Language of document : ECLI:EU:C:2019:1079

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Kriterji – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Stat Membru għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena”

Fil-Kawża C‑627/19 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’

ZB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ZB, minn M. A. C. de Bruijn, advocaat,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u N. Bakkenes

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u C. Pochet kif ukoll minn J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn G. Hodge u M. Browne, bħala aġenti, assistiti minn R. Kennedy, SC,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fl‑24 ta’ April 2019 mill-Procureur des Konings te Brussel (il-Prosekutur tar-Re għal Brussell, il-Belġju) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ żewġ pieni ta’ priġunerija mogħtija fil-konfront ta’ ZB.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 6, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma redatti kif ġej:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jiddisponi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.”

6        Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

7        L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:

[…]

(c)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[…]

(f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

[…]”

 Id-dritt Belġjan

 Il-Kostituzzjoni Belġjana

8        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151(1) tal-belgische Grondwet (il-Kostituzzjoni Belġjana):

“L-imħallfin huma indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ġudizzjarji tagħhom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa indipendenti fl-eżerċizzju ta’ riċerki u prosekuzzjonijiet individwali, bla ħsara għad-dritt tal-ministru kompetenti li jordna l-prosekuzzjoni u li jadotta direttivi vinkolanti ta’ politika penali, inkluż fil-qasam tal-politika ta’ riċerka u prosekuzzjoni.”

 Il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew

9        L-Artikolu 32(2) tal-wet betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) tad‑19 ta’ Diċembru 2003 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075), jiddisponi:

“Meta persuna rikjesta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni hija meqjusa li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-Procureur des Konings’ [(il-Prosekutur tar-Re, il-Belġju)] joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-forma u taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3.

Jekk, f’dan il-każ, il-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni tkun ingħatat permezz ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja u jekk il-persuna rikjesta ma tkunx ġiet iċċitata personalment jew informata b’xi mod ieħor mid-data u l-post tas-seduta li tkun ippreċediet is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l-persuna rikjesta ser ikollha l-possibbiltà li tikkontestaha fil-Belġju u din tiġi deċiża fil-preżenza tagħha.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Fl‑24 ta’ April 2019, il-Procureur des Konings’ te Brussel (il-Prosekutur tar-Re għal Brussell) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ ZB għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fis‑7 ta’ Frar 2019 mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) li permezz tagħha ZB ġie kkundannat għal pieni ta’ priġunerija ta’ tletin xahar u ta’ sena.

11      Fit‑3 ta’ Mejju 2019, ZB ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

12      Fl-istess jum, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 23 tal-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) tad‑29 ta’ April 2004 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, adixxa r-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jeżamina l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

13      Il-qorti tar-rinviju ssostni, minn naħa, li mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani fil-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-Belġju, il-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u jaġixxu b’mod indipendenti mingħajr ma jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mingħand il-poter eżekuttiv.

14      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rimedju separat kontra d-deċiżjoni li jinħareġ tali mandat.

15      L-imsemmija qorti tistaqsi, għalhekk, jekk il-kundizzjoni li tinsab fil-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), li tgħid li d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonata ta’ tali deċiżjoni għandhom jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, japplika wkoll fil-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

16      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tqis li r-rekwiżiti stabbiliti permezz tas-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), kif ukoll tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), għandhom ikunu ssodisfatti għall-mandati ta’ arrest Ewropew kollha, kemm jekk dawn huma maħruġa għal finijiet ta’ proċeduri kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena, inkluż meta jirriżultaw minn sentenza definittiva mogħtija minn qorti, hija tirrileva madankollu li, f’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom opinjoni differenti dwar dan.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija imposta permezz ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ mħallef jew ta’ qorti u jkun inħareġ minn prosekutur pubbliku li jipparteċipa fl-amminstrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, u li l-indipendenza tiegħu hija ggarantita fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu inerenti fil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, huwa wkoll meħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew – u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni – li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

18      Fis‑17 ta’ Settembru 2019, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tirreferi r-rinviju fil-Kawża C‑627/19 PPU għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

