Language of document : ECLI:EU:C:2019:1077

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Kriterji – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali”

Fil-Kawżi magħquda C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019, imressqa rispettivament mill-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2019, u mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa kontra

JR (C‑566/19 PPU),

YC (C‑626/19 PPU),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal JR, minn P.‑F. Onimus, E. Moyne, G. Goubin u F. Joyeux, avukati,

–        għal YC, minn T. E. Korff u H. G. Koopman, advocaten,

–        għall-Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg, minn J. Petry,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u N. Bakkenes,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn G. Hodge u M. Browne, bħala aġenti, assistiti minn R. Kennedy, SC,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, rispettivament fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa, fl‑24 ta’ April 2019, mill-procureur de la République (iktar ’il quddiem il-Prosekutur tar-Repubblika) fi ħdan it-Tribunal de grande instance de Lyon (il-Qorti Reġjonali ta’ Lyon, Franza), għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra JR (Kawża C‑566/19 PPU), u, fis‑27 ta’ Marzu 2019, mill-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-Tribunal de grande instance de Tours (il-Qorti Reġjonali ta’ Tours, Franza), għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra YC (Kawża C‑626/19 PPU).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jiddisponi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

6        Skont l-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

 Id-dritt Franċiż

 Il-Kostituzzjoni

7        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni tal‑4 ta’ Ottubru 1958:

“Il-President tar-Repubblika huwa garanti tal-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja.”

 Id-Digriet dwar il-Liġi Bażika fuq l-Istatus tal-Ġudikatura

8        Skont l-Artikolu 51 tal-ordonnance n° 58‑1270 du 22 décembre 1958 portant loi organique relative au statut de la magistrature (id-Digriet Nru 58‑1270 tat‑22 ta’ Diċembru 1958 dwar il-Liġi Bażika fuq l-Istatus tal-Ġudikatura, JORF tat‑23 ta’ Diċembru 1958, p. 11551):

“Il-Prosekuturi huma taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-kapijiet ġerarkiċi tagħhom u taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja. Madankollu, fis-seduta huma jistgħu jitkellmu liberament.”

 Il-KPK

9        Il-Ktieb I tal-parti leġiżlattiva tal-code de procédure pénale) (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem il-“KPK”), intitolat “Dwar l-iżvolġiment tal-politika penali, l-eżerċizzju tal-prosekuzzjoni u l-istruzzjoni”, huwa kompost minn erba’ titoli.

10      It-Titolu I tal-Ktieb I tal-KPK, intitolat “Dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tal-politika penali, il-prosekuzzjoni u l-istruzzjoni”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 30, 31 u 36 tiegħu. Dan l-Artikolu 30 jistipula:

“Il-Ministru tal-Ġustizzja jħaddan il-politika penali ffissata mill-Gvern. Huwa jiżgura l-koerenza tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tar-Repubblika.

Għal dan il-għan, huwa jindirizza istruzzjonijiet ġenerali lill-Prosekuturi mal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

Huwa ma jista’ jagħtihom ebda istruzzjoni f’kawżi individwali.

[…]”

11      L-Artikolu 31 tal-KPK huwa redatt kif ġej:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżerċita l-prosekuzzjoni u jeħtieġ l-applikazzjoni tal-liġi, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità li għalih huwa marbut.”

12      L-Artikolu 36 tal-KPK jiddisponi:

“Il-Prosekutur Ġenerali jista’ jordna lill-Prosekuturi tar-Repubblika, permezz ta’ istruzzjonijiet bil-miktub inklużi fil-proċess, sabiex jibdew jew jirranġaw sabiex jinbdew proċeduri jew jibagħtu lill-qorti kompetenti talbiet bil-miktub li huma meqjusa xierqa.”

13      It-Titolu III tal-Ktieb I tal-KPK, intitolat “Il-Qrati Istruttorji”, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu I, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Dwar il-Qorti Istruttorja: il-Qorti Istruttorja tal-ewwel grad”, huwa maqsum fi tlettax‑il taqsima.

14      L-Artikolu 122 tal-KPK, li jinsab fit-Taqsima 6 ta’ dan il-Kapitolu I, intitolat “Dwar il-mandati u l-eżekuzzjoni tagħhom”, jiddisponi:

“Il-Qorti Istruttorja tista’, skont il-każ, toħroġ mandat ta’ riċerka, ta’ dehra, sabiex persuna tinġieb quddiemha jew ta’ arrest. Il-Qorti tal-Libertajiet u tad-Detenzjoni tista’ toħroġ mandat ta’ detenzjoni.

