorti tkun għamlet eżami sħiħ u ex nunc tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, tkun ġiet injorata fid-deċiżjoni sussegwenti tal-korp amministrattiv kompetenti, il-qorti għandha tibdel din id-deċiżjoni u tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-korp amministrattiv b’deċiżjoni rispettiva tagħha filwaqt li tastjeni milli tapplika d-dritt nazzjonali li jimpedixxi lill-qorti milli tagħmel dan.

34.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-istqarrijiet jipprovdu risposta suffiċjenti għall-ewwel domanda magħmula.

35.      Għalhekk l-ewwel konklużjoni provviżorja tiegħi hija li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit f’dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix lill-qrati s-setgħa li jibdlu deċiżjonijiet amministrattivi adottati fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-bżonn li jiġi żgurat li l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jkollu effett prattiku u li jiġi żgurat rimedju effettiv inkonformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-korp amministrattiv kompetenti, tiġi adottata deċiżjoni ġdida f’perijodu qasir ta’ żmien u li tkun konformi mal-evalwazzjoni magħmula fis-sentenza li tannulla d-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, meta qorti nazzjonali tikkonstata – wara li tagħmel eżami sħiħ u ex nunc tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha mressqa minn applikant għal protezzjoni internazzjonali – li, skont il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2011/95, l-applikant ikkonċernat għandu jingħata tali protezzjoni fuq il-bażi tar-raġuni invokata minnu insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda sussegwentement il-korp amministrattiv jadotta deċiżjoni opposta mingħajr ma jistabbilixxi li qamu punti ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, l-imsemmija qorti għandha tibdel id-deċiżjoni li ma tkunx konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u għandha tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li fejn ikun meħtieġ tastjeni milli tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli taġixxi b’dan il-mod.

B.      It-tieni domanda: in-natura adegwata tat-terminu ta’ 60 jum

36.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (15), jipprekludix leġiżlazzjoni li tistabbilixxi terminu mandatorju wieħed ta’ 60 jum sabiex qorti tlesti l-istħarriġ tagħha ta’ deċiżjoni amministrattiva fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, irrispettivament minn ċirkustanzi individwali u mill-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami.

37.      Se nibda billi nsemmi l-problemi li jinqalgħu meta jkunu stabbiliti termini ġenerali, mingħajr ma ssir konċessjoni għal differenzazzjoni f’każijiet individwali (punt 1). Imbagħad se nittratta t-terminu inkwistjoni minn żewġ angoli komplementari. Minn naħa, għandu jiġi anallizzat mil-lenti tad-drittijiet li għandhom ikunu ggarantiti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull każ indvidwali fl-istadju tal-istħarriġ minn qorti jew tribunal (punt 2). Min-naħa l-oħra, għalkemm ma humiex deċisivi fil-kuntest tal-każ preżenti, għandhom jissemmew ukoll l-implikazzjonijiet strutturali ta’ termini li huma potenzjalment qosra wisq sabiex il-qorti nazzjonali taħdem b’mod sodisfaċenti (punt 3).

1.      Il-problemi marbuta ma’ termini ġudizzjarji (jew, għalfejn kejl wieħed rarament ikun adegwat għall-każijiet kollha)

38.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li ħafna drabi t-terminu ta’ 60 jum ma jistax ikun osservat, jew inkella jkun osservat biss b’ħafna diffikultà, b’mod speċjali meta jkunu meħtieġa diversi seduti sabiex il-fatti jkunu ċċarati jew meta tkun trid tinġabar iktar evidenza. It-terminu jaf iġiegħel lill-qorti taġixxi bi ksur tal-liġi meta, fi sforz sabiex tosservah, ma jirnexxilhiex tiċċara l-fatti. Ħafna drabi l-applikanti jkollhom jitilgħu l-qorti personalment, flimkien ma’ interpretu, u dan jieħu ħafna ħin, b’mod partikolari fil-każ ta’ ilsna li rarament huma mitkellma fl-Ungerija. It-tlestija tal-proċedura fit-terminu stabbilit tista’ ssir iktar diffiċli jekk l-applikant ma jkunx joqgħod fil-lokalità fejn il-qorti jkollha s-sede tagħha u l-qorti tqis li huwa meħtieġ li l-applikant jidher personalment.

39.      Il-partijiet jesprimu fehmiet diverġenti dwar jekk it-terminu inkwistjoni huwiex adegwat.

40.      Waqt is-seduta r-rikorrent irrimarka li fil-prattika t-terminu inkwistjoni ma jippermettix li l-qorti twettaq analiżi fil-fond u sħiħa. Filwaqt li essenzjalment qabel mal-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent elenka għadd ta’ passi proċedurali li għandhom jittieħdu minn qorti meta tkun qed tiddeċiedi dwar kwistjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali. Jekk qorti nazzjonali tipprova twettaq eżami sħiħ li jkun tal-istandard meħtieġ, fil-prattika din ma tkunx tista’ tosserva t-terminu ta’ 60 jum.

