Language of document : ECLI:EU:C:2019:1069

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

[Test irrettifikat b’digriet tat-13 ta’ Frar 2020]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 101 TFUE – Kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju – Dritt għal kumpens ta’ persuni li ma joperawx bħala fornitur jew bħala xerrej fis-suq ikkonċernat mill-akkordju – Danni subiti minn organu pubbliku li jkun ta self b’kundizzjonijiet vantaġġużi għall-akkwist ta’ beni li jkunu s-suġġett tal-akkordju”

Fil-Kawża C‑435/18

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Otis GmbH,

Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH,

Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH,

Kone AG,

ThyssenKrupp Aufzüge GmbH

vs

Land Oberösterreich et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Otis GmbH, minn A. Ablasser‑Neuhuber u F. Neumayr, Rechtsanwälte,

–        għal Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH u Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH, minn A. Traugott u A. Lukaschek, Rechtsanwälte,

–        għal Kone AG, minn H. Wollmann, Rechtsanwalt,

–        għal ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, minn T. Kustor u A. Reidlinger, Rechtsanwälte,

–        [kif irrettifikat b’digriet tat-13 ta’ Frar 2020] għal-Land Oberösterreich, minn I. Innerhofer u R. Hoffer, Rechtsanwälte, kif ukoll minn S. Hinterdorfer, Rechtsanwaltsanwälter,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner u V. Strasser, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Otis GmbH, Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH u Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH (iktar ’il quddiem, dawn iż-żewġ kumpanniji tal-aħħar flimkien, “Schindler”), Kone AG kif ukoll ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar ’il quddiem “ThyssenKrupp”) u l-Land Oberösterreich (il-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija) kif ukoll erbatax‑il entità oħra fir-rigward tat-talba magħmula minn dawn tal-aħħar sabiex dawn il-ħames kumpanniji jiġu kkundannati jikkumpensawhom għad-dannu li huma sofrew minħabba akkordju bejniethom, bi ksur b’mod partikolari tal-Artikolu 101 TFUE.

 Id-dritt Awstrijak

3        L-Artikolu 1295(1) tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jipprovdi:

“Kull persuna għandha dritt titlob kumpens għal danni mingħand dak li jkun ikkawżalha tali dannu bi ħtija tiegħu; id-dannu jista’ jiġi kkawżat minn ksur ta’ obbligu kuntrattwali jew jista’ ma jkollux rabta ma’ kuntratt.”

4        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1311 tal-ABGB, min ikun “kiser liġi li tfittex li tevita d-danni fortuwiti” għandu jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        Fil-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq diversi impriżi multa għal ammont totali ta’ EUR 992 miljun minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom, minn tal-inqas mis-snin 80, f’akkordji li jikkonċernaw l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ liftijiet kif ukoll skalaturi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Diversi entitajiet tal-gruppi ta’ kumpanniji ta’ Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp kienu jagħmlu parti minn dawn l-impriżi.

6        Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li taġixxi bħala qorti tal-appell fil-qasam tad-dritt tal-akkordji, ikkonfermat id-digriet tal-Kartellgericht (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija), tal-14 ta’ Diċembru 2007, li permezz tagħha din tal-aħħar kienet imponiet multi fuq Otis, fuq Schindler u fuq Kone, kif ukoll fuq żewġ kumpanniji oħra minħabba l-aġir antikompetittiv tagħhom fl-Awstrija. ThyssenKrupp, minkejja li pparteċipat ma’ dawn il-kumpanniji kollha f’dan l-akkordju fis-suq Awstrijak (iktar ’il quddiem l-“akkordju inkwistjoni”), kienet madankollu għażlet li tixhed u bbenefikat, b’hekk, mill-programm ta’ klemenza previst mid-dritt Awstrijak.

7        L-akkordju inkwistjoni kellu l-għan li jiżgura, għall-impriża li tiġi ffavorita, prezz ogħla minn dak li kienet tkun tista’ tapplika f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni libera b’hekk ġiet distorta, bl-istess mod bħall-evoluzzjoni tal-prezzijiet meta mqabbla ma’ dik fin-nuqqas ta’ akkordju.

8        Permezz ta’ azzjoni mressqa fit-2 ta’ Frar 2010 quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-Land Oberösterreich u erbatax‑il entità oħra talbu li Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp jiġu kkundannati jikkumpensawhom għad-dannu li ġie kkawżat lilhom mill-akkordju inkwistjoni. B’differenza minn erbatax‑il entità oħra, il-Land Oberösterreich madankollu ma tallegax li sofriet dannu bħala xerrej, dirett jew indirett, tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni, iżda fil-kwalità tagħha ta’ entità pubblika li tagħti s-sussidji.