[…]

Il-mandat ta’ arrest huwa l-ordni mogħti lill-forza pubblika sabiex tfittex il-persuna li fir-rigward tagħha nħareġ u sabiex twassalha quddiemha wara li, jekk ikun il-każ, tittieħed fil-penitenzjarju indikat fuq il-mandat, fejn din tiġi rċevuta u miżmuma.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 131 tal-KPK, li wkoll jagħmel parti minn din it-Taqsima 6:

“Jekk il-persuna rikjesta tkun ħarbet jew tkun tirrisjedi barra t-territorju tar-Repubblika, il-Qorti Istruttorja, wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Prosekutur tar-Repubblika, tista’ toħroġ mandat ta’ arrest kontra tagħha jekk il-fatt ikun jinkludi piena ta’ priġunerija korrettiva jew piena iktar gravi.”

16      L-Artikolu 170 tal-KPK, li jinsab fit-Taqsima 10 tal-Kapitolu I tat-Titolu III tal-Ktieb I tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Dwar in-nullità tal-investigazzjoni”, jipprovdi:

“F’dan il-qasam, l-Awla Istruttorja tista’, matul l-investigazzjoni, tiġi adita għall-finijiet ta’ annullament ta’ att jew ta’ att proċedurali mill-Qorti Istruttorja, mill-Prosekutur tar-Repubblika, mill-partijiet jew mix-xhud assistit.”

17      Il-Ktieb IV tal-KPK, iddedikat għall-“[u]ħud mill-proċeduri partikolari”, jinkludi, b’mod partikolari, Titolu X, intitolat “Dwar l-għajnuna legali internazzjonali” u maqsum f’seba’ kapitoli, fejn il-Kapitolu IV tiegħu huwa intitolat “Dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Ġunju 2002 u l-proċeduri ta’ konsenja li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi mill-Unjoni Ewropea ma’ Stati oħra”. L-Artikolu 695‑16 tal-KPK, li jinsab f’dan il-Kapitolu IV, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan il-Qorti Istruttorja, ta’ Ġudizzju jew ta’ Applikazzjoni tal-Pieni li jkunu ħarġu mandat ta’ arrest jeżegwixxu dan taħt il-forma ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jew fuq talba tal-qorti, jew ex officio, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 695‑12 sa 695‑15.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C566/19 PPU

18      Fl‑24 ta’ April 2019, il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-tribunal de grande instance de Lyon (il-Qorti Reġjonali ta’ Lyon) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra JR, issuspettat li kien involut fi ksur relatat ma’ organizzazzjoni kriminali.

19      Dan il-mandat kien inħareġ b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ fl-istess ġurnata mill-Qorti Istruttorja tat-tribunal de grande instance de Lyon (il-Qorti Reġjonali ta’ Lyon).

20      Fl‑istess 24 ta’ April 2019, JR ġie arrestat fil-Lussemburgu abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, fil‑25 ta’ April 2019, il-Qorti Istruttorja tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) fejn kien tressaq JR, ħelsitu wara li kkunsidra li d-deskrizzjoni tal-fatti li jinsabu fl-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew kienu qosra ħafna u ma kinux jippermettulha tifhem in-natura tal-ksur ikkontestat lil JR.

21      Fit‑28 ta’ Mejju 2019, il-Prosekutur tal-Istat tal-Lussemburgu talab lix-Chambre du conseil (l-Awla tal-Kunsill) tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) li tiddikjara li kien hemm lok li l-awtoritajiet Franċiżi jingħataw lil JR.

22      Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2019, ix-Chambre du conseil (l-Awla tal-Kunsill) tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal annullament tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew imressqa minn JR u laqgħet it-talba għall-konsenja ta’ dan tal-aħħar lill-awtoritajiet Franċiżi.

23      JR appella dan id-digriet quddiem il-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu) fejn sostna, prinċipalment, li l-prosekuturi fi Franza ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn dawn jistgħu jkunu suġġetti għal istruzzjonijiet indiretti min-naħa tal-poter eżekuttiv.

24      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, prima facie, il-Prosekuturi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur jistgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza imposti mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), sa fejn, skont l-Artikolu 30 tal-KPK, il-Ministru tal-Ġustizzja ma jistax jindirizza istruzzjonijiet f’kawżi individwali. Madankollu, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 36 tal-KPK jawtorizza lill-Prosekutur Ġenerali, jekk huwa jqis li dan huwa xieraq, sabiex jordna lill-Prosekuturi tar-Repubblika, permezz ta’ istruzzjonijiet bil-miktub, li jressqu proċeduri jew li jadixxu lill-qorti kompetenti b’talbiet bil-miktub.