41.      Il-Gvern Ungeriż iqis li t-terminu inkwistjoni huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod speċjali minħabba li huwa possibbli li l-qorti tuża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika u teknoloġiji ġodda sabiex tħaffef il-proċeduri f’każijiet li jkunu jeħtieġu eżami iktar kumpless.

42.      Il-Kummissjoni tosserva li peress li d-Direttiva 2013/32 ma fihiex regoli komuni rigward termini, il-kwistjoni taqa’ fi ħdan l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, hija tqis li r-rekwiżit ta’ effettività mhux qed ikun osservat minħabba li t-terminu inkwistjoni huwa uniformi u mandatorju u ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi individwali. Il-Kummissjoni tirreferi iktar speċifikament għall-abbozz tal-Artikolu 55 li jinsab fil-proposta tagħha għal regolament li jissostitwixxi d-Direttiva 2013/32 attwali (16). F’din il-proposta, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti regoli komuni rigward termini u tissuġġerixxi termini ta’ 6 xhur, xahrejn u xahar, li kull wieħed minnhom jista’ jkun imtawwal bi 3 xhur oħra. Huwa fid-dawl tat-terminu ġenerali ta’ 6 xhur li l-Kummissjoni tqis li 60 jum huma inadegwati.

43.      Waqt is-seduta, saru diversi kjarifiki importanti rigward in-natura tat-terminu inkwistjoni.

44.      L-ewwel nett, it-terminu huwa wieħed indikattiv u proċedurali. Dan it-terminu joħloq “obbligu morali” għall-ġudikanti li jiddeċiedu fi ħdan dan it-terminu. Il-Gvern Ungeriż sostna li nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ 60 jum ma għandux konsegwenzi diretti jew immedjati, la fir-rigward tal-każ innifsu u tas-setgħa li tittieħed deċiżjoni dwaru (bħal meta l-ġudikant jitlef il-kompetenza li jiddeċiedi l-każ) u lanqas fir-rigward tal-ġudikant inkwisjtoni (bħal sanzjoni awtomatika tal-ġudikant) (17).

45.      It-tieni nett, it-terminu inkwistjoni huwa ġenerali (fis-sens li japplika għall-każijiet kollha fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali) u ma jistax ikun imtawwal (billi ma hemmx mekkaniżmu sabiex it-terminu jkun imtawwal jew aġġustat mill-ġdid fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari).

46.      It-tielet nett, it-terminu jikkonċerna d-data sa meta s-sentenza għandha tinqara f’qorti bil-miftuħ, u mhux id-data sa meta s-sentenza bil-miktub għandha tiġi nnotifikata lir-rikorrent.

47.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ungeriż osserva li r-regola inkwistjoni ilha għaxar snin fis-seħħ. Għalhekk kienet teżisti qabel il-bidla leġiżlattiva ta’ Settembru 2015 rigward is-setgħa tal-qrati li jbiddlu deċiżjonijiet amministrattivi.

48.      Għandu jkun enfasizzat mill-ewwel li, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ termini għal stħarriġ bħala tali ma hijiex problematika. Jeżistu f’ħafna Stati Membri (18). Barra minn hekk, l-Artikolu 46(10) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi espliċitament għal possibbiltà bħal din. Infatti, l-eżistenza ta’ terminu għat-tlestija ta’ stħarriġ minn qorti jew tribunal tikkontribwixxi għall-għan li applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkunu ttrattati kemm jista’ jkun malajr, kif huwa ġeneralment espress fil-premessa 18 u fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2013/32.

49.      Madankollu, lil hinn minn dawn l-istqarrijiet ġenerali ta’ prinċipju, jiġifieri li termini jistgħu jkunu pprovduti u li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jitħaffu l-proċeduri ta’ stħarriġ, id-Direttiva ma fihiex regoli komuni addizzjonali.

50.      Il-proposta tal-Kummissjoni (19) tfittex li tistabbilixxi regoli dettaljati rigward termini. Madankollu, apparti l-fatt li l-proposta għadha fl-istadju ta’ proċedura leġiżlattiva li għadha għaddejja, wieħed ma jistax jiċħad, bħalma osservat l-Ungerija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fis-seduta, li din il-proposta partikolari ma ntlaqgħetx b’appoġġ universali, jekk jista’ saħansitra jingħad li kien hemm appoġġ.

51.      Jista’ jkun li din is-sitwazzjoni hija sintomatika ta’ diffikultà doppja iktar wiesgħa sabiex ikunu stabbiliti termini ġenerali u applikabbli b’mod universali għat-tul adegwat tal-istħarrig minn qorti jew tribunal.