9        Insostenn tat-talba tagħha, il-Land Oberösterreich sostniet li, fil-kuntest tal-baġit tagħha allokat għall-promozzjoni tal-bini ta’ djar, hija tat, matul il-perijodu kkonċernat mill-akkordju inkwistjoni, b’mod partikolari, lil diversi persuni, skont dispożizzjonijiet legali ta’ għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ djar, self ta’ inċentiv intiż għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni, sa ċertu perċentwali tal-ispejjeż kollha ta’ kostruzzjoni. Il-benefiċjarji ta’ dan is-self b’hekk kellhom il-possibbiltà li jiffinanzjaw ruħhom b’mod iktar vantaġġuż minħabba r-rata ta’ interessi mitluba, li kienet inqas mir-rata ordinarja tas-suq. Il-Land Oberösterreich, essenzjalment, sostniet li l-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni ta’ liftijiet, inklużi dawk fl-ispejjeż globali tal-kostruzzjoni mħallsa mill-imsemmija benefiċjarji, kienu ogħla b’effett tal-akkordju inkwistjoni. Dan kien ikollu bħala konsegwenza li jobbliga lil din l-entità tagħti ammonti ogħla. Kieku l-akkordju inkwistjoni ma kienx eżista, il-Land Oberösterreich kienet tagħti self iżgħar u kienet tinvesti d-differenza bir-rata ta’ interessi medja tas-self tal-Istat Federali.

10      Huwa abbażi ta’ dawn il-motivi li l-Land Oberösterreich talbet il-kundanna ta’ Otis, ta’ Schindler, ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp għall-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi speċifikament għal dan it-telf ta’ interessi, flimkien mal-interessi.

11      Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Settembru 2016, ċaħdet it-talba tal-Land Oberösterreich. Skont din il-qorti, din tal-aħħar ma hijiex operatur attiv fis-suq tal-liftijiet u tal-iskalaturi u għalhekk sofriet dannu indirett li ma jistax jagħti lok, bħala tali, għal kumpens.

12      Il-qorti tal-appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna), permezz ta’ digriet tas-27 ta’ April 2017, annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid. Il-qorti tal-appell qieset li l-projbizzjoni tal-akkordji sservi wkoll sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ dawk li jkollhom isostnu l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-distorsjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq. L-organi rregolati mid-dritt pubbliku, li jikkontribwixxu b’mod mifrux sabiex jirrendu possibbli t-twettiq ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni, billi joffru sussidji f’qafas istituzzjonalizzat, bħal-Land Oberösterreich, huma parti minnhom. Dawn l-organi b’hekk huma l-oriġini ta’ parti mhux negliġibbli tad-domanda preżenti fis-suq tal-liftijiet u tal-iskalaturi, li lilhom il-ħames kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħu jbigħu s-servizzi tagħhom bi prezzijiet ogħla minħabba l-akkordju inkwistjoni.

13      Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp ressqu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) kontra d-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna).

14      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-kriterji tad-dritt Awstrijak, id-dannu invokat mil-Land Oberösterreich ma għandux rabta suffiċjenti mal-għan ta’ projbizzjoni tal-ftehimiet kollużorji, li huwa li tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat bl-akkordju inkwistjoni.

15      Din il-qorti tesponi f’dan ir-rigward li, fid-dritt Awstrijak, id-danni purament patrimonjali, li jikkonsistu fi preġudizzju għall-patrimonju tal-vittma li jkun seħħ mingħajr ma jkun hemm preġudizzju għall-beni jew għal valur legalment protett b’mod assolut, ma jibbenefikawx, lil hinn minn relazzjoni kuntrattwali, minn protezzjoni assoluta. Tali preġudizzji għall-patrimonju jistgħu jiġu kkumpensati biss meta l-illegalità tal-aġir dannuż tirriżulta mill-ordinament ġuridiku, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur ta’ regoli protettivi, peress li tali regoli huma projbizzjonijiet astratti, intiżi li jipproteġu kategorija ta’ persuni kontra l-preġudizzju għal oġġetti jew għal valuri legalment protetti. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà teżiġi li jkun hemm dannu li r-regola miksura tkun riedet preċiżament tipprekludi. L-awtur tad-dannu jkun responsabbli biss għad-danni li jimmanifestaw ruħhom bħala twettiq tal-perikolu li fir-rigward tiegħu ċertu aġir ikollu jiġi evitat jew ikun ipprojbit. Dannu ma jagħtix lok għal kumpens meta jseħħ minħabba effett kollaterali, fi sfera ta’ interessi li ma tkunx protetta mill-projbizzjoni stabbilita fir-regola protettiva li ma tkunx ġiet osservata.