25      Għalhekk, u b’referenza għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:337), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-rabta ġerarkika hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ indipendenza meħtieġa sabiex awtorità nazzjonali tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

26      Din il-qorti ssostni wkoll li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa kkaratterizzat mill-indiviżibbiltà tiegħu, fis-sens li att imwettaq minn wieħed mill-membri tiegħu huwa f’isem l-Uffiċċju tal-Prosekutur kollu. Barra minn hekk, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kellu jikkontrolla, f’kawża, l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżamina n-natura proporzjonata tiegħu, huwa fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għall-proċeduri kriminali fl-istess kawża, b’tali mod li l-imparzjalità tiegħu tkun tista’ tidher dubjuża.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’Appel (il-Qorti tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Prosekutur Pubbliku Franċiż fil-qorti istruttorja jew fil-qorti li għandha tagħti deċiżjoni, li huwa kompetenti fi Franza taħt id-dritt ta’ dan l-Istat, għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, jista’ jiġi kkunsidrat li huwa awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens awtonomu msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], f’ċirkustanzi fejn, filwaqt li jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżamina n-natura proporzjonata tiegħu fid-dawl tal-fatti tal-fajl kriminali, huwa fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fl-istess kawża?”

 Kawża C626/19 PPU

28      Fis‑27 ta’ Marzu 2019, il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan it-tribunal de grande instance de Tours (il-Qorti Reġjonali ta’ Tours, Franza) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra YC, issuspettat li kien ipparteċipa f’serqa bil-vjolenza fi Franza.

29      Dan il-mandat kien inħareġ b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ fl-istess ġurnata mill-Qorti Istruttorja tat-tribunal de grande instance de Tours (il-Qorti Reġjonali ta’ Tours).

30      Sussegwentement fil‑5 ta’ April 2019, YC ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

31      Fl-istess ġurnata, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 23 tal-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) tad‑29 ta’ April 2004 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, adixxa r-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jeżamina l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

32      Il-qorti tar-rinviju tqis li, hekk kif jirriżulta mill-punti 50, 74 u 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), prosekutur jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jekk jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, jekk huwa jaġixxi b’mod indipendenti u jekk id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju.

33      F’dan il-każ, fl-opinjoni ta’ din il-qorti, l-ewwel żewġ rekwiżiti huma ssodisfatti sa fejn, fi Franza, il-Prosekuturi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u ma humiex esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mingħand il-poter eżekuttiv.

34      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet rekwiżit, l-imsemmija qorti tosserva li, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u n-natura proporzjonata tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju separat. Madankollu, fil-prattika, meta jinħareġ il-mandat ta’ arrest nazzjonali, li minnu jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti Istruttorja teżamina wkoll il-kundizzjonijiet u l-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ dan l-aħħar mandat.

35      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-evalwazzjoni ġudizzjarja li saret meta nħareġ il-mandat ta’ arrest nazzjonali, u għalhekk qabel id-deċiżjoni effettiva tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, dwar il-proporzjonalità tal-eventwali ħruġ ta’ dan l-aħħar mandat hijiex konformi, essenzjalment, mar-rekwiżiti stabbiliti mill-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li jipprovdu li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju li jissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

36      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-fatt li, skont l-informazzjoni li ngħatatilha mill-awtoritajiet Franċiżi, qorti tista’ tiġi adita b’rikors għal annullament tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-persuna kkonċernata wara l-konsenja effettiva tagħha lill-Istat Membru emittenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-possibbiltà tissodisfax dawn l-istess rekwiżiti.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Prosekutur pubbliku li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, li jaġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi kkwalifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584] jekk, fl-Istat emittenti, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ dan il-prosekutur pubbliku li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew imħallef ikun evalwa l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tagħha?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjoni msemmija fil-punt 75 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Mejju 2019 ([C‑508/18 u C‑82/19 PPU], EU:C:2019:456), li tirrikjedi li għandu jkun possibbli li d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja li tissodisfa b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija ssodisfatta jekk jirriżulta li hemm rimedju ġuridiku għall-persuna mfittxija, wara l-konsenja effettiva tagħha, li permezz tiegħu n-nullità tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi invokata quddiem il-qorti fl-Istat emittenti u li bih din il-qorti teżamina b’mod partikolari n-natura proporzjonali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew?”