52.      L-ewwel nett, iż-żmien huwa relattiv. Forsi ma huwa ebda sigriet li d-diversi sistemi ġudizzjarji fi ħdan l-Unjoni Ewropea jaħdmu b’veloċitajiet differenti (20). B’dan il-mod, tul speċifiku ta’ proċeduri li huwa aċċettabbli fi Stat Membru wieħed għal tip partikolari ta’ proċeduri jista’ jidher impossibbilment qasir għal Stat Membru ieħor u ġeneruż wisq għal ieħor.

53.      It-tieni nett, hemm id-diffikultà sabiex jitfasslu linji ġenerali f’termini ta’ ġranet u xhur li matulhom proċedura ġudizzjarja partikolari għandha tkun tlestiet. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tirrikonoxxi din id-diffikultà, mutatis mutandis, fil-każ ta’ evalwazzjoni ta’ jekk proċedura ġudizzjarja partikolari kinitx eċċessivament twila u b’hekk kisret id-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. F’dan il-kuntest, il-Qorti EDB żviluppat test ibbażat fuq diversi kriterji li permezz tagħhom hija tevalwa jekk it-tul ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari kienx raġonevoli jew le (21). Tali evalwazzjoni tkun dejjem tiddependi ħafna fuq il-każ: f’ċerti ċirkustanzi, tul ta’ 8 snin ikun konformi mal-Artikolu 6 tal-KEDB, filwaqt li f’każijiet oħra tul ta’ 3 snin ma jkunx. Imma huwa prattikament impossibbli li jitfasslu linji ġenerali u applikabbli universalment f’termini ta’ kemm eżattament snin u xhur ikunu kkunisdrati xierqa (22). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett timxi fuq l-istess approċċ ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (23).

54.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, li jiġu stabbiliti b’mod astratt termini għal stħarriġ li jkunu ġenerali u universalment applikabbli, kemm fir-rigward ta’ termini massimi (li lil hinn minnhom il-proċeduri jiġu awtomatikament meqjusa bħala twal wisq) jew tul minimu (li proċeduri li jieħdu inqas minnu jkunu kkunsidrati qosra wisq).

55.      Anki l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-każ preżenti tikkonferma din id-diffikultà. Minn naħa, fl-interess, li wieħed jista’ jifhem u li huwa ta’ min ifaħħru, li jiġi żgurat stħarriġ veloċi minn qorti jew tribunal fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni tidher li tapprova termini massimi b’mod ġenerali, bħalma turi l-proposta leġiżlattiva tagħha (24). Min-naħa l-oħra, meta kellha quddiemha każ speċifiku ta’ terminu li ċertament kien pjuttost qasir, il-Kummissjoni ma tistax taħbi ċerta skumdità. Imma din l-iskumdità ma huwiex fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda barra minn dan it-terminu, imma pjuttost fir-rigward ta’ dawk mogħtija fi ħdanu. Għalhekk, b’implikazzjoni, il-kapaċità li tali terminu jiġi osservat tqajjem ċertu suspett, bħala indikazzjoni possibbli ta’ xogħol mgħaġġel u mhux professjonali min-naħa tal-ġudikatur. Madankollu, xorta hemm każijiet li jistgħu jkunu deċiżi pjuttost bil-ħeffa u, ovvjament, huwa probabbli li jkun hemm xi ġudikaturi li jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod iktar effiċjenti minn oħrajn.

56.      Hemm tinsab il-problema inerenti fit-termini. Jistgħu tabilħaqq jgħinu sabiex jitħaffu l-proċeduri. Imma jistgħu potenzjalment jaqsmu dan il-kamp f’żewġ kategoriji (li jqajmu suspett indaqs): dawk li jqajmu suspett għax ikunu bil-mod wisq u dawk li jqajmu suspett għax ikunu mgħaġla wisq. F’kelma waħda, se jikkritikawk sew jekk tosserva t-termini u sew jekk ma tosservahomx.

57.      Naturalment dawn id-dubji jistgħu jkunu eliminati jekk ikun jista’ jiġi ggarantit li t-termini ġusti ġew magħżula mil-leġiżlatur u rrispettati mill-qrati. Imma dan jieħu d-diskussjoni lura lejn il-bidu u l-(im)possibbiltà li jkunu stabbiliti termini li jkunu applikabbli universalment. Minflok ma nerġa’ nqajjem hawnhekk din id-diskussjoni, nagħżel li nagħmel nota ta’ twissija fir-rigward tal-livell ta’ ottimiżmu leġiżlattiv (mhux neċessarjament ta’ għajnuna (25)) involut d’dawn it-tentattivi.