16      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 101 TFUE huwa intiż li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern u, b’hekk, il-prezzijiet stabbiliti mill-kompetizzjoni ħielsa. B’hekk, hija tal-fehma li l-kamp ta’ protezzjoni personali tal-projbizzjoni tal-akkordji jestendi għall-fornituri u x-xerrejja kollha li jkunu jinsabu fis-swieq li jkunu materjalment u ġeografikament ikkonċernati minn akkordju. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tagħha, organi rregolati mid-dritt pubbliku li jippermettu, permezz ta’ sussidji, lil ċerti gruppi ta’ xerrejja jakkwistaw iktar faċilment il-prodott li jkun is-suġġett tal-akkordju ma humiex operaturi diretti tas-suq, anki jekk parti sostanzjali tal-attività ta’ dan il-kuntratt ma tkunx possibbli ħlief bl-effett ta’ dawn is-sussidji. Issa, tali dannu ma għandux rabta suffiċjenti mal-għan tal-projbizzjoni tal-ftehim kollużorju, intiż li tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-akkordju.

17      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija neċessarja rabta kawżali bejn id-dannu u l-aġir antikompetittiv. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, inklużi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”, taqa’ fuq l-Istati Membri, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effett utli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi evitat li d-dritt nazzjonali jirrendi l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

18      Barra minn hekk, din il-qorti tindika li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni li din tal-aħħar tqajjem hija dik li jsir magħruf jekk il-prinċipju li kull wieħed jista’ jaġixxi kontra membru ta’ akkordju sabiex jikseb kumpens għad-dannu li jkun bata japplikax ukoll għal persuni, minn naħa, li, anki jekk ikunu ta’ importanza essenzjali għall-funzjonament tas-suq ikkonċernat, ma jaġixxux fih bħala fornitur jew xerrej u, min-naħa l-oħra, li d-dannu subit minnhom ikun biss ir-riżultat tad-dannu subit minn terz direttament ikkonċernat.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 85 tat-Trattat KEE, 81 KE u 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jinżamm l-effett utli sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-effettività prattika tal-projbizzjoni li tirriżulta minnhom, il-membri tal-akkordju għandhom ukoll ikunu jistgħu jintalbu jħallsu kumpens għad-danni minn persuni li la huma attivi bħala fornituri u lanqas bħala xerrejja fis-suq materjalment u ġeografikament rilevanti kkonċernat minn akkordju iżda li jagħtu għajnuna f’kuntest legali taħt il-forma ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli lil xerrejja ta’ prodotti offruti fis-suq ikkonċernat mill-akkordju u li d-dannu tagħhom jikkonsisti fil-fatt li s-somma mislufa kienet ogħla, bħala perċentwali tal-ispejjeż tal-prodott, minn dik li kienet tkun fl-assenza ta’ ftehim kollużorju, peress li huma ma setgħux jinvestu dawn l-ammonti bi profitt?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li ma joperawx bħala fornitur jew bħala xerrej fis-suq ikkonċernat minn akkordju, iżda li jkunu taw sussidji, fil-forma ta’ self bħala inċentiv, lil xerrejja ta’ prodotti offruti f’dan is-suq, jistgħu jitolbu l-kundanna tal-impriżi li jkunu pparteċipaw f’dan l-akkordju għall-kumpens tad-dannu li huma jkunu sofrew għar-raġuni li, peress li l-ammont ta’ dawn is-sussidji kien ogħla milli kieku kien ikun fl-assenza tal-imsemmi akkordju, dawn il-persuni ma setgħux jużaw din id-differenza għal skopijiet oħra iktar ta’ lukru.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-partijiet f’kawża li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 23, u tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      L-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jitqiegħdu fid-dubju jekk ma jkunx possibbli, għal kull persuna, li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu subit meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 61, u tal-14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu jsaħħaħ, fil-fatt, in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-akkordji jew prattiki, ta’ spiss moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan ir-rigward, u speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għaldaqstant, id-dritt tal-Istati Membri għandu, b’mod partikolari, jieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-Artikolu 101 TFUE, li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern u, b’dan il-mod, prezzijiet iffissati skont is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni libera. Huwa sabiex jiġi żgurat dan l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li r-regoli nazzjonali għandhom jagħtu lil kull persuna d-dritt li titlob kumpens għad-dannu subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, li kemm il-garanzija tal-effikaċja sħiħa u l-effett utli tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll il-protezzjoni effettiva kontra l-konsegwenzi dannużi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunu serjament kompromessi jekk il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju tkun limitata għall-fornituri u għax-xerrejja tas-suq ikkonċernat mill-akkordju. Fil-fatt, dan iċaħħad mill-bidu nett u b’mod sistematiku lill-vittmi potenzjali mill-possibbiltà li jitolbu kumpens.