38      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2019, il-Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq il-proċedura b’urġenza

39      Fis‑17 ta’ Settembru 2019, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tirreferi r-rinviji fil-Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

40      Fil-fatt, wara li rrilevat li ż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jaqa’ taħt it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u li għalhekk kienu s-suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja irrilevat, fir-rigward tal-Kawża C‑626/19 PPU, li fir-rigward tagħha r-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) kienet talbet li hija tiġi suġġetta għal din il-proċedura, li YC kienet imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni kienet tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-Kawża C‑566/19 PPU, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm JR ma kienx imċaħħad mil-libertà, il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża kienet intrinsikament marbuta ma’ dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑626/19 PPU, b’tali mod li, sabiex tingħata risposta għar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, dik il-kawża kellha tiġi suġġetta ex officio għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

41      Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Prosekuturi ta’ Stat Membru, inkarigati mill-prosekuzzjoni u li kienu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, u, min-naħa l-oħra, jekk ir-rekwiżit tal-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tiegħu, li għalih jagħmel riferiment il-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), huwiex issodisfatt meta, fl-Istat Membru emittenti, qorti teżerċita dan l-istħarriġ u teżamina n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew qabel l-adozzjoni tagħha u jekk, fin-nuqqas ta’ dan, dan ikun il-każ meta stħarriġ ġudizzjarju jista’ wkoll jiġi eżerċitat kontra din id-deċiżjoni, wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.

 Kummenti preliminari

42      Għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għandu jiġi osservat ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, tikkostitwixxi l-ewwel konkretizzazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-deċiżjoni qafas. Minn dakinhar, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali kienet adottat gradwalment strumenti legali li l-applikazzjoni kkoordinata tagħhom hija intiża sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom bl-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Unjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali sabiex tiġi evitata kwalunkwe impunità tal-awturi tal-ksur.

44      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għandu wkoll jiġi osservat li l-effettività u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssemplifikata ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li jkunu kisru l-liġi kriminali, stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huma msejsa fuq l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti minn din id-deċiżjoni qafas li l-portata tagħha ġiet ippreċiżata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47      F’dan il-każ, ir-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom il-qrati tar-rinviju jitolbu kjarifiki jirrigwardaw, minn naħa, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tiġi żgurata lill-persuni li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

48      F’dan ir-rigward, u hekk kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat.

49      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Prosekutur Ġenerali ta’ Stat Membru li, filwaqt li huwa strutturalment indipendenti mill-poter ġudizzjarju, huwa kompetenti sabiex jeżerċita l-proċeduri kriminali u li l-istatus tiegħu, f’dan l-Istat Membru, jagħtih garanzija ta’ indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u ħalliet lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk, barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-Prosekutur jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”

50      L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jindika l-awtorità ġudizzjarja emittenti bħala li hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dan l-Istat.

51      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-“awtorità ġudizzjarja” li għandha l-kompetenza li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, is-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru, peress li dan il-kunċett jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fil-kuntest li jinsabu fih kif ukoll l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jista’ jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru u jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fejn l-imsemmija indipendenza teħtieġ li jkunu jeżistu regoli statutorji u organizzattivi li jiżguraw li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal kwalunkwe riskju li tiġi suġġetta, b’mod partikolari, għal investigazzjoni individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 51 u 74).

53      F’dan il-każ, il-parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li fi Franza għandhom il-kwalità ta’ proskuturi, ma hijiex ikkontestata.

54      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn il-prosekuturi jaġixxu b’mod indipendenti fil-qadi tal-funzjonijiet inerenti fil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż jirriżulta li l-Artikolu 64 tal-Kostituzzjoni jiggarantixxi l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja li hija komposta minn imħallfin u prosekuturi u li, skont l-Artikolu 30 tal-KPK, il-Prosekutur jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv, protett minn kull istruzzjoni individwali li tirriżulta mill-poter eżekuttiv, u l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ biss jindirizza struzzjonijiet ġenerali ta’ politika penali sabiex tiġi żgurata l-koerenza ta’ din il-politika fit-territorju kollu lill-Prosekuturi. Skont dan il-gvern, dawn l-istruzzjonijiet ġenerali ma jistgħu fl-ebda każ ikollhom l-effett li jipprekludu lil prosekutur li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 31 tal-KPK, il-Prosekutur jeżerċita l-prosekuzzjoni u jeħtieġ l-applikazzjoni tal-liġi b’osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

55      Tali elementi huma biżżejjed sabiex juru li, fi Franza, il-Prosekuturi għandhom is-setgħa li jevalwaw b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta mqabbla mal-poter eżekuttiv, il-ħtieġa u n-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżerċitaw din is-setgħa b’mod oġġettiv, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw.