58.      Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, jibqa’ l-fatt li, fil-preżent, l-Artikolu 46(10) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi lill-Istati Membri bl-għażla li jistabbilixxu termini għal stħarrig ta’ deċiżjonijiet dwar protezzjoni internazzjonali. L-Ungerija għamlet użu minn din l-għażla u stabbilixxiet terminu ta’ 60 jum. Terminu bħal dan huwa adegwat?

2.      Evalwazzjoni għal kull każ speċifiku u orjentata lejn id-drittijiet

59.      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura adegwata ta’ terminu, il-punt tat-tluq huwa il-każ individwali. It-terminu jrid jippermetti li jsir stħarriġ sħiħ u effettiv tad-deċiżjoni amministrattiva kkonċernata, skont l-istandard meħtieġ, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent. Madankollu, anki fi ħdan din l-evalwazzjoni speċifika għall-każ, il-kuntest usa’ u l-kundizzjonijiet li fihom titħaddem il-funzjoni ġudizzjarja huma rilevanti wkoll.

60.      Flimkien mal-garanziji konkreti f’dan ir-rigward li jinsabu fil-Karta (fejn drittijiet differenti jistgħu jkunu rilevanti skont il-konfigurazzjoni speċifika ta’ kull każ), l-istandard ta’ stħarriġ meħtieġ u d-drittijiet proċedurali speċifiċi huma stabbiliti wkoll fid-dritt sekondarju, b’mod partikulari fid-Direttiva 2013/32.

61.      L-applikanti għandhom dritt għal eżami sħiħ u ex nunc, li jinkludi, jekk ikun meħtieġ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali (26), kif ukoll id-dritt li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu evalwati fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali u speċifiċi tagħhom (sew jekk fl-istadju amministrattiv u sew jekk f’dak ġudizzjarju) (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jikkoperaw, fl-istadji kollha, mal-applikanti sabiex jinġabru l-elementi kollha rilevanti għad-deċiżjoni (28). Il-proċedura ta’ eżami għandha tippermetti li jkun hemm żmien biżżejjed sabiex dawn l-obbligi jkunu sodisfatti.

62.      Sa fejn huma kkonċernati drittijiet proċedurali speċifiċi, mill-Artikolu 12(1), moqri flimkien mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li d-drittijiet li ġejjin (jew l-ekwivalenti tagħhom) għandhom ikunu ggarantiti lill-applikanti fl-istadju tal-istħarriġ.

63.      L-ewwel nett, skont l-Artikolu 12(1)(b) flimkien mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/32, għandhom jirċievu s-servizz ta’ interpretu. F’dan ir-rigward ninnota d-diffikultajiet potenzjali msemmijin mill-qorti tar-rinviju u mill-applikant sabiex jinstab (u tkun żgurata d-disponibbiltà ta’) interpretu għal xi lingwi li rarament huma mitkellma. It-tieni nett, skont l-Artikolu 12(1)(c) flimkien mal-Atrikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti ma għandhomx ikunu mċaħħda mill-opportunità li jikkomuninkaw mal-UNHCR jew ma’ kwalunkwe organizzazzjoni oħra li tipprovdi pariri legali jew pariri oħra. It-tielet nett, skont l-Artikolu 12(1)(d) flimkien mal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti u l-konsulenti legali tagħhom għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(3)(b) (29) u għall-informazzjoni pprovduta mill-esperti msemmija fl-Artikolu 10(3)(d) (30), meta din l-informazzjoni tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni bil-għan li tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tagħhom. Ir-raba’ nett, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti għandhom jingħataw għajnuna u rappreżentazzjoni legali bla ħlas. Skont l-Artikolu 22, l-applikanti għandhom jingħataw l-opportunità li jikkonsultaw ma’ konsulent legali fl-istadji kollha tal-proċedura. Il-ħames nett, skont l-Artikoli 24 u 25, għandhom ikunu pprovduti garanziji speċifiċi lil applikanti bi bżonnijiet speċjali u lil minuri mhux akkumpanjati. Is-sitt nett, jista’ jkun meħtieġ (għalkemm mhux strettament obbligatorju f’kull każ) li ssir intervista personalment mal-applikant (31) jew li jsir eżami mediku.

64.      Il-qorti tar-rinviju ma ssemmix jekk xi wħud minn dawn id-drittijiet proċedurali jew drittijiet oħra ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (u partikolarment mill-Karta) inkisrux minħabba t-terminu għal stħarriġ preskritt mil-leġiżlazzjoni.

65.      Fl-assenza ta’ informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward, il-gwida li tista’ tipprovdi l-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarjament limitata. Madankollu, b’mod ġenerali, il-qorti nazzjonali għandha taċċerta li hija tista’ tiggarantixxi (i) l-istandards ta’ stħarriġ u d-drittijiet individwali kollha msemmija iktar ’il fuq fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-kundizzjonijiet kollha tal-każ indvidwali kkonċernat (ii) fil-kuntest taċ-ċirkustanzi u tal-kundizzjonijiet kollha li fihom hija tissejjaħ sabiex teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha.