28      Fil-kawża prinċipali, il-Land Oberösterreich ma tallegax li sofriet dannu bħala xerrej tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni, iżda fil-kwalità tagħha ta’ organu pubbliku li jagħti sussidji. Fil-fatt, hija tagħti lil terzi self ta’ inċentiv b’rata ta’ interessi inqas għolja mir-rata ta’ interessi tas-suq. Peress li l-ammont tas-self huwa marbut mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni, il-Land Oberösterreich tqis li sofriet dannu, peress li l-ammont tas-self — u, konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna finanzjarja li hija tat b’rata ta’ interessi privileġġata — kien ogħla minn dak li kien jingħata fin-nuqqas ta’ akkordju.

29      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, essenzjalment, id-dritt tal-Land Oberösterreich li titlob kumpens għad-dannu li hija tqis li ġarrbet, minħabba li dan tal-aħħar ma għandux rabta suffiċjenti mal-għan ta’ protezzjoni mfittex mill-Artikolu 101 TFUE u għalhekk ma jistax jagħti lok għal kumpens.

30      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 25, 26 u 27 ta’ din is-sentenza, kull dannu li għandu rabta kawżali ma’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandu jkun jista’ jagħti lok għal kumpens sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE u sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

31      Taħt piena li l-parteċipanti f’akkordju ma jkunux obbligati li jipprovdu kumpens għad-danni kollha li setgħu kkawżaw, ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osservat, essenzjalment, fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-dannu mġarrab mill-persuna kkonċernata jkollu, barra minn hekk, rabta speċifika mal-“għan ta’ protezzjoni” mfittex mill-Artikolu 101 TFUE.

32      Konsegwentement, persuni li ma joperawx bħala fornitur u lanqas bħala xerrej fis-suq ikkonċernat mill-akkordju għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-fatt li, minħabba dan l-akkordju, huma kellhom jagħtu sussidji ikbar milli kieku dan l-akkordju ma kienx eżista u li, għaldaqstant, ma setgħux ipoġġu din id-differenza f’investimenti li jkunu iktar ta’ lukru.

33      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, il-Land Oberösterreich batietx konkretament tali dannu, billi tivverifika, b’mod partikolari, jekk din l-awtorità kellhiex jew le l-possibbiltà li tagħmel investimenti li jkunu iktar ta’ lukru, u, jekk iva, jekk din l-awtorità tressaqx il-provi neċessarji tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-akkordju inkwistjoni.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li ma joperawx bħala fornitur jew bħala xerrej fis-suq ikkonċernat minn akkordju, iżda li jkunu taw sussidji, fil-forma ta’ self bħala inċentiv, lil xerrejja ta’ prodotti offruti f’dan is-suq, jistgħu jitolbu l-kundanna tal-impriżi li jkunu pparteċipaw f’dan l-akkordju għall-kumpens tad-dannu li huma jkunu ġarrbu għar-raġuni li, peress li l-ammont ta’ dawn is-sussidji kien ogħla milli kien ikun fl-assenza tal-imsemmi akkordju, dawn il-persuni ma setgħux jużaw din id-differenza għal skopijiet oħra iktar ta’ lukru.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li ma joperawx bħala fornitur jew bħala xerrej fis-suq ikkonċernat minn akkordju, iżda li jkunu taw sussidji, fil-forma ta’ self bħala inċentiv, lil xerrejja ta’ prodotti offruti f’dan is-suq, jistgħu jitolbu l-kundanna tal-impriżi li jkunu pparteċipaw f’dan l-akkordju għall-kumpens tad-dannu li huma jkunu ġarrbu għar-raġuni li, peress li l-ammont ta’ dawn is-sussidji kien ogħla milli kien ikun fl-assenza tal-imsemmi akkordju, dawn il-persuni ma setgħux jużaw din id-differenza għal skopijiet oħra iktar ta’ lukru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.