56      Għalkemm huwa minnu li l-Prosekuturi huma obbligati li jikkonformaw ruħhom mal-istruzzjonijiet mogħtija mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), kif ukoll tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), li r-rekwiżit ta’ indipendenza, li jeskludi li l-poter deċiżjonali ta’ dawn tal-ewwel ikun suġġett għal istruzzjonijiet esterni mill-poter ġudizzjarju, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, ma jipprojbixxix l-istruzzjonijiet interni li jistgħu jingħataw lill-Prosekuturi mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom, huma stess prosekuturi, abbażi tar-rabta ta’ subordinazzjoni li tirregola l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

57      L-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur lanqas ma hija kkontestata mill-fatt li dan huwa responsabbli għall-eżerċizzju tal-prosekuzzjoni. Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg (il-Prosekutur Ġenerali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jirrigwardax biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett japplika wkoll għall-prosekutur ġenerali ta’ Stat Membru kompetenti sabiex jeżerċita l-proċeduri kriminali, sakemm l-istatus tiegħu jagħtih garanzija ta’ indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 57).

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Prosekuturi ta’ Stat Membru, inkarigati mill-prosekuzzjoni u li kienu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, peress li l-istatus tagħhom jagħtihom garanzija ta’ indipendenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-poter eżekuttiv, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

59      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għalhekk, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

61      B’mod partikolari, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-ħruġ u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 71 u 73).

62      Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 75).

63      Tali rimedju kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ma tikkostitwixxix qorti intiża li tiggarantixxi li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u b’mod partikolari n-natura proporzjonali tagħha jiġi eżerċitat fil-kuntest ta’ proċedura li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

64      Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ regoli tal-proċedura li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għall-oħra.

65      B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ dritt ta’ rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħud minn awtorità ġudizzjarja li ma hijiex qorti jikkostitwixxi biss possibbiltà f’dan ir-rigward.

66      Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprekludix lil Stat Membru milli japplika r-regoli proċedurali tiegħu fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew sakemm dan ma jipprekludix l-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas u r-rekwiżiti li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 53).

67      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jirriżulta neċessarjament, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, minn mandat ta’ arrest nazzjonali, mogħti minn qorti, ġeneralment il-Qorti Istruttorja. Skont l-Artikolu 131 tal-KPK, jekk il-persuna rikjesta tkun ħarbet jew tkun tirrisjedi barra t-territorju Franċiż, il-Qorti Istruttorja, wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Prosekutur tar-Repubblika, tista’ toħroġ mandat ta’ arrest kontra tagħha jekk il-fatt ikun jinkludi piena ta’ priġunerija korrettiva jew piena iktar gravi.

68      Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑626/19 PPU, jirriżulta li meta mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jinħareġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-qorti li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest nazzjonali li fuq il-bażi tiegħu l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ titlob fl-istess ħin lill-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew u jevalwa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew u b’mod partikolari tan-natura proporzjonata tiegħu.

69      Barra minn hekk, skont il-Gvern Franċiż, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’, bħala att proċedurali, tkun is-suġġett ta’ azzjoni għall-annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 170 tal-KPK. Tali azzjoni, li nbdiet sakemm tiżvolġi l-investigazzjoni kriminali, tippermetti lill-partijiet fil-proċedura li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tagħhom. Jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ kontra persuna li għadha ma hijiex parti fil-proċedura, din tista’ teżerċita l-azzjoni għall-annullament wara l-konsenja effettiva tagħha u d-dehra tagħha quddiem il-Qorti Istruttorja.

70      L-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, ta’ tali regoli proċedurali turi li n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju preliminari, jew kważi fl-istess waqt mal-ħruġ tiegħu u, fi kwalunkwe każ, wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, peress li dan l-eżami jista’ għalhekk iseħħ, skont il-każ, qabel jew wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.

71      Tali sistema tissodisfa, għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

72      Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija parti minn sistema globali ta’ garanziji dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti minn leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw lill-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha, anki qabel il-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti.

73      B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), jimponi fuq l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li tinforma, mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà, il-persuni li l-konsenja tagħhom hija mitluba, li għandhom id-dritt li jaħtru avukat fl-Istat Membru emittenti.

74      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Prosekuturi ta’ Stat Membru, inkarigati mill-prosekuzzjoni u li kienu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, peress li l-istatus tagħhom jagħtihom garanzija ta’ indipendenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-poter eżekuttiv, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom persuna li fir-rigward tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali huma ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Prosekuturi ta’ Stat Membru, inkarigati mill-prosekuzzjoni u li kienu taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, peress li l-istatus tagħhom jagħtihom garanzija ta’ indipendenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-poter eżekuttiv, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandha tibbenefika minnhom persuna li fir-rigward tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali huma ssodisfatti meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ dan il-mandat u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju f’dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwi tal-kawża: il-Franċiż u l-Olandiż.