66.      Iż-żewġ punti jimxu id f’id. L-istabbiliment u t-tħaddim effettiv ta’ termini huma marbuta mal-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konfigurazzjoni u l-kumplessità tal-każ individwali u mal-ammont ta’ xogħol li jrid isir u l-kundizzjonijiet li fihom il-ġudikant inwkistjoni jrid jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjaraji tiegħu.

67.      F’ċerti ċirkustanzi, anki terminu strett jista’ jkun raġonevoli, jekk ġudikant ikun qed jittratta każ wieħed jew ftit każijiet biss u jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi tekniċi u materjali kollha meħtieġa. Madankollu, billi l-funzjonament normali tal-qrati fl-Istati Membri huwa x’aktarx ’il bogħod minn din l-utopja, minbarra l-każ individwali, l-ammont ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-qorti inkwistjoni huma wkoll rilevanti.

68.      Stat Membru jista’ ċertament jinsisti li jkun hemm ħeffa ġudizzjarja fi kwistjonijiet ta’ liġi tal-Unjoni jekk joħloq il-kundizzjonijiet ta’ organizzazzjoni u materjali meħtieġa sabiex din il-ħeffa tintlaħaq, mingħajr il-ħtieġa li tkun kompromessa l-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġudizzjaraji. Għall-kuntrarju, jekk l-unika kontribuzzjoni pprovduta minn Stat Membru tikkonsisti f’termini stretti, mingħajr ma joħloq il-kundizzjonijiet materjali raġonevolment neċessarji sabiex dawn it-termini jintlaħqu (pereżempju, jekk ġudikanti nazzjonali jkunu assenjati għexieren jew saħansitra mijiet ta’ applikazzjonijiet paralleli filwaqt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jibqgħu l-istess), f’dan il-każ l-insistenza fuq termini stretti tkun kollox barra garanzija ta’ smigħ xieraq.

69.      Jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti nazzjonali tinnota li huwa impossibbli li, fi ħdan it-terminu legali mogħti, ittemm l-istħarriġ sħiħ u ex nunc, inkluż l-eżami tal-ħtigijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-applikant iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, dik il-qorti għandha tastjeni ruħha milli tapplika d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali u ttemm l-istħarriġ kemm jista’ jkun malajr wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu (32).

70.      It-tieni konklużjoni provviżorja tiegħi għalhekk hija li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk it-terminu għall-istħarriġ stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwiex adegwat fil-każ pendenti quddiem il-qorti nazzjonali hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-obbligu tagħha li twettaq stħarriġ sħiħ u ex nunc, li jinkludi, fejn ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, filwaqt li tiżgura d-drittijiet tal-applikant kif iddefiniti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2013/32. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ jew fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġenerali li fihom il-qorti għandha twettaq il-kompiti tagħha, bħal pereżempju l-fatt li fl-istess ħin jiġi ppreżentat numru partikolarment kbir ta’ applikazzjonijiet, l-imsemmija qorti għandha tastjeni milli tapplika t-terminu applikabbli u għandha tispiċċa l-eżami malajr kemm jista’ jkun wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

71.      Għandu jingħad ukoll li jekk verament ikun meħtieġ li ma tiġix applikata regola nazzjonali li tistabbilixxi terminu għal stħarriġ minn qorti jew tribunal, bħala ultima ratio, ma għandux ikun hemm konsegwenzi negattivi diretti jew indiretti għall-ġudikant li jieħu din id-deċiżjoni. Huma dawn it-tip ta’ konsegwenzi potenzjali indiretti li se nittratta issa.

3.      Il-livell strutturali (u kummenti tal-aħħar)

72.      Waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż insista li n-nuqqas ta’ ħarsien tat-terminu inkwistjoni ma jagħti lok għal ebda konsegwenzi diretti jew immedjati għall-ġudikant ikkonċernat.

73.      Madankollu, fl-istess seduta, ir-rikorrent ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal numru ta’ konsegwenzi sa ċertu punt indiretti u sussegwenti li allegatament jistgħu jirriżultaw. Ir-rikorrent jissuġġerixxi li ġudikant li ma josservax it-termini inkwistjoni x’aktarx li jbati l-konsegwenzi f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-evalwazzjonijiet perijodiċi. Is-salarju u l-promozzjoni tiegħu jistgħu jkunu affettwati. F’każ li jonqos repetutament milli jirrispetta t-termini, il-ġudikant ikkonċernat jista’ jkun suġġett għal evalwazzjoni iktar rigoruża (straordinarja) u jkun qed jissogra li jiġi mwiddeb jew eventwalment imneħħi (33).