19      Fil-fatt, wara li rrilevat li r-rinviju kien jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jaqa’ taħt it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u għalhekk, hekk kif mitlub mill-qorti tar-rinviju, kien suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li ZB kien jinsab, mit‑3 ta’ Mejju 2019, taħt arrest għall-estradizzjoni fl-istennija ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontrih u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni kienet tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tagħti l-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena lil awtorità li, filwaqt li tieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, ma tipprevedix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju separat kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li toħroġ tali mandat ta’ arrest Ewropew.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għandu jiġi osservat ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, tikkostitwixxi l-ewwel konkretizzazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, stabbilit fl-Artikolu 82(1) TFUE li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata din id-deċiżjoni qafas. Minn dakinhar, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali kienet adottat gradwalment strumenti legali li l-applikazzjoni kkoordinata tagħhom hija intiża sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom bl-għan li jiġi żgurat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Unjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali sabiex tiġi evitata kwalunkwe impunità tal-awturi tal-ksur.

23      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din. Issa, minn dan l-artikolu jirriżulta li tali mandat ta’ arrest jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja”, li jirrikjedi li jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssostni li mill-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali jirriżulta li, fil-Belġju, il-Prosekuturi jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punti 51 u 74 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), sabiex jiġu kklassifikati bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, sa fejn huma jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru u li jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

27      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan ikkonferma wkoll, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, li l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-eżerċizzju ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet individwali hija ggarantita mill-Kostituzzjoni Belġjana. Il-Gvern Belġjan, bl-istess mod, indika li, għalkemm il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jifformula direttivi fil-qasam tal-politika penali, dawn la jikkostitwixxu ordnijiet u lanqas istruzzjonijiet għal kawża partikolari.

28      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena għandhiex tkun suġġetta fl-Istat Membru emittenti għal azzjoni ġudizzjarja.

29      F’dan ir-rigward, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna rikjesta, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għalhekk, fir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68).

31      B’mod partikolari, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżumi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-ħruġ u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 71 u 73).

32      Fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti l-kompetenza sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni, għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 71 u 75).

33      F’dan il-każ, b’differenza mis-sitwazzjonijiet li wasslu għas-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), kif ukoll tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457), li kienu jirrigwardaw mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, il-kawża prinċipali tikkonċerna mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena.

34      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1)(c) u (f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tali mandat isegwi minn sentenza definittiva li tiddeċiedi għal piena ta’ priġunerija fil-konfront tal-persuna kkonċernata, li permezz tagħha l-preżunzjoni ta’ innoċenza li minnha tibbenefika din il-persuna tiġi kkonfutata matul proċedura ġudizzjarja li għandha tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

35      F’tali sitwazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju li għalih jagħmel riferiment il-punt 75 tas-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), jirreferi u jissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata lill-persuna rikjesta fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, isir permezz tas-sentenza definittiva.

36      Fil-fatt, l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja preċedenti li tiddeċiedi dwar il-ħtija tal-persuna rikjesta tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tippreżumi li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, tirriżulta minn proċedura nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-persuna suġġetta għal sentenza definittiva bbenefikat mill-garanziji kollha li huma speċifiċi għall-adozzjoni ta’ dan it-tip ta’ deċiżjoni, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali, imsemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

37      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 diġà jipprevedu proċedura konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, indipendentement mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas magħżula mill-Istati Membri (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 47).

38      Barra minn hekk, meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tiġi eżegwita piena, il-proporzjonalità tagħha tirriżulta mill-kundanna imposta, li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandha tikkonsisti f’piena jew f’ordni ta’ detenzjoni ta’ mill-inqas erba’ xhur.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata f’dan is-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tagħti l-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena lil awtorità li, filwaqt li tieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, ma tipprevedix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju separat kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li toħroġ tali mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tagħti l-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena lil awtorità li, filwaqt li tieħu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma tkunx hija stess qorti, ma tipprevedix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju separat kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li toħroġ tali mandat ta’ arrest Ewropew.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.