74.      Fil-kuntest tal-każ preżenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni, għal kull każ speċifiku u orjentata lejn id-drittijiet, tat-terminu inkwistjoni kif imfisser fis-sezzjoni preċedenti: huwa raġonevolment possibbli li ssir l-evalwazzjoni stipulata mid-dritt tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-każ individwali u l-volum globali tax-xogħol tal-qorti inkwistjoni?

75.      Naturalment, lil hinn mill-approċċ individwali u orjentat fuq id-drittijiet lejn dawn it-termini, hemm ukoll il-kwistjoni usa’, strutturali, tal-impatt ta’ dawn it-termini fuq il-kwalità tal-istħarriġ u fuq il-funzjoni ġudizzjarja nazzjonali. Il-punt ċentrali ta’ din l-evalwazzjoni tgħaddi mill-protezzjoni legali fil-każ individwali għal kwistjonijiet strutturali u t-tħaddim tas-sistema (34).

76.      Irrispettivament minn kemm huma validi u importanti dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li toqgħod tispekula f’dan ir-rigward fil-każ preżenti. Bl-eċċezzjoni tal-istqarrijiet tar-rikorrent, la d-digriet tar-rinviju u lanqas ebda informazzjoni oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kkonfermaw l-eżistenza ta’ kwistjonijiet strutturali bħal dawn. Naħseb, għalhekk, li risposta utli u suffiċjenti tista’ tingħata billi niffokaw fuq il-każ individwali, kif ġie ssuġġerit fis-sezzjoni preċedenti, filwaqt li nenfasizzaw li nuqqas iġġustifikat li ma jiġix osservat terminu li ma jkunx raġonevoli f’każ individwali ma għandux ikollu konsegwenzi, la indiretti u lanqas sussegwenti għall-ġudikant ikkonċernat.

77.      Tajjeb nirrepeti li, bħala tali, l-eżistenza ta’ termini indikattivi għal stħarriġ hija fenomenu sa ċertu punt komuni u li ma joħloqx problemi. Ma hemmx għalfejn ngħidu li ġudikanti li ma jagħmlux ix-xogħol tagħhom skont l-istandard mistenni, inkluża l-osservanza ta’ termini raġonevoli, ibatu neċessarjament xi konsegwenzi professjonali. Jistgħu jkunu mwiddba sa ċertu punt fi ħdan is-sistema ta’ evalwazzjoni interna tal-qorti kkonċernata. Jistgħu ma jinħatrux sabiex jippresjiedu f’xi awla jew ma jkunux promossi għal qorti superjuri, jew sabiex jassumu responsabbiltajiet oħra bbażati fuq il-mertu fi ħdan il-qorti. F’dan is-sens, il-professjoni ta’ ġudikant ma hijiex differenti minn ħafna professjonijiet oħra.

78.      Għalhekk, il-każ preżenti ma huwiex dwar jekk jistax ikun hemm xi termini ġudizzjarji fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazjoanli (tabilħaqq, jista’ jkun hemm), imma dwar kemm jistgħu raġonevoment ikunu twal u, bħala kwistjoni sekondarja, għal liema għan jistgħu jintużaw. Żewġ kummenti ta’ għeluq dwar dawn l-aħħar rimarki huma meħtieġa hawnhekk.

79.      L-ewwel nett, wissejt kontra ottimiżmu leġiżlattiv eċċessiv fl-istabbiliment ta’ termini universali. Madankollu, jekk is-sempliċi assenjazzjoni ta’ trattament prijoritarju lil ċertu tip ta’ każijiet ma huwiex meqjus biżżejjed u jingħażlu minflok termini ġudizzjarji fissi, il-punt essenzjali ma huwiex neċessarjament it-tul tat-termini, imma iktar it-tfassil u t-twettiq tagħhom. Li tipprova ssib kejl wieħed li jkun adegwat għall-każijiet kollha huwa punt problematiku. Għalhekk, minbarra li jkun ta’ tul raġonevoli b’kunsiderazzjoni tal-volum globali ta’ xogħol ta’ qorti jew ta’ ġudikant individwali, kull terminu għandu jkun ukoll flessibbli,  fis-sens li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi u l-kumplessità ta’ każ individwali u li jekk ikun meħtieġ it-terminu jkun estiż. Fi ftit kliem, l-awla tal-qorti ma hijiex linja ta’ assemblaġġ ġewwa fabbrika.

80.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament fakkret l-obbligu tal-Istati Membri, li joħroġ mill-Artikolu 19(1) TUE, li jinħalaq u jinżammu kundizzjonijiet adegwati li fihom tkun iggarantita l-indipendenza tal-ġudikanti u li fihom il-ġudikanti jkunu jistgħu jwettqu xogħlhom b’mod li jippermetti l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-indvidwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (35).

81.      F’termini purament ipotetiċi, sistema li fiha l-istess gwardjani tal-legalità jkunu mġiegħla jġibu ruħhom b’mod illegali, ma tantx tista’ tilħaq l-istandards tal-Artikolu 19(1) TUE. Barra dan, kieku l-osservanza ta’ termini relattivament qosra kellha xi darba tiġi infurzata, direttament jew indirettament (36), ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti garanziji robusti sabiex tiġi żgurata ugwaljanza stretta fl-infurzar tagħhom u sabiex ikun eskluż kull potenzjal għal abbuż permezz ta’ nuqqas ta’ infurzar selettiv ta’ obbligi impossibbli fil-konfront biss ta’ ċerti ġudikanti.

V.      Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti din ir-risposta lill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija):

1.      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit f’dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix lill-qrati s-setgħa li jibdlu deċiżjonijiet amministrattivi adottati fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-bżonn li jiġi żgurat li l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jkollu effett prattiku u li jiġi żgurat rimedju effettiv inkonformità mal-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-korp amministrattiv kompetenti, deċiżjoni ġdida għandha tiġi adottata f’perijodu qasir ta’ żmien u għandha tkun konformi mal-evalwazzjoni magħmula fis-sentenza li tannulla d-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, meta qorti nazzjonali tikkonstata – wara li tagħmel eżami sħiħ u ex nunc tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha mressqa minn applikant għal protezzjoni internazzjonali – li, skont il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, l-applikant ikkonċernat għandu jingħata tali protezzjoni fuq il-bażi tar-raġuni invokata minnu insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda sussegwentement il-korp amministrattiv jadotta deċiżjoni kuntrarja mingħajr ma jistabbilixxi li qamu punti ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, l-imsemmija qorti għandha tibdel dik id-deċiżjoni li ma tkunx konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u għandha tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha stess fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li fejn ikun meħtieġ tastjeni milli tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli taġixxi b’dan il-mod.

2.      L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ta’ jekk it-terminu għall-istħarriġ stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwiex adegwat fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-obbligu tagħha li twettaq eżami sħiħ u ex nunc, li jinkludi, fejn ikun il-każ, eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-applikant kif iddefiniti, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2013/32. Jekk il-qorti nazzjonali tqis li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ jew fid-dawl tal-kundizzjonijiet ġenerali li fihom il-qorti għandha twettaq il-kompiti tagħha, bħal pereżempju l-fatt li fl-istess ħin jiġi ppreżentat numru partikolarment kbir ta’ applikazzjonijiet, l-imsemmija qorti għandha tastjeni milli tapplika t-terminu applikabbli, meta dan ikun meħtieġ, u għandha tispiċċa l-eżami malajr kemm jista’ jkun wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


3      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C-585/16, EU:C:2018:584), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C-556/17, EU:C:2019:626).


4      Il-każ preżenti jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, bħalma osservat korrettament il-qorti tar-rinviju. Madanakollu, iż-żewġ domandi magħmula jqajmu l-kwistjoni tal-parametri speċifiċi tad-dritt għal rimedju effettiv fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali quddiem qorti jew tribunal. Bħalma josservaw il-partijiet kollha interessati, bħala prinċipju, id-dispożizzjoni relevanti għall-każ preżenti hija għalhekk l-Artiklu 46 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 46(3), li jittratta speċifikament id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, u mhux l-Artikolu31, li jirrigwarda l-proċedura tal-eżami amministrattiv.


5      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Billi l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti f’dan l-instrument, u fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, jien se nqis li din ir-referenza hija għall-Artikolu 47 tal-Karta.


6      Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C-585/16, EU:C:2018:584, punt 114).


7      Ibid., punti 110 sa 113 u 145 sa 148.


8      Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C-556/17, EU:C:2019:626).


9      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


10      Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C-556/17, EU:C:2019:626, punt 65).


11      Ibid., punt 66.


12      Ibid., punt 72.


13      Ibid., punt 77.


14      Huwa magħruf biss li fil-fatt kien hemm żewġ deċiżjonijiet preċedenti dwar l-istess applikant (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).


15      Bħalma mfisser iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 5.


16      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM/2016/0467); Attwalment is-suġġett tal-proċedura leġiżlattiva 2016/0224/COD.


17      Madankollu, mit-tweġiba redatta b’attenzjoni tal-Gvern Ungeriż, jista’ jidher ukoll li dawn l-affermazzjonijiet ma jeskludux konsegwenzi indiretti u iktar tard għall-ġudikant inwkistjoni – ara l-punti 72 u 73 iktar ’il quddiem.


18      Jidher li l-leġiżlazzjoni fid-diversi Stati Membri hija pjuttost differenti. Uħud mill-Istati Membri ma jipprevedux termini, u dawk li jipprevedu tali termini jistabbilixxuhom b’tulijiet differenti. Ara l-istudji mwettqa mill-European Migration Network, EMNAd-Hoc Query on Judicial review of appeals against international protection decisions, Requested by BG EMN NCP on 11th April 2018 (fir-rigward ta’ 22 Stat Membru u n-Norveġja) u EMN Ad-Hoc Query on accelerated asylum procedures and asylum procedures at the border (part 2,: Requested by EE EMN NCP on 13th February 2017 (fir-rigward ta’ 20 Stat Membru u n-Norveġja).


19      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, iktar ’il fuq.


20      Ara r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa European Commission for the Efficiency of Justice (CEPEJ), Report evaluating European judicial systems - 2014 edition (2012 data), CEPEJ Studies No.20 (disponibbli fuq l-internet: https://www.coe.int/en/web/cepej/documentation/cepej-studies), b’mod partikolari l-paragun tat-tul medju tal-proċeduri f’numru ta’ tipi ta’ kawżi fl-ewwel istanza mwettaq fil-punt 9.3 (pp. 230 sa 257).


21      Bħala eżempju reċenti, “in-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċeduri għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, li jeħtieġu analiżi globali, u fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti, b’mod partikolari l-kumplessità tal-każ, l-aġir tar-rikorrent u tal-awtoritajiet rilevanti u l-interess tal-applikant fit-tilwima.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Enfasi miżjuda. Qorti EDB, sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, O’Sullivan McCarthy Mussel Development Ltd vs L-Irlanda (CE:ECHR:2018:0607JUD004446016, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal ħarsa komprensiva tal-ġurisprudenza ara, pereżempju, CEPEJ, Length of court proceedings in the member states of the Council of Europe based on the case law of the European Court of Human Rights, 3rd edition, CEPEJ Studies No. 27 (disponibbli fuq l-internet: https://www.coe.int/en/web/cepej/documentation/cepej-studies).


22      Ara u qabbel, pereżempju, Qorti EDB, sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2000, Van Pelt vs Franza, (CE:ECHR:2000:0523JUD003107096, punt 48), u tas-26 ta’ Mejju 1993, Bunkate vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1993:0526JUD001364588, punti 21 sa 23).


23      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-12 ta’Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (C-411/15 P, EU:C:2017:11, punti 168 u 169 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (T-673/15, EU:T:2017:377, punt 134).


24      Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.


25      Ir-realtà f’għadd ta’ qrati amministrattivi nazzjonali tal-ewwel istanza hija xhieda tal-fatt li, f’sens metaforiku, sabiex ikunu żgurati l-ħeffa u l-kwalità ġudizzjarja, li tkabbar almenu karrotta waħda huwa dejjem iktar ta’ għajnuna milli tipproduċi bastun ieħor.


26      Skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C-585/16, EU:C:2018:584, punti 105 u 106), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov  (C-556/17, EU:C:2019:626, punt 51).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ ettembru 2012, Y u Z (C-71/11, EU:C:2012:518, punt 77); tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C-148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 57); tal-25 ta’ Jannar 2018, F (C-473/16, EU:C:2018:36, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C-652/16, EU:C:2018:801, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C-277/11, EU:C:2012:744, punt 66).


29      Jiġifieri, “[I]nformazzjoni preċiża u aġġornata” miksuba mill-awtoritajiet “minn sorsi varji, bħall-EASO u l-UNHCR u organizzazzjonijiet rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini tal-applikanti u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom”.


30      Jiġifieri, l-informazzjoni fil-parir li l-“persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet” ikun talab “minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess”.


31      Rigward l-obbligu possibbli li jsiru arranġamenti għal intervista personali mal-applikant fl-istadju ġudizzjarju, ara s-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C-348/16, EU:C:2017:591, punti 37 u 44 sa 48). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C-383/13 PPU, EU:C:2013:533, punti 32 sa 34).


32      Fir-rigward tal-effett dirett kemm tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.


33      Għandi nifhem li tneħħija bħal din tista’ sseħħ, bħalma huwa l-każ f’għadd ta’ Stati Membri oħra, wara proċeduri dixxiplinari kontra l-ġudikant inkwistjoni. Fil-fatt, hemm it-tendenza li nuqqas ta’ ħarsien ta’ termini applikabbli jitqies bħala ksur dixxiplinari f’għadd ta’ ġuruisdizzjonijiet.


34      Fejn iż-żewġ perspettivi huma komplementari, imma jirrikjedu tipi differenti ta’ evidenza u argument legali. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:339, punti 57 sa 61).


35      Ara b’mod speċjali s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117, b’mod speċjali l-punti 32 sa 37); tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, b’mod speċjali l-punti 50 sa 53); u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C-619/18, EU:C:2019:531, b’mod speċjali l-punti 47 sa 50, 54 sa 55 u 71 et seq.).


36      Bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi elenkati fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.